|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2474 |
20.9.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2474
tal-5 ta’ April 2024
dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.50787 (2021/C) (ex 2018/N) u SA.50837 (2021/C) (ex 2018/N) implimentati miċ-Ċekja favur intrapriżi kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja
(notifikata bid-dokument C(2024) 2096)
(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-TFUE (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. IL-PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Marzu 2018, iċ-Ċekja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.50787 (2018/N). Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tat-22 ta’ Mejju 2018, tad-19 ta’ Lulju 2018, tat-8 ta’ Ottubru 2018, tas-17 ta’ Diċembru 2018, tas-6 ta’ Marzu 2019, tat-28 ta’ Mejju 2019 u tas-6 ta’ Mejju 2020. L-awtoritajiet Ċeki ssottomettew informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tal-21 ta’ Ġunju 2018, tal-20 ta’ Awwissu 2018, tat-8 ta’ Novembru 2018, tat-18 ta’ Jannar 2019 u tad-29 ta’ Mejju 2020. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2018, iċ-Ċekja nnotifikat l-iskema ta’ għajnuna SA.50837 (2018/N). Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tal-1 ta’ Ġunju 2018, tal-14 ta’ Awwissu 2018, tat-8 ta’ Ottubru 2018, tas-17 ta’ Diċembru 2018, tas-6 ta’ Marzu 2019, tat-28 ta’ Mejju 2019 u tas-6 ta’ Mejju 2020. L-awtoritajiet Ċeki ssottomettew informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tal-21 ta’ Ġunju 2018, tat-13 ta’ Settembru 2018, tat-8 ta’ Novembru 2018, tat-18 ta’ Jannar 2019, tad-29 ta’ Marzu 2019 u tad-29 ta’ Mejju 2020. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ċeki bid-deċiżjoni tagħha li tittrasferixxi ż-żewġ notifiki fir-reġistru tal-miżuri ta’ għajnuna mhux notifikati, minħabba li l-għajnuna ngħatat qabel in-notifika tal-iskemi ta’ għajnuna lill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-każijiet għall-finijiet tal-valutazzjoni tagħhom, minħabba suġġett identiku. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni infurmat liċ-Ċekja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it- “TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil impriżi kbar qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2021)41 final tat-12 ta’ Jannar 2021 (2) (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) u n-notifika tagħha lill-awtoritajiet Ċeki. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-għajnuna li tingħata skont iż-żewġ skemi SA.50787 u SA.50837 wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ u n-notifika tagħha lill-awtoritajiet Ċeki, għar-raġuni li kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE. |
|
(5) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati u liċ-Ċekja jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni rċeviet ħames kummenti minn partijiet interessati. Hija bagħtithom liċ-Ċekja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. Permezz tal-istess ittra, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-awtoritajiet Ċeki biex jipprovdu aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċeduri ta’ rkupru mibdija mill-awtoritajiet Ċeki, b’mod partikolari dwar il-proċedimenti relatati tal-Qorti (4). Iċ-Ċekja ssottomettiet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Mejju 2022. |
|
(7) |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni talbet kjarifika ulterjuri fir-rigward tad-deċiżjonijiet maħruġa mill-Qorti nazzjonali dwar l-irkupru tal-għajnuna mogħtija qabel in-notifika tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Ċeki. L-awtoritajiet Ċeki wieġbu b’ittra tal-24 ta’ Awwissu 2022. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-ISKEMI TA’ GĦAJNUNA
2.1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni
|
(8) |
Din id-deċiżjoni tkopri l-għajnuna mogħtija illegalment lil intrapriżi kbar għar-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott u għall-bini ta’ tisqija bil-qatra fil-ġonna tas-siġar tal-frott, fl-għelieqi tal-ħops, tad-dwieli u mixtliet, qabel in-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837. |
|
(9) |
L-iskemi notifikati huma dawn li ġejjin: |
|
(a) |
SA.50787 (2021/C) (ex 2018/N): L-għajnuna għar-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott. |
|
(b) |
SA.50837 (2021/C) (ex 2018/N): L-għajnuna għall-bini ta’ tisqija bil-qatra f’ġonna tas-siġar tal-frott, għelieqi tal-ħops, tad-dwieli, u mixtliet. |
|
(10) |
Biż-żewġ notifiki, iċ-Ċekja beħsiebha tissostitwixxi l-miżuri ta’ għajnuna eżistenti SA.46621 (2016/XA) u SA.46972 (2016/XA), eżentati abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (5), sabiex tkabbar il-grupp ta’ benefiċjarji eliġibbli minn intrapriżi kbar. Għal dan il-għan, mal-approvazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, l-iskemi ta’ għajnuna kellhom jissostitwixxu dawn l-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. |
2.2. Il-karatteristiċi komuni taż-żewġ skemi
2.2.1. L-għan
|
(11) |
Bin-notifika SA.50787 (2021/C) (ex 2018/N), l-awtoritajiet Ċeki kellhom l-għan li jagħtu għajnuna għat-tħawwil ta’ ġonna tas-siġar tal-frott, imkabbra f’konformità mal-metodu ta’ produzzjoni integrata. |
|
(12) |
Bin-notifika SA.50837 (2021/C) (ex 2018/N), l-awtoritajiet Ċeki kellhom l-għan li jagħtu għajnuna għall-bini ta’ tisqija bil-qatra funzjonali fil-ġonna tas-siġar tal-frott, fl-għelieqi tal-ħops, tad-dwieli, u mixtliet fiċ-Ċekja. |
2.2.2. It-tul ta’ żmien
|
(13) |
L-iskema ta’ għajnuna eżentata SA.46621 (2016/XA) kienet fis-seħħ mis-17 ta’ Ottubru 2016. L-iskema ta’ għajnuna eżentata SA.46972 (2016/XA) kienet fis-seħħ mis-7 ta’ Diċembru 2016. Iż-żewġ skemi ta’ għajnuna eżentati ġew sostitwiti fit-12 ta’ Jannar 2021 bl-iskemi ta’ għajnuna nnotifikati SA.50787 u SA.50837. |
|
(14) |
Bid-deċiżjoni tal-ftuħ, iż-żewġ skemi ta’ għajnuna nnotifikati SA.50787 u SA.50837 ġew approvati għall-futur sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
2.2.3. Il-benefiċjarji
|
(15) |
Taħt iż-żewġ skemi SA.50787 u SA.50837, l-għajnuna tista’ tingħata lil intrapriżi ta’ kull daqs, attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. |
2.2.4. Il-bażi legali
|
(16) |
Il-bażi ġuridika għaż-żewġ skemi SA.50787 u SA.50837 kif ukoll għall-iskemi ta’ għajnuna preċedenti b’eżenzjoni ta’ kategorija SA.46621 (2016/XA) u SA.46972 (2016/XA), hija kostitwita mill-atti li ġejjin:
|
2.2.5. Il-baġit
|
(17) |
Il-baġit globali tal-iskema ta’ għajnuna SA.50787 (2021/C) jammonta għal CZK 1 400 miljun (madwar EUR 52,4 miljun (6)). |
|
(18) |
Il-baġit globali tal-iskema ta’ għajnuna SA.50837 (2021/C) jammonta għal CZK 560 miljun (madwar EUR 21 miljun (7)). |
|
(19) |
Iż-żewġ skemi ta’ għajnuna huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat. L-għajnuna tingħata fil-forma ta’ għotjiet diretti. L-awtorità awtorizzanti għaż-żewġ skemi hija l-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu (Státní zemědělský intervenční fond). |
2.3. Id-deskrizzjoni tal-iskema ta’ għajnuna SA.50787 (2021/C)
|
(20) |
L-għajnuna taħt din l-iskema ta’ għajnuna tista’ tingħata għall-ġonna tas-siġar tal-frott imħawla reċentement fiċ-Ċekja barra mill-kapital, Praga. L-għajnuna tingħata f’sena ta’ tħawwil. |
|
(21) |
L-għajnuna tista’ tingħata għat-tħawwil ta’ varjetajiet ta’ frott elenkati fit-tabella fid-dokument ta’ Interpretazzjoni tal-programm ta’ sussidju, imkabbra fis-sistema ta’ produzzjoni integrata, li ma taqbiżx il-limiti fissi tal-metalli tqal (8). |
|
(22) |
L-ispejjeż li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna:
|
|
(23) |
L-għajnuna tista’ tingħata sa 50 % tal-ispejjeż eliġibbli u fl-ammonti massimi li ġejjin:
|
|
(24) |
L-investimenti taħt din l-iskema għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni ġenerali u s-sostenibbiltà tal-azjendi. |
|
(25) |
L-istess miżura ma kinitx prevista fil-Programm tal-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka (“PŻR”) taċ-Ċekja 2014–2020. Għalkemm il-PŻR kien fih il-miżura “Produzzjoni integrata tal-frott”, skont l-awtoritajiet Ċeki dawn iż-żewġ miżuri ma kinux jikkoinċidu iżda kienu komplementari. Filwaqt li l-għajnuna mill-Istat tingħata għat-tħawwil tal-ġonna tas-siġar tal-frott, il-finanzjament taħt il-miżura tal-iżvilupp rurali ġie pprovdut għal ġonna tas-siġar tal-frott diġà eżistenti. L-applikanti jistgħu japplikaw kemm għall-finanzjament tal-għajnuna mill-Istat għall-istabbiliment ta’ ġonna tas-siġar tal-frott u mbagħad għall-finanzjament sussegwenti taħt il-PŻR għall-manutenzjoni tagħhom. F’każ bħal dan, huma jridu jkunu ssottomettew żewġ analiżijiet tal-ħamrija li jiċċertifikaw il-konformità mal-valuri ta’ limitu tas-sustanzi kimiċi. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni sabet li l-iskema kienet konsistenti mal-objettivi segwiti mill-PŻR taċ-Ċekja 2014–2020, speċifikament bl-objettiv li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-produzzjoni primarja agrikola u għat-titjib tal-kwalità tal-prodott primarju (il-premessi (92) u (93) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna kellha impatt ambjentali pożittiv, peress li l-metodu ta’ produzzjoni integrata jwassal għal kwantitajiet iżgħar ta’ metalli tqal fil-ħamrija (il-premessa 94) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
2.4. Id-deskrizzjoni tal-iskema ta’ għajnuna SA.50837 (2021/C)
|
(27) |
Taħt din l-iskema, l-għajnuna tista’ tingħata għall-ispejjeż li ġejjin:
|
|
(28) |
L-għajnuna tista’ tingħata sa 50 % tal-kostijiet eliġibbli u l-benefiċjarji jistgħu jirċievu sa CZK 72 000 (madwar EUR 2 700 (12)) għal kull ettaru ta’ tisqija bil-qatra mibnija. |
|
(29) |
L-investimenti appoġġjati taħt din l-iskema ma jikkonċernawx it-titjib tal-installazzjonijiet tat-tisqija eżistenti jew tal-elementi tal-infrastruttura tat-tisqija, iżda biss l-installazzjoni tat-tisqija bil-qatra mibnija ġdida. |
|
(30) |
F’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), iċ-Ċekja kkomunikat lill-Kummissjoni l-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara għaż-żona kollha li fiha jsiru l-investimenti, kif ukoll għal kwalunkwe żona oħra li l-ambjent tagħha jista’ jiġi affettwat mill-investiment. Il-miżuri li jidħlu fis-seħħ skont il-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara skont l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva u ta’ rilevanza għas-settur agrikolu ġew speċifikati fil-programm ta’ miżuri rilevanti. |
|
(31) |
Skont l-awtoritajiet Ċeki, l-investimenti koperti minn din l-iskema ta’ għajnuna jistgħu jirriżultaw f’żieda netta taż-żona irrigatali taffettwa korp partikolari ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-investimenti ma jaffettwawx korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ li l-istatus tagħhom ġie identifikat bħala inqas minn tajjeb fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara rilevanti għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma. |
|
(32) |
Skont l-awtoritajiet Ċeki, l-iskema għandha impatt ambjentali pożittiv, peress li l-metodu tat-tisqija bil-qatra, meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ tisqija, għandu effett ta’ ffrankar tal-ilma. It-tisqija bil-qatra hija mistennija li ġġib iffrankar tal-ilma ta’ mill-inqas 30 %, tiġġieled kontra n-nixfa, u, b’dan il-mod, ittejjeb l-istabbiltà tal-produzzjoni u żżid il-kwalità tagħha, filwaqt li jiġi ekonomizzat l-użu tal-ilma. |
|
(33) |
L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li analiżi ambjentali trid turi li l-investimenti megħjuna mhux se jkollhom impatt ambjentali negattiv. Għal dan il-għan, kull applikazzjoni għal għajnuna tiġi vvalutata individwalment. |
|
(34) |
L-għotja tal-għajnuna hija kundizzjonali fuq is-sottomissjoni ta’ permess għall-ġestjoni tal-ilma, maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-ilma li tivvaluta, inter alia, l-effetti tal-proġett fuq il-komponenti differenti tal-ambjent. |
|
(35) |
Barra minn hekk, l-għajnuna hija kundizzjonali fuq l-istabbiliment tal-kejl tal-konsum tal-ilma fil-livell ta’ investiment appoġġjat. |
|
(36) |
L-awtoritajiet Ċeki impenjaw ruħhom li jiżguraw, fir-rigward tad-distrett tal-baċin tax-xmara li fih isir l-investiment, kontribuzzjoni tal-użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma mis-settur agrikolu konsistenti mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE filwaqt li jitqiesu, fejn xieraq, l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affettwati. |
|
(37) |
