KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑2 ta’ Frar 2023 ( 1 )
Kawża C‑833/21
Endesa Generación SA
vs
Tribunal Económico xvAdministrativo Central
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku – Artikolu 14(1)(a) – Eżenzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u ta’ elettriku -użati għall-produzzjoni tal-elettriku kif ukoll tal-elettriku użat għaż-żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku – Possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw minn din l-eżenzjoni għal ‘raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent’ – Taxxa nazzjonali fuq il-faħam użat għall-produzzjoni ta’ elettriku – Għanijiet tal-politika ambjentali – Kriterji ta’ evalwazzjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE ( 2 ), dwar it-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku jipprovdi, l-eżenzjoni mit-tassazzjoni għall-prodotti ta’ enerġija kif ukoll elettriku użati biex jiġi prodott l-elettriku u kif ukoll l-elettriku użat biex tinżamm il-kapaċità li jiġi prodott elettriku. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li, b’deroga, l-Istati Membri jistgħu jintaxxaw dawn il-prodotti għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u mingħajr ma jkollhom josservaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-direttiva. |
|
2. |
Taħt liema kundizzjonijiet it-tassazzjoni tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku, kif prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ titqies li ġiet introdotta “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja). |
|
3. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Endesa Generación SA (iktar ’il quddiem “Endesa”) u t-Tribunal Económico Administrativo Central (il-Qorti Fiskali Ċentrali, Spanja) dwar valutazzjoni tat-taxxa dwar l-applikazzjoni tat-taxxa Spanjola fuq il-faħam fir-rigward tal-faħam użat minn impjant ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 2003/96
|
4. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi: “Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.” |
|
5. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi illi: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti: […]
[…] 5. Referenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi ta’ nomenklatura magħquda għandhom ikunu għal dawk tar-Regolazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jbiddel Annex I tar-Regulazzjoni tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 fuq it-tariffa u nomenklatura ta l-istatistika u fuq it-tariffa doganali komuni [ ( 4 )]. […]” |
|
6. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistipula illi: “1. Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva. 2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva ‘livell ta’ tassazzjoni’ huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief [it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT)]) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.” |
|
7. |
L-Artikolu 10 tal-istess direttiva jaqra kif ġej: “1. B’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2004, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli fuq elettriku għandhom jiġu ffissati skond Annex I Tabella C. 2. ’Il fuq mill-livelli minimi ta’ tassazzjoni li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1, Stati Membri ikollhom l-għażla li jiddeċiedu l-bażi tat-taxxa applikabbli jekk kemm-il darba huma jirrispettaw Direttiva 92/12/KEE [ ( 5 )].” |
|
8. |
L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi illi: “Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva [92/12] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:
|
2. Id‑Direttiva 2008/118/KE
|
9. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/118/KE ( 6 ) li, skont l-Artikolu 47 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 92/12 b’effett mill‑1 ta’ April 2010, jistabbilixxi li: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet. 3. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi fuq:
[…] Madankollu, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-impożizzjoni ta’ tali taxxi ma tistax tirriżulta f’formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri.” |
B. Id‑dritt Spanjol
|
10. |
La Ley 22/2005 por la que se incorporan al ordenamiento jurídico español diversas directivas comunitarias en materia de fiscalidad de productos energéticos y electricidad y del régimen fiscal común aplicable a las sociedades matrices y filiales de estados miembros diferentes, y se regula el régimen fiscal de las aportaciones transfronterizas a fondos de pensiones en el ámbito de la Unión Europea (il-Liġi 22/2005 li Tittrasponi fl-Ordinament Ġuridiku Spanjol Diversi Direttivi Komunitarji dwar it-Tassazzjoni ta’ Prodotti ta’ Enerġija u Elettriku u dwar is-Sistema Fiskali Komuni Applikabbli għal Kumpanniji Omm u Sussidjarji Stabbiliti fi Stati Membri Differenti, u li Tirregola s-Sistema Fiskali tal-Kontribuzzjonijiet Transkonfinali għall-Fondi tal-Pensjoni fil-Qafas tal-Unjoni Ewropea), tat‑18 ta’ Novembru 2005 ( 7 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 22/2005”), introduċiet fi Spanja taxxa fuq il-faħam (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq il-faħam”). Għal dan il-għan, il-Ley 38/1992 de Impuestos Especiales (il-Liġi 38/1992 dwar Taxxi Speċjali), tat‑28 ta’ Diċembru 1992 ( 8 ), ġiet emendata bl-introduzzjoni ta’ Titolu III, bit-titolu “Dazji tas-sisa fuq il-faħam”, li jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 75 sa 84 ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem il-“Liġi 38/1992”). |
|
11. |
L-Artikolu 75(1) tal-Liġi 38/1992 jistabbilixxi: “Għall-iskopijiet ta’ din it-taxxa, il-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet 2701, 2702, 2704, 2708, 2713 u 2714 tan-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 għandhom jitqiesu bħala faħam ( 9 ) […]” |
|
12. |
L-Artikolu 77(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Ir-rilaxx għall-konsum tal-faħam fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu huwa suġġett għad-dazju tas-sisa.” |
|
13. |
L-Artikolu 79(3)(a) ta’ din il-liġi jipprovdi: “Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu r-rilaxx għall-konsum tal-faħam fejn jinvolvu l-użu tal-faħam għall-finijiet li ġejjin huma eżentati mid-dazju tas-sisa:
|
|
14. |
L-Artikolu 83(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “L-ammont taxxabbli tad-dazju tas-sisa huwa l-effiċjenza enerġetika tal-faħam li huwa s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, espressi f’gigajoules.” |
|
15. |
