European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2476

20.9.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2476

tat-13 ta’ Settembru 2024

li tistabbilixxi linji gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-servizzi tal-enerġija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) introduċiet rekwiżit biex tintlaħaq il-mira ewlenija ta’ ffrankar tal-enerġija ta’ mill-inqas 32,5 % fil-livell tal-Unjoni sal-2030.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ġiet adottata fit-13 ta’ Settembru 2023. Hija rriformulat id-Direttiva 2012/27/UE, filwaqt li żammet uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha mingħajr tibdil, u fl-istess ħin introduċiet xi rekwiżiti ġodda. B’mod partikolari, żiedet b’mod sinifikanti l-livell ta’ ambizzjoni għall-2030 f’termini ta’ effiċjenza enerġetika, inkluż fir-rigward tas-servizzi tal-enerġija.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2023/1791 trawwem l-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija u speċifikament l-adozzjoni ta’ kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. F’kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, il-fornitur tas-servizz jiggarantixxi l-iffrankar tal-enerġija li jrid jinkiseb fil-perjodu kuntrattwali, filwaqt li l-benefiċjarju tas-servizz tal-enerġija jevita l-kostijiet tal-investiment billi juża parti mill-valur finanzjarju tal-iffrankar tal-enerġija biex iħallas lura l-investiment b’mod sħiħ jew parzjali. B’hekk tali kuntratti jibnu l-fiduċja tas-suq fl-investimenti fl-effiċjenza enerġetika billi jiżguraw l-effettività tagħhom. Dan jista’ jgħin biex jiġi attirat il-kapital privat, li huwa kruċjali biex jiżdiedu r-rati ta’ rinnovazzjoni tal-bini, tiġi xprunata l-effiċjenza enerġetika fl-industrija, jitwassal l-għarfien espert fis-suq u jinħolqu mudelli innovattivi ta’ negozju.

(4)

L-Istati Membri jridu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 sal-11 ta’ Ottubru 2025. It-traspożizzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni effettiva tar-riformulazzjoni tal-EED huma neċessarji jekk l-UE trid tilħaq il-miri tagħha għall-effiċjenza enerġetika għall-2030.

(5)

L-Istati Membri fid-diskrezzjoni tagħhom jistgħu jagħżlu l-mod kif jittrasponu u jimplimentaw ir-rekwiżiti rigward is-servizzi tal-enerġija, li jkun l-aktar adattat għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, ikun rakkomandat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2023/1791 jiġu interpretati b’mod konsistenti li jikkontribwixxi għal fehim koerenti tad-Direttiva (UE) 2023/1791 fl-Istati Membri kollha fit-tħejjija tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

L-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu l-linji gwida interpretattivi fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta jittrasponu [r-rekwiżiti introdotti bl-]Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 fid-dritt nazzjonali tagħhom.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/27/oj).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/1791/oj).


ANNESS

1.   INTRODUZZJONI

Dawn il-linji gwida jipprovdu gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jinterpretaw l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 meta jittrasponuh fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Meta mqabbla mad-Direttiva 2012/27/UE, id-Direttiva (UE) 2023/1791 issaħħaħ il-miżuri relatati mal-appoġġ għall-iżvilupp tas-suq għas-servizzi tal-enerġija fl-Istati Membri.

Madankollu, l-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   KUNTEST LEGALI U TA’ POLITIKA

Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tirrikonoxxi r-rwol importanti li s-servizzi tal-enerġija jista’ jkollhom biex itejbu l-effiċjenza enerġetika u jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni. Is-servizzi tal-enerġija jistgħu jimmobilizzaw il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji ta’ partijiet terzi, tipikament fornituri speċjalizzati tas-servizzi tal-enerġija, biex jiksbu ffrankar ta’ enerġija u finanzjarju b’mod kosteffiċjenti permezz ta’ titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-bini tal-konsumatur tal-enerġija. Is-servizzi tal-enerġija jistgħu jkunu partikolarment utli meta l-implimentazzjoni interna tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika mill-konsumatur innifsu tkun diffiċli jew saħansitra impossibbli, għal kwalunkwe raġuni.

Matul l-aħħar deċennji tfaċċat eteroġeneità vasta ta’ forom differenti ta’ servizzi tal-enerġija fl-Istati Membri (1). Id-definizzjoni ta’ servizzi tal-enerġija fid-Direttiva (UE) 2023/1791 hija wiesgħa ħafna, u tkopri l-forom differenti kollha. L-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jista’ jitqies bħala forma speċifika u partikolarment komprensiva ta’ servizz tal-enerġija. Hemm tliet vantaġġi ewlenin tal-użu tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija bħala mod effettiv biex jinkiseb titjib fl-effiċjenza enerġetika: l-investimenti li jtejbu l-effiċjenza enerġetika jiġu ffinanzjati direttament mill-iffrankar tal-kostijiet tal-enerġija;

—

l-iffrankar tal-enerġija u tal-kostijiet jiġi garantit, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-fornitur tas-servizz, li jieħu r-riskji tar-rendiment tax-xogħlijiet u t-teknoloġija;

—

il-fornitur tas-servizz iġib għarfien espert komprensiv għall-aħjar għażla ta’ soluzzjonijiet tekniċi u/jew ta’ finanzjament.

L-objettiv tal-Artikolu 29 huwa maqsum fi tnejn: li jiffaċilita l-iżvilupp tas-suq tas-servizzi tal-enerġija billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet abilitanti għall-operaturi tas-suq (1) u li jippromwovi l-adozzjoni tas-servizzi tal-enerġija mis-settur pubbliku. Il-fokus tal-aħħar isegwi l-loġika tad-Direttiva (UE) 2023/1791, u jagħti rwol ewlieni fl-effiċjenza enerġetika lis-settur pubbliku. Ir-rekwiżit tal-użu tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għar-rinnovazzjonijiet tal-bini tal-korpi pubbliċi għandu l-għan li joħloq sinerġiji mad-dispożizzjonijiet rilevanti skont l-Artikolu 6 u jippermetti t-twettiq tagħhom fil-post.

L-Artikolu 29 irid jinqara flimkien mal-Artikoli li ġejjin tad-Direttiva (UE) 2023/1791:

—

l-Artikoli 5, 6 u 7: is-servizzi tal-enerġija u l-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija huma partikolarment adattati biex isir titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur pubbliku. L-għarfien espert komprensiv u r-rendiment garantit miġjuba mill-fornituri tas-servizzi jiżguraw l-effettività tal-investimenti. Il-possibbiltà ta’ finanzjament minn partijiet terzi bil-ħlas lura tal-kost tal-investiment bil-quddiem permezz tal-iffrankar tal-kostijiet tal-enerġija tippermetti li l-proġetti jsiru anke jekk il-fondi pubbliċi ma jkunux biżżejjed, filwaqt li l-possibbiltà ta’ trattament barra mill-karta tal-bilanċ tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tagħmilha possibbli li jinżammu kontijiet pubbliċi f’ekwilibriju. Għal dawk ir-raġunijiet, id-Direttiva (UE) 2023/1791 toħloq sinerġiji fost id-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mas-servizzi tal-enerġija u r-rwol ewlieni li għandu s-settur pubbliku fl-effiċjenza enerġetika. B’mod partikolari, l-Artikolu 29(4) u (5) jiffoka fuq it-tisħiħ tal-adozzjoni tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija minn korpi pubbliċi għar-rinnovazzjoni ta’ bini kbir, li huwa marbut mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(7) u (8) jirrikjedi li l-proċeduri tal-akkwist pubbliku jagħmluha possibbli li jintużaw l-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u mekkaniżmi ta’ finanzjament terzi u li jitneħħew l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji, li jistgħu jfixklu tali użu. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jivvalutaw il-fattibbiltà tal-użu tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-akkwist ta’ kuntratti ta’ servizzi b’kontenut sinifikanti ta’ enerġija;

—

l-Artikoli 8, 9 u 10: b’rabta mal-iskema ta’ obbligi b’rabta mal-effiċjenza enerġetika (EEOS, energy efficiency obligation scheme), il-fornituri tas-servizzi tal-enerġija jistgħu jixprunaw b’mod effettiv l-iżvilupp tas-swieq tal-effiċjenza enerġetika billi jiżguraw il-provvista ta’ ċertifikati bojod bi skambju għal titjib fl-effiċjenza enerġetika. Tali ċertifikati bojod jistgħu jinxtraw mill-partijiet obbligati skont l-EEOS biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li kull sena jiksbu ffrankar tal-enerġija fl-użu finali;

—

l-Artikolu 11: l-Artikolu 11(10) jeżenta lill-intrapriżi li jkollhom fis-seħħ kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fit-tul mill-obbligu li jagħmlu awditi tal-enerġija jew milli jistabbilixxu sistema tal-ġestjoni tal-enerġija, dment li l-kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jkopri l-elementi meħtieġa tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija u li l-kuntratt jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XV. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet immirati lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi tal-enerġija u d-divulgazzjoni tad-data tal-awditi tal-enerġija, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija. B’mod speċifiku, l-Artikolu 11(5) jiddikjara li l-awditi tal-enerġija ma jridux jinkludu klawżoli li jipprevjenu li s-sejbiet tal-awditu jiġu ttrasferiti lil kwalunkwe fornitur ta’ servizz tal-enerġija kwalifikat jew akkreditat, dment li l-klijent ma joġġezzjonax.

