|
12.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 85/190 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/442
tal-11 ta’ Marzu 2021
li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-30 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/111 (2) li jagħmel l-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll tas-sustanzi attivi, inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji, użati għall-manifattura ta’ dawn il-vaċċini, soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 japplika għal perjodu massimu ta’ sitt ġimgħat. |
|
(2) |
Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 għadha fil-fażi ta’ żvilupp u, għal ċerti manifatturi tal-vaċċini, għadha taħt il-kwantitajiet imwiegħda li jkunu destinati għall-Unjoni fuq il-bażi ta’ Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem (APAs) konklużi mal-Unjoni. |
|
(3) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni kritika tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fl-Unjoni, u b’mod partikolari r-riskju li l-vaċċini prodotti jew ippakkjati fl-Unjoni jiġu esportati, speċjalment lejn pajjiżi mhux vulnerabbli, bi ksur potenzjali tal-impenji kuntrattwali li l-industriji farmaċewtiċi daħlu għalihom, huma meħtieġa miżuri protettivi kontinwi biex jiġu evitati l-iskarsezzi u l-konsenji mdewma ta’ dawk il-vaċċini. Għalhekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li, għal perjodu ta’ żmien limitat, iżżomm mekkaniżmu biex tiżgura li l-esportazzjonijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19 koperti minn APAs mal-Unjoni jkunu soġġetti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari, sabiex ikun hemm provvista adegwata fl-Unjoni biex tlaħħaq mad-domanda vitali, iżda mingħajr ma jkun hemm impatt fuq l-impenji internazzjonali tal-Unjoni f’dan ir-rigward. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni jingħataw mill-Istati Membri meta jkunu manifatturati l-prodotti koperti minn dan ir-Regolament sakemm l-esportazzjonijiet ikkonċernati ma jheddux il-provvista kontinwa tal-vaċċini neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-APAs bejn l-Unjoni u l-manifatturi tal-vaċċin fid-dawl tal-volum ta’ ċirkostanzi rilevanti oħrajn tagħhom. Sabiex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni minn qabel u jiddeċiedu f’konformità ma’ dik l-opinjoni. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-modalitajiet amministrattivi għal dawn l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni jitħallew għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu temporanju. |
|
(6) |
Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tista’ tkopri diversi konsenji ta’ vaċċini u kampjuni għall-esportazzjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ amministrazzjoni filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-formola ta’ awtorizzazzjoni tiġi ssimplifikata, b’tali mod li tippermetti li formola waħda ta’ talba u awtorizzazzjoni tkopri trasportazzjoni waħda b’konsenji lil diversi riċevituri finali fl-istess pajjiż ta’ destinazzjoni iżda li jiġu rilaxxati mill-istess uffiċċju doganali tal-esportazzjoni. Għall-finijiet ta’ kontroll doganali, jenħtieġ li l-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni jiġi indikat fl-awtorizzazzjoni. |
|
(7) |
Sabiex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tiġi vvalutata f’intervalli regolari, u sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-konsistenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni mitluba, u dwar id-deċiżjonijiet tagħhom bi tweġiba għal tali talbiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika din l-informazzjoni fuq bażi regolari, filwaqt li titqies b’mod dovut in-natura kunfidenzjali tagħhom. |
|
(8) |
