|
9.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 347/234 |
P9_TA(2022)0069
Twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-pandemija tal-COVID-19: tagħlimiet li nsiltu u rakkomandazzjonijiet għall-futur
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar Il-pandemija tal-COVID-19: tagħlimiet meħuda u rakkomandazzjonijiet għall-futur, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu (2022/2584(RSO))
(2022/C 347/27)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar “COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku” (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar it-trasparenza tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni ta' vaċċini kontra l-COVID-19 (8), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sett ta' proposti tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa tal-11 ta' Novembru 2020 u l-proposta tagħha għal regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (COM(2020)0727), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi t-tixrid tal-COVID-19 wassal għall-mewt traġika ta' miljuni ta' nies fl-Ewropa u fid-dinja, ikkawża ħsara irreparabbli u aktar minn biljun persuna spiċċaw ikkonfinati fi djarhom; |
|
B. |
billi ttieħdu ħafna azzjonijiet fil-livell tal-UE, inkluż permezz tal-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini u l-koordinazzjoni ta' rispons Ewropew komuni; |
|
C. |
billi Tim Ewropa huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-COVAX, l-inizjattiva globali maħsuba biex tiżgura aċċess ġust u ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19; |
|
D. |
billi, fid-dawl tal-ammont kbir ħafna ta' finanzjament li jindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-infiq pubbliku huma importanti; |
|
E. |
billi l-COVID-19 affettwat b'mod sproporzjonat lin-nisa, liż-żgħażagħ, lill-persuni b'diżabilità u lill-gruppi vulnerabbli u żiedet l-inugwaljanzi globali; |
|
1. |
Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar “Il-pandemija tal-COVID-19: tagħlimiet meħuda u rakkomandazzjonijiet għall-futur”, bil-kompitu li jeżamina kif ir-rispons Ewropew għall-pandemija u t-tagħlimiet meħuda jistgħu jikkontribwixxu għal azzjoni futura fl-oqsma li ġejjin: |
Is-saħħa
|
(a) |
ir-rispons tal-UE, tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tagħha, għall-pandemija, abbażi tal-pakkett dwar l-Unjoni tas-Saħħa biex jissaħħu l-prevenzjoni ta' kriżijiet, it-tħejjija u r-rispons tal-UE għal theddid transfruntier għas-saħħa; |
|
(b) |
il-livell ta' koordinazzjoni u solidarjetà fost l-Istati Membri u l-istat ta' tħejjija tas-sistemi tas-saħħa biex jindirizzaw il-pandemija u theddid transfruntier għas-saħħa fil-futur; |
|
(c) |
l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa, inkluż fuq il-kontinwità tal-kura tas-saħħa u l-prevenzjoni, l-iskrinjar, id-dijanjożi, it-trattament u l-monitoraġġ ta' mard mhux komunikabbli, is-saħħa mentali, il-“COVID fit-tul”, u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; |
|
(d) |
l-impatt ta' nuqqas ta' persunal fuq l-għoti tal-kura tas-saħħa u d-disponibbiltà ta' mediċini u apparati mediċi, inkluż tagħmir protettiv, u l-impatt tal-pandemija fuq is-servizzi tal-kura, ir-residenti fid-djar tal-kura, il-ħaddiema, il-persuni li jindukraw b'mod informali u d-dipendenti tagħhom; |
|
(e) |
l-impatt tal-pandemija fuq iż-żieda fl-użu tas-saħħa diġitali, it-telemediċina u t-telekonsultazzjoni, il-monitoraġġ remot, l-apparati konnessi, il-pjattaformi tas-saħħa diġitali u l-apps tas-saħħa; |
|
(f) |
l-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 u kif din kienet kapaċi tiżgura l-konsenja ta' vaċċini sikuri u effettivi, inkluż in-negozjar ta' Ftehimiet ta' Xiri bil-Quddiem u Ftehimiet ta' Xiri Konġunt, it-trasparenza u l-infurzar ta' kuntratti u ftehimiet għall-ħruġ ta' liċenzji, u l-produzzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, kif ukoll il-kwistjoni tar-responsabbiltà legali u r-rwol tal-industrija farmaċewtika fl-elementi msemmija hawn fuq, kif ukoll fit-trasferiment tat-teknoloġija, f'aspetti tal-protezzjoni tal-privattivi u fit-trasparenza tal-lobbying; |
|
(g) |
kooperazzjoni dwar miżuri ta' mmaniġġjar tar-riskji bbażati fuq ix-xjenza u kkoordinati, inkluż il-panel konsultattiv dwar il-COVID-19; |
|
(h) |
ir-rwol u l-mandat tal-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), u l-Istrateġija dwar il-Prodotti Terapewtiċi kontra l-COVID-19 fl-iżvilupp ta' prodotti aċċessibbli u affordabbli; |
|
(i) |
l-eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni u t-tixrid tal-miżinformazzjoni fil-ġlieda kontra l-pandemija u miżuri addizzjonali tal-UE biex jindirizzaw dawn il-fenomeni fil-futur; |
|
(j) |
l-interkonnessjoni tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-mard żoonotiku, skont approċċ “Saħħa Waħda”; |
Approċċ koordinat li jirrispetta d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali
|
(k) |
in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għeluq tal-fruntieri tal-Istati Membri u restrizzjonijiet oħra tal-moviment liberu tal-persuni u s-suq intern u kif jiġu evitati restrizzjonijiet bla bżonn fil-futur, permezz, fost l-oħrajn, tal-iżvilupp ta' approċċ konġunt għall-miżuri tal-ivvjaġġar; |
|
(l) |
l-impatt fuq id-drittijiet individwali u fundamentali tal-gruppi vulnerabbli u fuq l-inugwaljanza b'mod ġenerali; |
|
(m) |
l-approċċi differenti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' għodod teknoloġiċi fil-ġlieda kontra l-COVID-19, bħall-apps għat-traċċar tal-kuntatti u ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE; |