Il-Kummissjoni sabet li l-iskema kienet konsistenti mal-objettivi segwiti mill-PŻR taċ-Ċekja 2014–2020, speċifikament bl-objettiv li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-produzzjoni primarja agrikola u għat-titjib tal-kwalità tal-prodott primarju (il-premessi (92) u (93) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna kellha impatt ambjentali pożittiv, peress li l-metodu ta’ produzzjoni integrata jwassal għal kwantitajiet iżgħar ta’ metalli tqal fil-ħamrija (il-premessa 94) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
3. IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA
3.1. L-illegalità tal-iskemi ta’ għajnuna
|
(38) |
L-iskemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 ġew innotifikati lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Marzu 2018 u fis-6 ta’ April 2018 rispettivament. L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li dawn kienu diġà ġew implimentati qabel in-notifika tagħhom. |
|
(39) |
Fid-dawl tal-fatt li ċ-Ċekja naqset milli tirrispetta l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, fid-deċiżjoni tal-ftuħ (14) il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna diġà mogħtija lil impriżi kbar qabel in-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837 kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida, li hija qieset bħala għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1 (f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (15). |
3.2. Kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern
|
(40) |
F’konformità mal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti f’dak l-Artikolu. Fil-każijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-deroga fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, kif interpretata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali tal-2014 (16) (minn hawn ’il quddiem “il-Linji Gwida tal-2014”), kinitx applikabbli. |
|
(41) |
Skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk jinstab li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, sakemm tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. |
|
(42) |
L-iskemi ta’ għajnuna ġew ivvalutati wkoll fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2014, li kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-approvazzjoni tal-iskemi SA.50787 u SA.50837. |
|
(43) |
B’mod speċifiku, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà taż-żewġ skemi SA.50787 u SA.50837 mas-suq intern abbażi tal-Parti I. (“Prinċipji komuni tal-valutazzjoni”) u l-Parti II., il-Kapitolu 1.1.1.1. (“Għajnuna għal investiment f’assi tanġibbli u intaġibbli fuq azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja”) tal-Linji Gwida tal-2014. |
|
(44) |
Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna li tingħata wara l-approvazzjoni taż-żewġ skemi ta’ għajnuna u wara n-notifika tad-deċiżjoni lill-awtoritajiet Ċeki, kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE. |
|
(45) |
Madankollu, f’dak l-istadju, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar qabel in-notifika u l-approvazzjoni taż-żewġ skemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-valutazzjoni ta’ dawk l-iskemi ta’ għajnuna wriet li filwaqt li l-għajnuna kienet kompatibbli mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Parti II., il-Kapitolu 1.1.1.1. tal-Linji Gwida tal-2014, kienu jeżistu dubji fir-rigward tal-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv u, konsegwentement, dwar il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE, għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
(46) |
F’konformità mal-punt (66) tal-Linji Gwida tal-2014, għajnuna tista’ tinstab kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Barra minn hekk, skont dan il-punt, għajnuna kellha effett ta’ inċentiv li kieku wasslet għall- bidla fl-aġir ta’ impriża b’tali mod li hija kienet teżerċita attività addizzjonali li ma kinitx tinvolvi ruħha fiha mingħajr l-għajnuna jew li kienet twettaq b’mod ristrett jew differenti. |
|
(47) |
F’konformità mal-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni qieset li għajnuna ma kinitx tippreżenta inċentiv għal benefiċjarju kull fejn ix-xogħol fuq proġett jew attività kienu diġà bdew qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali. Tali applikazzjoni għall-għajnuna kellha tinkludi mill-inqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi l-post u d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħhom, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa biex jitwettqu u l-ispejjeż eliġibbli. |
|
(48) |
Skont il-punt 35(25) tal-Linji Gwida tal-2014, “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti biex jiġi ordnat apparat jew jiġu użati servizzi jew kull impenn ieħor li permezz tiegħu il-proġett jew l-attività isiru irriversibbli. |
|
(49) |
Barra minn hekk, skont il-punt (72) tal-Linji Gwida tal-2014, fl-applikazzjoni, l-intrapriżi l-kbar kellhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna, imsejħa x-xenarju kontrofattwali u jissottomettu evidenza dokumentarja b’appoġġ għax-xenarju kontrofattwali deskritt fl-applikazzjoni. Skont il-punt (73) tal-Linji Gwida tal-2014, l-awtorità awtorizzanti kienet meħtieġa twettaq verifika tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna kellha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. |
|
(50) |
Fir-rigward ta’ dik il-kundizzjoni addizzjonali applikabbli għall-impriżi kbar biex jissottomettu x-xenarju kontrofattwali, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni rreferiet għad-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kif previst fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 (17) u għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qrati tal-Unjoni (18). |
|
(51) |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, il-kategorija tal-SMEs kienet magħmula minn intrapriżi li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li kellhom fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun, u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun. |
|
(52) |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, “intrapriża awtonoma” kienet kwalunkwe intrapriża, li ma kinitx ikklassifikata bħala intrapriża msieħba skont it-tifsira tal-paragrafu 2 jew bħala intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu. |
|
(53) |
Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża tkun sabet li, fuq bażi annwali, kienet qabżet jew niżlet taħt il-limitu tal-għadd ta’ persunal jew il-limiti finanzjarji massimi ddikjarati fl-Artikolu 2, dan ma jirriżultax fit-telf jew l-akkwist tal-istatus ta’ intrapriża ta’ daqs medju, żgħir jew mikro kemm-il darba dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi konsekuttivi tal-kontabbiltà. |
|
(54) |
Il-premessi (109) sa (113) tad-deċiżjoni tal-ftuħ kien fihom ir-raġunament li ġej f’dan il-kuntest. |
|
(55) |
Il-premessa 40 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 tispjega li d-definizzjoni ta’ SME użata għall-fini ta’ dak ir-Regolament hija bbażata fuq id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (19), sabiex jiġu eliminati d-differenzi li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti tal-Unjoni u nazzjonali li jikkonċernaw l-SMEs kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċarezza amministrattiva u ċertezza legali. |
|
(56) |
Il-premessa 39 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 tispjega r-raġuni sottostanti għall-eżenzjoni tal-SMEs mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) TFUE: “L-SMEs għandhom rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u, b’mod aktar ġenerali, jaġixxu bħala fattur ta’ stabbiltà soċjali u ta’ spinta ekonomika. Madankollu, l-iżvilupp tagħhom jista’ jkun limitat minn fallimenti tas-suq, li jwasslu biex dawn l-SMEs isofru minn żvantaġġi tipiċi. L-SMEs ta’ spiss ikollhom diffikultajiet biex jiksbu kapital jew self, minħabba n-natura avversa għar-riskju ta’ ċerti swieq finanzjarji u l-garanzija limitata li jkunu kapaċi joffru. Ir-riżorsi limitati tagħhom jistgħu jirrestrinġu wkoll l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ teknoloġija ġdida u swieq potenzjali. Biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs, dan ir-Regolament għandu għalhekk jeżenta ċertu kategoriji ta’ għajnuna favur l-SMEs mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.” |
|
(57) |
Kif espress fid-diversi sentenzi tal-Qrati tal-Unjoni, huma biss l-intrapriżi li jbatu minn żvantaġġi tipiċi ta’ SME li jenħtieġ li jkunu intitolati għall-vantaġġi li jirriżultaw minn dak l-istatus. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni,id-definizzjoni ta’ SME għandha tiġi interpretata b’mod strett, peress li l-vantaġġi mogħtija mill-istatus ta’ SME huma fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (b’mod partikolari fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat) eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali. (20) Jeħtieġ li jitneħħew minn dik il-kwalifika tal-SMEs gruppi ta’ intrapriżi li s-saħħa ekonomika tagħhom tista’ taqbeż dik ta’ SMEs ġenwini, anke jekk formalment jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-Definizzjoni ta’ SME. (21) Irid jiġi żgurat ukoll li d-definizzjoni ta’ SME ma tiġix evitata b’mezzi purament formali. (22) Skont din il-ġurisprudenza, jekk intrapriża kkonċernata ma ssofri l-ebda żvantaġġi tipiċi ta’ SME, il-Kummissjoni hija intitolata li tirrifjuta li tirrikonoxxiha bħala SME. Din il-ġurisprudenza hija ggwidata mill-prinċipju ta’ effet utile, filwaqt li tippreserva l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni. |
|
(58) |
L-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 jipprovdi faċilità għall-SMEs biex jippreservaw l-istatus tagħhom minkejja bidliet li huma kkunsidrati temporanji u soġġetti għall-volatilità (“kemm-il darba dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi konsekuttivi tal-kontabbiltà”). Ikun kontra l-prinċipju ta’ effet utile li tiġi pprovduta faċilità bħal din għall-intrapriżi li, bħala riżultat ta’ bidla fis-sjieda wara fużjoni jew akkwiżizzjoni, fir-realtà jkollhom struttura mibdula b’mod permanenti, li timbuttahom fuq bażi dewwiema ’l fuq mill-għadd ta’ persunal rilevanti jew il-limiti finanzjarji permessi għal SME. Minn dan isegwi li jekk ir-realtà ekonomika turi li intrapriża partikolari mhijiex SME ġenwina, anki jekk din is-sitwazzjoni partikolari ma tkunx deskritta fl-Artikolu 4(2) tad-Definizzjoni ta’ SME fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, jenħtieġ li tali intrapriża ma tibbenefikax minn status ta’ SME wara tali bidla fis-sjieda. |
|
(59) |
Għalhekk, f’konformità mal-interpretazzjoni konsistenti tal-Kummissjoni, abbażi tal-prinċipju ta’ effett utli, kif espress fil-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni relatata mad-definizzjoni ta’ SME (il-premessa (57)), l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 ma japplikax fil-każ ta’ intrapriżi li jaqbżu l-limiti massimi rilevanti tal-SMEs bħala riżultat ta’ bidla fl-istruttura jew fis-sjieda wara fużjoni jew akkwiżizzjoni. F’każ bħal dan, il-mument rilevanti għall-evalwazzjoni huwa ż-żmien tat-tranżazzjoni (li permezz tagħha huma saru parti b’mod permanenti minn impriża ikbar) u mhux iż-żmien tal-għeluq tal-kontijiet tal-entità ġuridika applikanti. |
|
(60) |
Fuq dik il-bażi, il-premessa (114) tad-deċiżjoni tal-ftuħ kien fiha l-konklużjoni li ġejja: Filwaqt li sal-approvazzjoni ta’ dawn iż-żewġ skemi ta’ għajnuna, għajnuna favur impriżi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju tista’ tingħata fuq il-bażi tal-miżuri korrispondenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014, ma hemm l-ebda skema ta’ għajnuna approvata fis-seħħ li tippermetti għajnuna lil impriżi kbar. Minn dan isegwi li għajnuna ngħatat lil impriżi kbar bi ksur tal-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
(61) |
Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (10), iż-żewġ skemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 kienu maħsuba biex jissostitwixxu l-miżuri eżistenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.46621 (2016/XA) u SA.46972 (2016/XA), sabiex jipprovdu l-bażi għall-għoti ta’ għajnuna wkoll lil intrapriżi kbar. |
|
(62) |
L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li skont iż-żewġ skemi ta’ eżenzjonijiet ta’ kategorija, l-għajnuna għall-investiment ingħatat lil xi impriżi li inizjalment kienu kkunsidrati bħala SMEs fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Ċeki fit-8 ta’ Novembru 2018 (23), il-verifika amministrattiva ex post minn dawk l-awtoritajiet uriet li dawn il-benefiċjarji ma kinux konformi mad-definizzjoni ta’ SME, stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni relatata ma’ dik id-definizzjoni. Abbażi ta’ dan, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni (24) qieset li dawn il-benefiċjarji kienu intrapriżi kbar fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. |
|
