24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/239


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1582 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0084/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (iċ-"Ċentru") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 45 750 404, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 2,95 % meta mqabbel mal-2018; billi 86,72 % tal-baġit taċ-Ċentru jiġi minn kontribuzzjonijiet diretti minn istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi tal-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 wasslu għal rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 93,03 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,91 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 85,11 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 2,82 % meta mqabbla mal-2018;

2.

Iħeġġeġ liċ-Ċentru jadotta mudell kummerċjali sostenibbli bi qbil mal-pjan ta' trasformazzjoni ta' sentejn tiegħu mfassal wara li sar studju estern bit-titolu "Study on the Translation Centre as the Linguistic Shared Service Provider for the EU Agencies and Bodies" (Studju dwar iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni bħala l-fornitur ta' servizzi lingwistiċi kondiviżi għall-Aġenziji u l-Korpi tal-UE); jinnota li, skont ir-rapport ta' segwitu taċ-Ċentru għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2018, fl-2019 l-implimentazzjoni tal-pjan ta' trasformazzjoni u l-proġetti sottostanti kienet immonitorjata u rrappurtata; iħeġġeġ liċ-Ċentru jimplimenta bis-sħiħ dawk l-azzjonijiet li jgħinu biex il-mudell kummerċjali l-ġdid jiġi adatt għall-iżviluppi teknoloġiċi;

3.

Jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru ma kienx lesta l-pjan ta' kontra l-frodi li kien immirat li jiġi implimentat sal-aħħar tal-2018; jinnota li l-azzjonijiet li ma ġewx iffinalizzati fil-pjan ta' kontra l-frodi tal-2018 żdiedu mas-sett ta' miżuri ġodda fil-pjan ta' kontra l-frodi tal-2019-2020 u kienu ppjanati li jitlestew sal-aħħar tal-2020; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet posposti u l-effett tagħhom fuq ir-riskju ta' frodi li ċ-Ċentru jkun espost għalih;

4.

Jiddispjaċih li xi wħud mir-regolamenti fundaturi tal-aġenziji l-oħra ma jirrikjedulhomx li jużaw is-servizzi taċ-Ċentru u jfakkar il-fatt li ċ-Ċentru, ibbażat fuq ir-regolament fundatur tiegħu, iwieġeb għall-ħtiġijiet tas-servizzi lingwistiċi tal-korpi u l-organi tal-Unjoni;

5.

Jiddubita l-benefiċċju li jkun hemm bord amministrattiv kompost minn 72 persuna, li jikkomplika t-teħid tad-deċiżjonijiet;

6.

Jenfasizza l-importanza tal-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u l-ħtieġa li l-lingwi uffiċjali kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali; jirrikonoxxi l-kontribut imprezzabbli tas-servizzi tat-traduzzjoni taċ-Ċentru għall-funzjonament bla xkiel tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u biex jagħmlu xogħolhom trasparenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni bil-lingwi materni rispettivi tagħhom;

Prestazzjoni

7.

Jinnota li ċ-Ċentru għadu primarjament juża indikaturi tal-input u tal-output bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jivvaluta r-riżultati tal-attivitajiet tiegħu, u diversi indikaturi biex itejjeb il-ġestjoni tal-baġit tiegħu; jinnota l-evalwazzjoni ex ante riveduta u r-reviżjoni ex post li għaddejja bħalissa tal-programmi u tal-attivitajiet taċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jkompli jiżviluppa l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jivvaluta l-eżitu u l-impatt tal-attivitajiet tiegħu sabiex jikseb pariri kwalitattivi dwar kif jipprovdi aktar valur miżjud għall-output taċ-Ċentru u jtejjeb il-mudell kummerċjali taċ-Ċentru;

8.

Jinnota li bi 309 047 paġna, l-għadd ta' paġni ta' dokumenti tradotti, modifikati, editjati u riveduti naqas b'16,2 % meta mqabbel mal-2018, li kienet sena rekord, iżda jfakkar li dan il-volum kien 2,4 % ogħla mit-tbassir fil-baġit inizjali u 8,3 % ogħla mit-tbassir fil-baġit emendat għall-2019;

9.

Jilqa' l-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tat-Traduzzjoni għall-2019-2020 min-naħa taċ-Ċentru, li l-prijorità tiegħu hija li jtejjeb il-kwalità tas-servizzi lingwistiċi pprovduti lill-klijenti u l-effiċjenza operattiva taċ-Ċentru;

10.

Jinnota li ċ-Ċentru jpoġġi lilu nnifsu bħala l-fornitur ta' servizzi lingwistiċi kondiviżi għall-aġenziji tal-Unjoni u li l-kompitu ewlieni tiegħu ma jikkoinċidix ma' dawk ta' aġenziji oħra; jinnota wkoll li ċ-Ċentru għaqqad l-isforzi mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni ta' għodda komuni ta' reklutaġġ elettroniku bl-isem ta' "Systal" u kkondivida b'mod regolari għarfien u esperjenza ma' aġenziji oħra tal-Unjoni permezz tal-Uffiċċju ta' Appoġġ għall-Koordinazzjoni tal-Aġenziji u pparteċipa fil-laqgħat u l-attivitajiet tan-Network tal-Aġenziji tal-UE; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar "Systal" u jfittex b'mod attiv il-kondiviżjoni tal-użu ta' din l-għodda ma' aġenziji oħra tal-Unjoni; iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli fuq dan il-perkors ta' kooperazzjoni u ta' kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza;

11.