L-Artikolu 84 tal-Liġi 38/1992 jistabbilixxi: “Ir-rata tad-dazju tas-sisa hija ta’ EUR 0.15 għal kull gigajoule.” |
|
16. |
Il-Liġi 38/1992 ġiet emendata bil-Ley 15/2012 de medidas fiscales para la sostenibilidad energética (il-Liġi 15/2012 dwar Miżuri Fiskali għall-Użu Sostenibbli tal-Enerġija), tas‑27 ta’ Diċembru 2012 ( 10 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 15/2012”). Skont il-preambolu ta’ din l-aħħar liġi: “I) L-għan ta’ din il-liġi huwa li tarmonizza s-sistema fiskali tagħna b’użu [tal-enerġija] iktar effiċjenti u favur l-ambjent u sostenibbli li huma l-valuri sottostanti għal din ir-riforma tat-taxxa, u b’hekk l-imsemmija sistema tkun konformi mal-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-politika fiskali, enerġetika u, ovvjament, ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Fis-soċjetà tal-lum, l-influwenza dejjem iktar importanti tal-produzzjoni u tal-konsum tal-enerġija fuq is-sostenibbiltà ambjentali teħtieġ qafas normattiv u regolatorju li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tal-mudell tal-enerġija għall-aġenti kollha u li, barra minn hekk, jikkontribwixxi sabiex jinżamm il-wirt ambjentali sinjur tagħna. Din il-liġi hija essenzjalment ibbażata fuq l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni, li jistabbilixxi l-protezzjoni tal-ambjent tagħna bħala wieħed mill-prinċipji gwida tal-politiki soċjali u ekonomiċi. Għalhekk, wieħed mill-assi ta’ din ir-riforma tat-taxxa huwa l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-enerġija elettrika u mill-ħażna ta’ fjuwil nukleari użat u skart radjoattiv. Din il-liġi għandha għalhekk isservi bħala stimolu biex jittejbu l-livelli tal-effiċjenza fl-enerġija tagħna, filwaqt li tiġi żgurata ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali u jkompli jsir progress fil-mudell il-ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Din ir-riforma tikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tal-politiki ambjentali fis-sistema fiskali tagħna, li tippermetti kemm imposti ambjentali speċifiċi kif ukoll il-possibbiltà li l-fattur ambjentali jiġi inkorporat f’imposti oħra li kienu jeżistu minn qabel. Il-valuri u l-għanijiet sottostanti għal din il-liġi huma maħsuba biex ikunu transversali u għalhekk għandhom ikunu assi essenzjali tal-koerenza tal-miżuri settorjali, b’mod partikolari meta jaffettwaw is-settur tal-enerġija, li huwa ta’ tali importanza ekonomika u ambjentali għall-pajjiż. Għal dan il-għan, din il-liġi tintroduċi tliet taxxi ġodda: it-taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika, it-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ fjuwil nukleari użat u fuq l-iskart radjoattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika nukleari, u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ fjuwil nukleari użat u ta’ skart radjoattiv f’installazzjonijiet iċċentralizzati. Dan joħloq tariffa fuq l-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika. Hija temenda r-rati tat-taxxa għall-gass naturali u għall-faħam, billi tneħħi wkoll l-eżenzjonijiet għall-prodotti tal-enerġija użati fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika u fil-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana utli. […] IV) […] [I]l-liġi tirrevedi t-trattament fiskali applikabbli għad-diversi prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku. L-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-fjuwils fossili huma sorsi ewlenin ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għalhekk mil-lat tat-taxxa, tqies li din il-forma ta’ produzzjoni tal-elettriku kellha tiġi ntaxxata b’mod iktar xieraq, skont l-esternalitajiet li tipproduċi. Fuq din il-bażi, ċerti eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(2)(c) u fl-Artikolu 79(3)(a) tal-Liġi 38/1992 huma mħassra, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva [2003/96], li jippermetti lill-Istati Membri jintaxxaw għal dawk il-finijiet prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku, u l-Artikolu 15(1)(c) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-ġenerazzjoni flimkien tas-sħana u tal-enerġija. Bl-istess mod, sabiex jiġi applikat trattament simili għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija fossili, tiżdied ir-rata ta’ tassazzjoni tal-faħam u, fl-istess ħin, jiġu introdotti rati speċifiċi fuq iż-żjut karburanti u n-nafta maħsuba għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika jew għall-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana utli. […]” |
|
17. |
Il-Liġi 15/2012 għalhekk ħassret l-Artikolu 79(3)(a) tal-Liġi 38/1992 u emendat l-Artikolu 84 ta’ din il-liġi kif ġej: “Ir-rata tad-dazju tas-sisa hija stabbilita għal EUR 0.65 għal kull gigajoule.” ( 11 ) |
|
18. |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Liġi 15/2012 żammet l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-idrokarburi fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija, jew il-produzzjoni tal-elettriku jew il-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, f’impjanti tal-enerġija kkumbinati għall-kombustibbli inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, fejn dawn jinkludu l-gass naturali u d-diżil ( 12 ). Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-preambolu tagħha, din il-liġi ħolqot tliet taxxi ġodda, jiġifieri t-taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika, it-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ fjuwil nukleari użat u fuq l-iskart radjoattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika nukleari, u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ fjuwil nukleari użat u skart radjoattiv f’installazzjonijiet iċċentralizzati. |
|
19. |
It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2012, intitolata “Spejjeż tas-sistema tal-elettriku”, kienet tgħid dan li ġej: “Kull sena, il-liġijiet ġenerali dwar il-finanzi tal-Istat jallokaw għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku previsti fl-Artikolu 16 tal-Ley 54/1997 del Sector Eléctrico (il-Liġi 54/1997 dwar is-Settur tal-Elettriku) tas‑27 ta’ Novembru 1997 ( 13 ), ammont ekwivalenti għas-somma ta’:
|
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
20. |
Endesa hija impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika billi tikkonsma, b’mod partikolari, il-faħam. Hija takkwista dan tal-aħħar permezz ta’ kumpannija affiljata, jiġifieri Carboex SA, li, għal finijiet ta’ taxxa, iddikjarat li hija tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-faħam fir-rigward ta’ lottijiet ta’ faħam mixtrija li huma intiżi għall-bejgħ mill-ġdid, konsum li jikkostitwixxi l-fatt taxxabbli għal din it-taxxa. |