(63) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni fakkret li ma ntalab l-ebda xenarju kontrofattwali għall-għajnuna għall-investiment mogħtija abbażi ta’ skemi eżentati skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014, minħabba li tali għajnuna kellha tkun limitata għall-SMEs (25). Għalhekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk il-benefiċjarji, li kienu intrapriżi kbar u li rċevew għajnuna abbażi ta’ skema waħda jew it-tnejn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (il-premessa (62)), issottomettew fil-fatt ix-xenarju kontrofattwali. (26) |
|
(64) |
Peress li s-sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn, kienet tikkostitwixxi wieħed mir-rekwiżiti marbuta mal-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għal impriżi kbar, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija lil impriżi kbar qabel in-notifika taż-żewġ skemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 ma kinitx tidher li kellha effett ta’ inċentiv. |
|
(65) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna mogħtija lil intrapriżi kbar qabel in-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837, b’mod partikolari l-kriterju tal-approċċ tal-ispejjeż żejda netti skont il-punti (95) sa (97) tal-Linji Gwida tal-2014. Il-Kummissjoni qieset li, fin-nuqqas probabbli tax-xenarju kontrofattwali (27), l-awtoritajiet Ċeki ma setgħux jiżguraw li l-ammonti tal-għajnuna kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż żejda netti tal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, billi jqabbluh max-xenarju mingħajr għajnuna. (28) |
|
(66) |
Fid-dawl ta’ dak ir-raġunament, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienu jeżistu dubji dwar il-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv u l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità tal-għajnuna mogħtija lil impriżi kbar qabel l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni (29). |
|
(67) |
Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE u stiednet lill-partijiet terzi kollha li setgħu ġew affettwati minn din l-għajnuna kif ukoll liċ-Ċekja biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni stiednet liċ-Ċekja tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ tgħin fil-valutazzjoni tal-għajnuna. |
4. L-OSSERVAZZJONIJIET MIĊ-ĊEKJA
|
(68) |
Fis-sottomissjoni tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li ż-żewġ skemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (SA.46621 (2016/XA) u SA.46972 (2016/XA)) kienu limitati għall-SMEs u spjegaw li l-unika raġuni għall-għoti tal-għajnuna lil intrapriżi kbar kienet il-valutazzjoni żbaljata mill-awtoritajiet Ċeki tad-daqs ta’ dawk il-benefiċjarji. L-awtoritajiet Ċeki ddikjaraw li l-limitazzjoni tal-għajnuna lill-SMEs ġiet iċċarata b’referenza għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 fil-bażi legali nazzjonali u ma kellhiex għalfejn tiġi ripetuta hemmhekk f’forma oħra. Huma spjegaw ukoll li kien hemm żbalji amministrattivi, li permezz tagħhom ċerti impriżi kbar benefiċjarji tqiesu b’mod żbaljat bħala SMEs fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna u l-verifika ex post tal-awtoritajiet uriet li dik il-valutazzjoni inizjali kienet żbaljata. |
|
(69) |
Iċ-Ċekja kkonfermat li f’Jannar 2019 bdiet proċeduri ta’ rkupru fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil seba’ benefiċjarji identifikati, li kienu intrapriżi kbar fil-mument meta rċevew l-għajnuna. Dawn il-proċeduri ta’ rkupru kienu relatati ma’ għajnuna mogħtija taħt eżenzjoni ta’ kategorija waħda jew it-tnejn li huma fis-snin 2016 u 2017. |
|
(70) |
L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-objettiv tal-Ministeru għall-Agrikoltura Ċek kien li jipprovdi għajnuna f’dawk is-sentejn lill-SMEs biss. Il-bażi legali (ir-regoli nazzjonali tal-programm ta’ sussidju) kien fiha referenza għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, li llimita l-għajnuna lill-SMEs. Għalhekk, ma kienx fiha mistoqsijiet dwar kundizzjonijiet addizzjonali rilevanti applikabbli għal intrapriżi kbar (ix-xenarju kontrofattwali, il-kriterju ta’ proporzjonalità). |
|
(71) |
Fl-istess ħin, fis-sottomissjoni tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Ċeki qiesu li minkejja n-nuqqas tax-xenarju kontrofattwali u l-valutazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali, l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, mogħti b’mod skorrett lil impriżi kbar, jista’ jitqies li huwa preżenti. |
|
(72) |
F’dak ir-rigward, l-awtoritajiet Ċeki argumentaw li l-investimenti fir-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott u fit-tisqija jinvolvu spejjeż għoljin, li l-benefiċjarji ma kinux iwettqu mingħajr l-għajnuna. Fil-fehma tal-awtoritajiet Ċeki, dan huwa kkonfermat mill-fatt li mill-2018, meta ma kien hemm l-ebda skema ta’ għajnuna approvata favur intrapriżi kbar, l-ebda ġnien tas-siġar tal-frott ġdid ma tħawwel minn intrapriżi kbar u, bl-istess mod, ma sar l-ebda investiment fl-infrastruttura tat-tisqija bil-qatra. Għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet Ċeki qiesu li l-benefiċjarji l-kbar li rċevew għajnuna fl-2016–2017 abbażi ta’ skema waħda jew it-tnejn li huma ta’ eżenzjonijiet ta’ kategorija ma kinux iwettqu l-investimenti mingħajr l-għajnuna. |
|
(73) |
Għalhekk, iċ-Ċekja tqis li l-effett ta’ inċentiv kien de facto preżenti f’dawn il-każijiet. |
|
(74) |
Bl-istess mod, fid-dawl tal-awtoritajiet Ċeki, din l-għajnuna kienet proporzjonata, minħabba li l-ammont massimu ta’ għajnuna għall-investimenti fir-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott kien limitat għal CZK 240 000 għal kull ettaru, filwaqt li l-ispejjeż reali setgħu jilħqu madwar CZK 500 000 u aktar għall-intrapriżi l-kbar. Minħabba l-ammont massimu possibbli ta’ għajnuna, l-awtoritajiet Ċeki qiesu li anki mingħajr il-valutazzjoni tax-xenarju kontrofattwali, seta’ jiġi preżunt li r-rata ta’ redditu interna tal-proġett kienet raġonevoli u li l-għajnuna ma wasslitx għal żieda tagħha ’l fuq mil-livell tas-soltu. |
|
(75) |
Barra minn hekk, iċ-Ċekja żiedet li s-sitwazzjoni, fejn intrapriżi kbar ma jinvestux fit-tħawwil tal-ġonna tas-siġar tal-frott u fl-infrastruttura tat-tisqija bil-qatra, hija negattiva ħafna. L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li fiċ-Ċekja l-erja tal-ġonna tas-siġar tal-frott ilha tonqos għal żmien twil, b’perċentwal għoli u dejjem jiżdied ta’ ġonna tas-siġar tal-frott qodma. |
5. IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(76) |
Il-Kummissjoni rċeviet sottomissjonijiet minn ħames partijiet terzi – il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna, jew taħt waħda jew taħt iż-żewġ skemi ta’ għajnuna. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (UE) 2015/1589, dawn kollha jistgħu jitqiesu bħala partijiet interessati. |
|
(77) |
Dawn il-ħames benefiċjarji kollha huma kkonċernati mill-proċedura ta’ rkupru msemmija fil-premessa (69). Iż-żewġ benefiċjarji l-oħra kkonċernati mill-proċeduri ta’ rkupru (RBQ SADY s.r.o., u M+A+J s.r.o.) ma ssottomettew l-ebda kumment. |
|
(78) |
Is-sottomissjonijiet minn dawn il-ħames benefiċjarji kkonfermaw li:
|
|
(79) |
Sommarju tas-sottomissjonijiet għad-deċiżjoni tal-ftuħ: |
Kummenti minn POMONA Těšetice a.s. (30)
|
(80) |
POMONA Těšetice a.s irċeviet għajnuna taħt iż-żewġ skemi ta’ għajnuna f’Diċembru 2016. |
|
(81) |
Fis-sottomissjoni tagħha, POMONA Těšetice a.s sostniet li d-deċiżjoni ta’ għoti kienet tistabbilixxi aspettattivi leġittimi. Il-kumpanija ssostni li l-għajnuna ntużat f’konformità mal-objettiv stabbilit fil-bażi legali. |
|
(82) |
POMONA Těšetice a.s spjegat li abbażi tal-bażi ġuridika nazzjonali (“Prinċipji għall-għoti tal-għajnuna”, il-premessa (16) ma kienx possibbli li jiġi konkluż li l-għajnuna kellha tkun limitata għall-SMEs biss. Il-kumpanija sostniet li indikat b’mod korrett id-daqs tagħha ta’ intrapriża kbira fl-applikazzjoni għall-għajnuna. |
|
(83) |
POMONA Těšetice a.s. inkludiet fis-sottomissjoni x-xenarju kontrofattwali, filwaqt li spjegat is-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna u sostniet li l-għajnuna kienet proporzjonata. |
Kummenti minn ÚSOVSKO EKO s.r.o. (31)
|
(84) |
ÚSOVSKO EKO s.r.o. rċeviet għajnuna għar-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott (skema ta’ għajnuna SA.50787) f’Diċembru 2016 u f’Diċembru 2017. |
|
(85) |
ÚSOVSKO EKO s.r.o. ssottomettiet li kienet aġixxiet in bona fide u invokat aspettattivi leġittimi minħabba li fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sentejn li huma indikat b’mod korrett l-istatus tagħha ta’ impriża kbira. ÚSOVSKO EKO s.r.o. ssottomettiet kopji tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħha għas-sentejn li huma li juru li l-applikazzjoni għall-għajnuna għas-sena 2017 biss kienet tinkludi l-mistoqsija dwar id-daqs tal-applikant għall-għajnuna. Il-kumpanija indikat id-daqs tagħha tal-intrapriża kbira. |
|
(86) |
ÚSOVSKO EKO s.r.o. ssostni li d-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura dwar l-irtirar tal-għajnuna kienet illegali, peress li kisret sostanzjalment id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti amministrattivi. |
|
(87) |
ÚSOVSKO EKO s.r.o. ssostni li l-bażi ġuridika nazzjonali (“Prinċipji għall-għoti tal-għajnuna” (il-premessa (16)) fiż-żmien bejn is-snin 2008 u 2018 ma stabbilietx b’mod espliċitu l-kundizzjoni li l-benefiċjarji jridu jkunu SMEs. Il-bażi legali nazzjonali ddefiniet il-benefiċjarji eliġibbli bħala “intraprendituri involuti fil-produzzjoni agrikola” (32). Skont ÚSOVSKO EKO s.r.o., mill-2015 biss il-bażi ġuridika nazzjonali rreferiet għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 (33), iżda mingħajr ma jiġu esklużi b’mod espliċitu impriżi kbar mill-grupp ta’ benefiċjarji eliġibbli. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-benefiċjarji eliġibbli baqgħet l-istess. |
|
(88) |
Skont ÚSOVSKO EKO s.r.o, fis-snin 2015–2017 il-Ministeru għall-Agrikoltura Ċek ma kienx konxju tal-fatt li fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, l-għajnuna għall-investiment ma setgħetx tingħata lil impriżi kbar. L-esklużjoni espliċita dehret fil-bażi legali nazzjonali biss fl-2018 u, minn dik is-sena, USOVSKO EKO s.r.o. ma baqgħetx tapplika għall-għajnuna. |
|
(89) |
ÚSOVSKO EKO s.r.o. inkludiet fis-sottomissjoni lill-Kummissjoni x-xenarju kontrofattwali, li jispjega s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna. Il-kumpanija tqis li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv u kienet proporzjonata. |
Kummenti minn ÚSOVSKO AGRO s.r.o.
|
(90) |
ÚSOVSKO AGRO s.r.o. irċeviet għajnuna taħt iż-żewġ skemi ta’ għajnuna f’Diċembru 2017. |
|
(91) |
Fis-sottomissjoni tagħha, ÚSOVSKO AGRO s.r.o. sostniet li kienet aġixxiet in bona fide u invokat aspettattivi leġittimi minħabba li fiż-żewġ applikazzjonijiet għall-għajnuna indikat b’mod korrett l-istatus tagħha ta’ impriża kbira. ÚSOVSKO AGRO s.r.o. ssottomettiet kopji tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħha. Fit-tnejn li huma, il-kumpanija indikat id-daqs tagħha tal-intrapriża l-kbira. |
|
(92) |
ÚSOVSKO AGRO s.r.o. tqis li d-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura dwar l-irtirar tal-għajnuna hija illegali, peress li tikser sostanzjalment id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti amministrattivi. |
|
(93) |
Bħall-benefiċjarji l-oħra li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, ÚSOVSKO AGRO s.r.o. ssottomettiet ukoll li l-bażi legali nazzjonali (“Prinċipji għall-għoti tal-għajnuna”, il-premessa (16)), bejn is-snin 2008 u 2018, ma stabbilietx espliċitament il-kundizzjoni li l-benefiċjarji jridu jkunu SMEs. Il-bażi legali nazzjonali ddefiniet il-benefiċjarji eliġibbli bħala “intraprendituri involuti fil-produzzjoni agrikola” (34). Mill-2015, il-bażi legali nazzjonali rreferiet għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, iżda mingħajr ma teskludi b’mod espliċitu impriżi kbar minn benefiċjarji eliġibbli. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ benefiċjarji eliġibbli baqgħet l-istess. |
|
(94) |
Skont ÚSOVSKO AGRO s.r.o, fis-snin 2015–2017 il-Ministeru għall-Agrikoltura Ċek ma kienx konxju tal-fatt li fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 l-għajnuna ma setgħetx tingħata lil intrapriżi kbar. Limitazzjoni espliċita bħal din dehret fil-bażi legali nazzjonali biss fl-2018 u, minn dik is-sena, USOVSKO AGRO s.r.o. ma baqgħetx tapplika għall-għajnuna. |
|
(95) |
ÚSOVSKO AGRO s.r.o. inkludiet fis-sottomissjoni x-xenarju kontrofattwali, u spjegat is-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna. Il-kumpanija tqis li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv u kienet proporzjonata. |
Kummenti minn SADY CZ s.r.o.
