European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1390

22.6.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1390

tat-22 ta’ Ġunju 2026

li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/423/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK.

(2)

Fit-28 ta’ April 2026, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1591(2005) tal-KSNU (il-“Kumitat tal-KSNU”) żied erba’ persuni mal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Fis-7 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2026/1049 (2) li żżid tlieta mill-persuni elenkati mill-Kumitat tal-KSNU fit-28 ta’ April 2026 mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK.

(4)

Jenħtieġ li l-persuna li jifdal elenkata mill-Kumitat tal-KSNU fit-28 ta’ April 2026 tiżdied ukoll mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/450/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)   ĠU L 203, 11.7.2014, p. 106, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/450/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1049 tas-7 ta’ Mejju 2026 li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan (ĠU L, 2026/1049, 7.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1049/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK, tiżdied l-entrata li ġejja:

“14.

DAGALO, Al-Goney Hamdan

Psewdonimu: (a) Algoney Hamdan; (b) Al-Qoni Hamdan.

Deżinjazzjoni: Direttur tar-Rapid Support Forces.

Data tat-twelid: 7 ta’ Awwissu 1990.

Post tat-twelid: Nayala North, Sudan.

Indirizz: Dubai, United Arab Emirates.

Nazzjonalità: Sudaniża.

Sess: Raġel.

Passaport: (a) Numru tas-Sudan B00017334; (b) Numru tas-Sudan B00024943 (Jiskadi fis-27 ta’ Settembru 2031); (c) Numru tal-Kenja AK1586127.

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: United Arab Emirates 784199014302485.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta’ April 2026.

Raġuni għall-elenkar:

Al-Goney Hamdan Dagalo ġie elenkat fit-28 ta’ April 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591 (2005).

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Al-Goney Hamdan Dagalo (Al-Goney) qed jiġi ddeżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà ta’ Darfur.

Al-Goney huwa d-direttur tal-akkwist tar-Rapid Support Forces (RSF) u ħu Mohammed Hamdan ‘Hemedti’ Dagalo, il-mexxej tal-RSF. Al-Goney estenda din il-gwerra billi mexxa l-isforzi tal-RSF biex jakkwista armi u materjal militari. Billi jforni l-armi lill-RSF, l-azzjonijiet tiegħu kkontribwew direttament għall-assedju kontinwu tal-RSF ta’ El Fasher fit-Tramuntana ta’ Darfur, belt ta’ kważi żewġ miljun persuna ċivili vulnerabbli, u l-operazzjonijiet tal-RSF fi bnadi oħra fis-Sudan.

Al-Goney ikkontrolla l-kumpanija faċċata tal-RSF Tradive General Trading, li importat vetturi lejn is-Sudan f’isem l-RSF.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1390/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)