|
21. |
Wara spezzjoni fiskali fir-rigward tas-sena finanzjarja 2013 dwar l-impjant tal-enerġija termali Litoral de Almería (Spanja), li jappartjeni lil Endesa, l-Awtorità tat-Taxxa kkunsidrat li l-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-faħam kellha tiġi ddeterminata abbażi tal-valur kalorifiku ogħla tal-faħam, irrispettivament mill-enerġija effettivament użata għall-produzzjoni tal-elettriku. Hija sostniet li l-lottijiet tal-faħam ikkonċernati kienu ġew akkwistati minn Endesa għall-konsum għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku, li kellu l-effett li jwettaq il-fatt taxxabbli u li jagħmel din it-taxxa dovuta. Barra minn hekk, twettqet verifika tal-obbligi formali tad-dikjarazzjoni tal-istokkijiet. Konsegwentement, l-Awtorità tat-Taxxa għamlet valutazzjoni tat-taxxa kontra Endesa li tiffissa żieda fit-tassazzjoni, flimkien mal-interessi moratorji għall-ammonti li kienu għadhom dovuti. |
|
22. |
Fis‑7 ta’ April 2016, Endesa ressqet ilment amministrattiv quddiem it-Tribunal Económico Administrativo Central (il-Qorti Fiskali Ċentrali), fejn ikkontestat, fl-ewwel lok, id-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-faħam abbażi tal-valur kalorifiku ogħla tal-faħam, it-tieni, it-tassazzjoni ta’ 268 717.98 tunnellati ta’ faħam li Carboex kienet iddikjarat eżentati għas-sena 2011 minħabba li dawn kienu intiżi għall-bejgħ mill-ġdid u mbagħad intużaw minn Endesa għall-produzzjoni tal-elettriku, it-tielet, id-determinazzjoni tal-istokkijiet fil-kontabbiltà fil‑31 ta’ Diċembru 2012 u, ir-raba’, il-konformità ta’ din it-taxxa mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-konsum intiż għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika. |
|
23. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2019, it-Tribunal Económico Administrativo Central (il-Qorti Fiskali Ċentrali) iddeċidiet li ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur kalorifiku inferjuri tal-faħam fid-determinazzjoni tal-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-faħam. Hija osservat li l-intaxxar tal-lottijiet tal-faħam iddikjarati preċedentament li huma eżentati mit-taxxa fuq il-faħam minħabba li kienu intiżi għall-bejgħ mill-ġdid ma kienx jikkostitwixxi taxxa doppja, peress li x-xerrej kellu l-intenzjoni li jużahom għall-konsum proprju għall-produzzjoni tal-elettriku, li kien jikkostitwixxi l-fatt taxxabbli għal din it-taxxa. Dik il-qorti kkunsidrat ukoll li l-allegat żball fid-dikjarazzjoni tal-istokkijiet tal-faħam ma kienx intwera. Barra minn hekk, hija ma ddeċidietx dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-Liġi 15/2012, li neħħiet l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-faħam għall-konsum tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku. |
|
24. |
Endesa ppreżentat rikors kontenzjuż amministrattiv quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali), il-qorti tar-rinviju, kontra din id-deċiżjoni tat-Tribunal Económico Administrativo Central (il-Qorti Fiskali Ċentrali), fejn qajmet ilmenti identiċi għal dawk li hija kienet invokat quddiem din il-qorti u talbet li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja titressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjoni tal-Liġi 15/2012 li tħassar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-faħam li jkun għall-konsum ta’ faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku. |
|
25. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li waslet għall-konklużjoni li, għalkemm il-leġiżlazzjoni Spanjola tiffissa rata ta’ dazju tas-sisa bbażata fuq l-enerġija termali ġġenerata mill-konsum tal-faħam, imkejla f’gigajoules, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-enerġija effettivament użata għall-produzzjoni tal-elettriku. Barra minn hekk, il-fatt taxxabbli għat-taxxa fuq il-faħam iseħħ meta l-kumpannija kkonċernata takkwista l-faħam mill-kumpannija affiljata tagħha sabiex tużaha biex tipproduċi l-elettriku. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ żball fid-dikjarazzjoni tal-istokkijiet. |
|
26. |
Għaldaqstant, skont din il-qorti, it-talbiet ta’ Endesa li ma tħallasx l-ammont likwidat tat-taxxa fuq il-faħam jistgħu jiġu ssodisfatti biss billi tiġi kkontestata l-konformità ta’ din it-taxxa, li hija imposta fuq il-konsum tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku, bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tirristruttura s-sistema ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija taxxa ma għandhiex għan ambjentali fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni hija għalhekk inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u għandha tiġi eskluża, li jċaħħad l- valutazzjoni tat-taxxa kkonċernata minn bażi legali. |
|
27. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar il-konformità tat-tassazzjoni tal-konsum tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku mad-Direttiva 2003/96 minħabba li, sabiex taxxa jkollha għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, hija ma jistax ikollha għan esklużivament baġitarju, jiġifieri dak tal-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku Spanjola. Dan l-għan baġitarju jirriżulta mill-fatt li t-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2012 tipprevedi espressament li ammont ekwivalenti għas-somma tal-ammonti stmati miġbura kull sena dovuti lill-Istat fir-rigward tal-imposti u tat-tariffi inklużi f’din il-liġi huwa allokat mil-liġijiet tal-finanzi ġenerali tal-Istat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku. |
|
28. |
Barra minn hekk, l-istruttura tat-taxxa fuq il-faħam ma tirriflettix l-għan ambjentali mħabbar fil-preambolu tal-Liġi 15/2012 u d-dħul minn din it-taxxa ma huwiex intiż li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku. Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-użu għal dan il-għan ta’ prodott tal-enerġija li jniġġes ħafna huwa ntaxxat ma jidhirx li jissodisfa r-rekwiżit li taxxa għandha ssegwi skop speċifiku, peress li huwa suq marġinalista għall-ipprezzar tas-suq tal-elettriku u li l-impjanti tal-enerġija termali li jaħdmu bil-faħam ma humiex esklużi mir-remunerazzjoni għall-attività tal-produzzjoni tal-elettriku, li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja tagħhom. |
|
29. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
30. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Endesa, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Analiżi
|