Jilqa' l-fatt li ċ-Ċentru qabel, bħala parti mill-pjan ta' trasformazzjoni ta' sentejn tiegħu, dwar programm ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea li jikkonsisti f'ħames proġetti tal-IT li mhumiex biss ta' importanza strateġika għaż-żewġ organizzazzjonijiet iżda li se jkunu wkoll ta' benefiċċju għal aġenziji oħra tal-Unjoni;

12.

Jilqa' r-rieda taċ-Ċentru li jiżviluppa sinerġiji ma' aġenziji oħra, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni ta' Systal; jistieden liċ-Ċentru jkompli jiżviluppa s-sinerġiji tiegħu u jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li jtejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà);

13.

Jenfasizza l-fatt li ċ-Ċentru estenda l-portafoll tal-klijenti tiegħu billi ffirma ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs;

14.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni taċ-Ċentru f'termini ta' operazzjoni u ġestjoni interni u sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-Ċentru jibqa' jkun proattiv f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni akkost ta' kollox; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa kollha biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

Politika dwar il-persunal

15.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet implimentata fil-livell ta' 93,26 %, bi 48 uffiċjal u 132 aġent temporanju maħtura minn 141 aġent temporanju u 52 uffiċjal awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla mal-189 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 23 aġent kuntrattwali ħadmu għaċ-Ċentru fl-2019;

16.

Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2019 inkiseb bilanċ tajjeb bejn il-ġeneri fir-rigward tal-pożizzjonijiet maniġerjali (60 % rġiel u 40 % nisa) u fi ħdan il-bord amministrattiv (53 % rġiel u 47 % nisa); jinnota bi tħassib li hemm sottorappreżentanza tal-irġiel fil-persunal ġenerali taċ-Ċentru (37 % irġiel u 63 % nisa); jitlob liċ-Ċentru jiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-persunal;

17.

Jinnota li ċ-Ċentru adotta politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2019 iċ-Ċentru adotta linji gwida ġodda għall-iżvilupp maniġerjali, li kienu jinkludu taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju fil-perkors tal-karriera tal-maniġers superjuri u intermedji, il-kapijiet tas-sezzjoni u maniġers potenzjali kollha;

18.

Jinkoraġġixxi liċ-Ċentru jimmira li jiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

Akkwist

19.

Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, iċ-Ċentru ffirma kuntratti ma' kumpaniji tal-IT għall-għoti ta' servizzi tal-IT li kien fihom formulazzjoni ambigwa li tista' timplika l-inkarigu ("mise à disposition") ta' ħaddiema minn aġenziji tax-xogħol temporanju minflok l-għoti ta' servizzi tal-IT definiti b'mod ċar, li ma jkunux jikkonformaw mar-regoli soċjali u tal-impjiegi tal-Unjoni; jinnota wkoll li fl-2019 l-ammont totali tal-pagamenti magħmula miċ-Ċentru f'dak ir-rigward kien jammonta għal valur totali ta' EUR 1 207 560; jinnota t-tweġiba taċ-Ċentru li din il-prattika hija mwettqa taħt kuntratt qafas interistituzzjonali; jinnota li bħalissa hemm kawża ta' din il-prattika pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jsegwi l-kawża pendenti tal-Qorti u jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu u l-miżuri meħuda biex ikun hemm konformità ma' dak l-eżitu;

20.

Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tas-sejbiet tal-Qorti tas-sena ta' qabel, li sa tmiem l-2018 iċ-Ċentru kien introduċa l-fatturazzjoni elettronika iżda ma kienx għadu introduċa l-għodod għas-sejħa elettronika għall-offerti u għas-sottomissjoni elettronika tal-offerti mnedija mill-Kummissjoni biex tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist pubbliku (akkwist elettroniku); jinnota li fl-2019 iċ-Ċentru daħħal is-sejħa elettronika għall-offerti iżda li t-tnedija tas-sottomissjoni elettronika tal-offerti ġiet posposta minħabba l-kriżi tal-COVID-19 fl-2020; jistieden liċ-Ċentru jintroduċi l-għodod kollha biex itejjeb il-ġestjoni tal-proċeduri ta' akkwist u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

21.

Jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru għażel li jippubblika biss dikjarazzjonijiet ta' interess u mhux is-CVs tal-bord amministrattiv tiegħu minħabba d-daqs tiegħu (madwar 130 membru u membru supplenti); jenfasizza l-fatt li aġenziji oħra jippubblikaw is-CVs tal-membri tal-bordijiet amministrattivi rispettivi tagħhom anke meta dawk il-bordijiet amministrattivi jkollhom aktar membri minn dak taċ-Ċentru; jitlob, għalhekk liċ-Ċentru biex jippubblika s-CVs tal-membri kollha tal-bord amministrattiv u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dak ir-rigward; jinnota li s-CV u d-dikjarazzjoni ta' interess tad-direttur ġew ippubblikati fuq is-sit web taċ-Ċentru;

22.

