KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )
Kawża C‑408/20 P
Danilo Poggiolini
vs
Il-Parlament Ewropew
“Appell – Statut uniku tal-Membru tal-Parlament Ewropew – Membru tal-Parlament Ewropew elett f’kostitwenza Taljana – Bidla tad-drittijiet għall-pensjoni mill-Parlament Ewropew – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors – Terminu għal raġuni ta’ distanza – Applikazzjoni e-Curia – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kunċett – Effetti legali vinkolanti – Nota ta’ adattament tar-rikors – Ammissibbiltà”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz tal-appell tiegħu, Danilo Poggiolini jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Lulju 2020, Falqui u Poggiolini vs Il‑Parlament ( 2 ), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors tiegħu intiż għall-annullament tan-nota tal‑11 ta’ April 2019 stabbilita mill-Kap tad-diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-membri tal-Parlament” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew u li tikkonċerna l-aġġustament tal-ammont tal-pensjoni li huwa jibbenefika minnha ( 3 ) wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019 tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) ( 4 ). |
|
2. |
Din in-nota indirizzata lil diversi ex membri tal-Parlament Ewropew jew lill-aventi kawża tagħhom kienet is-suġġett ta’ bosta rikorsi li ġew iddikjarati manifestament inammissibbli mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’appelli ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet mogħtija fl-istess jum f’termini analogi ( 5 ). |
|
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu eżerċitati rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Parlament rigward ir-reviżjoni tal-pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament, meħuda fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li ma hijiex suġġetta għal regoli partikolari. |
|
4. |
Il-parti essenzjali tar-riflessjoni li tirriżulta minn dan l-appell u mill-appell fil-Kawża C‑431/20 P, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li teżamina flimkien, ser tirrigwarda l-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 6 ). |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali
|
5. |
L-Artikolu 56a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ( 7 ) jipprovdi: “Bla ħsara għall-każijiet previsti fl-Artikolu 57(2), fl-Artikolu 72(4), fl-Artikolu 80(1), fl-Artikolu 105(1) u (2), fl-Artikolu 147(6), fl-Artikolu 148(9) u fl-Artikolu 178(2) u (3), kull att proċedurali għandu jiġi ppreżentat u nnotifikat permezz ta’ e-Curia( ( 8 ))”. |
|
6. |
L-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli jispeċifika: “It-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.” |
|
7. |
L-Artikolu 81(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors […]” |
|
8. |
L-Artikolu 86(1) tal-istess regoli huwa fformulat kif ġej: “Meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid.” |
|
9. |
L-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huwa redatt b’dan il-mod: “Meta l-konvenut jitlob li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, huwa għandu jressaq it-talba tiegħu permezz ta’ att separat fit-terminu msemmi fl-Artikolu 81.” |
B. Id-deċiżjoni e-Curia
|
10. |
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Lulju 2018 dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia ( 9 ) jipprevedi: “L-atti proċedurali, inklużi s-sentenzi u d-digrieti, għandhom jiġu nnotifikati permezz ta’ e-Curia lid-detenturi tal-kont ta’ aċċess fil-kawżi li jikkonċernawhom. Id-destinatarji tan-notifiki msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jiġu avżati, permezz ta’ ittra elettronika, b’kull notifika indirizzata lilhom permezz ta’ e-Curia. L-att proċedurali għandu jitqies li ġie nnotifikat fil-mument meta d-destinatarju (rappreżentant jew assistent) jitlob aċċess għall-att inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ talba għal aċċess, l-att għandu jitqies li ġie nnotifikat wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sebat ijiem mid-data meta tkun intbagħtet l-ittra elettronika ta’ avviż. […]” |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
11. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 9 tad-digriet appellat u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
12. |
L-appellant huwa ex membru tal-Parlament, elett fl-Italja. Huwa jibbenefika, f’din il-kapaċità, minn pensjoni tal-irtirar mogħtija abbażi tar-regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament. |
|
13. |