3.   DEFINIZZJONIJIET FID-DIRETTIVA (UE) 2023/1791

Id-definizzjonijiet tat-termini li ġejjin stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punti 11, 29 u 33, tad-Direttiva (UE) 2023/1791 huma l-aktar rilevanti fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 29:

Servizz tal-Enerġija

“Servizz tal-enerġija” tfisser il-benefiċċju fiżiku, l-utilità jew il-vantaġġ miksubin minn kombinament ta’ enerġija ma’ teknoloġija jew azzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li tista’ tinkludi l-operazzjonijiet, il-manutenzjoni u l-kontroll meħtieġa biex jitwassal is-servizz, li jitwassal abbażi ta’ kuntratt u li f’ċirkostanzi normali wriet li tikseb titjib fl-effiċjenza enerġetika jew iffrankar tal-enerġija primarja li jista’ jiġi verifikat u jitkejjel jew jiġi stmat.

Fornitur ta’ servizz tal-enerġija

“Fornitur ta’ servizz tal-enerġija” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twassal servizzi tal-enerġija jew miżuri oħra li jtejbu l-effiċjenza enerġetika f’faċilità jew f’bini tal-klijent finali.

Ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

“Ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija” tfisser arranġament kuntrattwali bejn il-benefiċjarju u l-fornitur ta’ miżura li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika, ivverifikata u mmonitorjata tul it-terminu kollu tal-kuntratt, fejn l-investimenti (xogħol, provvista jew servizz) f’dik il-miżura jitħallsu b’mod relattiv ma’ livell ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika miftiehem kuntrattwalment jew ma’ kriterju ieħor miftiehem tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, bħall-iffrankar finanzjarju.

It-terminu “ESCO” mhuwiex definit fl-Artikolu 2, madankollu d-Direttiva (UE) 2023/1791 tagħmel referenzi għall-ESCOs f’diversi dispożizzjonijiet u premessi, fejn “ESCO” tinftiehem bħala abbrevjazzjoni komuni ta’ kumpanija ta’ servizzi tal-enerġija. Il-premessa 46 tappoġġa tali fehim billi tispjega t-terminu sħiħ u tinkludi l-abbrevjazzjoni tiegħu fil-parentesi: “kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs)”.

4.   OBBLIGI SKONT L-ARTIKOLU 29

L-Artikolu 29 jirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw għadd magħżul ta’ miżuri ta’ politika li jtejbu l-użu tas-servizzi tal-enerġija mill-konsumaturi tal-enerġija mis-setturi kollha.

Peress li d-definizzjoni ta’ servizzi tal-enerġija fid-Direttiva (UE) 2023/1791 hija wiesgħa, din tkopri l-forom differenti kollha ta’ servizzi tal-enerġija fis-suq Ewropew.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri huma elenkati fit-Tabella 1.

Tabella 1

Ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri.

 

Skop tad-dispożizzjoni

L-Istati Membri…

L-istabbiliment ta’ qafas abilitanti għas-swieq tas-servizzi tal-enerġija

Użu akbar u mtejjeb tas-servizzi tal-enerġija mill-korpi pubbliċi

It-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess għas-servizzi tal-enerġija

… għandhom jippromwovu / jappoġġaw / jinformaw dwar…

Kuntratti ta’ servizzi tal-enerġija bi klawżoli għall-garanzija tar-rendiment [il-paragrafu 1, il-punt (a)].

Mudelli ta’ kuntratti konformi mal-gwida tal-Eurostat [il-paragrafu 5, il-punt (a)].

It-tneħħija tal-ostakli regolatorji u mhux regolatorji [il-paragrafu 6, il-punt (b)].

Strumenti finanzjarji li jappoġġaw proġetti ta’ servizzi tal-enerġija [il-paragrafu 1, il-punt (b)].

L-aħjar prattiki għall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija [il-paragrafu 5, il-punt (b)].

Lista ta’ fornituri ta’ servizzi tal-enerġija kwalifikati u/jew iċċertifikati [il-paragrafu 1, il-punt (c) u l-paragrafu 3].

Bażi tad-data dwar proġetti ta’ kuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija implimentati u li għaddejjin bħalissa [il-paragrafu 5, il-punt (c)].

Metodoloġiji ta’ kejl u ta’ verifika (M&V) u skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità [il-paragrafu 1, il-punt (d)].

 

Punti ta’ kuntatt [il-paragrafu 6, il-punt (a)].

… għandhom jinkoraġġixxu…

L-iżvilupp ta’ tikketti ta’ kwalità [il-paragrafu 2].

 

 

… għandhom jiżguraw…

L-istabbiliment ta’ korpi konsultattivi u intermedjarji indipendenti tas-suq [il-paragrafu 6, il-punt (c)].

L-użu tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għar-rinnovazzjoni ta’ bini kbir, fejn ikun teknikament u ekonomikament fattibbli [il-paragrafu 4]

Valutazzjonijiet tal-fattibbiltà bl-użu ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment għar-rinnovazzjoni ta’ bini mhux residenzjali [il-paragrafu 4]

Il-prevenzjoni ta’ attivitajiet li jimpedixxu d-distributuri tal-enerġija, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-kumpaniji tal-bejgħ tal-enerġija bl-imnut [il-paragrafu 8].

… jistgħu…

 

Jinkoraġġixxu il-kombinament tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma’ servizzi tal-enerġija estiżi [il-paragrafu 4].

Jistabbilixxu mekkaniżmi individwali jew jiddeżinjaw ombudsperson għal soluzzjoni tat-tilwim effiċjenti barra mill-qorti [il-paragrafu 7].

4.1.   Obbligi relatati mal-istabbiliment ta’ qafas abilitanti għas-swieq tas-servizzi tal-enerġija

Il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti fl-Artikolu 29 jirreferu għal miżuri ta’ politika li għandhom l-iskop li jtejbu t-trasparenza tas-suq u jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi potenzjali tal-enerġija għas-servizzi tal-enerġija, filwaqt li jneħħu l-ostakli għall-iżvilupp tas-suq tas-servizzi tal-enerġija (2). Il-paragrafu 1 jenfasizza li aċċess imtejjeb għall-informazzjoni tas-suq huwa partikolarment importanti għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex jaċċettaw offerti ta’ servizzi tal-enerġija (3). Barra minn hekk, l-Artikolu 29(5) jirrikjedi aktar miżuri speċifikament għas-settur pubbliku (ara l-kapitolu 4.2 ta’ dawn il-linji gwida).

4.1.1.   Miżuri effettivi ta’ informazzjoni u tixrid

4.1.1.1.   Qafas legali

L-Artikolu 29(1), (3) u (6) jirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni dwar kuntratti ta’ servizzi tal-enerġija, strumenti finanzjarji, fornituri ta’ servizzi tal-enerġija kwalifikati jew iċċertifikati, metodoloġiji ta’ kejl u ta’ verifika, korpi konsultattivi u tikketti tal-kwalità faċilment aċċessibbli permezz ta’ siti web, linji gwida, jew manwali apposta.

4.1.1.2.   Linji gwida

Biex tissaħħaħ l-effettività ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, jistgħu jiġu previsti miżuri ta’ politika addizzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess għal dik l-informazzjoni għall-gruppi fil-mira, meta jkunu fil-fatt qed jiddeċiedu dwar l-implimentazzjoni ta’ investimenti fl-iffrankar tal-enerġija. Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju:

—

miżuri li jorbtu direttament l-informazzjoni dwar is-servizzi tal-enerġija mal-awditi tal-enerġija. Tali informazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-mudell tar-rapport tal-awditjar. Barra minn hekk, huwa utli jekk ir-rapport tal-awditjar ikun fih informazzjoni dwar fornituri ta’ servizzi tal-enerġija kwalifikati jew iċċertifikati u dwar servizzi ta’ konsulenza;

—

bl-istess mod, l-iskemi ta’ appoġġ pubbliku għall-awditi tal-enerġija f’setturi mhux koperti mill-obbligu fl-Artikolu 11 jistgħu jirrikjedu informazzjoni obbligatorja dwar l-għażla tas-servizzi tal-enerġija bħala kundizzjoni ta’ finanzjament;

—

fis-settur tal-bini residenzjali, iċ-ċentri ta’ konsulenza dwar l-enerġija, bħal punti uniċi ta’ servizz, jistgħu jintegraw dejjem aktar l-informazzjoni dwar is-servizzi tal-enerġija fis-servizzi ta’ konsulenza tagħhom.