31. |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku tissodisfa l-kundizzjoni li t-taxxa għandha tiġi introdotta “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]” meta, fil-każ fejn il-leġiżlatur nazzjonali invoka l-iskop ta’ protezzjoni tal-ambjent għall-adozzjoni ta’ din it-taxxa, skop ambjentali ma huwiex integrat fl-istruttura ta’ din it-taxxa, li r-rata tagħha hija ffissata abbażi tal-valur kalorifiku tal-faħam, id-dħul mill-istess taxxa huwa allokat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema nazzjonali tal-elettriku u l-użu ta’ prodotti oħra tal-enerġija kkunsidrati inqas dannużi għall-ambjent ma huwiex intaxxat. |
|
32. |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandha, preliminarjament, titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tal-Istati Membri li jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku skont id-Direttiva 2003/96. |
|
33. |
F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-karburanti, il-kombustibbli u l-elettriku, billi jiġu applikati fuqhom livelli ta’ tassazzjoni li ma jistgħux ikunu inqas mil-livelli minimi stabbiliti fiha ( 15 ). L-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-livell ta’ tassazzjoni li l-Istati Membri japplikaw għall-prodotti kkonċernati bħala l-ammont totali ta’ taxxi indiretti (eskluża l-VAT) imposta, ikkalkolati direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku fil-mument tar-rilaxx għall-konsum. |
|
34. |
Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tipprevedi sistema armonizzata ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku, id-Direttiva 2003/96 għandha l-għan li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, filwaqt li tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ( 16 ). Għal dan il-għan, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paġna 5 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-qafas Komunitarju dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija ( 17 ), illi jimponi fuq l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, it-tassazzjoni tal-elettriku mqassam, il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tiegħu għandhom, b’mod korrispondenti, ikunu eżentati mit-tassazzjoni, bil-għan li tiġi evitata t-taxxa doppja tal-elettriku ( 18 ). |
|
35. |
Għalhekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva tipprevedi illi l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku użati, b’mod partikolari, sabiex jipproduċu l-elettriku ( 19 ). Peress li l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi b’mod limitattiv l-eżenzjonijiet obbligatorji imposti fuq l-Istati Membri fil-kuntest tat-tassazzjoni fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod wiesa’, mingħajr ma jċaħħdu t-tassazzjoni armonizzata stabbilita minn din id-direttiva minn kull effett utli ( 20 ). |
|
36. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn timponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni obbligatorja ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku, tistabbilixxi obbligu preċiż u inkundizzjonat, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tagħti lill-individwi d-dritt li jinvokawha direttament quddiem il-qrati nazzjonali ( 21 ). |
|
37. |
Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/96 hija intiża wkoll sabiex tinkoraġġixxi għanijiet tal-politika ambjentali ( 22 ). Dawn l-għanijiet huma riflessi fis-setgħa mogħtija lill-Istati Membri biex jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku. F’dan ir-rigward, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mis-sistema ta’ eżenzjoni obbligatorja stabbilita minn din id-direttiva, huwa pprevediha espressament, b’mod partikolari fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li huma jistgħu jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]” ( 23 ). Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/96 ma teskludi l-ebda riskju ta’ taxxa doppja ( 24 ), peress li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jżidu mat-taxxa fuq l-elettriku taxxa addizzjonali fuq il-kombustibbli mhux mixtieqa mill-perspettiva tal-ambjent ( 25 ). Madankollu, b’mod parallel mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi interpretata b’mod wiesa’, mingħajr ma ċċaħħad it-taxxa armonizzata stabbilita minn din id-direttiva minn kull effett utli. |
|
38. |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Liġi 22/2005, li ttrasponiet id-Direttiva 2003/96 fl-ordinament ġuridiku Spanjol, introduċiet it-taxxa fuq il-faħam. Għal dan il-għan, il-Liġi 38/1992, kif emendata, kienet tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 79(2) tagħha, li t-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu r-rilaxx għall-konsum tal-faħam kienu eżentati mid-dazju tas-sisa meta jinvolvu l-użu tal-faħam għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-produzzjoni tal-elettriku u tal-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana. Din id-dispożizzjoni tħassret bil-Liġi 15/2012, li invokat raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali, bil-konsegwenza li t-taxxa fuq il-faħam saret applikabbli għall-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku u għall-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana. Barra minn hekk, il-Liġi 15/2012 żiedet l-ammont tat-taxxa fuq il-faħam minn EUR 0.15 għal EUR 0.65 għal kull gigajoule. |
|
39. |
F’dan is-sens, kif dan jissemma espressament fil-preambolu tal-Liġi 15/2012, ir-Renju ta’ Spanja kellu l-intenzjoni li jimplimenta l-possibbiltà prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, bil-għan li jintroduċi, b’deroga mis-sistema ta’ eżenzjoni stabbilita mill-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, sistema ta’ tassazzjoni “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]” fir-rigward tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku. Dan l-Istat Membru għalhekk ippreveda taxxa doppja tal-elettriku, jiġifieri, minn naħa, il-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, l-elettriku mqassam. |
|
40. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-faħam għall-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku hijiex konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 sa fejn din it-taxxa ġiet effettivament introdotta għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent. F’dan ir-rigward, din il-qorti rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, għal finijiet speċifiċi, jimponu taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għas-sisa, sakemm dawn it-taxxi jkunu konformi mar-regoli tat-tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT. Din il-qorti tistaqsi jekk it-taxxa fuq il-faħam għandhiex “għan speċifiku”, li huwa meħtieġ b’mod identiku fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 u f’dak tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