|
(96) |
Sady CZ s.r.o. rċeviet għajnuna taħt iż-żewġ skemi ta’ għajnuna f’Diċembru 2017. |
|
(97) |
Sady CZ s.r.o. ssottomettiet kopji tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħha. Applikazzjoni waħda għall-għajnuna indikat b’mod korrett li l-kumpanija kienet intrapriża kbira. Skont l-applikazzjoni għall-għajnuna l-oħra, il-kumpanija kienet intrapriża medja. Sady CZ s.r.o. spjegat din id-diskrepanza bi żball amministrattiv u appoġġjat din l-ispjegazzjoni bis-silta mir-Reġistru Korporattiv, li kienet mehmuża maż-żewġ applikazzjonijiet għall-għajnuna u li wriet li kienet intrapriża kbira. |
|
(98) |
Peress li d-daqs ta’ intrapriża kien iddikjarat b’mod korrett f’applikazzjoni (waħda) għall-għajnuna, SADY CZ s.r.o. ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata fid-deċiżjoni tal-ftuħ meta ddikjarat li l-awtoritajiet Ċeki “taw għajnuna lil impriżi kbar, li huma qiesu bħala SMEs”. Skont SADY CZ s.r.o., l-awtoritajiet Ċeki kienu fil-fatt konxji li l-għajnuna ngħatat lil impriża kbira, kif kien indikat b’mod espliċitu fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Għalhekk, l-awtoritajiet Ċeki ma setgħux iqisu lil din il-benefiċjarja bħala SME. |
|
(99) |
Skont SADY CZ s.r.o., l-awtoritajiet Ċeki ċċekkjaw ripetutament li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna ġew irrispettati. |
|
(100) |
Fis-sottomissjoni għad-deċiżjoni tal-ftuħ, Sady CZ s.r.o. ddikjarat li l-bażi legali nazzjonali (“Prinċipji għall-għoti tal-għajnuna”, il-premessa (16)) ma stabbilietx id-daqs tal-benefiċjarju bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà. |
|
(101) |
Fis-sottomissjoni għad-deċiżjoni tal-ftuħ, Sady CZ s.r.o. argumentat li l-għajnuna madankollu kellha effett ta’ inċentiv u kienet proporzjonata u li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġew ivverifikati mill-awtoritajiet Ċeki. Sady CZ s.r.o. sostniet li, qabel ma applikat għal għajnuna, hija ħejjiet dokument intern intitolat “l-Intenzjoni ta’ investiment għat-tiġdid tal-ġnien tas-siġar tal-frott” li fih hija vvalutat il-profittabbiltà tal-proġett u wriet l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna (abbażi tar-rata ta’ redditu interna, il-valur nett preżenti, il-qligħ tal-indiċi, il-perjodu ta’ rkupru). Madankollu, dan id-dokument ma ġiex sottomess lill-awtorità awtorizzanti. Sady CZ s.r.o. inkludiet dan id-dokument fis-sottomissjoni tagħha lill-Kummissjoni. Sady CZ s.r.o. tinsisti li ma tistax tiġi sanzjonata għan-negliġenza amministrattiva tal-awtoritajiet Ċeki. |
|
(102) |
B’referenza għall-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, SADY CZ s.r.o. ssuġġeriet li l-għajnuna riċevuta abbażi taż-żewġ skemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tista’ titqies bħala għajnuna ad hoc mogħtija lil intrapriżi kbar abbażi tal-Artikolu kkwotat. |
Kummenti minn Lužanská Zemědělská a.s.
|
(103) |
Lužanská Zemědělská a.s. irċeviet għajnuna għar-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott fis-snin 2016 u 2017. |
|
(104) |
Lužanská Zemědělská a.s. sostniet li l-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna fl-2016 ma kienx fiha mistoqsija dwar id-daqs ta’ applikant, u għalhekk ma setgħetx tindika d-daqs tagħha ta’ intrapriża kbira. Fl-2017, il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna diġà inkludiet din il-mistoqsija u Lužanská Zemědělská a.s. indikatha b’mod korrett bħala impriża kbira. Fis-sentejn li huma, il-kumpanija ssottomettiet ukoll silta mir-Reġistru Korporattiv, li wera l-istruttura tas-sjieda tagħha. |
|
(105) |
Bħal partijiet terzi oħra, li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, Lužanská Zemědělská a.s. indikat ukoll li l-bażi ġuridika nazzjonali (“Prinċipji għall-għoti tal-għajnuna”, il-premessa (16)) ma kinitx tinkludi d-daqs ta’ benefiċjarju fost il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Barra minn hekk, b’referenza għall-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, Lužanská Zemědělská a.s. issostni li dak ir-Regolament espliċitament ippermetta għajnuna lil impriżi kbar. Għalhekk, skont il-formulazzjoni eżatta tal-Prinċipji għall-għoti tal-għajnuna, eliġibbli għall-għajnuna kienet “imprenditur attiv fil-produzzjoni agrikola” (mingħajr limitazzjoni ulterjuri tad-daqs tal-applikant). |
|
(106) |
Skont Lužanská Zemědělská a.s., il-Kummissjoni kienet żbaljata fid-deċiżjoni tal-ftuħ meta ddikjarat li l-awtoritajiet Ċeki “taw għajnuna lil intrapriżi kbar, li huma qiesu bħala SMEs”. L-awtoritajiet Ċeki kienu fil-fatt konxji li ngħatat għajnuna lil intrapriża kbira – minħabba li d-daqs tan-negozju ta’ Lužanská Zemědělská a.s. kien indikat b’mod espliċitu fl-applikazzjoni għall-għajnuna għas-sena 2017 u fis-sena 2016 kien ċar mis-silta sottomessa mir-Reġistru Korporattiv. |
|
(107) |
Lužanská Zemědělská a.s. issostni wkoll li, minkejja l-fatt li fil-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna tal-2017, hija kienet indikat id-daqs tagħha bħala impriża kbira u l-istatus ta’ intrapriża kbira tagħha kellu jkun magħruf mill-awtoritajiet mid-dokumenti li jakkumpanjawha, formalment, hija ma kinitx intrapriża kbira fil-mument tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna fl-2016 u fl-2017. Dan għaliex:
|
|
(108) |
Lužanská Zemědělská a.s. ittenni li ma tistax tiġi sanzjonata għan-nuqqas tal-awtoritajiet Ċeki li jitolbu xenarju kontrofattwali. Il-kumpanija tafferma li setgħet tissottometti l-analiżi interna tagħha qabel ma tagħti l-għajnuna u li dan ikun “approċċ formalistiku ħafna, li jinjora kompletament ir-realtà ekonomika u fuq kollox l-iskop li għalih l-għajnuna tingħata fil-prattika”. |
|
(109) |
Il-kumpanija inkludiet fis-sottomissjoni tagħha l-analiżi finanzjarja u ta’ profittabbiltà tal-proġett ta’ investiment. Il-Kummissjoni tinnota li dawn id-dokumenti huma datati fl-11 ta’ Marzu 2021, jiġifieri wara li ngħatat l-għajnuna u wara li d-deċiżjonijiet tal-għoti ġew revokati mill-awtorità awtorizzanti u nbdiet il-proċedura ta’ rkupru. Dik id-data tikkoinċidi mad-data tas-sottomissjoni tal-kummenti għad-deċiżjoni tal-ftuħ u ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar meta fil-fatt ġiet ippreparata. |
|
(110) |
Lužanská Zemědělská a.s. argumentat ukoll li f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, tali għajnuna kienet disponibbli wkoll għal intrapriżi kbar bħala għajnuna ad hoc. |
6. IT-TRAŻMISSJONI TAL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI LIĊ-ĊEKJA
|
(111) |
F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589, il-Kummissjoni ppreżentat il-kummenti tal-partijiet terzi liċ-Ċekja permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2022 u stiednet lil din tal-aħħar tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahar mid-data tal-ittra. |
|
(112) |
L-awtoritajiet Ċeki wieġbu permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju 2022 u mbagħad issottomettew iktar informazzjoni permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Awwissu 2022. |
|
(113) |
Fl-ewwel ittra, datata t-23 ta’ Mejju 2022, iċ-Ċekja kkonfermat li l-argumenti sottomessi mill-partijiet terzi kienu simili ħafna għal dawk imressqa minnhom fil-proċedimenti tal-qorti nazzjonali, li kollha kemm huma bdew kontra d-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-Ministeru għall-Agrikoltura taċ-Ċekja. |
|
(114) |
Iċ-Ċekja qablet mal-argument tal-partijiet terzi li l-għajnuna ntużat f’konformità mal-objettivi tagħha, minkejja li ngħatat lil intrapriżi kbar li kienu ineliġibbli taħt l-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u fi żmien meta ma ġiet innotifikata l-ebda għajnuna lil impriżi kbar. L-awtoritajiet Ċeki qablu wkoll li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv minkejja n-nuqqas tax-xenarju kontrofattwali, minħabba li investimenti bħal dawn ma kinux jitwettqu mingħajr għajnuna, prinċipalment minħabba l-kostijiet għoljin tagħhom. L-awtoritajiet Ċeki tennew ukoll li minkejja n-nuqqas tal-valutazzjoni tax-xenarju kontrofattwali, ir-rata ta’ redditu interna tal-proġetti kienet raġonevoli, u l-għajnuna ma wasslitx għal żieda tagħha ’l fuq mil-livelli tas-soltu. |
|
(115) |
Fir-rigward tan-nuqqas irrapportat tar-restrizzjoni espliċita fuq id-daqs tal-benefiċjarji eliġibbli fil-bażi ġuridika nazzjonali, iċ-Ċekja tenniet li l-intenzjoni u t-tifsira tal-bażi ġuridika kienu li tingħata għajnuna esklużivament lill-SMEs. Għal dan il-għan, il-bażi legali nazzjonali fis-snin 2016 u 2017 stipulat li l-għajnuna ngħatat fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, jiġifieri li kienet disponibbli biss għall-SMEs. L-awtoritajiet Ċeki indikaw li l-ebda wieħed mill-benefiċjarji kkonċernati mill-irkupru tal-għajnuna ma kkontesta l-fatt li kienu intrapriżi kbar, għalhekk, l-awtoritajiet Ċeki bdew il-proċeduri ta’ rkupru. |
|
(116) |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali tas-seba’ proċedimenti tal-qorti nazzjonali, l-awtoritajiet Ċeki infurmaw li, fiż-żmien ta’ dik l-ittra, f’ħames każijiet il-Qorti Muniċipali fi Praga kienet diġà ddeċidiet u ċaħdet it-talbiet. Żewġ rikorrenti (Sady CZ s.r.o. u Lužanská Zemědělská a.s.) irtiraw il-pretensjonijiet tagħhom. F’każ wieħed li jifdal (RBQ SADY s.r.o.), id-deċiżjoni tal-Qorti kienet pendenti. |
|
(117) |
L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li fis-sentenzi kollha maħruġa, il-Qorti Muniċipali fi Praga sabet li l-Ministeru għall-Agrikoltura ġustament ħareġ id-deċiżjonijiet ta’ rkupru. Fl-istess ħin, il-Qorti rreferiet għal § 15(3)(c) tal-Att Nru 218/2000 Coll. dwar ir-regoli baġitarji, kif kien fis-seħħ fiż-żmien meta nbdew il-proċeduri ta’ rkupru. Dik id-dispożizzjoni kienet tistipula li r-rimbors ta’ sussidju li kien diġà tħallas fil-kont tal-benefiċjarju ma jistax jiġi ordnat, jekk ir-raġuni għall-irkupru kienet li l-għajnuna ngħatat bi ksur tal-liġi tal-UE jew nazzjonali. Il-Qorti Muniċipali fi Praga għalhekk sabet li għalkemm il-Ministeru għall-Agrikoltura kien obbligat li jibda proċeduri għall-irkupru tal-għajnuna, § 15(3)(c) tal-Att Nru 218/2000 Coll., kif kien fis-seħħ fiż-żmien meta nbeda l-irkupru, jipprekludi lill-Ministeru milli jinforza l-irkupru effettiv ta’ tali għajnuna. |
|
(118) |
Fl-ittra tal-24 ta’ Awwissu 2022, l-awtoritajiet Ċeki spjegaw li § 15(3) tal-Att Nru 218/2000 Coll. ġie emendat mill-1 ta’ Jannar 2022 u l-ittra (c) tħassret. |
|
(119) |
Madankollu, l-awtoritajiet Ċeki sostnew li, kif sabet il-Qorti Muniċipali fi Praga, minkejja l-emenda, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, peress li l-emenda tal-Att Nru 218/2000 Coll. ma tistax tiġi applikata b’mod retroattiv. |
7. L-EVALWAZZJONI LEGALI TAL-GĦAJNUNA
7.1. L-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE
|
(120) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”. |
|
(121) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha (37), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE ġew issodisfati u, għalhekk, l-iskemi nnotifikati SA.50787 u SA.50837 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu. |
|
(122) |
Din il-konklużjoni preliminari ma ġiet ikkontestata fl-ebda wieħed mill-kummenti riċevuti mill-partijiet terzi u miċ-Ċekja. Barra minn hekk, iċ-Ċekja nnifisha nnotifikat l-iskemi bħala miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
(123) |
Għalhekk, il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu tirrikjedi li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tkun waħda li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(124) |
Minħabba l-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati huma rregolati minn att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni ulterjuri (il-premessa (16)), jistgħu jingħataw għotjiet ta’ għajnuna individwali lil impriżi definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt (it-Taqsimiet 2.2.3, 2.2.4, 2.3 u 2.4), il-Kummissjoni tqis li dawn huma skemi ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-punt (35)(4) tal-Linji Gwida tal-2014. L-iskemi jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn waħda mid-derogi previsti fit-TFUE (ara wkoll it-Taqsima 7.2). |
|
(125) |
L-iskemi huma imputabbli lill-Istat peress li huma bbażati fuq l-atti legali deskritti fil-premessa (16) u huma implimentati mill-awtorità tal-Istat (il-premessa (19)). Dawn jitħallsu mill-baġit tal-Istat, għalhekk permezz ta’ riżorsi tal-Istat (il-premessa (19)). |
|
(126) |
L-iskemi jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarji tagħhom fil-forma ta’ għotjiet diretti (il-premessa (19)). L-iskemi għalhekk jeħilsu lil dawk il-benefiċjarji mill-ispejjeż, li jkollhom iġorru f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
(127) |
L-iskemi huma selettivi peress li l-għajnuna tingħata biss lil ċerti impriżi, speċifikament lil impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. |
|
(128) |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna lil impriża tidher li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta dik l-impriża tkun topera f’suq miftuħ għall-kummerċ intra-UE (38). Il-benefiċjarji tal-għajnuna joperaw fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja, fejn iseħħ il-kummerċ intra-UE (39). Dan is-settur huwa għalhekk miftuħ għall-kompetizzjoni fil-livell tal-UE u għalhekk sensittiv għal kwalunkwe miżura favur il-produzzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar. Għalhekk, l-iskema tista’ tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(129) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet preliminari tagħha stabbiliti fil-premessi (58) sa (62) tad-deċiżjoni tal-ftuħ u ttenni li l-għajnuna mogħtija skont iż-żewġ skemi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
7.2. L-eżistenza ta’ skemi
|
(130) |
Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589, “skema ta’ għajnuna” hija definita bħala kwalunkwe att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt. |
|
(131) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha (40), il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll b’mod preliminari li ż-żewġ miżuri ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 kienu jikkostitwixxu skemi skont it-tifsira ta’ dik id-definizzjoni u tal-punt 35(4) tal-Linji Gwida tal-2014, peress li l-bażi ġuridika tagħhom ma kinitx teħtieġ aktar miżuri ta’ implimentazzjoni għall-għoti tal-għajnuna u identifikat il-benefiċjarji b’mod ġenerali u astratt. L-istess bażi ġuridika u konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ skemi japplikaw għall-iskemi ta’ għajnunata’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.46621 (2016/XA) u SA.46972 (2016/XA), li kienu applikabbli fiż-żmien fl-2016 u fl-2017, meta l-għajnuna lil impriżi kbar ingħatat illegalment. |
|
(132) |
Fir-rigward tal-kwalifiki tal-miżuri ta’ għajnuna bħala skemi, żewġ partijiet terzi – SADY CZ s.r.o. (il-premessa (102)) u Lužanská Zemědělská a.s. (il-premessa (110)) sostnew li l-għajnuna mogħtija lilhom kienet fil-fatt tikkostitwixxi għajnuna ad hoc skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014. |
|
(133) |
Fir-rigward ta’ dak l-argument, il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar id-definizzjoni ta’ għajnuna ad hoc. Skont l-Artikolu 2(13) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, “għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna. |
|