4.1.2.   Servizzi dedikati ta’ faċilitazzjoni u ta’ konsulenza

4.1.2.1.   Qafas legali

Meta mqabbel mad-Direttiva 2012/27/UE, l-Artikolu 29(6), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2023/1791 isaħħaħ ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu u jippromwovu korpi konsultattivi u intermedjarji tas-suq indipendenti biex jistimulaw l-iżvilupp tas-swieq tas-servizzi tal-enerġija.

Il-korpi konsultattivi u l-intermedjarji indipendenti jistgħu jiffaċilitaw l-użu tas-servizzi tal-enerġija, pereżempju billi jiżviluppaw mudelli ta’ implimentazzjoni jew billi jipprovdu assistenza fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-proċessi tal-akkwist. (4)

Ir-rekwiżit fl-Artikolu 29(6), il-punt (c), huwa bbażat fuq l-osservazzjoni kkonfermata mill-aħħar rapport tal-JRC (5) li dawk l-Istati Membri jew segmenti tas-suq fejn is-servizzi ta’ faċilitazzjoni huma stabbiliti sew u faċilment aċċessibbli juru żvilupp aħjar tas-swieq tas-servizzi tal-enerġija. (6)

4.1.2.2.   Linji gwida

Dawn li ġejjin huma eżempji kif l-Istati Membri jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżit li jistabbilixxu u li jippromwovu korpi konsultattivi u intermedjarji tas-suq indipendenti:

—

billi jistabilixxu ċentri ta’ konsulenza għas-servizzi tal-enerġija billi jestendu l-kompiti tal-aġenziji tal-enerġija jew il-punti uniċi ta’ servizz eżistenti  (7);

—

billi jipprovdu għotjiet ta’ assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti għal servizzi intermedjarji li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ servizzi tal-enerġija speċifiċi, inkluż għat-tfassil ta’ dokumenti tal-akkwist, is-superviżjoni tal-proċedura tal-għoti jew il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġett (8), f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

—

billi jistabbilixxu programmi konsultattivi speċifiċi għas-settur pubbliku: Dawn il-programmi jistgħu jkunu effettivi ħafna, speċjalment għas-settur muniċipali, fejn ħafna minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ma għandhomx biżżejjed għarfien dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ servizzi tal-enerġija. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tal-amministrazzjonijiet reġjonali u tal-gvernijiet ċentrali hemm bżonn kbir ta’ pariri mmirati dwar l-applikazzjoni prattika tas-servizzi tal-enerġija (9).

4.1.3.   Kwalifika, assigurazzjoni tal-kwalità u ċertifikazzjoni

4.1.3.1.   Qafas legali

L-Artikolu 29(2) jiddikjara li l-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ tikketti ta’ kwalità, abbażi ta’ standards Ewropej jew internazzjonali fejn rilevanti (10).

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29(3), l-Istati Membri jridu jxerrdu informazzjoni dwar fornituri kwalifikati ta’ servizzi tal-enerġija billi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, u jaġġornaw regolarment, lista ta’ fornituri ta’ servizzi tal-enerġija disponibbli inklużi l-kwalifiki jew iċ-ċertifikazzjonijiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu interfaċċa fejn il-fornituri tas-servizzi tal-enerġija jistgħu jipprovdu tali informazzjoni huma stess.

Dawk id-dispożizzjonijiet jindirizzaw l-ostaklu osservat ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-effettività tas-servizzi tal-enerġija (11). Ħafna konsumaturi tal-enerġija għadhom ma jafdawx il-wegħdiet tas-servizzi tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin ma jridux jew ma jistgħux jimplimentaw miżuri ta’ effiċjenza enerġetika ekonomikament fattibbli bl-investimenti tagħhom stess.

4.1.3.2.   Linji gwida

Għalkemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 29(2) u (3) kienu diġà fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2012/27/UE, kważi ma hemm l-ebda tikketta tal-kwalità dwar is-servizzi tal-enerġija. Barra minn hekk, fejn diġà jeżistu tikketti tal-kwalità, l-għarfien tagħhom fost il-konsumaturi u l-fornituri tal-enerġija huwa baxx. (12)

Sabiex jiżguraw l-iżvilupp u l-użu b’suċċess tat-tikketti tal-kwalità fis-suq, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jimplimentaw firxa ta’ miżuri, li jkun fihom b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:

—

l-istabbiliment ta’ pjattaforma nazzjonali fejn il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jistgħu jikkollaboraw biex jistabbilixxu skema nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jew “tikketta tal-kwalità” għas-servizzi tal-enerġija. Peress li f’ħafna Stati Membri l-fornituri tas-servizzi tal-enerġija mhumiex ippreparati u organizzati biżżejjed biex jiżviluppaw skemi effettivi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għas-servizzi tal-enerġija waħedhom, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkunsidraw li jkunu minn ta’ quddiem, pereżempju permezz tal-aġenziji tal-enerġija. Kemm jekk l-iskemi jiġu stabbiliti mis-settur innifsu jew jinħolqu mill-awtoritajiet pubbliċi, biex jiksbu affidabbiltà u fiduċja fis-suq għandhom fi kwalunkwe każ jiġu vverifikati, rikonoxxuti u promossi mill-awtoritajiet rilevanti;

—

l-appoġġ tal-iżvilupp ta’ kriterji tekniċi ta’ kwalità għas-servizzi tal-enerġija. Għalkemm jeżisti fehim komuni fost l-esperti tal-elementi ewlenin li jiddefinixxu l-kwalità fil-proġetti tas-servizzi tal-enerġija, ovvjament mhux dawn l-elementi kollha huma ugwalment importanti għal kull segment tas-suq fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, kull Stat Membru jista’ jiddefinixxi sett ta’ kriterji ta’ kwalità għas-servizzi tal-enerġija, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha tas-suq u b’referenza għall-istandards Ewropej jew internazzjonali applikabbli, bħal EN 17669:2022 (Kuntratti għar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija – Rekwiżiti minimi); IPMVP (Protokoll Internazzjonali dwar il-Kejl u l-Verifika tar-Rendiment) u ISO 50046 (kejl u verifika tal-iffrankar tal-enerġija). L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw u jiksbu appoġġ minn proġetti ddedikati ffinanzjati mill-UE biex jiskambjaw prattika tajba u jiddefinixxu kriterji ta’ kwalità komuni (13). Il-kriterji tal-kwalità jgħinu biex tissawwar ir-relazzjoni bejn il-fornitur tas-servizz tal-enerġija u l-konsumatur tal-enerġija, u b’hekk jitnaqqsu l-kost tat-tranżazzjoni u r-riskju ta’ falliment tal-proġett;

—

itejbu l-kwalità tas-servizzi. Fil-prinċipju, tikketta tal-kwalità tista’ tirreferi għas-servizzi tal-enerġija jew għall-fornituri tas-servizzi tal-enerġija. Il-kapaċità teknika tal-fornitur tas-servizz tal-enerġija tista’ tintwera minn għadd suffiċjenti ta’ proġetti ta’ referenza ta’ kwalità għolja, evalwati skont il-kriterji tal-kwalità teknika definiti. Madankollu, huwa importanti li l-iskemi nazzjonali ta’ tikkettar ma joħolqux ostaklu għad-dħul għall-fornituri tas-servizzi minn Stati Membri oħra. Għal din ir-raġuni, f’każ li tikketta tal-kwalità ssir kundizzjoni biex jiġi pprovdut servizz, it-tikketti maħruġa fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu rikonoxxuti, fejn rilevanti f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni b’rabta mas-servizzi, jekk ikunu bbażati fuq kriterji ta’ kwalità ekwivalenti jew komuni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-istandards Ewropej elenkati fil-punt (b);

—

jappoġġaw proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità kosteffiċjenti: Fi swieq immaturi, il-kostijiet ta’ proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jistgħu jkunu ostaklu għall-parteċipanti fis-suq. Għalhekk huwa rrakkomandat li xi wħud minn dawn il-kostijiet jitħallsu mill-fondi pubbliċi, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, jew li istituzzjoni pubblika tieħu ħsieb l-assigurazzjoni tal-kwalità, billi;

—

tagħti appoġġ pubbliku għall-penetrazzjoni fis-suq tal-iskema tal-assigurazzjoni tal-kwalità, billi tuża s-sett ta’ miżuri li ġejjin:

(i)

timplimenta attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni flimkien mal-attivitajiet ta’ tixrid li huma meħtieġa skont l-Artikolu 29(1)

(ii)

tuża kriterji ta’ kwalità relatati mal-fornituri tas-servizzi tal-enerġija fi skemi ta’ sussidju pubbliku.