Jinnota bi tħassib li, għalkemm iċ-Ċentru mhuwiex iffinanzjat b'tariffi, dan jiddependi mid-dħul li jirċievi mill-klijenti tiegħu (iċ-Ċentru ddikjara li 99,2 % tal-introjtu tiegħu ġej minn tariffi mħallsa mill-klijenti tiegħu), li huma rrappreżentati fil-bord amministrattiv taċ-Ċentru, u li għalhekk hemm riskju inerenti ta' kunflitti ta' interess fir-rigward tal-ipprezzar tal-prodotti taċ-Ċentru; jinnota li ċ-Ċentru, bħala miżura ta' mitigazzjoni għall-konsegwenzi baġitarji ta' tali kunflitti ta' interess, iżomm riżerva baġitarja ("riżerva għall-istabbiltà tal-prezzijiet") sabiex jibbilanċja l-baġit fil-każ ta' avvenimenti mhux previsti jew tnaqqis fid-domanda; jinnota li din hija primarjament miżura reattiva u jħeġġeġ liċ-Ċentru jiżviluppa wkoll miżuri preventivi, filwaqt li jiżgura li jinżamm ipprezzar ġust għall-klijenti kollha taċ-Ċentru;

Kontrolli interni

23.

Jinnota li fl-2019 is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar l-eCdT, l-għodda għall-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol biex jiġu ġestiti t-talbiet tal-klijenti għal traduzzjonijiet, u kkonkluda li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll interni stabbiliti miċ-Ċentru għall-proċess tat-traduzzjoni u għall-eCdT huma ġeneralment imfassla b'mod adegwat, effiċjenti u effettivi, iżda li ġew identifikati erba' oqsma importanti li fihom ġie rrakkomandat titjib; jinnota li ċ-Ċentru ppreżenta pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li ġie pperċepit mill-IAS bħala adegwat biex jimmitiga r-riskji identifikati;

24.

Jinnota li, wara l-awtovalutazzjoni tal-istandards tal-kontroll intern fl-2019, ġie konkluż li l-istandards tal-kontroll intern huma preżenti u effettivi iżda li d-direttur ikkonkluda li l-proċess ta' mmaniġġjar tar-riskju għandu jingħata prijorità sabiex tittejjeb l-effettività tiegħu u jagħti mandat lill-uffiċjal inkarigat mill-immaniġġjar tar-riskju u l-koordinazzjoni tal-kontroll intern sabiex jipprovdi reviżjoni jew aġġornament ta' diversi dokumenti, bħall-istrateġija ta' kontroll intern, il-proċedura dwar funzjonijiet sensittivi u l-politika dwar l-immaniġġjar tar-riskju; jinnota li ċ-Ċentru, fir-rapport konsolidat tal-attività annwali tiegħu, juża kemm standards ta' kontroll intern kif ukoll prinċipji ta' kontroll intern biex jiddeskrivi l-attivitajiet tiegħu f'dak il-qasam; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jieħu nota tal-Qafas ta' Kontroll Intern rivedut tal-Kummissjoni, li ġie introdott fl-2017, u li jallinja l-kliem fir-rapport konsolidat annwali tal-attività tiegħu mal-Qafas ta' Kontroll Intern;

Kummenti oħra

25.

Jinnota bi tħassib l-opinjoni tal-Qorti, ippreżentata bħala "kwistjoni oħra", li ċ-Ċentru ma għamilx żvelar xieraq fil-kontijiet finali dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq l-operazzjonijiet attwali u antiċipati taċ-Ċentru, kif magħruf b'mod raġonevoli fid-data tat-trażmissjoni tal-kontijiet finali; jitlob li ċ-Ċentru jivvaluta l-impatt u jiżvela r-riżultati lill-awtorità baġitarja;

26.

Jinnota li ċ-Ċentru ma esperjenza l-ebda ksur tad-data, kif definit fir-Regolament (UE) 2016/679 (2), u li l-ebda lment ma ġie indirizzat lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data taċ-Ċentru; jinnota, madankollu, li ċ-Ċentru ma setax jippreżenta d-deċiżjoni skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/679, bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data mid-disinn u prestabbilita, lill-bord amministrattiv fl-2019 minħabba li rċieva tard l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; iħeġġeġ liċ-Ċentru jadotta din id-deċiżjoni mill-aktar fis possibbli sabiex jaġixxi b'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679;

27.

Jilqa' l-isforzi taċ-Ċentru biex jipprovdi post tax-xogħol kosteffettiv u li jirrispetta l-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha meħuda miċ-Ċentru biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, il-konsum tal-enerġija tiegħu u jiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti;

28.

Jilqa' l-isforzi magħmula miċ-Ċentru biex jinkoraġġixxi l-użu tas-sistema tat-trasport pubbliku mingħajr ħlas fil-Lussemburgu u l-inizjattivi meħuda biex tiġi ppreservata l-bijodiversità;

29.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 391, 18.11.2019, p. 57.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.