(134) |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna riċevuta minn SADY CZ s.r.o. u Lužanská Zemědělská a.s. ingħatat abbażi tar-regoli nazzjonali tal-programm ta’ sussidju (il-bażi ġuridika msemmija fil-premessa (16)) mingħajr ma kienu meħtieġa aktar miżuri ta’ implimentazzjoni. Fil-fatt, l-għajnuna lil impriżi kbar ingħatat bi żball fil-kuntest tal-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, li fir-realtà kienu miftuħa biss għall-SMEs. Ma kien hemm l-ebda għajnuna individwali ad hoc lil impriżi kbar innotifikata lill-Kummissjoni qabel ma ngħatat l-għajnuna lil dawn il-benefiċjarji. L-unika notifika li kienet tikkonċerna impriżi kbar kienet meta ċ-Ċekja nnotifikat l-iskemi SA.50787 u SA.50837, wara li kien seħħ l-għoti tal-għajnuna lil impriżi kbar. L-għajnuna lill-impriżi l-kbar fl-2016 u fl-2017 kienet ibbażata wkoll fuq l-istess bażi ġuridika nazzjonali li kienet tapplika għall-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u li ġiet indikata wkoll aktar tard fin-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837. Fi kliem ieħor, l-għajnuna taħt dawk l-iskemi notifikati ġiet implimentata fil-passat, filwaqt li l-ebda għajnuna jew skema ad hoc ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom u lanqas ma kienu koperti mir-Regolament (UE) Nru 702/2014 għal eżenzjoni ta’ kategorija għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt (il-premessi (138) sa (164)). |
|
(135) |
Il-bażi ġuridika nazzjonali tipprovdi l-elementi essenzjali tal-għajnuna (spejjeż eliġibbli u intensitajiet tal-għajnuna) u tiddefinixxi l-benefiċjarji b’mod astratt u ġenerali. Fuq din il-bażi, l-awtoritajiet Ċeki taw għajnuna lill-benefiċjarji mingħajr ebda marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jinfluwenzaw l-elementi essenzjali tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat. Fid-dawl tal-ispjegazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Ċeki (il-premessa (68), il-Kummissjoni tqis li l-għoti ta’ għajnuna lil intrapriżi kbar abbażi tal-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija kien ir-riżultat tal-iżball amministrattiv u mhux l-eżerċizzju ta’ xi setgħa diskrezzjonali. |
|
(136) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija illegalment lill-impriżi l-kbar qabel in-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837, iżda f’konformità mal-bażi ġuridika tagħhom u fuq termini ugwali bħall-għajnuna mogħtija lill-SMEs taħt dik il-bażi ġuridika, ingħatat fil-kuntest ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma taċċettax l-argument ta’ SADY CZ s.r.o. u Lužanská Zemědělská a.s. li l-għajnuna li ngħatat lilhom tista’ tikkostitwixxi għajnuna ad hoc skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 (ara wkoll il-premessi (142) sa (164)). |
|
(137) |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta għajnuna ad hoc bħala kompatibbli li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha ta’ kompatibbiltà tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 (ara l-premessi (149) sa (161)). |
7.3. Il-klassifikazzjoni tal-iskemi bħala illegali
|
(138) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna ngħatat lil intrapriżi kbar mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE (41). Fl-istess ħin, l-għajnuna mogħtija lil impriżi kbar ma setgħetx tinstab kompatibbli taħt l-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, peress li l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 kien japplika biss għall-SMEs. Konsegwentement, l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li tali għajnuna lil impriżi kbar kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida, li kienet illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589. |
|
(139) |
Fis-sottomissjonijiet tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, kemm iċ-Ċekja kif ukoll il-partijiet terzi kkonfermaw li l-għajnuna ngħatat lil xi intrapriżi kbar qabel id-dati tan-notifiki tal-iskemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 lill-Kummissjoni. |
|
(140) |
Il-Kummissjoni tfakkar li żewġ partijiet terzi – SADY CZ s.r.o. (il-premessa (102)) u Lužanská Zemědělská a.s. (il-premessa (110)) issuġġerew li l-għajnuna mogħtija lilhom kienet tikkostitwixxi fil-fatt għajnuna ad hoc skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, tali għajnuna ma tikkwalifikax bħala għajnuna illegali, peress li l-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġew ippubblikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 702/2014. |
|
(141) |
Għall-analiżi ta’ dik l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, li stabbilixxa l-kundizzjonijiet għall-eċċezzjoni ta’ għajnuna mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. L-imsemmi Artikolu stipula lil-iskemi ta’ għajnuna, l-għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna u l-għajnuna ad hoc kienu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat u kienu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm tali għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu I ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta’ għajnuna stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament. |
|
(142) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-għajnuna mogħtija lil SADY CZ s.r.o. u Lužanská Zemědělská a.s, u b’analoġija anki lil intrapriżi kbar oħra, tistax titqies bħala għajnuna ad hoc abbażi tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014. |
7.3.1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014
|
(143) |
L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. |
|
(144) |
Skont il-paragrafu 1(a)(i) tal- Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, dak ir-Regolament applika għal għajnuna favur intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) attivi fis-settur agrikolu, jiġifieri l-produzzjoni agrikola primarja, l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, ħlief għall-Artikoli 14, 15, 16, 18 u 23 u l-Artikoli 25 sa 28 li kienu japplikaw biss għal SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. |
|
(145) |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 stabbilixxa l-kundizzjonijiet ta’ għajnuna favur investimenti marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja u għalhekk kien jikkostitwixxi l-bażi legali kemm għall-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.46621 (2016/XA) kif ukoll SA.46972 (2016/XA). Kif innotat hawn fuq (il-premessa (134), l-għajnuna lil impriżi kbar ingħatat bi żball mill-awtoritajiet Ċeki fil-kuntest tal-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, li fir-realtà kienu miftuħa biss għall-SMEs. L-għajnuna lill-impriżi l-kbar fl-2016 u fl-2017 kienet ibbażata wkoll fuq l-istess bażi ġuridika nazzjonali li kienet tapplika għall-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u li ġiet indikata wkoll aktar tard fin-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837. Fi kliem ieħor, l-għajnuna taħt dawk l-iskemi nnotifikati ġiet implimentata fil-passat, filwaqt li l-ebda għajnuna jew skema ad hoc ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom u lanqas ma kienu koperti mir-Regolament (UE) Nru 702/2014 għal eżenzjoni ta’ kategorija għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt. |
|
(146) |
Skont l-Artikolu 1(b) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, il-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jingħataw lill-intrapriżi kollha, mingħajr ma jiġi applikat il-limitu tad-daqs:
|
|
(147) |
Fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ għajnuna inklużi fir-Regolament (UE) Nru 702/2014, l-Artikolu 1,il-paragrafu 1(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 ma ppreveda l-ebda deroga mir-restrizzjoni tal-limitazzjoni tal-għajnuna lill-SMEs skont l-Artikoli mogħtija 14, 15, 16, 18, 23 u l-Artikoli 25 sa 28. |
|
(148) |
Minn dan isegwi li huma biss il-kategoriji ta’ għajnuna elenkati fl-Artikolu 1(b) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 li kienu disponibbli għal intrapriżi kbar, jew abbażi tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jew bħala għajnuna ad hoc. It-tipi l-oħra kollha ta’ għajnuna koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 14, kienu limitati għall-SMEs. Dan fih innifsu huwa biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ kategorizzazzjoni tal-għajnuna lill-intrapriżi l-kbar bħala għajnuna ad hoc skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014. |
|
(149) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu (3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014,skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna u għajnuna ad hoc għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli kollha stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
|
(150) |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 applika biss għal għajnuna li kellha effett ta’ inċentiv. |
|
(151) |
Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014,l-għajnuna tqieset li għandha effett ta’ inċentiv jekk il-benefiċjarju jkun issottometta applikazzjoni bil-miktub għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività. |
|
(152) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma ddubitatx li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna ġew sottomessi b’mod korrett, u l-investigazzjoni kkonfermat li din il-kundizzjoni ġiet issodisfata u li ma ngħatat l-ebda għajnuna mingħajr l-applikazzjoni għall-għajnuna qabel din l-għotja. |
|
(153) |
Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014,għajnuna ad hoc mogħtija lil intrapriżi kbar tqieset li għandha effett ta’ inċentiv jekk, minbarra li jiżgura li l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 [ta’ dak l-Artikolu] ġiet issodisfata, l-Istat Membru vverifika, qabel ma ta l-għajnuna ad hoc ikkonċernata, li d-dokumentazzjoni mħejjija mill-benefiċjarju stabbiliet li l-għajnuna kienet se tirriżulta f’waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafi (a) sa (d) tal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu. |
|
(154) |
Skont il-premessa (24) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014,fir-rigward ta’ kwalunkwe għajnuna ad hoc koperta minn dak ir-Regolament mogħtija lil benefiċjarju li huwa intrapriża kbira, l-Istat Membru kellu jiżgura, minbarra l-kundizzjonijiet dwar l-effett ta’ inċentiv applikabbli għall-SMEs, li l-benefiċjarju kien analizza, f’dokument intern qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna, il-vijabbiltà tal-proġett jew attività megħjuna kemm bl-għajnuna kif ukoll mingħajrha. L-Istat Membru kellu jivverifika li dan id-dokument intern ikkonferma żieda materjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett jew tal-attività, żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett megħjun jew attività jew żieda materjali fil-ħeffa tat-tlestija tal-proġett jew l-attività kkonċernata. Kellu jkun possibbli wkoll li jiġi stabbilit l-effett ta’ inċentiv abbażi tal-fatt li fin-nuqqas tal-għajnuna l-proġett ta’ investiment jew l-attività ma kinux jitwettqu bħala tali fiż-żona rurali kkonċernata. |
|
(155) |
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, id-dokument deskritt fil-premessa (24) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 u mitlub skont l-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament kien fis-sustanza tiegħu,fil-fatt, ekwivalenti għax-xenarju kontrofattwali. Barra minn hekk, bħax-xenarju kontrofattwali, l-Istat Membru kellu l-obbligu li jivverifika, qabel ma jagħti l-għajnuna ad hoc, li d-dokumentazzjoni mħejjija mill-benefiċjarju kienet tistabbilixxi li l-għajnuna kienet se tirriżulta f’waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafi (a) sa (d) tal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu. |
|
(156) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li l-benefiċjarji, li kienu impriżi kbar fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna, ippreżentaw ix-xenarju kontrofattwali. (42) |
|
(157) |
Matul l-investigazzjoni, l-awtoritajiet Ċeki ma pprovdewx informazzjoni li tindika li kienuvverifikaw, qabel ma taw l-għajnuna, jekk dik id-dokumentazzjoni mħejjija mill-benefiċjarju tistabbilietx li l-għajnuna kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3), il-paragrafi (a) sa (d) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014. Minflok, l-ispjegazzjoni preċedenti tal-awtoritajiet Ċeki li l-għajnuna ngħatat lil xi intrapriżi kbar minħabba li tqiesu b’mod skorrett bħala SMEs, tikkonferma, fil-fehma tal-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-għajnuna għal intrapriżi kbar, ma ġewx applikati f’dan il-każ. |
|
(158) |
SADY CZ s.r.o. u Lužanská Zemědělská a.s., iż-żewġ benefiċjarji li invokaw l-argument ta’ għajnuna ad hoc skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, ma speċifikawx jekk issomettewx id-dokumenti interni meħtieġa skont l-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament għall-valutazzjoni ex ante mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, it-tnejn li huma ssottomettew lill-Kummissjoni l-kopji tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħhom, li jippermettu li jiġi konkluż li tali dokumentazzjoni ma kinitx inkluża fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna. L-istess japplika għall-intrapriżi kbar l-oħra kollha li ssottomettew osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. L-awtoritajiet Ċeki ma speċifikawx fis-sottomissjoni tagħhom jekk kisbux jew le d-dokumenti interni meħtieġa skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 għall-valutazzjoni ex ante. Huma llimitaw ruħhom għall-fehma li l-għajnuna mogħtija lil intrapriżi kbar issodisfat il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv u kienet proporzjonata (il-premessi minn (71) sa (74)). Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma vverifikawx ex ante l-konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014. |
|
(159) |
Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014,b’deroga mill-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu, il-miżuri fil-forma ta’ vantaġġi fiskali tqiesu li għandhom effett ta’ inċentiv, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu ġew issodisfati. L-għajnuna taħt l-investigazzjoni ngħatat bħala għotja diretta u mhux bħala vantaġġ fiskali. Għalhekk, dik id-deroga ma kinitx tapplika. |
|
(160) |
Lanqas ma applikat id-deroga minn effett ta’ inċentiv stabbilita fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, li elenka l-kategoriji ta’ għajnuna li ma kinux meħtieġa li jkollhom jew li kienu meqjusa li għandhom effett ta’ inċentiv. L-għajnuna favur l-investimenti ma kinitx koperta minn din id-deroga. |
|
(161) |
Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 ma ġewx issodisfati u, konsegwentement, f’konformità mal- Artikolu (3) ta’ dak ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 ma setax japplika għal dik l-għajnuna. |
|
(162) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma taċċettax l-argument ta’ SADY CZ s.r.o. u Lužanská Zemědělská a.s. li l-għajnuna li ngħatat lilhom (jew lil intrapriżi kbar oħra) kienet tikkostitwixxi għajnuna ad hoc skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014. |
7.3.2. Konklużjoni
|
(163) |
Minħabba li tali għajnuna ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament (43), ma setgħetx tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. |
|