(iii)

tapplika skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità f’offerti pubbliċi u tipprovdi taħriġ lill-korpi pubbliċi dwar kif il-kriterji tekniċi tal-kwalità għandhom jiġu integrati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-akkwist, anke fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 29(4) u (5), kif deskritt fit-taqsima 4.2. ta’ dawn il-linji gwida.

4.2.   Obbligi relatati ma’ użu akbar u aħjar tas-servizzi tal-enerġija mill-korpi pubbliċi

4.2.1.   Qafas legali

Skont l-Artikolu 29(4), l-Istati Membri jridu jippromwovu u jiżguraw, fejn ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, l-użu tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew servizzi oħra tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment għar-rinnovazzjonijiet ta’ bini kbir (aktar minn 750 m2) li jkun proprjetà ta’ korpi pubbliċi (14). Għalhekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-fattibbiltà ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment għal proġetti ta’ rinnovazzjoni maħsuba għal bini mhux residenzjali tiġi vvalutata mill-korpi pubbliċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu lill-korpi pubbliċi jikkombinaw l-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma’ servizzi tal-enerġija estiżi, inkluż ir-rispons tad-domanda u l-ħżin.

Barra minn hekk, l-Artikolu 29(5), li l-kontenut tiegħu kien diġà parti mid-Direttiva 2012/27/UE, jirrikjedi li l-Istati Membri jappoġġaw lis-settur pubbliku fl-adozzjoni ta’ offerti ta’ servizzi tal-enerġija billi jipprovdu kuntratti mudell konformi mal-Gwida tal-Eurostat (15), u billi jikkondividu informazzjoni dwar proġetti ta’ servizzi tal-enerġija ta’ prattika tajba implimentati u kontinwi fis-settur pubbliku.

4.2.2.   Valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-użu ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment

L-implimentazzjoni tal-Artikolu 29(4) se tgħin fil-kisba tal-mira ta’ tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija tal-korpi pubbliċi fl-Artikolu 5 u fil-kisba tal-obbligu ta’ rinnovazzjoni fil-livell ta’ NZEB tal-bini tal-korpi pubbliċi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Madankollu, dan se jirrikjedi li wieħed imur lil hinn mill-operazzjoni kummerċjali attwali għall-qasam fejn ftit li xejn hemm esperjenza fl-użu tal-mudell tal-ESCO (rinnovazzjoni profonda, tip ta’ xogħlijiet tal-involukru tal-bini). Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29, jekk jiġu implimentati b’mod effettiv fil-prattika, għandhom jiffaċilitaw dan l-iżvilupp tan-negozju aktar riskjuż u aktar kumpless. Jekk ikunu teknikament u ekonomikament fattibbli, għandhom jintużaw servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment, bħall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EnPC, energy performance contracting), biex jitwettqu rinnovazzjonijiet fl-istokk kollu tal-bini pubbliku. L-istudju ta’ fattibbiltà meħtieġ skont l-Artikolu 29(4) għall-bini mhux residenzjali jkun l-istrument preferut biex jintgħażlu l-każijiet vijabbli mill-każijiet mhux vijabbli. Il-fatt li bini mhux residenzjali jsir soġġett għall-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-EnPC obbligatorja huwa ġġustifikat mill-fatt li tali bini jipprevali fl-istokk tal-bini li huwa proprjetà ta’ korpi pubbliċi, filwaqt li l-possibbiltà li l-akkomodazzjoni soċjali tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ rinnovazzjoni skont l-Artikolu 6 tagħmel il-valutazzjoni obbligatorja de facto mhux applikabbli għall-akkomodazzjoni soċjali pubblika.

4.2.3.   Linji gwida

Il-valutazzjoni tal-fattibbiltà għal servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment tista’ tiġi inkorporata f’għodod ta’ ppjanar fit-tul, bħall-pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni jew tal-enerġija sostenibbli li jridu jiġu elaborati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali f’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Tali pjanijiet għandhom jinkludu analiżi tal-portafoll u pjan direzzjonali ta’ rinnovazzjoni għall-istokk tal-bini pubbliku, li jkopri mhux biss rinnovazzjoni profonda iżda wkoll investimenti kontinwi ta’ tiswija u ta’ titjib, kif meħtieġ għall-bini individwali. Naturalment, l-ambitu tal-pjan direzzjonali ta’ rinnovazzjoni għandu jkollu l-għan li jilħaq il-miri ta’ politika f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija (l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2023/1791), ir-rata ta’ rinnovazzjonijiet (l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2023/1791) u t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Dan għandu jiġi integrat ukoll fil-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni tal-Bini, kif stabbilit fl-Artikolu 3 u fl-Anness II tar-Riformulazzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

L-Illustrazzjoni 1 turi kif pjan direzzjonali ta’ rinnovazzjoni jista’ jservi bħala bażi għall-valutazzjoni tal-fattibbiltà għal servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment. Fl-ewwel pass, il-korp pubbliku jista’ jkun jixtieq li japplika implimentazzjoni interna permezz ta’ servizz u xogħlijiet kuntrattwali konvenzjonali, li jirrikjedu biżżejjed riżorsi finanzjarji u interni tal-persunal. . Madankollu, ħafna korpi pubbliċi jbatu minn nuqqas ta’ riżorsi umani, ostakli organizzattivi u restrizzjonijiet finanzjarji, li ġeneralment jagħmluha diffiċli (jew saħansitra impossibbli) għalihom biex jimplimentaw il-lista sħiħa ta’ proġetti ta’ rinnovazzjoni bir-riżorsi proprji tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-riżorsi tal-persunal mhumiex biss esperti fid-dipartiment tal-ippjanar, iżda wkoll esperti għall-operat u l-manutenzjoni ottimali tal-bini bil-ħsieb li jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija maħsub fil-prattika.

Illustrazzjoni 1

Valutazzjoni tal-fattibbiltà għal proġetti ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment ibbażati fuq l-ippjanar ta’ rinnovazzjoni fit-tul

Image 1

L-aspetti li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-EnPC:

—

il-karatteristiċi tal-bini u speċjalment il-konsum tal-enerġija tiegħu (u l-livelli tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jekk l-EnPC għandu jkoprihom) u l-kundizzjonijiet tal-provvista tal-enerġija (bħal ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija, jekk ikun hemm). L-iffrankar potenzjali tal-enerġija għandu jkun biżżejjed biex il-kuntratt isir ekonomikament vijabbli u jiġġustifika l-investimenti;

—

il-karatteristiċi ta’ rinnovazzjoni (l-objettivi, il-ħtiġijiet, il-limitazzjonijiet baġitarji, il-perjodu ta’ żmien) u speċifikament jekk ir-rinnovazzjoni prevista tkun inizjalment mingħajr miżuri ta’ konservazzjoni tal-enerġija (pereżempju, it-tibjid mill-ġdid tal-faċċata), peress li tali rinnovazzjonijiet huma opportunità biex jittejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (pereżempju, jittejjeb l-iżolament);

—

il-ħatra tal-parti rilevanti (esterna jew interna) biex twettaq il-valutazzjoni tal-fattibbiltà.

B’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet li jeskludu kompletament l-użu tal-EnPC huma rari, prinċipalment ikkawżati minn ostakli proċedurali, pereżempju, fil-proċeduri tal-offerti (madankollu, tali ostakli għandhom jitneħħew progressivament abbażi tal-Artikolu 29(6), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2023/1791) jew minn immaturità tas-suq biex offerta jew sejħa għal proġetti ma tirnexxix minħabba nuqqas ta’ fornituri tal-EnPC fis-suq. Madankollu, il-kumplessità tal-proġett u perjodu twil ta’ ħlas lura (pereżempju, fil-każ ta’ rinnovazzjoni profonda għal-livell ta’ NZEB) jistgħu jkunu wkoll ostaklu għall-użu tal-EnPC.

Id-deterrenza fil-proċeduri tal-offerti għall-fornituri tas-servizzi tal-EnPC, li ġiet irrappurtata ta’ spiss mill-parteċipanti fis-suq, tikkonsisti f’informazzjoni insuffiċjenti inkluża fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta li tippermetti lill-offerenti jissottomettu offerti. Fil-fatt, l-iżvilupp ta’ kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jeħtieġ analiżi fil-fond tal-bini kkonċernat u l-użi tal-enerġija tiegħu. Għalhekk, għandu jkun hemm biżżejjed żmien u persunal espert previsti għat-tħejjija tad-dokumenti tal-akkwist, li jirrikorru għal esperti esterni jew xiri konġunt (pereżempju, l-użu ta’ Korpi Ċentrali għall-Akkwisti) meta jkun meħtieġ.