|
41. |
Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, inqis li huwa utli li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, qabel ma neżamina jekk din id-direttiva tistax tiġi applikata b’analoġija għat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
|
42. |
Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li huwa intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri f’dan il-qasam u l-użu frekwenti tat-tassazzjoni indiretta għall-implimentazzjoni ta’ politiki mhux baġitarji, jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra d-dazju tas-sisa minimu, taxxi indiretti oħra li jsegwu skop speċifiku ( 26 ). Il-kunċett ta’ “taxxi indiretti addizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għalhekk għat-taxxi indiretti imposti fuq il-konsum tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, minbarra d-“dazji tas-sisa”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u li huma imposti għal finijiet speċifiċi ( 27 ). |
|
43. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, l-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, dawn it-taxxi għandhom jiġu imposti għal finijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, dawn it-taxxi għandhom jikkonformaw mar-regoli tat-tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli u għall-kalkolu, l-eżiġibbiltà u l-kontroll tat-taxxa, dawk ir-regoli ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma intiżi sabiex tiġi evitata tassazzjoni indiretta addizzjonali li timpedixxi l-kummerċ indebitament, huma, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, kumulattivi ( 28 ). |
|
44. |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa għan differenti minn dak purament baġitarju. Madankollu, peress li kull taxxa neċessarjament ikollha għan baġitarju, is-sempliċi fatt li taxxa ssegwi għan baġitarju ma jistax, bħala tali, ħlief jekk iċaħħad lill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 mis-sustanza tiegħu, ikun suffiċjenti sabiex jeskludi li din it-taxxa tista’ titqies bħala li għandha wkoll għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, sabiex titqies li għandha għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, taxxa għandha tkun intiża, fiha nnifisha, sabiex tiżgura l-għan speċifiku invokat ( 29 ). Dan huwa partikolarment il-każ jekk id-dħul minn din it-taxxa għandu jintuża obbligatorjament sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ambjentali marbuta speċifikament mal-konsum tal-elettriku suġġett għal din it-taxxa u sabiex tiġi promossa l-koeżjoni territorjali u soċjali, b’tali mod li jkun hemm rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-għan tat-taxxa inkwistjoni ( 30 ). |
|
45. |
Dejjem skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-użu predeterminat tad-dħul minn taxxa għall-finanzjament tal-eżerċizzju, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ setgħat mogħtija lilhom jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ għan speċifiku, tali allokazzjoni, li hija metodu sempliċi ta’ organizzazzjoni interna tal-baġit ta’ Stat Membru, ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti, peress li kwalunkwe Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeħtieġ, ikun xi jkun l-iskop segwit, l-użu tad-dħul minn taxxa għall-finanzjament ta’ nefqa speċifika. Kieku kien mod ieħor, kull għan jista’ jitqies bħala speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li jċaħħad id-dazju tas-sisa armonizzat stabbilit minn din id-direttiva minn kull effett utli u jmur kontra l-prinċipju li deroga, bħal dan l-Artikolu 1(2), għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 31 ). |
|
46. |
Fl-aħħar, fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ allokazzjoni predeterminata tad-dħul, tariffa imposta fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tista’ titqies li għandha għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, biss jekk din it-tariffa tkun intiża, fir-rigward tal-istruttura tagħha, b’mod partikolari l-ammont taxxabbli jew ir-rata ta’ tassazzjoni, b’tali mod li tinfluwenza l-aġir tal-kontribwenti b’mod li jkun jista’ jinkiseb l-għan speċifiku invokat, pereżempju billi jiġu ntaxxati ħafna l-prodotti kkunsidrati sabiex jiġi skoraġġut il-konsum tagħhom ( 32 ) jew billi jiġi inkorraġġut l-użu ta’ prodotti oħra li l-effetti tagħhom huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent ( 33 ). |
|
47. |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li huwa importanti li ssir distinzjoni ċara, minn naħa, tat-taxxi imposti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/96 u, min-naħa l-oħra, tat-taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ din l-aħħar direttiva, din tistabbilixxi l-modalitajiet ġenerali tad-dazji tas-sisa imposti direttament jew indirettament fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li jinkludu “prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva [2003/96]”. Fi kliem ieħor, il-prodotti tal-enerġija, meta jkunu koperti mid-Direttiva 2003/96, huma suġġetti għal tassazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, peress li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, minbarra din it-tassazzjoni, taxxi indiretti oħra li għandhom għan speċifiku, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118. |
|
48. |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li t-taxxa fuq il-faħam taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li din it-taxxa ġiet introdotta bil-Liġi 22/2005, li ttrasponiet din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Bl-istess mod, il-Gvern Spanjol argumenta li l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jippreċiża illi, għall-finijiet tagħha, il-kunċett ta’ “prodotti tal-enerġija” jinkludi dawk li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda 2701, 2702 u 2704 sa 2715, li jirrigwardaw il-faħam, u li l-Artikolu 75 tal-Liġi 38/1992 jipprovdi li l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda 2701, 2702, 2704, 2708, 2713 u 2714 huma kkunsidrati bħala faħam, bil-konsegwenza li t-taxxa fuq il-faħam taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96. |
|
49. |