(164) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Ċeki ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE minħabba li taw l-għajnuna għall-investiment lil xi benefiċjarji qabel in-notifika u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk issostni li tali għajnuna trid titqies bħala għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589. |
7.4. Kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern
|
(165) |
Skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk jinstab li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, sakemm tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. |
|
(166) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni wettqet eżami dettaljat tal-kompatibbiltà taż-żewġ skemi SA.50787 u SA.50837 (inkluża l-għajnuna diġà implimentata lil intrapriżi kbar) mar- (44) regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien. F’dan il-każ, dawn kienu l- Parti I. (“Prinċipji komuni ta’ valutazzjoni”) u l-Parti II., is-Sezzjoni 1.1.1.1 (“Għajnuna għall-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli fuq azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja”) tal-Linji Gwida tal-2014, li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna (45) lil intrapriżi kbar. |
|
(167) |
Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskemi mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti għall-għajnuna għall-investiment fit-Taqsima 1.1.1.1. tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni kkonkludiet fuq bażi preliminari li ż-żewġ skemi (inkluża l-għajnuna diġà implimentata lil intrapriżi kbar) kienu jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet. |
|
(168) |
Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskemi mal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE, stabbiliti fil-Parti I tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet preliminari differenti fir-rigward tal-għajnuna mogħtija qabel in-notifika tagħha u l-għajnuna li kellha tingħata biss wara l-approvazzjoni u n-notifika tagħha tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni liċ-Ċekja. |
|
(169) |
Filwaqt li l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni kkonfermat li din l-għajnuna tal-aħħar kienet konformi mal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni (46), l-istess konklużjoni ma ntlaħqitx fir-rigward tal-għajnuna diġà mogħtija lil intrapriżi kbar qabel in-notifika tagħha. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk tali għajnuna kinitx proporzjonata u ppreżentat l-effett ta’ inċentiv (47). |
|
(170) |
Il-Kummissjoni tfakkar li kien hemm dubju dwar jekk l-intrapriżi l-kbar – li rċevew għajnuna bi żball fil-kuntest tal-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u li essenzjalment implimentaw l-iskemi SA.50787 u SA.50837 qabel in-notifika tagħhom – issottomettew ix-xenarju kontrofattwali u jekk dik l-għajnuna mogħtija kinitx konformi mal-approċċ tal-ispejjeż żejda netti stabbilit fil-punti minn (95) sa (97) tal-Linji Gwida tal-2014. Il-Kummissjoni rraġunat li fin-nuqqas probabbli tax-xenarju kontrofattwali, l-awtoritajiet Ċeki ma setgħux fil-fatt jaċċertaw li l-ammonti tal-għajnuna kienu proporzjonati u kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż żejda netti tal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, billi qabbluh max-xenarju mingħajr għajnuna. |
|
(171) |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-benefiċjarji kollha li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ indikaw f’mill-inqas waħda mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħhom fl-2016 u l-2017 l-istatus tagħhom bħala impriża kbira u mhux bħala SME fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, l-istatus ta’ intrapriża kbira tagħhom kien viżibbli mid-dokumentazzjoni sottomessa li takkumpanja l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. |
|
(172) |
Il-benefiċjarji kollha li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ ikkonfermaw ukoll li l-awtoritajiet Ċeki ma talbux ix-xenarju kontrofattwali minkejja li indikaw fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew fid-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament li kienu intrapriżi kbar. |
|
(173) |
Il-benefiċjarji kollha li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ (il-premessi (76) sa (110)) iddikjaraw li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv minkejja n-nuqqas tax-xenarju kontrofattwali u l-verifika tagħha mill-awtoritajiet Ċeki. Il-maġġoranza tagħhom inkludew tali xenarju kontrofattwali fis-sottomissjoni lill-Kummissjoni. Din l-opinjoni tal-benefiċjarji li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ kienet appoġġjata mill-awtoritajiet Ċeki (il-premessa (71)). |
|
(174) |
Il-Kummissjoni tivvaluta l-argumenti dwar il-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv fid-dawl tal-punti rilevanti tat-Taqsima 3.4. tal-Parti I tal-Linji Gwida tal-2014. |
|
(175) |
Skont il-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, l-għajnuna ma ppreżentatx l-inċentiv għall-benefiċjarju kull fejn ix-xogħol fuq il-proġett jew l-attività rilevanti kienu diġà bdew qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali. |
|
(176) |
Skont il-punt (72) tal-Linji Gwida tal-2014, minbarra l-informazzjoni stabbilita fil-punt (71) ta’ dawk il-Linji Gwida, l-intrapriżi l-kbar kellhom jiddeskrivu fl-applikazzjoni għall-għajnuna s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna, imsejħa x-xenarju kontrofattwali jew il-proġett jew l-attività alternattivi u jissottomettu evidenza dokumentarja b’appoġġ għax-xenarju kontrofattwali deskritt fl-applikazzjoni. |
|
(177) |
Barra minn hekk, skont il-punt (73) tal-Linji Gwida tal-2014, meta tirċievi l-applikazzjoni għall-għajnuna, l-awtorità awtorizzanti kellha twettaq verifika tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna kellha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. |
|
(178) |
Il-kopji tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u d-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament sottomessi lill-Kummissjoni jikkonfermaw li l-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, ippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna qabel ma ngħatatilhom l-għajnuna. |
|
(179) |
Madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat mingħajr dubju li l-ebda waħda mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna minn intrapriżi kbar ma kienet tinkludi x-xenarju kontrofattwali. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet Ċeki ma vverifikawx u ma kkonfermawx li l-għajnuna lil intrapriżi kbar kellha effett ta’ inċentiv qabel ma taw l-għajnuna lil intrapriżi kbar. |
|
(180) |
Mill-punti (72) u (73) tal-Linji Gwida tal-2014 jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet kellhom jiġu ssodisfati qabel ma ngħatat l-għajnuna, jiġifieri s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna kellha tiġi deskritta mill-applikant għall-għajnuna fl-applikazzjoni għall-għajnuna u kellha tiġi vverifikata mill-awtorità awtorizzanti qabel l-għotja tal-għajnuna. Jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, il-preżenza tal-effett ta’ inċentiv tibqa’ ipotetika u mhux ippruvata. |
|
(181) |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna ma jistax jiġi preżunt iżda jrid jintwera mill-applikant għall-għajnuna u jiġi kkonfermat mill-awtorità awtorizzanti qabel ma tingħata l-għajnuna. Barra minn hekk, il-punt (72) tal-Linji Gwida tal-2014 kien jeħtieġ li x-xenarju kontrofattwali jiġi deskritt fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Dan il-punt jew kwalunkwe punt ieħor tal-Linji Gwida tal-2014 ma kien jipprevedi l-ebda prova alternattiva tax-xenarju kontrofattwali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta jew tivvaluta x-xenarji kontrofattwali ex post, li l-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar issomettew mal-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. |
|
(182) |
Għaldaqstant, il-fehma preliminari li l-għajnuna ma ppreżentatx effett ta’ inċentiv hija kkonfermata. |
|
(183) |
Fir-rigward tal-kriterju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni tfakkar ir-regoli li kienu japplikaw għall-għajnuna inkwistjoni fil-mument tal-għoti tagħha lil intrapriżi kbar: |
|
(184) |
Skont il-punt (95) tal-Linji Gwida tal-2014, fil-każ ta’ għajnuna għall-investiment mogħtija lil intrapriżi kbar skont l-iskemi ta’ għajnuna notifikati, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-ammont tal-għajnuna kien limitat għall-minimu fuq il-bażi ta’ “approċċ tal-ispejjeż żejda netti”. |
|
(185) |
Skont il-punt (97) tal-Linji Gwida tal-2014, l-Istat Membru kellu jiżgura li l-ammont tal-għajnuna kien jikkorrispondi għall-ispejjeż żejda netti tal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbel max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas ta’ għajnuna. Għal dan il-għan, il-metodu previst fil-punt (96) ta’ dawk il-Linji Gwida kellu jintuża flimkien mal-intensitajiet massimi tal-għajnuna bħala limitu massimu. Barra minn hekk, l-ammont tal-għajnuna ma setax jaqbeż il-minimu meħtieġ biex il-proġett isir profittabbli biżżejjed, pereżempju, ma setax iwassal għal żieda fir-rata ta’ redittu fuq l-investiment (“IRR”) tiegħu lil hinn mir-rati normali ta’ redittu applikati mill-impriża kkonċernata fi proġetti oħra ta’ investiment ta’ tip simili jew, jekk dawn ir-rati ma kinux disponibbli, għal żieda fl-IRR tiegħu lil hinn mill-ispiża tal-kapital tal-impriża kollha kemm hi jew lil hinn mir-rati ta’ redittu osservati b’mod komuni fis-settur ikkonċernat. |
|
(186) |
Bl-istess mod, ir-regoli ta’ hawn fuq dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna kienu jeħtieġu li dan il-kriterju jiġi vverifikat u kkonfermat qabel ma ngħatat l-għajnuna lil intrapriżi kbar. |
|
(187) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha li l-għajnuna mogħtija lil intrapriżi kbar qabel l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, kienet konformi mal-approċċ tal-ispejjeż żejda netti skont il-punti (95) sa (97) tal-Linji Gwida tal-2014 (48). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li (f’dak l-istadju) fin-nuqqas probabbli tax-xenarju kontrofattwali, l-awtoritajiet Ċeki ma setgħux jiżguraw li l-ammonti tal-għajnuna kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż żejda netti tal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, billi jqabbluh max-xenarju mingħajr għajnuna. |
|
(188) |
L-investigazzjoni kkonfermat li l-intrapriżi l-kbar ma ssottomettewx, flimkien mal-applikazzjoni għall-għajnuna, ix-xenarju kontrofattwali. Għalhekk, l-awtoritajiet Ċeki ma kellhomx l-informazzjoni disponibbli li kienet tippermettilhom jivverifikaw u jikkonfermaw li l-għajnuna kienet konformi mal-approċċ tal-ispejjeż żejda netti skont il-punti (95) sa (97) tal-Linji Gwida tal-2014. Il-Kummissjoni tenfasizza li la l-punti (95) sa (97) ikkwotati tal-Linji Gwida tal-2014, u lanqas xi punt ieħor ta’ dawn il-Linji Gwida ma kienu jipprevedu dimostrazzjoni alternattiva tal-approċċ tal-ispejjeż żejda netti. Konsegwentement, id-dubju preliminari li l-proporzjonalità tal-għajnuna mogħtija lil intrapriżi kbar ma ġietx aċċertata, huwa kkonfermat. |
|
(189) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija lill-intrapriżi l-kbar qabel id-data tan-notifika tal-iskemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE, peress li dik l-għajnuna ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet dwar il-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Linji Gwida tal-2014. |
|
(190) |
Waħda mill-benefiċjarji tal-għajnuna (jiġifieri Lužanská Zemědělská a.s.) issostni fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ li, minkejja l-fatt li fil-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna tal-2017 kienet indikat id-daqs tagħha bħala impriża kbira u l-istatus ta’ intrapriża kbira tagħha kellu jkun magħruf mill-awtoritajiet mid-dokumenti ta’ akkumpanjament tagħha, li formalment ma kinitx intrapriża kbira fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna fis-snin 2016 u 2017 u għalhekk l-għajnuna mogħtija kienet kompatibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 (il-premessa (107)). Il-kumpanija targumenta li saret parti minn Agrofert (intrapriża kbira) f’Lulju 2016, għalhekk, f’konformità mal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, ma kinitx tilfet l-istatus tagħha ta’ SME għas-sentejn li jmiss, jiġifieri meta applikat għall-għajnuna f’Settembru 2016 u mbagħad f’Settembru 2017. |
|
(191) |
Qabel kollox, il-Kummissjoni tindika li Lužanská Zemědělská tikkontradixxi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħha stess fl-2016 u fl-2017 li jew indikaw b’mod espliċitu d-daqs tagħha bħala impriża kbira jew tal-inqas l-istatus ta’ intrapriża kbira tagħha kellhom ikunu magħrufa mill-awtoritajiet mid-dokumenti li jakkumpanjawha. Diġà fuq dik il-bażi l-bidla ex post fil-pożizzjoni tal-impriża mhijiex kredibbli jew aċċettabbli. Kif sostniet iċ-Ċekja, l-għajnuna lil intrapriżi kbar ingħatat bi żball (il-premessa (68)) u fir-rieżami ex post tagħha ma qisitx lil Lužanská Zemědělská a.s. bħala SME (49). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni żżid li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, kif proposta minn Lužanská Zemědělská, mhijiex konformi mal-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ SME mill-qrati tal-Unjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ effet utile. Il-Kummissjoni spjegat l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 4(2) u tad-definizzjoni ta’ SME fid-deċiżjoni tal-ftuħ (50) (kif imfakkar fil-premessi (54) sa (60)). Dan ir-raġunament jibqa’ validu u la ġie kkontestat mir-Repubblika Ċeka u mill-ebda parti terza. |
|
(192) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (51), il-Kummissjoni kkonkludiet li jkun kontra l-prinċipju ta’ effet utile li tiġi pprovduta faċilità bħal din għall-intrapriżi li qabżu l-għadd ta’ persunal jew il-limiti finanzjarji minħabba l-bidla permanenti fl-istruttura, jiġifieri bħala riżultat ta’ bidla fis-sjieda wara fużjoni jew akkwiżizzjoni. Bidla bħal din timbotta l-għadd ta’ persunal jew il-limiti finanzjarji rilevanti fuq bażi dejjiema u, għalhekk, dawn il-varjabbli ma jibqgħux soġġetti għall-prestazzjoni ekonomika ta’ kumpanija. Il-Kummissjoni tqis li f’każ bħal dan ir-realtà ekonomika turi li intrapriża partikolari mhijiex SME ġenwina. Minn dan isegwi li, għalkemm din is-sitwazzjoni partikolari mhijiex stabbilita b’mod espliċitu fl-Artikolu 4(2) tad-Definizzjoni ta’ SME fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, ibbażata wkoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ effet utile, tali intrapriża, wara bidla permanenti fis-sjieda, jenħtieġ li ma tibbenefikax minn status ta’ SME. |
|
(193) |
Minflok, meta intrapriża tkun qabżet il-limiti massimi rilevanti tal-SMEs b’riżultat ta’ bidla permanenti fl-istruttura jew fis-sjieda, wara fużjoni jew akkwiżizzjoni, il-mument rilevanti għall-valutazzjoni huwa ż-żmien tat-tranżazzjoni (li permezz tagħha intrapriża ssir parti b’mod permanenti minn struttura akbar) u mhux iż-żmien tal-għeluq tal-kontijiet tal-entità legali applikanti. |
|
(194) |