Għalkemm ma hemm l-ebda kriterju strett ta’ esklużjoni teknika jew ekonomika għall-użu tal-EnPC għar-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku, il-valutazzjoni tal-fattibbiltà tista’ tinkludi b’mod partikolari l-mistoqsijiet ta’ gwida li ġejjin:

—

il-proġett ta’ rinnovazzjoni huwa kbir biżżejjed? Is-servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment jirrikjedu ċertu valur kuntrattwali minimu jew iffrankar assolut kbir tal-enerġija sabiex l-iffrankar tal-kostijiet ikun jista’ jkopri l-kostijiet kollha inklużi l-kostijiet tat-tranżazzjoni. (17), minħabba li l-fornituri tas-servizzi tal-enerġija jeħtieġ li jkopru mhux biss il-kost tal-proġett, iżda wkoll il-kost tal-offerti u kostijiet oħra tat-tranżazzjonijiet mid-dħul mistenni;

—

huwa possibbli li jiġu raggruppati proġetti ta’ rinnovazzjoni li inizjalment jiġu vvalutati bħala fuq skala żgħira wisq? Jekk jiġu raggruppati rinnovazzjonijiet żgħar u awtonomi, dawn jistgħu jsiru attraenti għal proġetti ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment. Ir-raggruppament ta’ proġetti huwa ġeneralment aktar faċli jekk il-bini jew il-faċilitajiet jappartjenu għall-istess sid jekk ikunu qrib ħafna, u jekk l-istruttura tal-użu tkun simili (pereżempju, l-iskejjel);

—

il-bini jew il-faċilità mistennija li tintuża mill-korp pubbliku għat-tul ta’ żmien kollu maħsub tal-kuntratt? Kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jikkostitwixxi servizz fuq diversi snin (18) mill-fornitur tas-servizzi tal-enerġija relatat ma’ bini jew faċilità waħda jew aktar, u spiss ikun ta’ żvantaġġ għall-klijent li jittermina l-kuntratt qabel iż-żmien;

—

jeżisti kuntratt ta’ operat u manutenzjoni li jimpedixxi l-bini? Fil-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, it-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-bini normalment ikunu parti mill-pakkett ta’ servizzi u taħt ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi tal-enerġija. Jekk ikun hemm kuntratt ta’ tħaddim u manutenzjoni fit-tul ma’ fornitur ta’ servizz ieħor li ma jistax jiġi tterminat, l-esperjenza wriet li jkun diffiċli ħafna li jiġu definiti limiti ċari bejn iż-żewġ fornituri tas-servizz, li jista’ jikkomplika ħafna l-implimentazzjoni tal-proġett tas-servizz tal-enerġija;

—

il-metodoloġiji tal-kejl u tal-verifika huma disponibbli u jistgħu jiġu applikati b’kost raġonevoli? Is-servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment jirrikjedu sforz konsiderevoli biex jitkejjel jew jiġi evalwat r-rendiment (19) permezz ta’ metodoloġiji ta’ kejl u ta’ verifika, peress li r-remunerazzjoni tiddependi fuq ir-rendiment imkejjel. Il-kost għall-kejl u għall-verifika għandu jkun raġonevolment proporzjonat mal-iffrankar tal-kostijiet li jista’ jinkiseb jew ma’ dħul ieħor tal-proġett (20).

Minbarra l-mistoqsijiet ta’ fattibbiltà msemmija hawn fuq fil-punti (a) sa (e), li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ servizz tal-enerġija bbażat fuq ir-rendiment, jeżistu xi fatturi ta’ restrizzjoni oħra. Dawk il-fatturi ma jagħmlux fundamentalment l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ servizz tal-enerġija bbażat fuq ir-rendiment impossibbli iżda jridu jitqiesu. Dawn ma għandhomx jintużaw bħala kriterji ta’ esklużjoni fil-valutazzjoni tal-fattibbiltà, iżda jistgħu jiġu applikati bħala parametri supplimentari biex tiġi vvalutata b’mod realistiku s-sitwazzjoni ġenerali. L-aktar fatturi ta’ restrizzjoni importanti huma:

—

rinnovazzjoni profonda: sa issa ġiet implimentata biss fi ftit proġetti bħala parti minn servizz tal-enerġija bbażat fuq ir-rendiment. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-kostijiet ogħla tal-investiment ġeneralment jirrikjedu perjodi kuntrattwali ta’ aktar minn 15-il sena. Barra minn hekk, il-proġetti ta’ rinnovazzjoni profonda spiss jiġu kkombinati ma’ sussidji għall-investiment, u l-aċċess għas-sussidji għall-investiment jista’ jkun aktar ikkumplikat għal proġetti ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment milli għall-implimentazzjoni interna (21). Biex jingħeleb dan l-ostaklu, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament li jippermettu t-taħlit tas-sussidji pubbliċi ma’ finanzjament privat jistgħu jkunu għażla interessanti, speċjalment biex jiġi kopert ir-riskju addizzjonali tal-kuntratt ta’ garanzija tar-rendiment fit-tul li s-settur privat jaf ma jkunx lest li jkopri. Il-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jikkombina għotjiet u strumenti finanzjarji biex jappoġġa l-użu tal-EnPC għal rinnovazzjoni profonda. L-iskeda informattiva fi-compass dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-effiċjenza enerġetika permezz tal-Ikkuntrattar tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija bi Strumenti Finanzjarji tal-FEŻR fil-Polonja (22) hija fil-biċċa l-kbira applikabbli wkoll fi Stati Membri oħra u rilevanti għal tipi differenti ta’ bini, inkluż bini residenzjali pubbliku, użat kummerċjalment jew b’aktar minn appartament wieħed;

—

konformità man-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat  (23) : jekk proġett ta’ servizz tal-enerġija bbażat fuq ir-rendiment ma jissodisfax ir-rekwiżiti fin-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat dwar ir-reġistrazzjoni tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-kontijiet tal-gvern, il-proġett xorta jista’ jkun xieraq, iżda l-vantaġġ li l-investiment ma jkunx kompletament responsabbli għad-dejn u d-defiċit tal-gvern jintilef. (24)

B’kollox, il-valutazzjoni tal-fattibbiltà għandha sservi biex tiffiltra dawk il-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet tekniċi inizjali jew l-istruttura istituzzjonali jagħmlu l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ servizz tal-enerġija bbażat fuq ir-rendiment ekonomikament żvantaġġuża. Il-proġetti ta’ rinnovazzjoni li ma jgħaddux mill-valutazzjoni tal-fattibbiltà jkollhom jitwettqu permezz tal-implimentazzjoni interna, jiġifieri bl-użu ta’ akkwist tradizzjonali ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni. Min-naħa tagħhom, il-proġetti li inizjalment kienu maħsuba għall-implimentazzjoni interna issa jistgħu jiġu assenjati mill-ġdid għall-implimentazzjoni bl-użu ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment. Għal proġetti ta’ rinnovazzjoni li jgħaddu mill-valutazzjoni tal-fattibbiltà — jiġifieri, proġetti li huma kbar biżżejjed, jew waħedhom jew bħala pakkett ta’ proġetti, għandhom perjodi ta’ użu maħsuba suffiċjenti, l-ebda kuntratt ta’ operat u manutenzjoni li jkun għaddej, u li għalihom jistgħu jiġu applikati metodi ta’ kejl u ta’ verifika stabbiliti sew — il-korp pubbliku għandu jħejji proġett xieraq ta’ servizz tal-enerġija u jakkwistah f’konformità mar-regoli applikabbli tal-akkwist pubbliku (25). Jekk l-akkwist ma jirċevix offerti sodisfaċenti mill-fornituri tas-servizzi tal-enerġija, jista’ jkun li s-servizz tal-enerġija ma jkunx teknikament u ekonomikament fattibbli. Madankollu, ir-raġuni għaliex ma rċevietx offerti sodisfaċenti tista’ tkun ukoll li l-ambitu tal-proġett tas-servizz tal-enerġija kien imfassal b’mod mhux xieraq, jew li l-fornituri potenzjali tas-servizzi tal-enerġija ma kellhomx kapaċitajiet suffiċjenti fir-reġjun partikolari jew fi żmien partikolari. Sabiex jimmitigaw dan ir-riskju, l-Istati Membri jridu jipproponu mudelli ta’ kuntratti skont l-Artikolu 29(5), il-punt (a), u huma rakkomandati li jadattaw il-proċeduri tal-akkwist biex iżidu s-suċċess tal-proċessi tal-offerti.