Fit‑12 ta’ Lulju 2018, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati ddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, li jikkalkola mill-ġdid, skont is-sistema tal-kontribuzzjoni, l-ammont tal-pensjonijiet tal-ex membri ta’ din il-kamra marbuta mas-snin ta’ mandat imwettqa sal‑31 ta’ Diċembru 2011 ( 10 ). Fuq din il-bażi, l-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lil ċertu numru ta’ membri tal-Parlament Taljani tnaqqas mill‑1 ta’ Jannar 2019. |
|
14. |
Il-Parlament informa lill-appellant, permezz ta’ kumment miżjud fuq ir-rendikont tal-pensjoni tiegħu tax-xahar ta’ Jannar 2019, li l-ammont tal-pensjoni tiegħu seta’ jiġi rivedut b’eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u li din ir-reviżjoni tista’ eventwalment tagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament. |
|
15. |
Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri tal-Parlament” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament, annessa mar-rendikont tal-pensjoni tax-xahar ta’ Frar 2019, l-appellant ġie mwissi li:
|
|
16. |
Permezz ta’ nota tal‑11 ta’ April 2019 ( 12 ), dan il-kap ta’ diviżjoni informa lill-appellant li, kif kien ħabbar fin-nota tiegħu tax-xahar ta’ Frar 2019:
|
|
17. |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑22 ta’ Mejju 2019, l-appellant bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lid-dipartiment kompetenti tal-Parlament. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, il-Parlament ikkonferma li rċieva dawn l-osservazzjonijiet u indika lill-appellant li kienet ser tingħatalu risposta wara eżami tal-argumenti tiegħu. |
|
18. |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019, jiġifieri wara l-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Kap tad-diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri tal-Parlament” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament indika lill-appellant li l-osservazzjonijiet tiegħu ma kinux jinkludu elementi ta’ natura li jiġġustifikaw reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, kif espressa fin-nota kontenzjuża, u li, konsegwentement, id-dritt għall-pensjoni kif ukoll il-pjan ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, kif ikkalkolati mill-ġdid u kkomunikati fl-anness ta’ din in-nota, kienu saru definittivi fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
|
19. |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Ġunju 2019, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tan-nota kontenzjuża. Fid‑29 ta’ Awwissu 2019, il-Parlament, permezz ta’ att separat, eċċepixxa l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. |
|
20. |
Fis‑6 ta’ Settembru 2019, l-appellant ippreżenta nota ta’ adattament tar-rikors tiegħu u, fl‑10 ta’ Ottubru 2019, huwa ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. |
|
21. |
Fid‑9 ta’ Ottubru 2019, il-Parlament issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ adattament ippreżentata mill-appellant. |
|
22. |
Permezz tad-digriet appellat, adottat skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellant bħala manifestament inammissibbli. |
|
23. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għall-annullament tan-nota kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, qabelxejn, li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kienet ġiet ippreżentata mill-Parlament fit-termini meħtieġa, peress li dawn għandhom jiġu kkalkolati billi jittieħed inkunsiderazzjoni terminu fiss għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, applikabbli anki meta l-att inkwistjoni jiġi ppreżentat permezz ta’ e-Curia ( 13 ). |
|
24. |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-nota kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju ( 14 ). Wara li rrilevat li l-fatt li l-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-pensjonijiet kien applikabbli mix-xahar ta’ April 2019 ma kienx biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi stabbilit li l-Parlament kien ħa pożizzjoni definittiva fuq l-ammont tal-pensjonijiet ( 15 ), hija ddeduċiet mill-formulazzjoni tan-nota kontenzjuża u mill-fakultà offruta lill-appellant li jifformula osservazzjonijiet, li ġiet imfakkra fin-nota u li huwa eżerċita ( 16 ), li r-risposta tal-Parlament lill-appellant kienet tikkostitwixxi d-deċiżjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni u għalhekk ma setgħetx tiġi analizzata bħala att purament konfermattiv tan-nota kontenzjuża ( 17 ). |
|
25. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-evalwazzjoni tagħha tal-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tan-nota kontenzjuża ma hijiex tali li tippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jew li tippermetti lill-Parlament jevita l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ( 18 ). |
|
26. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-nota ta’ adattament ippreżentata mill-appellant kienet manifestament inammissibbli minħabba li parti ma tistax tadatta t-talbiet u l-motivi tagħha jekk ir-rikors inizjali tagħha ma jkunx huwa stess ammissibbli fid-data tal-preżentata tiegħu ( 19 ). |
|
27. |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament inammissibbli t-talba tal-appellant intiża sabiex il-Parlament jiġi kkundannat iħallas is-somom li huwa indebitament żamm għar-raġuni li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa ma jistax jagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 20 ). |
V. It-talbiet tal-partijiet
|
28. |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
29. |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
VI. Fuq l-appell
|
30. |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq in-natura tardiva tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors tiegħu ppreżentata mill-Parlament, fuq in-natura kontestabbli tan-nota kontenzjuża u fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament magħmula fin-nota ta’ adattament. Barra minn hekk, huwa jirrepeti l-motivi sostnuti fl-ewwel istanza. |
A. Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq in-natura tardiva tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Parlament
1. L-argumenti tal-partijiet
|
31. |
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 60, l-Artikolu 81(1) u l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha kif ukoll l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni e-Curia meta qieset li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Parlament kienet ġiet ippreżentata b’mod regolari permezz ta’ att separat fid‑29 ta’ Awwissu 2019, meta t-terminu kien jiskadi fil‑25 ta’ Awwissu 2019. |
|
32. |
Huwa jsostni li l-estensjoni tat-termini tal-proċedura prevista fl-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli tapplika biss għall-każijiet li fihom ikun neċessarju li jintużaw it-trażmissjonijiet bil-posta u li, konsegwentement, ma tapplikax fil-każ ta’ preżentata u ta’ notifika tal-atti proċedurali fil-kuntest tas-sistema e-Curia, li tiggarantixxi l-immedjatezza tal-iskambji mingħajr karti, kif jispeċifika l-preambolu tad-deċiżjoni e-Curia. |
|
33. |
Il-Parlament iqis, minn naħa, li l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli sa fejn l-appellant ma jispjegax kif il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni e-Curia u, min-naħa l-oħra, li huwa għall-bqija infondat minħabba li huwa bbażat fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-Artikolu 60 tal-imsemmija regoli li tapplika għal kull preżentata ta’ att permezz tal-applikazzjoni e-Curia, li għandha tintuża għal dan il-għan, kif jipprevedi l-Artikolu 56a(1) ta’ dawn l-istess regoli. |
2. Evalwazzjoni
|
34. |
L-użu tal-applikazzjoni e-Curia, previst fl-Artikolu 56a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sar obbligatorju għall-preżentata u għan-notifiki tal-atti proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-immedjatezza tal-iskambji mingħajr karti offruta minn din l-applikazzjoni, kif tispeċifika l-premessa 3 tad-deċiżjoni e-Curia. |
|
35. |
Madankollu, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli, li tipprevedi żieda fit-termini proċedurali ta’ terminu fiss għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, mingħajr iktar dettalji dwar il-modalitajiet tal-preżentata tal-atti proċedurali, ma nbidlitx. |
|
36. |
Tali terminu għal raġuni ta’ distanza huwa wkoll previst fl-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli. Għall-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu dan ukoll inkunsiderazzjoni, anki fil-każ tal-użu tal-applikazzjoni e-Curia ( 21 ). |
|
37. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-ewwel aggravju tal-appell huwa infondat. |
B. Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq in-natura kontestabbli tan-nota kontenzjuża
1. L-argumenti tal-partijiet
|
38. |
Insostenn ta’ dan l-aggravju bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fuq il-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, l-appellant isostni li:
|
|
39. |
Il-Parlament isostni li:
|
|
40. |
Fir-rigward tal-argument tal-appellant dwar ir-riskju ta’ preġudizzju għas-setgħa ta’ stħarriġ tal-atti tiegħu mill-Qorti Ġenerali, il-Parlament jirreferi għall-punt 58 tad-digriet appellat. |
2. Evalwazzjoni
|
41. |
Permezz ta’ dan it-tieni aggravju, l-appellant jikkritika, essenzjalment, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju tal-effett legali li jippermetti l-ftuħ tar-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
42. |