Skont il-qorti tar-rinviju u Endesa, id-Direttivi 2003/96 u 2008/118 jistabbilixxu rekwiżiti li jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija suġġetti għad-dazju tas-sisa, fis-sens li r-raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, fis-sens tal-ewwel direttiva, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet speċifiċi segwiti mit-tieni direttiva. Ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, hekk kif dan ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita minn dawn id-direttivi hija differenti, fejn tal-ewwel hija obbligatorja u din tal-aħħar hija fakultattiva, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 ma ssemmix il-ħtieġa tal-eżistenza ta’ “għanijiet speċifiċi”. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-“għan speċifiku” li għandu jiġi segwit minn taxxa indiretta addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, ma tistax tiġi applikata b’analoġija għal taxxa koperta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Din l-analiżi hija kompletament koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118, li tissuġġetta l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu taxxi fuq prodotti differenti minn dawk suġġetti għas-sistema armonizzata tad-dazju tas-sisa għall-kundizzjoni biss li dawn l-imposti ma jagħtux lok għal formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri fil-kuntest tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 4 tagħha ( 34 ), l-imsemmi Artikolu 1(3) ma jipprovdix li t-taxxi msemmija għandhom ikunu taxxi differenti mid-dazju tas-sisa armonizzat jew li għandhom isegwu għanijiet speċifiċi ( 35 ). |
|
50. |
Għalhekk, fil-kuntest tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, ma hemmx lok, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk teżistix rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-għan tat-tassazzjoni inkwistjoni ( 36 ). Hemm lok biss li jiġu eżaminati l-motivi tat-taxxa kkonċernata, jiġifieri jekk din ġietx effettivament introdotta “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]”, billi dawn ir-raġunijiet jikkostitwixxu kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li madankollu huwa possibbli li wieħed jispira ruħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 billi jqis li taxxa tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent jekk tkun intiża, fir-rigward tal-istruttura tagħha, b’mod partikolari l-ammont taxxabbli jew ir-rata ta’ tassazzjoni, b’tali mod li tinfluwenza l-aġir tal-kontribwenti fis-sens li tiġi żgurata protezzjoni ambjentali aħjar, pereżempju billi jiġu ntaxxati bil-kbir il-prodotti kkunsidrati sabiex jiġi skoraġġut il-konsum tagħhom jew billi jiġi inkoraġġut l-użu ta’ prodotti oħra li l-effetti tagħhom huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent ( 37 ). |
|
51. |
Tali interpretazzjoni hija sostnuta mir-Regolament (UE) Nru 651/2014 ( 38 ), dwar kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern ( 39 ). Skont l-Artikolu 44(1) ta’ dan ir-regolament, l-iskemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/96 huma kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE u huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Issa, il-punt 119 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “taxxa ambjentali” bħala “taxxa li l-bażi taxxabbli speċifika tagħha jkollha effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li tfittex li tintaxxa ċerti attivitajiet, prodotti jew servizzi biex l-ispejjeż ambjentali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-prezz tagħhom u/jew biex il-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw l-ambjent aħjar”. |
|
52. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tassazzjoni tal-konsum tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku, kif prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, hijiex konformi mad-Direttiva 2003/96. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk ġietx introdotta taxxa minn Stat Membru għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-funzjoni tagħha tikkonsisti iktar li tikkjarifika lil-qorti nazzjonali fir-rigward tal-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom tippermetti lill-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk din it-tassazzjoni effettivament issegwix tali għan milli li twettaq din l-evalwazzjoni nnifisha, u speċjalment peress li ma għandhiex neċessarjament l-informazzjoni indispensabbli kollha f’dan ir-rigward ( 40 ). |
|
53. |
F’din il-perspettiva, l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali Spanjola, billi tipprevedi t-tassazzjoni tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku, issostni li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent. Min-naħa tagħha, Endesa tqis li din il-ġustifikazzjoni hija biss apparenti, sabiex jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-għan reali tal-Liġi 15/2012 kien esklużivament li jiżdied id-dħul mit-taxxa. F’dan ir-rigward, nosserva li, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju kkwotat parti mill-preambolu ta’ din il-liġi ( 41 ), li minnha jirriżulta li l-leġiżlatur Spanjol kellu l-intenzjoni, billi adottaha, li jipproteġi l-ambjent. Ir-Renju ta’ Spanja għalhekk ta raġunijiet għall-adozzjoni tat-taxxa fuq il-faħam permezz ta’ “raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]”. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, xorta huwa neċessarju, sabiex tiġi osservata t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li t-taxxa kkonċernata effettivament tiżgura protezzjoni aħjar tal-ambjent. |
|
54. |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, filwaqt li tirreferi għat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2012, li t-taxxa fuq il-faħam għandha għan esklużivament baġitarju, jiġifieri dak tal-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema Spanjola tal-elettriku. Tali argument jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “finijiet speċifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118. Madankollu, kif issemma fil-punti 49 u 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li jiġi applikat dan il-kunċett fil-kuntest tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk teżistix rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-għan tat-taxxa fuq il-faħam. Inżid li l-Gvern Spanjol argumenta li din it-tieni dispożizzjoni addizzjonali ma tirreferix għat-taxxa fuq il-faħam u li t-taxxi msemmija f’din id-dispożizzjoni huma t-tliet taxxi ġodda introdotti bil-Liġi 15/2012 ( 42 ). Konsegwentement, skont dan il-gvern, fi kwalunkwe każ, it-taxxa fuq il-faħam ma taqax taħt it-tieni dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi. |
|