4.3.   Kuntratti mudell dwar l-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

4.3.1.   Qafas legali

L-Artikolu 29(5), il-punt (a), jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu kuntratti mudell għall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-settur pubbliku. Minbarra l-istandards rilevanti u l-linji gwida disponibbli għas-sejħiet għall-offerti, il-kuntratti mudell iridu jqisu n-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat dwar ir-reġistrazzjoni tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-kontijiet tal-gvern b’mod partikolari (26).

4.3.2.   Linji gwida

In-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat dwar ir-reġistrazzjoni tal-Kuntratti tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija fil-kontijiet tal-gvern tispjega kif ir-regoli tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA 2010 (27)) għandhom japplikaw għall-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Din toffri lill-awtoritajiet pubbliċi opportunità biex iwettqu investimenti fl-effiċjenza enerġetika bl-użu tat-teknoloġija, l-għarfien espert u l-finanzi tas-settur privat mingħajr impatt negattiv fuq il-kontijiet pubbliċi. Għal dan l-iskop, telenka l-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jistgħu jiġu rreġistrati barra l-karti tal-bilanċ tal-gvern. L-aktar kundizzjonijiet importanti huma:

—

il-fornitur tas-servizz tal-enerġija għandu jġorr il-maġġoranza tar-riskji u għandu jirċievi benefiċċji relatati mal-użu tal-assi tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u b’mod partikolari, ir-riskji tar-rendiment, tal-manutenzjoni u tar-rinnovazzjoni, sabiex is-sjieda ekonomika tal-assi sottostanti titqies li tibqa’ f’idejn il-fornitur tas-servizz tal-enerġija;

—

huwa biss l-investiment kapitali li jwassal għall-iffrankar tal-enerġija u għal estensjoni limitata tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li huwa eliġibbli biex jiġi rreġistrat barra l-karti tal-bilanċ tal-gvern.

—

l-investiment kapitali għandu jiġi kkumpensat bis-sħiħ minn iffrankar strettament relatat mat-titjib fl-effiċjenza enerġetika, filwaqt li ffrankar ieħor (pereżempju, l-iffrankar tal-kostijiet tal-persunal) ma għandux jitqies.

B’mod ġenerali, in-Nota ta’ gwida tal-Eurostat għandha impatt pożittiv fuq l-aġġornament tal-EnPC fis-settur pubbliku, minħabba li tippermetti li xi proġetti tal-ESCO jiġu rreġistrati barra mill-karta tal-bilanċ fil-kontijiet pubbliċi. Madankollu, xi kundizzjonijiet elenkati hawn fuq jistgħu jillimitaw il-possibbiltà li l-investimenti pubbliċi jiġu rreġistrati barra mill-karti tal-bilanċ tal-gvern. B’mod partikolari għal proġetti ta’ rinnovazzjoni profonda, il-kundizzjonijiet mhumiex faċli biex jiġu ssodisfati minħabba l-ħtieġa għad-durata pjuttost twila tal-kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-finanzjament minn programmi u investimenti Ewropej, bħall-FEŻR jew l-RRF jista’ jitnaqqas mill-investiment kapitali meta jiġi kkalkulat l-investiment kapitali meta mqabbel mat-tfaddil. L-iżvilupp ta’ kuntratti mudell għall-użu tal-EnPC fis-settur pubbliku li jiżgura l-konformità mal-gwida tal-Eurostat jista’ jgħin biex jingħeleb dan l-ostaklu.

Meta jiżviluppaw u jipprovdu l-kuntratti mudell konformi man-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-aspetti li ġejjin kif stabbilit fil-Gwida Eurostat-BEI (28):

—

l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika għandhom ikunu involuti direttament fit-tħejjija ta’ kuntratti mudell, peress li huma dawk li huma responsabbli għar-rappurtar tal-kontijiet pubbliċi lill-Eurostat. Huwa importanti li dawk responsabbli fl-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jkunu infurmati tajjeb dwar il-karatteristiċi ewlenin u l-applikazzjonijiet prattiċi tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u servizzi oħra tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment;

—

il-kuntratt mudell għandu jagħmel l-aħjar użu mill-flessibbiltà offruta min-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat, biex jippermetti l-applikazzjoni prattika tiegħu fuq skala kbira kemm jista’ jkun. Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu indirizzati b’mod partikolari: l-elaborazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali għall-manutenzjoni u għat-tiswija, li jittrasferixxu r-riskju tal-investiment lill-fornitur tas-servizz tal-enerġija iżda li ma jaffettwawx bla bżonn il-vijabbiltà ekonomika tal-proġett billi jimponu kostijiet addizzjonali; l-iffaċilitar tad-durati tal-kuntratti fit-tul għar-rifinanzjament ta’ rinnovazzjonijiet profondi mill-iffrankar tal-enerġija; il-possibbiltà ta’ taħlit tal-proġett tas-servizz tal-enerġija ma’ sussidji pubbliċi pereżempju fil-forma ta’ għotjiet jew strumenti finanzjarji (29), f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

—

kuntratt mudell ma għandux neċessarjament ikun kuntratt abbozzat b’mod sħiħ; minflok, għandu jkopri l-formulazzjoni ta’ dawk l-elementi tal-kuntratt li huma kritiċi fil-kuntest ta’ kontabbiltà barra jew fuq il-bilanċ ta’ investiment tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, filwaqt li partijiet oħra jistgħu jibqgħu flessibbli.

4.4.   Kombinament tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma’ servizzi tal-enerġija estiżi

4.4.1.   Qafas legali

L-Artikolu 29(4), it-tieni subparagrafu, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu lill-korpi pubbliċi jikkombinaw l-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma’ servizzi tal-enerġija estiżi, inkluż ir-rispons tad-domanda u l-ħżin.

Dik id-dispożizzjoni tistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-korpi pubbliċi biex jixprunaw l-iżvilupp tas-suq lejn il-kombinament ta’ elementi ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda, bħas-servizzi ta’ rispons tad-domanda ma’ proġetti ta’ servizzi tal-enerġija.

4.4.2.   Linji gwida

Biex jiġi implimentat l-Artikolu 29(4), it-tieni subparagrafu, għażla waħda tkun li tinħoloq il-possibbiltà ta’ oġġetti ta’ offerti fakultattivi fl-offerti tas-servizz pubbliku tal-enerġija, u b’hekk l-offerenti jingħataw l-opportunità li jintegraw is-servizzi ta’ rispons tad-domanda fl-offerti tagħhom.

B’dan il-mod, il-proġetti tas-servizzi tal-enerġija mhux biss jikkontribwixxu għal effiċjenza enerġetika mtejba, iżda wkoll għal sistema tal-elettriku aktar effiċjenti li tippermetti integrazzjoni aħjar tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli billi tiżdied il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda. Dan iġib ukoll flussi ta’ dħul addizzjonali għall-fornituri tas-servizzi, jiżviluppa swieq ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda u jipprovdi benefiċċji usa’ lis-settur pubbliku u lis-soċjetà inġenerali, inkluż lill-komunitajiet lokali (30). Diversi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni esploraw din id-direzzjoni tal-iżvilupp tan-negozju, u r-riżultati u s-sejbiet tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati meta tiġi indirizzata l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (31).

5.   OBBLIGI RELATATI MAT-TNEĦĦIJA TA’ OSTAKLI REGOLATORJI U MHUX REGOLATORJI

5.1.   Qafas legali

L-Artikolu 29(6), il-punt (b), jirrikjedi li l-Istati Membri jappoġġaw il-funzjonament xieraq tas-swieq tas-servizzi tal-enerġija billi jneħħu l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29(8), l-Istati Membri jridu jiżguraw li d-distributuri tal-enerġija, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-kumpaniji tal-bejgħ tal-enerġija bl-imnut joqogħdu lura minn kwalunkwe attività li timpedixxi l-forniment ta’ servizzi tal-enerġija.

5.2.   Linji gwida

Sabiex jinftiehmu aħjar l-ostakli li jfixklu l-iżvilupp pożittiv tas-swieq tas-servizzi tal-enerġija, huwa rrakkomandat bil-qawwa li l-Istati Membri jwettqu analiżi fil-fond tas-suq li tinvolvi partijiet ikkonċernati minn segmenti differenti tas-suq, inklużi l-konsumaturi tal-enerġija (pubbliċi, privati, SMEs, residenzjali, eċċ.), il-fornituri tas-servizzi tal-enerġija, l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament u l-faċilitaturi tas-suq. Dik l-analiżi tipprovdi bażi solida għall-istabbiliment tal-aktar strumenti ta’ politika xierqa u ta’ benefiċċju biex jittejbu s-swieq tas-servizzi tal-enerġija. (32)

6.   REKWIŻITI TA’ PPJANAR U TA’ RAPPURTAR

6.1.   Dispożizzjonijiet applikabbli dwar l-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u għall-klima

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33) jirrikjedi li l-Istati Membri jissottomettu sat-30 ta’ Ġunju 2024, u sussegwentement sal-1 ta’ Jannar 2034 u kull 10 snin minn hemm ’il quddiem, aġġornament tal-aħħar pjan nazzjonali integrat innotifikat tagħhom dwar l-enerġija u l-klima (NECP). L-Artikolu 14(1) ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu abbozz ta’ aġġornament tal-NECP sena qabel l-iskadenza fl-Artikolu 14(2).

