12008E191

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU XX: L-AMBJENT - Artikolu 191 (ex Artikolu 174 TKE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0132 - 0133


Artikolu 191

(ex Artikolu 174 TKE)

1. Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

- Is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent;

- il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

- l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

- il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

2. Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta' protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’armonizzazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta' protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawsola ta' salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta' monitoraġġ mill-Unjoni.

3. Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni:

- dati xjentifiċi u tekniċi eżistenti;

- l-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti ta' l-Unjoni;

- il-vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni;

- l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.

4. Fil-qafas ta' l-isferi ta' kompetenza rispettiva tagħhom tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' pajjizi terzi u mal-organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti. L-arranġamenti dwar il-koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ftehim bejn l-Unjoni u t-terzi involuti.

Is-subparagrafu preċedenti m’għanduxjippreġudika il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

--------------------------------------------------