Għaldaqstant, għandu jitfakkar li huma kkunsidrati bħala “atti li jistgħu jiġu kkontestati”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika rikorrenti, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha ( 22 ). |
|
43. |
Min-naħa l-oħra, kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, bħall-atti preparatorji u l-atti ta’ pura implimentazzjoni, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, kif ukoll, fil-prinċipju, l-istruzzjonijiet interni ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE ( 23 ). |
|
44. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix tali effetti, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata s-sustanza ta’ dan l-att kif ukoll l-intenzjoni tal-awtur tiegħu ( 24 ) u li dawn l-effetti jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jitqies, meta jkun meħtieġ, il-kuntest li fih ġie adottat dan tal-aħħar u s-setgħat tal-istituzzjoni li tiegħu hija l-awtur ( 25 ). |
|
45. |
Għalhekk, il-miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Dan huwa l-każ jekk jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni ( 26 ). |
|
46. |
L-atti intermedjarji lanqas ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors jekk jiġi stabbilit li l-illegalità marbuta ma’ dawn l-atti tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxu stadju ta preparazzjoni. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti ( 27 ). |
|
47. |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament biss jekk, anki jekk ma tibdilx il-kliem tad-dispożittiv tad-deċiżjoni preċedenti, l-emenda ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni tkun biddlet is-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tagħha, u b’dan il-mod affettwat l-interessi tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 263 TFUE. Fin-nuqqas ta’ dan, dan huwa att konfermattiv li ma jistax jiġi kkontestat fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
|
48. |
F’dan il-każ, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tikkorrispondi għal dik imfakkra fil-punti 42 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 28 ), il-Qorti Ġenerali rrilevat l-elementi meħuda mill-kontenut tan-nota kontenzjuża, jiġifieri t-terminu “abbozz” użat u l-informazzjoni li r-reviżjoni tad-drittijiet għall-pensjoni kif ukoll l-irkupru tas-somom irċevuti indebitament għax-xhur minn Jannar sa Marzu 2019 isiru definittivi biss mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 30 jum li matulu setgħu jsiru osservazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eżerċizzju ta’ din il-fakultà mill-appellant ipprekluda li l-abbozz ta’ ffissar tad-drittijiet għall-pensjoni l-ġodda jikseb natura definittiva u li, konsegwentement, l-ittra sussegwenti għall-osservazzjonijiet tal-appellant tikkostitwixxi d-deċiżjoni definittiva tal-Parlament. |
|
49. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din l-ittra ma hijiex att purament konfermattiv, peress li n-nota kontenzjuża ma kellha ebda natura definittiva u peress li, f’dan ir-rigward, il-fatt li din in-nota naqset milli tispeċifika t-terminu għar-risposta tal-Parlament huwa irrilevanti. |
|
50. |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell, l-appellant ma jikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kontenut tan-nota kontenzjuża u tal-kuntest tal-ħruġ tagħha. L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura kontestabbli ta’ din in-nota u jsostni li din kellha bħala effett it-tnaqqis immedjat tal-ammont tal-pensjoni tiegħu. |
|
51. |
Mill-punti 5, 6 u 47 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-nota kontenzjuża nħarġet mill-Parlament, li għandu setgħa deċiżjonali, u li huwa skont is-sistema ta’ ffissar tal-ammont tal-pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew li l-Parlament għandu l-obbligu li jipproċedi għar-reviżjoni tal-ammont tal-pensjonijiet imħallsa. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest, il-prassi tad-DĠ tal-Finanzi ta’ din l-istituzzjoni kienet li jiġi informat l-appellant, fix-xahar ta’ Frar 2019, dwar ir-reviżjoni futura tal-ammont tal-pensjoni tiegħu, li tirriżulta mill-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, imbagħad, xahrejn iktar tard, permezz ta’ din in-nota, bl-implimentazzjoni effettiva tagħha kif ukoll dwar il-fakultà li huwa għandu li jifformula osservazzjonijiet f’terminu ta’ 30 jum li jibda jgħodd minn meta tintbagħat l-imsemmija nota. |
|
52. |
Konsegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott li l-Parlament adotta b’mod inekwivoku miżura li għandha effetti legali li jaffettwaw l-interessi tal-appellant u li huma vinkolanti għalih. |
|
53. |