Ir-rekwiżiti tal-ippjanar fir-rigward tas-servizzi tal-enerġija huma msemmija fl-Anness I, il-parti 1, it-Taqsima A, il-punt 3.2. (iii) tar-Regolament (UE) 2018/1999. L-informazzjoni rilevanti li trid tiġi inkluża fl-NECP relatata mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 għandha tinkludi d-deskrizzjoni tal-politika u l-miżuri għall-promozzjoni tas-servizzi tal-enerġija fis-settur pubbliku u miżuri biex jitneħħew l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji li jimpedixxu l-adozzjoni tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u mudelli oħra ta’ servizzi tal-effiċjenza enerġetika.

6.2.   Rappurtar tal-Progress

6.2.1.   Qafas legali

Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar il-politiki u l-miżuri għall-promozzjoni tas-servizzi tal-enerġija huma stabbiliti fl-Artikolu 21, il-punt (b)(5), u fl-Anness IX, il-Parti 2, il-punti (a) u (k), tar-Regolament (UE) 2018/1999.

L-Artikolu 21, il-punt (b)(5), tar-Regolament (UE) 2018/1999 jirrikjedi li l-Istati Membri jinkludu politika u miżuri fir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima biex jippromwovu s-servizzi tal-enerġija fis-settur pubbliku u miżuri biex jitneħħew l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji li jimpedixxu l-adozzjoni tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u mudelli oħra ta’ servizzi tal-effiċjenza enerġetika.

6.2.2.   Linji gwida

F’konformità mal-Anness IX, il-Parti 2, il-punti (a) u (k), tar-Regolament (UE) 2018/1999 u flimkien mal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791, l-informazzjoni rilevanti li trid tiġi inkluża fir-rapporti ta’ progress nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 29 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

—

miżuri ta’ politika biex tittejjeb it-trasparenza ġenerali tas-swieq tas-servizzi tal-enerġija skont l-Artikolu 29(1), (3) u (6) tad-Direttiva (UE) 2023/1791, u b’mod partikolari, il-link tal-internet għas-sit web bil-lista jew l-interfaċċa tal-fornituri tas-servizzi tal-enerġija li huma kwalifikati jew iċċertifikati u l-kwalifiki jew iċ-ċertifikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva;

—

id-disponibbiltà ta’ tikketti ta’ kwalità [l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva (UE) 2023/1791] u l-użu reali tagħhom mill-fornituri tas-servizzi tal-enerġija (għadd ta’ fornituri ta’ servizzi ttikkettati);

—

id-disponibbiltà ta’ kuntratti mudell għall-korpi pubbliċi li huma konformi mal-Gwida tal-Eurostat dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Kuntratti għar-Rendiment tal-Enerġija fil-kontijiet tal-gvern, u eżempji ta’ tali kuntratti mudell (jew meta jkunu disponibbli għall-pubbliku);

—

bażi tad-data pubblika għal proġetti ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment implimentati u li għaddejjin kif ukoll eżempji magħżula ta’ prattika tajba fis-settur pubbliku. Barra minn hekk, jistgħu jiġu inklużi eżempji ta’ prattika tajba mis-settur privat, jekk l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli jew tkun tista’ tinġabar faċilment;

—

miżuri ta’ politika meħuda biex tiġi żgurata l-valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment għal proġetti ta’ rinnovazzjoni ta’ korpi pubbliċi.

Barra minn hekk, ir-rappurtar jista’ jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

—

miżuri oħra meħuda, jekk rilevanti, pereżempju relatati mat-tneħħija ta’ ostakli regolatorji jew mhux regolatorji jew fejn l-Istat Membru jkun eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2023/1791;

—

indikaturi ġenerali relatati mal-iżvilupp tas-suq tas-servizzi tal-enerġija, bħall-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi tal-enerġija (attivi), il-valuri totali annwali tal-kuntratti, eċċ.


(1)  Hemm xi informazzjoni oħra disponibbli fuq https://e3p.jrc.ec.europa.eu/node/190 u fir-rapport: https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC118815

(2)  Il-lista ta’ eżempji ta’ ostakli tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk: https://doi.org/10.1016/j.enpol.2017.04.023

(3)  Nuqqas ta’ trasparenza tas-suq ġeneralment jitqies bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija madwar l-Istati Membri. Fi stħarriġ imwettaq bħala parti mill-proġett tal-UE QualitEE fl-2019, 55 % tar-rispondenti identifikaw il-kumplessità tal-kunċett, kif ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni, bħala ostakli ewlenin li jipprevjenu lill-klijenti milli jużaw l-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Ir-riżultati huma simili għas-suq tal-provvista tal-enerġija, fejn 52 % tar-rispondenti ddikjaraw li n-nuqqas ta’ informazzjoni huwa l-ostaklu ewlieni għat-titjib tas-suq (il-Proġett QualitEE, Driving Investment in Energy Efficiency Services Through Quality Assurance, Rapport Finali, Diċembru 2020). L-istħarriġ jinkludi riżultati mill-pajjiżi li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit.

(4)  Bleyl J. W. et al., 2014a: ESCo Project and Market Development: A Role for “Facilitators” to Play, Including national perspectives of Task 16 experts, IEA DSM Task 16.

(5)   https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC133984

(6)  L-importanza ta’ aċċess faċli għas-servizzi ta’ faċilitazzjoni għall-iżvilupp tas-swieq ES hija kkonfermata mill-esperjenza ta’ diversi pajjiżi tal-UE (eż. l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, is-Slovenja, u Spanja). Bħalissa, huma prinċipalment l-aġenziji tal-enerġija fil-livell reġjonali, lokali u nazzjonali li jaġixxu bħala faċilitaturi, flimkien ma’ konsulenti żgħar dwar l-effiċjenza enerġetika, kumpaniji tal-awditi tal-enerġija, jew xi konsulenti legali, li joffru partijiet mis-servizzi tagħhom f’kooperazzjoni ma’ konsulenti tas-servizzi tal-enerġija b’esperjenza.

(7)  għal aktar informazzjoni ara: https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC124675

(8)  Il-programm ELENA wera li l-għotjiet ta’ assistenza teknika għal servizzi ta’ faċilitazzjoni huma mezz tajjeb biex jingħelbu l-ostakli għall-iżvilupp tal-proġetti li huma partikolarment kritiċi fil-fażi ta’ qabel l-investiment. Għalhekk, hija rakkomandata r-replikazzjoni tal-approċċ tal-programm ELENA mill-Istati Membri. Gwida dettaljata relatata mal-istrumenti ta’ finanzjament u l-assistenza teknika li trid tiġi żgurata mill-Istati Membri hija inkluża fir-Rakkomandazzjoni dwar l-Artikolu 30 (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32023H01553)

(9)  u (5) dwar ir-rwol tal-korpi pubbliċi relatati mal-istimulazzjoni tas-swieq tas-servizzi tal-enerġija fl-Istati Membri.

(10)  L-aktar standards rilevanti relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità u mal-kwalifika tas-servizzi tal-enerġija u l-fornituri tas-servizzi tal-enerġija huma dawn li ġejjin: EN 17669:2022 (Kuntratti għar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija – Rekwiżiti minimi); IPMVP (Protokoll Internazzjonali dwar il-Kejl u l-Verifika tar-Rendiment) u ISO 50046 (kejl u verifika tal-iffrankar tal-enerġija); EN 16247-1 u ISO 50002 (standards ta’ kwalità għall-awditjar tal-enerġija);

(11)  Stħarriġ implimentat fil-qafas tal-proġett QualitEE fl-2019, jindika li 55 % tal-partijiet ikkonċernati jqisu nuqqas ta’ fiduċja fl-industrija tal-fornituri tal-EES bħala ostaklu ewlieni għall-applikazzjoni prattika tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Skont l-istess stħarriġ, il-maġġoranza tar-rispondenti huma tal-fehma li aktar informazzjoni u kwalità ogħla tas-servizzi potenzjalment iżidu l-fiduċja tal-klijent u konsegwentement iżidu d-domanda. B’kollox, il-partijiet ikkonċernati intervistati appoġġaw l-idea li jiġu żviluppati u implimentati sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità biex jingħeleb in-nuqqas apparenti ta’ fiduċja fil-fornituri tas-servizzi flimkien mad-domanda baxxa tal-klijenti. (QualitEE-Project, Driving Investment in Energy Efficiency Services Through Quality Assurance, Rapport Finali, Diċembru 2020.) L-istħarriġ jinkludi riżultati mill-pajjiżi li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit.