55. |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-istruttura tat-taxxa fuq il-faħam ma tirriflettix l-għan ambjentali mħabbar fil-preambolu tal-Liġi 15/2012 sa fejn ir-rata ta’ din it-taxxa hija stabbilita abbażi tal-valur kalorifiku tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-elettriku. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 2004, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-elettriku għandhom jiġu stabbiliti konformement mat-Tabella Ċ tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għall-konsum professjonali u mhux professjonali. Issa, fir-rigward tal-faħam iebes u l-kokk, diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din it-Tabella Ċ, intitolata “Livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli fuq karburanti li jsaħħnu u elettriku”, jiġifieri, inter alia, il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Estonjan, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bl-Ungeriż, bil-Malti, bil-Pollakk, bir-Rumen u bis-Sloven, jirreferu espressament għall-“gross valur kalorifiku” tal-faħam iebes u tal-kokk. Għalhekk, anki jekk il-verżjoni Spanjola tat-Tabella Ċ ma ssemmix dan il-valur kalorifiku, il-fatt li l-leġiżlatur Spanjol ħa dan il-valur bħala riferiment għat-tassazzjoni tal-użu tal-faħam ma jikkontestax il-fatt li t-taxxa fuq il-faħam setgħet ġiet adottata għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent. |
|
56. |
Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dħul mit-taxxa fuq il-faħam ma huwiex intiż li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, taxxa tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent jekk tkun imfassla, fir-rigward tal-istruttura tagħha, b’mod partikolari l-ammont taxxabbli jew ir-rata ta’ tassazzjoni, b’tali mod li tinfluwenza l-aġir tal-kontribwenti fis-sens li tippermetti li tiġi tiżgura protezzjoni aħjar tal-ambjent, pereżempju billi tintaxxa l-prodotti inkwistjoni b’mod qawwi sabiex tiskoraġġixxi l-konsum tagħhom jew billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ prodotti oħra li l-effetti tagħhom huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, dan huwiex il-każ tat-taxxa fuq il-faħam. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa xieraq li jiġi rrilevat li l-kombinazzjoni tat-tneħħija tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-faħam u ż-żieda fir-rata tat-taxxa ta’ din it-taxxa hija mezz li jista’ jikkontribwixxi li jiġi skoraġġut l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku u għall-promozzjoni ta’ sorsi oħra ta’ enerġija li jniġġsu inqas u li, skont il-Kummissjoni, fil-prattika, it-tneħħija ta’ din l-eżenzjoni tidher li fil-fatt kellha impatt fuq il-volum ta’ enerġija tal-elettriku prodotta mill-faħam fi Spanja. |
|
57. |
Il-ħames, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għan ambjentali jintlaħaqx mis-sempliċi fatt li t-taxxi jiġu imposti fuq ċerti prodotti tal-enerġija li ma jiġġeddux u mhux fuq l-użu ta’ dawk li huma kkunsidrati inqas dannużi għall-ambjent. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, mill-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, meta taxxa tiskoraġġixxi l-konsum ta’ prodott li jagħmel ħsara lill-ambjent jew tinkoraġġixxi l-użu ta’ prodotti oħra li l-effetti tagħhom huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent, hija tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent. F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol ikkunsidra li l-faħam kien jikkostitwixxi enerġija li tniġġes li għandha tiġi ntaxxata meta tintuża għall-produzzjoni tal-elettriku. F’dak is-sens, inqis li, billi jiskoraġġixxi l-konsum tal-faħam, li huwa paċifiku li huwa ta’ ħsara kbira għall-ambjent ( 43 ), dan il-gvern kellu l-għan li jipproteġi l-ambjent fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
|
58. |
Fl-aħħar, is-sitt, Endesa ssostni li, għalkemm ġiet introdotta t-taxxa fuq il-faħam, il-Gvern Spanjol sussegwentement reġa’ daħħal l-eżenzjoni għall-idrokarburi użati fil-produzzjoni tal-elettriku, li juri l-assenza ta’ għan ambjentali reali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-eżami ta’ taxxa fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jsir każ b’każ. Peress li din it-taxxa ġiet stabbilita “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]”, din taqa’ fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni anki jekk, fl-istess ħin, prodotti oħra li jniġġsu użati għall-produzzjoni tal-elettriku ma jiġux intaxxati. |
|
59. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni tal-faħam użat għall-produzzjoni ta’ elettriku tissodisfa l-kundizzjoni li t-taxxa għandha tiġi introdotta “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]” meta, fis-sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur nazzjonali ikun invoka l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent għall-adozzjoni ta’ din it-taxxa, għan ambjentali ma huwiex integrat fl-istruttura ta’ din it-taxxa, li r-rata tagħha hija ffissata abbażi tal-valur kalorifiku tal-faħam, id-dħul mill-istess taxxa huwa allokat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema nazzjonali tal-elettriku u l-użu ta’ prodotti oħra tal-enerġija kkunsidrati inqas dannużi għall-ambjent ma huwiex intaxxat. |
V. Konklużjoni
|
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) kif ġej: L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li: leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni tal-faħam użat għall-produzzjoni ta’ elettriku tissodisfa l-kundizzjoni li t-taxxa għandha tiġi introdotta “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent [ta’ protezzjoni tal-ambjent]” meta, fis-sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur nazzjonali ikun invoka l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent għall-adozzjoni ta’ din it-taxxa, għan ambjentali ma huwiex integrat fl-istruttura ta’ din it-taxxa, li r-rata tagħha hija ffissata abbażi tal-valur kalorifiku tal-faħam, id-dħul mill-istess taxxa huwa allokat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema nazzjonali tal-elettriku u l-użu ta’ prodotti oħra tal-enerġija kkunsidrati inqas dannużi għall-ambjent ma huwiex intaxxat. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).
( 3 ) Nomenklatura Magħquda.
( 4 ) ĠU 2001, L 279, p. 1.
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39).
( 6 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).
( 7 ) BOE Nru 277, tad‑19 ta’ Novembru 2005, p. 37821.
( 8 ) BOE Nru 312, tad‑29 ta’ Diċembru 1992, p. 44305.
( 9 ) Regolament tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).
( 10 ) BOE Nru 312, tat‑28 ta’ Diċembru 2012, p. 88081.