Sabiex tikkunsidra li n-nota kontenzjuża ma tikkostitwixxix deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet l-eżistenza tal-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet wara din in-nota u kkonstatat li din kienet ġiet eżerċitata, li l-osservazzjonijiet tal-appellant kienu ġew eżaminati u li s-somom imħallsa indebitament sa mix-xahar ta’ Jannar 2019 ma kinux ġew irkuprati. |
|
54. |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin li jirriżultaw mill-konstatazzjonijiet tagħha:
|
|
55. |
Minn dan jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari differenti ħafna minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tad-digriet appellat, in-nota kontenzjuża ma tistax tiġi kkunsidrata, b’mod differenti minn dik indirizzata fix-xahar ta’ Frar 2019, bħala sempliċi ittra ta’ informazzjoni li ġiet indirizzata lill-appellant sabiex issir magħrufa l-perspettiva tiegħu u sabiex il-Parlament jiġi informat bl-iktar mod sħiħ possibbli qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu jew, fi kliem ieħor, bħala stadju neċessarju qabel ma jirrestrinġi d-drittijiet tal-appellant. |
|
56. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nota kontenzjuża tista’ tiġi analizzata bħala teħid ta’ pożizzjoni preliminari jew preparatorja biss kieku l-Parlament kien wera b’mod ċar li d-deċiżjoni tiegħu li jnaqqas il-pensjonijiet wara d-Deċiżjoni Nru 14/2018 tipproduċi effetti konkreti biss fil-każ tal-assenza ta’ osservazzjonijiet tal-persuna kkonċernata jew mal-iskadenza ta’ ċertu terminu sabiex isiru tali osservazzjonijiet, li ma kienx il-każ f’din il-kawża. |
|
57. |
F’dan ir-rigward, hija ineffettiva l-konstatazzjoni li l-Parlament ma pproduċiex b’mod sħiħ l-effetti tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni, li kien effettiv mix-xahar ta’ April 2019, billi ma rkuprax is-somom imħallsa indebitament bejn ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Marzu 2019. Fil-fatt, din ma hijiex ta’ natura li tibdel il-klassifikazzjoni tan-nota kontenzjuża bbażata fuq ir-reviżjoni awtomatika tal-ammont tal-pensjoni skaduta u tal-pensjonijiet dovuti, peress li l-kundizzjonijiet sostantivi tal-irkupru tal-indebitu huma marbuta wkoll mad-Deċiżjoni Nru 14/2018. |
|
58. |
In-natura kontestabbli tan-nota kontenzjuża hija kkorroborata mill-konstatazzjoni, li tirriżulta mill-punt 52 tad-digriet appellat, li, f’din il-proċedura ta’ reviżjoni tal-pensjonijiet, ma ttieħdet ebda deċiżjoni oħra wara l-iskadenza tat-terminu tat-30 jum miftuħ għall-benefiċjarju tal-pensjoni sabiex jifformula osservazzjonijiet jew fil-każ li dawn l-osservazzjonijiet jiġu miċħuda. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid li twassal għal deċiżjoni b’raġunijiet iddettaljati b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-benefiċjarji tal-pensjoni, il-legalità tal-att li kellu l-effett li jemenda l-ammont tagħha tiġi evalwata fi tmiem dan it-terminu skont l-elementi ta’ informazzjoni disponibbli għall-Parlament fil-mument li fih informa lill-benefiċjarju. |
|
59. |
Bl-istess mod, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din it-tilwima, il-Parlament ma jistax jallega b’mod utli li l-appellant, li, wara li rċieva n-nota kontenzjuża, għamel osservazzjonijiet, kellu jistenna li din l-istituzzjoni tikkonfermalu t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu sabiex din ir-risposta għall-osservazzjonijiet tiegħu tkun tista’ titqies bħala att definittiv u, għalhekk, kontestabbli. Fil-fatt, is-suċċess ta’ tali pass min-naħa tal-appellant kien improbabbli ħafna fir-rigward tal-prinċipju tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet li jiddependi mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, skont l-informazzjoni li kienet ġiet irrepetuta mill-Parlament, li tesponi lill-appellant għar-riskju li r-risposta tiegħu tiġi kkunsidrata, fin-nuqqas ta’ elementi ġodda, bħala att konfermattiv, li ma jistax jiġi kkontestat ( 29 ). |
|
60. |
L-analiżi preċedenti hija sostnuta mill-ġurisprudenza dwar id-definizzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju fil-qasam tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku f’każ ta’ kontestazzjonijiet tal-effetti pekunjarji ta’ deċiżjoni. Għalhekk, rendikont mensili ta’ salarju jista’ jiżvela l-eżistenza ta’ deċiżjoni ( 30 ). Meta tali rendikont tar-remunerazzjoni jimmaterjalizza, għall-ewwel darba, l-implimentazzjoni ta’ att ġdid ta’ portata ġenerali dwar l-iffissar ta’ drittijiet pekunjarji, dan jirrappreżenta neċessarjament, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-rendikonti tar-remunerazzjoni sussegwenti, min-naħa tagħhom, sempliċement jagħtu rendikont tat-tkomplija ratione temporis tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali inizjali u jistgħu jiġu kklassifikati bħala deċiżjonijiet amministrattivi ta’ portata individwali konfermattivi ( 31 ). |