(12)  Ftit li xejn teżisti esperjenza empirika dwar l-impatt tat-tikketti tal-kwalità fuq is-swieq tas-servizzi tal-enerġija. Ħarsa ġenerali lejn it-tentattivi f’diversi pajjiżi biex jiġu introdotti tikketti tal-kwalità għas-servizzi tal-enerġija jew għall-fornituri tas-servizzi tal-enerġija tista’ tinstab fir-rapporti tal-pajjiżi mill-proġett QualitEE: https://qualitee.eu/publications/business-cases-for-national-quality-assurance-schemes-for-energy-efficiency-services/.

(13)  L-iżvilupp ta’ kriterji ta’ kwalità għas-servizzi tal-enerġija jista’ jkun ibbażat fuq ix-xogħol estensiv ta’ bażi relatat li diġà ġie żviluppat f’diversi proġetti tal-UE, bħall-proġett QualitEE, Guidelines for European Technical Quality Criteria for Energy Efficiency Services, Marzu 2020, https://qualitee.eu/publications/guidelines-of-european-quality-criteria/.

(14)  Deskrizzjoni dettaljata tat-terminu tal-korpi pubbliċi hija inkluża fin-Nota ta’ Gwida dwar l-Artikolu 5.

(15)  In-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat, The recording of energy performance contracts in government accounts: https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/7959867/Eurostat-Guidance-Note-Recording-Energy-Perform-Contracts-Gov-Accounts.pdf/.

(16)  Id-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L, 2024/1275, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1275/oj).

(17)  Ma hemmx valur kuntrattwali minimu preċiż għas-servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment. Speċifikament għall-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, xi drabi tiġi rrappurtata firxa minima ta’ EUR 300 000 sa EUR 500 000. Il-valur kuntrattwali huwa s-somma globali tal-pagamenti ta’ remunerazzjoni lill-fornitur tas-servizz tal-enerġija matul il-perjodu kollu tal-kuntratt, u għalhekk jiddependi fuq l-ammont ta’ pagament annwali minn naħa waħda, u t-tul tal-kuntratt min-naħa l-oħra. Sa ċertu punt, il-valur minimu tal-kuntratt jista’ jiġi derivat mill-kont tal-enerġija totali attwali tal-klijent, li għalih jiġu kkwotati ripetutament ammonti ta’ mill-inqas EUR 200 000 sa EUR 300 000.

(18)  It-termini kuntrattwali tipiċi jvarjaw minn 7 snin sa 15-il sena. Madankollu, f’każijiet individwali, diġà ġew implimentati proġetti b’termini kuntrattwali ferm itwal sa 30 sena, b’mod partikolari b’rabta ma’ proġetti ta’ rinnovazzjoni profonda.

(19)  Fil-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, il-kriterju tar-rendiment l-aktar importanti huwa l-iffrankar tal-enerġija miksub.

(20)  Jeżistu diversi eżempji fejn il-metodoloġiji M&V disponibbli jaf ikun diffiċli li jiġu applikati jew għaljin ħafna meta mqabbla mal-ammont kuntrattwali ġenerali; tali proġetti ta’ rinnovazzjoni f’bini kumpless ħafna (eż. sptarijiet) jew fi proġetti fejn l-użu wara r-rinnovazzjoni jvarja ħafna minn dak ta’ qabel ir-rinnovazzjoni. Madankollu, ma teżistix regola ġenerali għal din il-valutazzjoni, għalhekk għandha titwettaq valutazzjoni każ b’każ minn espert kwalifikat.

(21)  Madankollu, jeżistu diversi eżempji fejn is-servizzi tal-enerġija bbażati fuq ir-rendiment ġew applikati għal rinnovazzjoni profonda, b’sussidji għall-investiment involuti wkoll f’xi każijiet (ara l-proġett REFINE, Rapport Finali, Ġunju 2023, p. 29 ff, https://refineproject.eu/refine-publications/).

(22)  Implementing Energy Efficiency projects via Energy Performance Contracting with support from ERDF financial instruments in Poland, https://www.fi-compass.eu/sites/default/files/publications/EPC_ERDF_Factsheet_RTW.pdf/.

(23)  In-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat, http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/7959867/Eurostat-Guidance-Note-Recording-Energy-Perform-Contracts-Gov-Accounts.pdf/.

(24)  Preżentazzjoni aktar dettaljata tar-rilevanza tan-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat hija inkluża fit-taqsima 4.2.3., fejn issir referenza wkoll għall-aktar sorsi importanti.

(25)  Tħejjew linji gwida għall-akkwist pubbliku ta’ proġetti tas-servizzi tal-enerġija f’għadd ta’ proġetti tal-UE, pereżempju l-proġett QualitEE, Procurement handbook for energy efficiency services, Novembru 2019: https://qualitee.eu/publications/procurement-handbook-for-energy-efficiency-services/.

(26)  In-Nota ta’ Gwida tal-Eurostat, http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/7959867/Eurostat-Guidance-Note-Recording-Energy-Perform-Contracts-Gov-Accounts.pdf/.

(27)  Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet – ESA 2010: https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/ks-02-13-269

(28)  Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (f’kollaborazzjoni mal-Eurostat), A Guide to the Statistical Treatment of Energy Performance Contracts, Mejju 2018.

(29)  Biex jingħataw żewġ eżempji għal approċċi possibbli: Skont il-Eurostat, għall-kontabbiltà barra mill-karta tal-bilanċ, ir-remunerazzjoni lill-fornitur tas-servizz tal-enerġija trid tkun dipendenti fuq l-iffrankar tal-enerġija miksub, u b’hekk flessibbli. Madankollu, dan ma jfissirx li diviżjoni tar-remunerazzjoni f’parti fissa tal-CAPEX flimkien ma’ parti OPEX flessibbli hija impossibbli, dment li tkun garantita fl-istess ħin li l-fornitur tas-servizz tal-enerġija jikkumpensa kompletament lill-klijent għal nuqqas fir-rendiment, minħabba li b’dan il-mod jibqa’ żgurat li s-sjieda ekonomika tiġi ttrasferita lill-fornitur tas-servizz tal-enerġija. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-manutenzjoni u t-tiswija fit-tul tal-investimenti jridu jitwettqu mill-fornitur tas-servizzi tal-enerġija għandu jiżgura t-trasferiment sħiħ tas-sjieda ekonomika. Madankollu, dan ma jeskludix li parti mill-kost relatat tiġi kkumpensata fi ħdan il-parti fissa CAPEX tar-remunerazzjoni.

(30)  Saviuc, I., Lopez, C., Puskas, A., Rollert, K. u Bertoldi, P., 2022: Explicit Demand Response for small end-users and independent aggregators, EUR 31190 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, ISBN 978-92-76-55850-7, doi:10.2760/625919, JRC129745.

(31)  Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE: INEXXs (Mudelli ta’ Servizzi Innovattivi għall-Effiċjenza Enerġetika għall-Integrazzjoni tas-Settur permezz tal-Blockchain – l-iżvilupp ta’ kunċett bikri biex l-impjanti tal-enerġija virtwali jiġu kkombinati mas-servizzi tal-ESCO); BungEES (l-iżvilupp ta’ pakkett integrat ta’ servizzi intelliġenti tal-effiċjenza enerġetika).

(32)  L-aħħar valutazzjoni tal-UE tas-swieq tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija madwar l-Istati Membri turi stampa eteroġenja ħafna tal-aktar ostakli importanti għall-adozzjoni mis-suq u żvelat ukoll xi ostakli pjuttost sorprendenti għas-swieq tas-servizzi tal-enerġija madwar l-Ewropa. Pereżempju, skemi ta’ sussidju, jekk ma jkunux imfassla b’mod xieraq, ġew osservati bħala ostakli ewlenin għall-forniment ta’ servizzi tal-enerġija. B’mod partikolari, dan ġie rrappurtat fir-rigward tal-użu tal-għotjiet tal-RRP, fejn id-disponibbiltà dejjem akbar tal-għotjiet tikkompeti mal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija cf. Moles-Grueso, S., Bertoldi, P. U Boza-Kiss, B., Energy Performance Contracting in the EU – 2020-2021, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2023, doi: 10.2760/751957, JRC133984.

(33)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/2476/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)