F’konformità ma’ dik l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni ssib li Lužanská Zemědělská a.s. (jew kwalunkwe intrapriża kbira benefiċjarja oħra) ma tistax tinvoka l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 biex tiġġustifika d-daqs tagħha bħala SME fil-mument tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi fl-2016 u fl-2017. Minflok, il-Kummissjoni tqis li Lužanská Zemědělská a.s. saret l-intrapriża l-kbira fil-mument meta saret parti permanenti minn Agrofert u mhux biss wara li, minħabba din il-bidla fis-sjieda, qabżet l-għadd ta’ persunal jew il-limiti finanzjarji ddikjarati fl-Artikolu 2 ta’ dak l-Anness matul żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi. Għalhekk, l-għajnuna mogħtija lil Lužanská Zemědělská a.s. (jew lil kwalunkwe intrapriża kbira oħra benefiċjarja) mhijiex koperta mill-eżenzjoni ta’ kategorija skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 (peress li l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament japplika biss għall-SMEs u l-għajnuna ma setgħetx titqies bħala għajnuna ad hoc lil intrapriżi kbar (il-premessi (144), (147) u (148) u l-għajnuna hija kemm illegali kif ukoll inkompatibbli. |
8. KONKLUŻJONI
|
(195) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija lil intrapriżi kbar fil-forma ta’ għotjiet diretti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Kummissjoni ssib li ċ-Ċekja kienet implimentat b’mod illegali l-iskemi ta’ għajnuna SA.50787 u SA.50837 billi tat għajnuna lil intrapriżi kbar qabel in-notifika, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. |
|
(196) |
Barra minn hekk, l-analiżi preċedenti turi li tali għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. |
|
(197) |
Minn dan isegwi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija miċ-Ċekja lil intrapriżi kbar skont l-iskemi SA.50787 u SA.50837 qabel in-notifika tagħhom hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern. |
9. L-IRKUPRU
|
(198) |
Skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jbiddel jew jabolixxi l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (52). Il-Qrati tal-Unjoni sostnew ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna li l-Kummissjoni tqis inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel. (53) |
|
(199) |
F’dan il-kuntest, il-Qrati tal-Unjoni stabbilixxew li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk jirrinunzja l-vantaġġ li huwa kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq intern, u titreġġa’ lura s-sitwazzjoni li kien hemm qabel tħallset l-għajnuna (54). |
|
(200) |
F’konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jiddikjara li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (‘deċiżjoni għall-irkupru’ ). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni” . |
|
(201) |
Għalhekk, iċ-Ċekja hija obbligata tirkupra għajnuna illegali u inkompatibbli (il-premessi (195) u (196)) mingħand il-benefiċjarji kollha li kienu intrapriżi kbar fil-mument li ngħatat tali għajnuna, sakemm ma tkunx issodisfat il-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (55) jew l-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE kif iddikjarat matul l-investigazzjoni formali. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien mid-data meta l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkollu l-imgħax sal-irkupru effettiv. |
L-applikazzjoni allegata tal-prinċipju ta’ ċertezza legali tal-UE għall-każ inkwistjoni
|
(202) |
L-awtoritajiet Ċeki diġà identifikaw seba’ benefiċjarji ta’ intrapriżi kbar u nedew il-proċeduri xierqa li jfittxu li jirkupraw għajnuna illegali mogħtija fis-snin 2016–2017 taħt skema ta’ għajnuna waħda jew it-tnejn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (il-premessa (69)). Madankollu, l-awtoritajiet Ċeki jissottomettu li l-proċeduri ta’ rkupru ma setgħux jitlestew bl-irkupru attwali tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarji, għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (117) sa (119) ta’ din id-deċiżjoni. Abbażi tas-sentenzi tal-Qorti nazzjonali u tal-liġi nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien tal-bidu tal-proċeduri ta’ rkupru, speċifikament fuq § 15(3)(c) tal-Att Nru 218/2000 Coll. dwar ir-regoli baġitarji, l-awtoritajiet Ċeki jinvokaw il-prinċipju taċ-ċertezza legali. |
|
(203) |
Il-Kummissjoni tqis li § 15(3)(c) tal-Att Nru 218/2000 Coll. dwar ir-regoli baġitarji, kif kien fis-seħħ fiż-żmien meta tnedew il-proċeduri ta’ rkupru, kien f’kontradizzjoni mar-regoli applikabbli tal-UE dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali, kif espress f’bosta sentenzi tal-Qrati tal-Unjoni, murija hawn taħt. |
|
(204) |
Mill-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni jirriżulta li jekk l-għajnuna tkun ingħatat skont regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għalkemm il-kundizzjonijiet stabbiliti għal kwalifika għal eżenzjoni skont dak ir-regolament ma kinux issodisfati, l-għoti ta’ dik l-għajnuna kien bi ksur tar-rekwiżit ta’ notifika u, għalhekk, irid jitqies bħala illegali (56). L-għajnuna mill-Istat mhux koperta minn regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għandha tibqa’ soġġetta għar-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE (57). |
|
(205) |
Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-awtorità nazzjonali tirkupra fuq inizjattiva tagħha stess l-għajnuna li hija tkun tat skont regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija meta hija tikkonstata, sussegwentement, li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament ma kinux issodisfati (58). |
|
(206) |
Meta awtorità nazzjonali tikkonstata li għajnuna li hija tat skont regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex tikkwalifika għall-eżenzjoni prevista minn dan ir-regolament, hija din l-awtorità li għandha tadotta l-miżuri xierqa sabiex tirrimedja l-illegalità tal-implimentazzjoni tal-għajnuna, b’tali mod li l-għajnuna ma tibqax liberament disponibbli għall-benefiċjarju sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fosthom dik li tirkupra fuq l-inizjattiva tagħha stess l-għajnuna mogħtija illegalment (59). |
|
(207) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-UE stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni (60), li skontu d-dritt tal-UE jipprevali fejn jinħoloq kunflitt bejn aspett tad-dritt tal-UE u tad-dritt nazzjonali. Skont dan il-prinċipju, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż, jekk ikun meħtieġ, billi jirrifjutaw (fuq l-inizjattiva tagħhom stess) li japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
|
(208) |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-qrati nazzjonali li huma msejħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom l-obbligu li jagħtu effett sħiħ lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett vinkolanti dirett fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri (61). |
|
(209) |
Il-Kummissjoni tindika wkoll li l-qrati nazzjonali jridu jqisu s-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-proċeduri pendenti quddiem il-Kummissjoni, anki jekk tkun proviżorja (62). Dan ifisser li, filwaqt li l-proċedura ta’ investigazzjoni għadha għaddejja, il-qrati nazzjonali jridu jisiltu konsegwenzi legali mid-deċiżjoni tal-ftuħ innifisha u jieħdu l-azzjoni xierqa kollha biex jindirizzaw il-ksur potenzjali tal-obbligu ta’ waqfien totali. |
|
(210) |
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, li jirreferu għad-dmir tal-awtorità nazzjonali li lilha tkun ġiet indirizzata applikazzjoni għal għajnuna li għandha mnejn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li teżamina bir-reqqa, filwaqt li tqis l-informazzjoni sottomessa lilha, jekk l-għajnuna mitluba tissodisfax il-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti mill-imsemmi regolament u li tirrifjuta din l-applikazzjoni jekk waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfata (63). |
|
(211) |
Il-Kummissjoni tqis li § 15(3)(c) tal-Att Nru 218/2000 Coll., kif kien fis-seħħ fiż-żmien tal-bidu tal-proċeduri ta’ rkupru u applikat f’dan il-każ mill-Qorti nazzjonali, jimpedixxi l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, minħabba li eskluda b’mod espliċitul-possibbiltà ta’ rkupru effettiv tal-għajnuna diġà mħallsa fejn ir-raġuni għall-irkupru kienet li d-deċiżjoni tal-għoti kisret il-liġi tal-UE (64). |
|
(212) |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-UE jirriżulta li l-prinċipji tas-supremazija u tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jfissru li l-Istati Membri u l-benefiċjarji tal-għajnuna ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali biex jillimitaw l-irkupru f’każ ta’ kunflitt bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. F’każ bħal dan, id-dritt tal-Unjoni jipprevali u r-regoli nazzjonali għandhom jitħallew mhux applikati jew interpretati b’mod li jippreserva l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (65). |
L-allegata eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi tal-partijiet terzi
|
(213) |
Il-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar li ssottomettew il-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ iddikjaraw fis-sottomissjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet tal-għoti tal-awtoritajiet Ċeki ħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna. Huma ressqu diversi elementi li, fil-fehma tagħhom, juru li setgħu leġittimament jistennew li l-għajnuna mogħtija lilhom kienet konformi mal-kundizzjonijiet applikabbli kollha. L-argumenti tal-biċċa l-kbira tal-partijiet terzi kienu li l-awtoritajiet Ċeki kienu kompletament konxji tal-istatus ta’ intrapriża kbira tagħhom fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna u li l-għajnuna kienet proporzjonata u kellha effett ta’ inċentiv minkejja n-nuqqas tax-xenarju kontrofattwali. Skont il-partijiet terzi, l-awtoritajiet Ċeki ċċekkjaw ripetutament li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna ġew irrispettati u ma indikaw l-ebda defiċjenza (qabel ma l-verifika ex post iddeterminat li ma kinux SMEs u għalhekk irċevew għajnuna bi żball (il-premessi (78) sa (110))). |
|
(214) |
Il-Kummissjoni tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita (66) li d-dritt għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat minn kull individwu li jsib ruħu f’pożizzjoni fejn jintwera li l-amministrazzjoni tal-Unjoni tat lok għal tamiet iġġustifikati fir-rigward tal-għajnuna mogħtija. Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet speċifiċi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jagħti lok għall-aspettattivi leġittimi ta’ partijiet terzi li tali għajnuna tkun xierqa, jekk din tkun ingħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (67). |
|
(215) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-affermazzjoni tal-aspettattivi leġittimi mqajma mill-partijiet terzi f’dan il-każ tirrigwarda biss u esklużivament id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
(216) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li awtorità nazzjonali li tagħti għajnuna skont regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ma tistax titqies li għandha l-kompetenza li tieħu deċiżjoni definittiva li tikkonstata l-assenza ta’ obbligu ta’ notifika tal-għajnuna mitluba lill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 108(3) TFUE (68). |
|
(217) |
Meta awtorità nazzjonali tagħti għajnuna filwaqt li tapplika b’mod żbaljat regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, dan ikun ksur kemm tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 108(3) TFUE (69). L-istess konklużjoni dwar għajnuna illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE ssegwi f’dan il-każ jekk wieħed jivvaluta l-għajnuna lill-intrapriżi l-kbar kif mogħtija qabel in-notifika tal-iskemi SA.50787 u SA.50837. |
|
(218) |
Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, l-għoti ta’ għajnuna minn awtorità nazzjonali ma jistax iwassal lill-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna sabiex ikollu aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ din l-għajnuna (70). |
|
(219) |
Barra minn hekk, huma l-partijiet terzi kkonċernati li għandhom juru l-prudenza u d-diliġenza meħtieġa u li għandhom jiżguraw li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni jkunu ġew osservati (71). Il-Qorti kkonfermat li operatur ekonomiku li jeżerċita l-attenzjoni dovuta normalment jenħtieġ li jkun jista’ jiddetermina jekk il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108 TFUE ġietx segwita (72). F’dan il-każ, il-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar naqsu milli jqisu b’mod partikolari li l-bażi legali nazzjonali rreferiet għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, li japplika biss għall-SMEs (il-premessa (115)). |
|
(220) |
Meta jitqies dak ir-raġunament, il-Kummissjoni tqis bħala infondati l-affermazzjonijiet tal-partijiet terzi li kien hemm ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħhom. Fl-istess ħin, kwalunkwe assigurazzjoni possibbli mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali lil partijiet terzi ma tistax tiġi invokata bħala ostaklu għall-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli. |
|
(221) |
Fid-dawl tal-argumenti ta’ hawn fuq, il-benefiċjarji ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali sabiex jipprevjenu l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija illegalment lilhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li ma hemm xejn li jimpedixxi l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589. L-ebda prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni ma jħassar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli identifikata fil-qafas ta’ din id-deċiżjoni. |
|
(222) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-awtoritajiet Ċeki huma obbligati jieħdu l-azzjoni xierqa kollha biex jirkupraw l-għajnuna diġà mħallsa lil intrapriżi kbar sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ekonomika li jkunu fiha l-benefiċjarji mingħajr l-għoti tal-għajnuna illegali u inkompatibbli. |
|
(223) |
L-awtoritajiet Ċeki jridu jirkupraw l-ammonti ta’ għajnuna speċifikati f’kull deċiżjoni li tagħti l-għajnuna lil benefiċjarju (73) li, fiż-żmien tal-għotja tal-għajnuna, kien intrapriża kbira skont it-tifsira tad-definizzjoni stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, flimkien mal-imgħaxijiet tal-irkupru. L-imgħaxijiet jridu jiġu kkalkulati mid-data li fiha l-għajnuna inkwistjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u sal-irkupru effettiv tagħha, f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (74) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 (75). |
|
(224) |
Fir-rigward tal-benefiċjarji kkonċernati mill-irkupru, filwaqt li xi benefiċjarji diġà ġew identifikati, ma jistax jiġi eskluż li benefiċjarji oħra jistgħu jkunu kkonċernati wkoll. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Ċeki biex jimplimentaw din id-deċiżjoni u jirkupraw l-għajnuna illegali u inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji kollha li, fiż-żmien tal-għotja tal-għajnuna, ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-definizzjoni ta’ SME, stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżuri favur benefiċjarji ta’ intrapriżi kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja, għar-ristrutturar tal-ġonna tas-siġar tal-frott u għall-bini ta’ tisqija bil-qatra fil-ġonna tas-siġar tal-frott, fl-għelieqi tal-ħops, tad-dwieli u mixtliet, implimentati illegalment miċ-Ċekja qabel in-notifika tad-Deċiżjoni C(2021)41 final, jiksru l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ żewġ skemi.