|
61. |
Barra minn hekk, tista’ titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li skontha, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn bord tal-għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawżalu preġudizzju, peress li d-deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid tissostitwixxi, b’dan il-mod, id-deċiżjoni inizjali tal-bord tal-għażla ( 32 ). |
|
62. |
Fl-aħħar nett, peress li, fil-fehma tiegħi, in-natura kontestabbli tan-nota kontenzjuża, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tirriżulta essenzjalment mis-suċċessjoni tal-informazzjoni mogħtija lill-appellant u mill-materjalizzazzjoni ta’ deċiżjoni ġenerali f’kundizzjonijiet li jirrendu l-protezzjoni ġudizzjarja tiegħu inċerta, jidhirli opportun li tinġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-portata tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni ( 33 ). |
|
63. |
Minn ċerti aspetti, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza jistgħu jitqabblu ma’ dawk li fuqhom huwa bbażat it-tieni aggravju tal-appell. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-appellant kien irċieva posta elettronika li seta’ jikkunsidra bħala li tikkostitwixxi n-notifika taċ-ċaħda tal-proposta tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea ( 34 ) u injora l-eżistenza tad-deċiżjoni definittiva meħuda minnha wara d-data tal-preżentata tar-rikors tiegħu. Kuntrarjament għall-Qorti Ġenerali, li kienet iddeċidiet, sabiex tiddikjara inammissibbli dan ir-rikors, li dan kien dirett kontra ittra elettronika li l-Kummissjoni ma kinitx l-awtur tagħha u li l-att ikkontestat kien biss ta’ natura provviżorja ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li din kellha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u sabiex tiggarantixxi lill-appellant protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tirrikonoxxi li s-suġġett tar-rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni ( 36 ) kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni definittiva. |
|
64. |
Għalhekk, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx ruħha dwar in-natura provviżorja tal-att kontenzjuż, iżda fuq il-fatt li l-appellant ma setax jidentifika d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li kienet tikkostitwixxi l-att definittiv, fir-rigward tal-proċedura implimentata, u billi ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-ittra elettronika kontenzjuża kienet tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli u li kienu eżerċitati fin-nuqqas ta’ għarfien tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ( 37 ). F’dan is-sens, din l-istess sentenza jistħoqqilha attenzjoni partikolari peress li turi l-konsegwenzi proċedurali li għandhom jiġu dedotti fil-każ ta’ inċertezza dwar in-natura u l-portata ta’ atti fir-rigward tal-effetti legali tagħhom minħabba l-formulazzjoni tagħhom u l-kuntest tagħhom ( 38 ). Konsegwentement, b’mod sussidjarju, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta raġunament analogu. |
|
65. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha niddeduċi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors għal annullament tan-nota kontenzjuża ppreżentat mill-appellant minħabba li din ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, li jista’ jkun is-suġġett ta’ tali rikors skont l-Artikolu 263 TFUE. |
|
66. |
Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tieni aggravju huwa fondat u, għaldaqstant, li tannulla d-digriet appellat mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat it-tielet aggravju tal-appell, li huwa sussidjarju. |
|
67. |
Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tiċħad dan it-tieni aggravju, ser nikkompleta l-analiżi tiegħi fuq dan l-aħħar aggravju. |
C. Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tan-nota tat‑8 ta’ Lulju 2019 magħmula fin-nota ta’ adattament u li tirrigwarda l-ħtieġa li din in-nota tiġi kkonvertita f’rikors
1. L-argumenti tal-partijiet
|
68. |
L-appellant jikkritika, sussidjarjament, il-punti 62 u 63 tad-digriet appellat sa fejn huwa ddikjara inammissibbli t-talba tiegħu għall-annullament tan-nota kontenzjuża fformulata fin-nota ta’ adattament tiegħu. Huwa jsostni li, peress li dan ir-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u t-termini għat-tressiq ta’ kawża, din kellha, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ konservazzjoni tal-atti ġuridiċi, tikkonverti l-azzjoni u tikklassifika bħala rikors din in-nota skont l-Artikolu 86 ta’ dawn ir-regoli. |
|
69. |