|
(n) |
l-użu ta' settijiet ta' data differenti mill-Istati Membri, u t-tagħlimiet li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-użu tal-istess data u kriterji, speċjalment ir-rwol tas-settijiet ta' data provduti mill-ECDC; |
|
(o) |
is-sorveljanza demokratika tar-rispons għall-pandemija, inkluża l-inklużjoni tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti fl-Istati Membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u t-trasparenza, filwaqt li titqies il-ħidma tal-Grupp ta' Kuntatt dwar il-COVID-19; |
L-impatt soċjetali u ekonomiku
|
(p) |
l-impatt fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol, it-telexogħol u l-futur tax-xogħol u l-konsegwenzi tal-pandemija fuq il-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali, u l-impatt tal-pandemija fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali; |
|
(q) |
soluzzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli fl-użu tat-teknoloġiji diġitali u biex jiżdiedu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema; |
|
(r) |
l-impatt fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż fuq dawk f'riskju ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u abbuż domestiku u l-attenzjoni mogħtija għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fl-immaniġġjar tal-kriżi, fir-rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa fil-futur; |
|
(s) |
l-impatt tal-pandemija fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-iżvilupp tat-tfal u taż-żgħażagħ; |
|
(t) |
miżuri biex jiġu żgurati l-awtonomija strateġika tal-UE fil-qasam tas-saħħa u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, inkluż għal prodotti farmaċewtiċi u mediċi kritiċi u oġġetti essenzjali oħra, u biex jiġu appoġġati u adattati l-politiki ta' riċerka tal-UE fil-qasam tas-saħħa biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali u jiġi evitat li terġa' tiżviluppa, bħala parti importanti minn politika industrijali tal-UE b'saħħitha; |
|
(u) |
l-impatt fuq dawk is-setturi li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija, bħall-kultura, l-ospitalità, it-turiżmu u t-trasport u l-ħeffa u l-adegwatezza tar-rispons tal-UE; |
L-UE u d-Dinja
|
(v) |
ir-rwol ta' mmaniġġjar u koordinazzjoni tal-UE, fost l-Istati Membri, b'rabta mal-aspetti internazzjonali tal-pandemija, inkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u inizjattivi multilaterali oħra bħall-COVAX, u l-possibbiltà ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji, ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) u l-ħtieġa ta' approċċ armonizzat fir-rigward ta' nies li jivvjaġġaw lejn l-UE minn pajjiżi terzi; |
|
(w) |
l-approċċ għad-diplomazija dwar il-vaċċini u sa liema punt din tikkontribwixxi għas-solidarjetà globali, l-aċċess universali u ekwu għal prodotti mediċi u vaċċini essenzjali, u l-kunċett li “ħadd mhu sikur qabel kulħadd ikun sikur”; |
|
(x) |
ir-rwol tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-indirizzar tal-provvista inadegwata u l-aċċess inekwu għall-vaċċini u l-prodotti mediċi kontra l-COVID-19 madwar id-dinja, billi jindirizzaw l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tagħhom, ir-restrizzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista, l-ostakli relatati mal-kummerċ, l-infrastruttura u billi jiżguraw it-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista u jipprovdu għarfien espert u għarfien espert tekniku; |
|
2. |
Jisħaq li r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat speċjali għandhom jiġu segwiti mill-kumitati permanenti tal-Parlament; |
|
3. |
Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi disponibbli tal-kumitati permanenti tal-Parlament b'responsabbiltà għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-oqsma ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali mhux se jiġu affettwati, u għalhekk jibqgħu l-istess; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kooperazzjoni u fluss ta' informazzjoni effikaċi bejn il-kumitat speċjali u l-kumitati permanenti rilevanti; |
|
4. |
Jiddeċiedi li, kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali, jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, il-laqgħat tiegħu għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq; |
|
5. |
Jiddeċiedi li l-aġendi, il-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawn il-laqgħat u l-minuti ta' tali laqgħat għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; |
|
6. |
Jiddeċiedi li d-dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jkun irċieva għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi, barra minn hekk, li tali informazzjoni għandha tintuża esklużivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali; |
|
7. |
Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkollu 38 membru; |
|
8. |
Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun ta' 12-il xahar, u li fi tmiemu għandu jippreżenta rapport lill-Parlament li jkun fih, kif xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet jew inizjattivi li għandhom jittieħdu. |
(2) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 77.
(3) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 82.
(4) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 102.
(5) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 159.
(6) ĠU C 415, 13.10.2021, p. 36.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0435.