Artikolu 2
L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1, implimentata illegalment miċ-Ċekja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern.
Artikolu 3
1. Iċ-Ċekja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar.
2. Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji tal-intrapriża kbira sal-irkupru attwali tagħhom.
3. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 271/2008 (76).
Artikolu 4
1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv (77).
2. Iċ-Ċekja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
1. Fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, iċ-Ċekja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
|
— |
Lista sħiħa ta’ benefiċjarji ta’ intrapriżi kbar li rċevew għajnuna taħt iż-żewġ skemi msemmija fl-Artikolu 1; |
|
— |
l-ammont totali (il-kapital tal-għajnuna u l-imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar; |
|
— |
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ppjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni; |
|
— |
dokumenti li juru li l-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna. |
2. Iċ-Ċekja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 ikun komplut. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar.
Artikolu 6
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(1) Stedina għas-sottomissjoni ta’ kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE, Għajnuna mill-Istat SA.50787 (2019/NN) (ex 2018/N) u SA.50837 (2019/NN) (ex 2018/N), ĠU C 60, 19.2.2021, p. 39.
(2) ĠU C 60, 19.2.2021, p. 39.
(3) Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(4) Matul il-proċedura preliminari, l-awtoritajiet Ċeki rrikonoxxew li l-proċeduri ta’ rkupru tnedew fil-livell nazzjonali għal benefiċjarji kbar li rċevew għajnuna abbażi ta’ skemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Fid-29 ta’ Mejju 2020, ma kienet ġiet irkuprata l-ebda għajnuna minħabba li l-benefiċjarji kkonċernati kienu ressqu l-każijiet tagħhom quddiem il-qrati.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).
(6) Rata tal-kambju mill-CZK għall-EUR fis-17.9.2020: 1 CZK = 0,03743 EUR
(7) Rata tal-kambju mill-CZK għall-EUR fis-17.9.2020: 1 CZK = 0,03743 EUR
(8) Ara l-premessa (25) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(9) Rata tal-kambju mill-CZK għall-EUR fis-17.9.2020: 1 CZK = 0,03743 EUR
(10) Rata tal-kambju mill-CZK għall-EUR fis-17.9.2020: 1 CZK = 0,03743 EUR
(11) Rata tal-kambju mill-CZK għall-EUR fis-17.9.2020: 1 CZK = 0,03743 EUR
(12) Rata tal-kambju mill-CZK għall-EUR fis-17.9.2020: 1 CZK = 0,03743 EUR
(13) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(14) Ara l-premessa (64) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(16) ĠU C 204 tal-1.7.2014, p. 1, emendat mill-Avviż ippubblikat fil-ĠU C 390, 24.11.2015, p. 4.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2472 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 21.12.2022, p. 1). L-Anness I ta’ dak ir-Regolament ma ġiex modifikat.
(18) Ara l-premessi (105) sa (113) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(19) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(20) Il-kawża C-110/13 HaTeFo, EU:C:2014:114, il-punt 32.
(21) Ara b’mod partikolari s-sentenzi fil-Kawżi li ġejjin (enfasi miżjuda)
|
— |
C-516/19 NMI Technologietransfer, EU:C:2020:754, il-punti 31–34 (f’kawża relatata mal-interpretazzjoni tad-Definizzjoni ta’ SME skont il-GBER, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014); “ 34 B’hekk, dan il-kriterji huwa intiż li jippermetti li tinftiehem aħjar, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni tal-2003, li fuqha huwa bbażat, kif indikat fil-premessa 30 tar-Regolament Nru 651/2014, il-kunċett ta’ “SME” iddefinit fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, ir-realtà ekonomika ta’ SMEs u li jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni bħala SME l-gruppi ta’ impriżi li s-saħħa ekonomika tagħhom hija ikbar minn dik ta’ SME, sabiex b’hekk il-vantaġġi li jirriżultaw għall-kategorija ta’ SMEs minn diversi liġijiet jew miżuri favur tagħhom ikunu rriżervati għall-impriżi li verament għandhom bżonnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C-110/13, EU:C:2014:114, punt 31). ” |
|
— |
C-91/01 L-Italja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2004:244 il-punti 31, 50–54 (“51. Għaldaqstant, il-kriterju ta’ indipendenza għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan il-għan, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’tali mod li impriża li hija proprjetà ta’ inqas minn 25 % ta’ impriża kbira u għalhekk tissodisfa formalment il-kriterju, iżda li fil-verità tappartjeni għal grupp kbir ta’ impriżi, ma tistax madankollu titqies li tissodisfa l-kriterju .”), |
|
— |
C-110/13 HaTeFo, EU:C:2014:114, punt 34, 39 (“ 34 Għaldaqstant jeħtieġ li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni SME jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-għan b’tali mod li l-impriżi li ma jkollhomx formalment xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza iżda li madankollu jikkostitwixxu, minħabba r-rwol assunt minn persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, entità ekonomika waħda, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriżi marbuta fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, peress li huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom jew parti mill-attivitajiet tagħhom fl-istess suq jew fi swieq adjaċenti (ara b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il fuq, punt 51))”, |
|
— |
T-137/02, Pollmeier vs Il-Kummissjoni, EU:T:2004:304, il-punti 61–62. (“62 Għaldaqstant l-Artikolu 1(3) u (4) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-għan, sabiex l-figuri ta’ impriża anki waħda li għandha anqas minn 25 % tal-kapital tagħha li huwa miżmum minn impriża oħra, iridu jitqiesu għall-kalkolu tal-limiti msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess Artikolu anki jekk dawn l-impriżi, minkejja li huma formalment distinti, jikkostitwixxu unità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punt 51).”) |
(22) Il-kawżi C-91/01 L-Italja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2004:244, il-punt 50; C-110/13, HaTeFo, ECLI:EU:C:2014:114, il-punt 33.
(23) Nru.ta’ Ref.: 3957–2/2018-SZEU-ZEMZP, Informazzjoni addizzjonali sottomessa mill-awtoritajiet Ċeki u Avviżi annessi dwar il-bidu ta’ proċedimenti amministrattivi.
(24) Ara l-premessi (104) sa (114) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(25) Ara l-premessa 115 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(26) Ara l-premessa 115 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(27) Ara l-premessa 115 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(28) Ara l-premessa 121 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(29) Ara l-premessi 116 u 122 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(30) a.s. = “akciová společnost” = kumpanija b’ishma konġunti
(31) s.r.o. = “společnost s ručením omezeným” = kumpanija privata b’responsabbiltà limitata
(32) L-Att Nru 513/1991 Coll., it-Taqsima 2, aktar tard l-Att Nru 89/2012 Coll., it-Taqsima 420.
(33) L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014: “Għajnuna għal investimenti f’assi tanġibbli jew assi intanġibbli fuq azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja”.
(34) L-Att Nru 513/1991 Coll., it-Taqsima 2, aktar tard l-Att Nru 89/2012 Coll., it-Taqsima 420.
(35) Intrapriża kbira.
(36) Is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, “Met-Trans”, il-kawżi magħquda C-310/98 u C-406/98, EU:C:2000:154,il-punt 32.
(37) Ara l-premessi 58 sa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(38) Ara b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1988, Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, C-102/87, EU:C:1988:391.
(39) Fl-2022, il-kummerċ agroalimentari tal-UE ammonta għal EUR 401,5 biljun matul is-sena (Sors: Eurostat).
(40) Ara l-premessa 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(41) Ara l-premessi 64–65 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(42) Ara l-premessa (115) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(43) Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 59.
(44) Ara l-premessi (70) sa (89) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(45) Ara l-premessa (69) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(46) Ara l-premessa (102) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(47) Ara l-premessi (116) u (122) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(48) Ara l-premessa (133) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(49) Ara l-premessa (104) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(50) Ara l-premessi (108) sa (113) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(51) Ara l-premessa (112) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(52) Is-Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-70/72, EU:C:1973:87, il-punt 13.
(53) Is-Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, il-Belġju vs Kummissjoni, C-142/87, EU:C:1990:125, il-punt 66.
(54) Is-Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-75/97, EU:C:1999:311, il-punti 64 u 65.
(55) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).
(56) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 87.
(57) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 86.
(58) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 95.
(59) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-paragrafi 92 u 89.
(60) Is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend en LoosvsAdministratie der Belastingen, C-26/62, EU:C:1963:1; is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, CostavsE.N.E.L., C-6/64, EU:C:1964:51; is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Amministrazione delle finanze dello StatovsSimmenthal, C-106/77, EU:C:1978:49.
(61) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar AS, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punti 90 u 91 u s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C-628/15, EU:C:2017:687, il-punt 54.
(62) Is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C-284/12, EU:C:2013:755, il-punt 38.
(63) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 93.
(64) § 15(3)(c) tal-Att Nru 218/2000 Coll., kif fis-seħħ sal-31.12.2021.
(65) Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (“Scott”), C-232/05, EU:C:2006:651, il-punti 50–53.
(66) Is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, ECLI:EU:C:1990:320, il-punti 13 u 14.
(67) Ara pereżempju s-sentenza tal- 1 ta’ Lulju 2010, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea, IT-53/08, EU:T:2010:267; is-sentenza tal- 11 ta’ Novembru 2004, P Demesa u Territorio Histórico de ÁlavavsIl-Kummissjoni,il-kawżi magħqudaC-183/02 P u C-187/02, EU:C:2004:701; is-sentenzatat-13 ta’ Settembru 2010, Ir-Repubblika Ellenika u Oħrajn vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-kawżi magħquda T-415/05, IT-416/05 u T-423/05, EU:T:2010:386.
(68) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 101.
(69) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 103.
(70) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 106.
(71) Ara pereżempju s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, il-kawżi magħquda T-204/97 u T-270/97, EU:T:2000:148.
(72) Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C-349/17, EU:C:2019:172, il-punt 98.
(73) Fid-deċiżjonijiet ta’ rkupru, l-awtoritajiet Ċeki speċifikaw l-ammonti ta’ għajnuna ta’ hawn taħt li għandhom jiġu rkuprati. Il-Kummissjoni tfakkar li f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589, dawn l-ammonti ta’ għajnuna se jkollhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jinkludu l-imgħaxijiet pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha.
Pomona Tesenice: CZK 1 400 000 (EUR 60 000)
Usovsko EKO: CZK 1 000 000 (EUR 43 000)
Usovsko AGRO: CZK 4 700 000 (EUR 200 400)
SADY CZ: CZK 2 100 000 (EUR 80 200)
RBQ SADY: CZK 11 331 000 (EUR 483 000)
M+A+J: CZK 260 000 (EUR 11 000)
Luzanska zemedelska: CZK 2 830 000 (EUR 120 600)
(74) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).
(75) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 tas-27 ta’ Novembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli ta’ notifika u l-iskedi ta’ informazzjoni (ĠU L 325, 10.12.2015, p. 1).
(76) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).
(77) L-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/1589.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2474/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)