L-appellant jippreċiża li l-prinċipju li huwa jinvoka huwa previst fid-dritt Taljan, u implimentat mill-qrati Taljani u huwa ħaseb li jista’ jibbenefika minnha billi jippreżenta n-nota ta’ adattament tiegħu. L-assenza ta’ eżami fuq il-mertu tar-rikors tiegħu pprekludietu milli jikseb il-protezzjoni tal-pożizzjoni legali tiegħu u, għaldaqstant, ikkostitwixxiet ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. |
|
70. |
Il-Parlament iqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-inammissibbiltà tan-nota ta’ adattament kienet il-konsegwenza tal-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tan-nota kontenzjuża. Sussidjarjament, il-Parlament isostni li hija biss id-deċiżjoni meħuda wara li eżamina l-osservazzjonijiet tal-appellant li setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors. Huwa jżid li ebda dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jew ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tobbliga lill-Qorti Ġenerali li tikkonverti f’rikors in-nota ta’ adattament u li d-dritt Taljan kif ukoll il-ġurisprudenza Taljana ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli. Huwa jsostni wkoll li ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jista’ jiġi allegat fil-konfront tal-Qorti Ġenerali, meta l-appellant seta’ jippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota kontenzjuża. |
2. Evalwazzjoni
|
71. |
Peress li, insostenn tat-tielet aggravju tal-appell, l-appellant jikkritika d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali sa fejn din kellha tipproċedi għal klassifikazzjoni mill-ġdid tat-talba tiegħu bil-mod kif setgħet tiddeċiedi qorti Taljana, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dan l-aggravju huwa manifestament infondat. |
D. Fuq il-motivi u l-argumenti legali fformulati fit-talba għall-annullament tan-nota kontenzjuża u ta’ dik tat‑8 ta’ Lulju 2019
|
72. |
L-appellant jirrepeti l-motivi li huwa invoka insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tan-nota kontenzjuża u dik tat‑8 ta’ Lulju 2019 minħabba li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx deċiżjoni fuq il-mertu. |
|
73. |
Il-Parlament isostni li dawn l-aggravji huma inammissibbli sa fejn ma humiex diretti kontra d-digriet appellat u li huma ineffettivi, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-mertu tar-rikors. |
|
74. |
Kif jirriżulta mit-talbiet tal-appellant fil-kuntest tal-appell tiegħu, dan jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba għall-annullament tan-nota kontenzjuża u dik tat‑8 ta’ Lulju 2019. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tiddikjara l-annullament tad-digriet appellat, jeħtieġ li wieħed jistaqsi dwar il-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ l-kawża. |
E. Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza
|
75. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
76. |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, li tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din iddeċidiet biss fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament. |
|
77. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ( 39 ). |
|
78. |
Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-fatt li n-nota kontenzjuża ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, għandha tiġi miċħuda. |
|
79. |
Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina r-rikors tal-appellant intiż għall-annullament tan-nota kontenzjuża. |
VII. Fuq l-ispejjeż
|
80. |
Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu rriżervati. |
VIII. Konklużjoni
|
81. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T‑347/19 u T‑348/19, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:303.
( 3 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 4 ) Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”.
( 5 ) Minbarra dan l-appell, qiegħed jinstema’ fl-istess ħin l-appell ippreżentat minn 20 ex Membru tal-Parlament Ewropew jew aventi kawża (kawża Tognoli et vs Il‑Parlament (C‑431/20 P)). Appelli oħra huma pendenti fil-kawżi Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (C‑725/20 P) u Santini et vs Il‑Parlament (C‑198/21 P) dwar noti identiċi datati fil‑11 ta’ April 2019 jew fit‑8 ta’ Mejju 2019. Dawn ġew ippreżentati rispettivament kontra s-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑414/19, T‑416/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 et T‑465/19, EU:T:2020:494), kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2021, Santini et vs Il‑Parlament (T‑345/19, T‑346/19, T‑364/19 sa T‑366/19, T‑372/19 sa T‑375/19 u T‑385/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:78). Dawn il-proċeduri jinsabu, bħalissa, fil-fażi bil-miktub.