( 11 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta illi ir-Real Decreto-ley 9/2013 por el que se adoptan medidas urgentes para garantizar la estabilidad financiera del sistema eléctrico (id-Digriet-Liġi Rjali 9/2013 dwar Miżuri Urġenti Sabiex Tiġi Żgurata l-Istabbiltà Finanzjarja tas-Sistema tal-Elettriku), tat‑12 ta’ Lulju 2013 (BOE Nru 167, tat‑13 ta’ Lulju 2013, p. 52106) sussegwentement introduċa, fl-Artikolu 84 tal-Liġi 38/1992, rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa (EUR 0.15 għal kull gigajoule) għall-faħam għall-użu kummerċjali, sakemm ma tintużax għal proċessi ta’ koġenerazzjoni u ta’ produzzjoni diretta jew indiretta tal-elettriku.
( 12 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Endesa ssostni li l-eżenzjoni relatata mal-idrokarburi ġiet imħassra bil-Liġi 15/2012 iżda ġiet introdotta mill-ġdid mir-Real Decreto-Ley 15/2018 de medidas urgentes para la transición energética y la protección de los consumidores (id-Digriet-Liġi Rjali 15/2018 dwar Miżuri Urġenti għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija u l-Protezzjoni tal-Konsumatur) tal‑5 ta’ Ottubru 2018 (BOE Nru 242, tas‑6 ta’ Ottubru 2018, p. 97430).
( 13 ) BOE Nru 285, tat‑28 ta’ Novembru 1997, p. 35097.
( 14 ) Din id-dispożizzjoni ġiet emendata għall-ewwel darba mil-Ley 24/2013 del Sector Eléctrico (il-Liġi 24/2013 dwar is-Settur tal-Elettriku), tas‑26 ta’ Diċembru 2013 (BOE Nru 310, tas‑27 ta’ Diċembru 2013, p. 105198).
( 15 ) Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija) (C‑139/20, EU:C:2022:240, punt 39).
( 16 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Kontribuzzjoni għax-xiri tal-fjuwils) (C‑63/19, EU:C:2021:18, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RWE Power (C‑571/21, EU:C:2022:780, punti 25 u 26).
( 17 ) ĠU 1997, C 139, p. 14.
( 18 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, UPM France (C‑270/18, EU:C:2019:862, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RWE Power (C‑571/21, EU:C:2022:780, punt 47).
( 19 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, UPM France (C‑270/18, EU:C:2019:862, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RWE Power (C‑571/21, EU:C:2022:780, punti 46 u 48).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, UPM France (C‑270/18, EU:C:2019:862, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ninnota li fl‑14 ta’ Lulju 2021 il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida għal Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-qafas tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (COM(2021) 563 finali). Skont din il-proposta, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96 għandu jitħassar. Madankollu, l-Artikolu 13 il-ġdid ta’ din id-direttiva, kif propost, jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut attwali tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C-31/17, EU:C:2018:168, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems (C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 51).
( 26 ) Digriet tas-7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C‑460/21, EU:C:2022:83, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park (C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C-460/21, EU:C:2022:83, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C‑460/21, EU:C:2022:83, punti 23 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Messer France (C‑103/17, EU:C:2018:587, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C‑460/21, EU:C:2022:83, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C‑460/21, EU:C:2022:83, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora (C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 32). Dwar l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, ara Pitrone, F., “Defining ‘Environmental Taxes’: Input from the Court of Justice of the European Union”, Bulletin for International Taxation, Vol. 69, Nru 1, 2015, p. 58 sa 64. Dwar l-eżistenza ta’ “għan speċifiku” mhux baġitarju, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Transportes Jordi Besora (C‑82/12, EU:C:2013:694, punti 17 sa 32).
( 34 ) Skont din il-premessa, “[i]l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal skopijiet speċifiċi. F’każijiet bħal dawn, madankollu, u sabiex ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tar-regoli tal-Komunità relatati mattaxxi indiretti, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ ċerti elementi essenzjali ta’ dawk ir-regoli”.
( 35 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Oil Trading Poland (C‑349/13, EU:C:2015:84, punti 33 u 34). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/118 ma jipprekludix, bħala tali, lill-Istati Membri milli jimponu fuq prodotti oħra minbarra dawk suġġetti għas-sistema armonizzata tad-dazju tas-sisa taxxa rregolata minn regoli identiċi għal dawk relatati ma’ din is-sistema.
( 36 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Bl-istess mod, nosserva li, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RWE Power (C‑571/21, EU:C:2022:780, punt 48), indikajt, fir-rigward tal-għan relatat mal-protezzjoni tal-ambjent, li huwa paċifiku li l-produzzjoni tal-elettriku mil-linjite tinvolvi diversi obbligi imposti mir-regoli ambjentali, li huma intiżi li jagħmlu l-iktar użu xieraq possibbli tal-prodotti tal-enerġija u li għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-eżenzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tista’ taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi, fejn dawn jinvolvu t-trattament tal-prodott tal-enerġija bl-użu tal-elettriku, sabiex il-produzzjoni tal-enerġija iktar ekoloġika ssir possibbli.
( 38 ) Regolament tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1).
( 39 ) Dwar ir-rabta bejn id-Direttiva 2003/96 u l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 107 TFUE, ara Villar Ezcurra, M., u Fonseca Capdevila, E., “Parafiscal charges and contributions to general electricity networks: a legal analysis of its nature under the scope of Directive 2003/96 and the EU State aids regime” f’ Weishaar, S. E., The Green Market Transition: Carbon Taxes, Energy Subsidies and Smart Instrument Mixes, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2017, p. 143 sa 156.
( 40 ) Ara, b’analoġija, id-digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C‑460/21, EU:C:2022:83, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 41 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 42 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara, b’mod partikolari, it-Tielet Parti tas-Sitt Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), ippubblikat f’April 2022, li sunt tiegħu (bl-Ingliż) huwa disponibbli fl-indirizz: https://www.ipcc.ch/report/ar6/wg3/downloads/report/IPCC_AR6_WGIII_SummaryForPolicymakers.pdf.