( 6 ) Dan il-kunċett huwa s-suġġett tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell u tal-ewwel aggravju tal-appell fil-Kawża C‑431/20 P. L-analiżi tiegħi f’dawn iż-żewġ kawżi ser tiġi ppreżentata f’termini identiċi.
( 7 ) Disponibbli fuq l-indirizz internet li ġej: https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2018-11/version_consolidee_rp_propre.pdf.
( 8 ) Skont l-Artikolu 1(2)(k) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, “‘e-Curia’ tfisser l-applikazzjoni informatika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mezz elettroniku”.
( 9 ) (ĠU 2018, L 240, p. 72, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni e-Curia”).
( 10 ) Huwa speċifikat fil-punt 3 tad-digriet appellat li l-eżami tal-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 huwa pendenti quddiem il-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja).
( 11 ) ĠU 2009, C 159, p. 1.
( 12 ) Iktar ’il quddiem, in-“nota kontenzjuża”.
( 13 ) Ara l-punti 40 sa 44 tad-digriet appellat.
( 14 ) Ara l-punt 53 tad-digriet appellat.
( 15 ) Ara l-aħħar sentenza tal-punt 47 tad-digriet appellat.
( 16 ) Ara l-punti 48 u 49 tad-digriet appellat.
( 17 ) Ara l-punti 52 u 56 tad-digriet appellat.
( 18 ) Ara l-punti 57 u 58 tad-digriet appellat.
( 19 ) Ara l-punti 62 u 63 tad-digriet appellat.
( 20 ) Ara l-punti 66 u 67 tad-digriet appellat.
( 21 ) Ara d-digrieti tal‑11 ta’ Ġunju 2020, GMPO vs Il‑Kummissjoni (C‑575/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:448, punt 31), kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2021, Comprojecto-Projectos e Construções et vs BCE u Banco de Portugal (C‑450/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:356, punti 11 u 12).
( 22 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni (C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Fuq l-assenza ta’ effett ta’ ċerti rekwiżiti formali, ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 42 sa 45).
( 25 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ara l-punti 46 u 47 tad-digriet appellat.
( 29 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1976, Wack vs Il‑Kummissjoni (1/76, EU:C:1976:91, punt 5).
( 31 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Tàpias vs Il‑Kunsill (T‑527/16, EU:T:2019:856, punt 37), u tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni (F‑110/11, EU:F:2012:174, punti 36 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara s-sentenza ta‑5 ta’ Settembru 2018, Villeneuve vs Il‑Kummissjoni (T‑671/16, EU:T:2018:519, punt 24).
( 33 ) C‑635/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2018:510.
( 34 ) Fil-punt 66 tas-sentenza Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “mit-termini tal-ittra elettronika tas‑17 ta’ Lulju 2015, kif riprodotti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li [l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA)] informat espliċitament [lill-kumpannija Spliethoff’s Bevrachtingskantoor BV] li ‘l-applikazzjoni (tagħha) ma kellhiex suċċess’. Huwa minnu li l-INEA speċifikat li l-proċedura intiża għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għażla tal-proġetti u dwar l-għoti ta’ sussidji kienet għadha pendenti. Madankollu, hija żiedet li, fil-‘każ improbabbli li l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tirriżulta f’bidliet b’rabta mal-proposta tiegħek, inti ser tiġi informat separatament permezz ta’ ittra elettronika’. Issa, wara dan, [din il-kumpannija] ma rċeviet ebda ittra elettronika oħra min-naħa tal-INEA jew tal-Kummissjoni dwar dan”. Korsiv miżjud minni.
( 35 ) Ara s-sentenza Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni (punti 31, 34 u 65).
( 36 ) Ara s-sentenza Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni (punt 71).
( 37 ) Ara s-sentenza Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni (punti 66 sa 70).
( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni (C‑635/16 P, EU:C:2018:28, punti 6 u 7) L-Avukata Ġenerali ppreċiżat li l-appellant adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors ieħor għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li l-Kummissjoni opponiet li kien tardiv.
( 39 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 98), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 78). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 128).