Is-suq uniku għall-prodotti mediċinali huwa strettament integrat lil hinn mill-konfini tal-Unjoni, u l-istess japplika għall-ktajjen tal-provvista u n-networks ta’ distribuzzjoni tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-pajjiżi u l-ekonomiji ġirien, l-Istati Membri taż-Żona Ewropea ta’ Kummerċ Ħieles, u tal-Balkani tal-Punent li huma impenjati fi proċess ta’ integrazzjoni profonda mal-Unjoni. Li l-esportazzjonijiet tal-vaċċini tal-COVID-19 lejn dawk il-pajjiżi jkunu soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jkun kontroproduttiv minħabba l-prossimità u d-dipendenza tagħhom fuq il-provvisti tal-vaċċini tal-Unjoni (il-biċċa l-kbira tagħhom ma għandhomx il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom stess għall-vaċċini inkwistjoni fi kwantitajiet adegwati) u l-fatt li l-vaċċini huma prodott essenzjali neċessarju biex jipprevjeni t-tixrid ulterjuri tal-pandemija. Huwa għalhekk xieraq li tali pajjiżi jiġu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Bl-istess mod, huwa xieraq li jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-Trattat, il-Gżejjer Faeroe, Andorra, San Marino u l-Belt tal-Vatikan, kif ukoll it-territorji tal-Istati Membri esklużi speċifikament mit-territorju doganali, jiġifieri Büsingen, Helgoland, Livigno, Ceuta u Melilla, peress li għandhom dipendenza partikolari fuq il-ktajjen ta’ provvista metropolitani tal-Istati Membri li huma marbuta magħhom jew fuq il-ktajjen tal-provvista ta’ Stati Membri ġirien, rispettivament. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-esportazzjonijiet lejn il-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-żona ekonomika esklussiva ddikjarata minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) ikunu eżentati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Peress li huma koperti l-esportazzjonijiet mit-territorju doganali tal-Unjoni biss, il-pajjiżi li jiffurmaw parti minn dak it-territorju doganali ma għandhomx għalfejn jiġu eżentati sabiex jirċievu konsenji mingħajr restrizzjonijiet minn ġewwa l-Unjoni. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għall-Prinċipat ta’ Monaco (3). |
|
(11) |
Abbażi tal-prinċipju tas-solidarjetà internazzjonali, jenħtieġ li l-esportazzjonijiet li jippermettu l-forniment ta’ provvisti fil-kuntest tar-rispons għal emerġenza umanitarja, l-esportazzjonijiet lejn il-faċilitajiet COVAX, u b’mod partikolari lejn pajjiżi bi dħul baxx jew medju, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tagħhom u l-aċċess limitat għall-vaċċini, l-esportazzjonijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19 mixtrija jew ikkonsenjati permezz tal-COVAX, l-Unicef u l-PAHO destinati lejn kwalunkwe pajjiż parteċipanti ieħor fil-COVAX u l-esportazzjonijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19 mixtrija mill-Istati Membri skont l-APAs tal-UE u mibjugħa mill-ġdid jew mogħtija b’donazzjoni lil pajjiż terz, ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni. |
|
(12) |
Ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel huma ta’ natura eċċezzjonali u jenħtieġ li jkunu mmirati u ta’ durata limitata. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-produzzjoni tal-vaċċini u r-riskji ta’ dewmien fil-konsenja tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fl-Unjoni, kif imsemmi fil-premessi (2) u (3), jenħtieġ li l-mekkaniżmu tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jkompli japplika għal perjodu ta’ żmien limitat. |
|
(13) |
Minħabba d-durata limitata tal-miżuri previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/479, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni
1. Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni stabbilita f’konformità mal-formola prevista fl-Anness I għall-esportazzjoni tal-merkanzija li ġejja:
|
(a) |
vaċċini kontra coronaviruses relatati mas-SARS (l-ispeċijiet SARS-CoV) li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3002 20 10 irrispettivament mill-imballaġġ tagħhom; |
|
(b) |
sustanzi attivi, inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji użati għall-manifattura ta’ tali vaċċini, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2933 99 80, ex 2934 99 90, ex 3002 90 90 u ex 3504 00 90. |
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “esportazzjoni” tfisser:
|
(a) |
esportazzjoni ta’ merkanzija tal-Unjoni bil-proċedura ta’ esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 269(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); |
|
(b) |
esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 270(1) ta’ dak ir-Regolament wara li tali merkanzija tkun ġiet soġġetta għal operazzjonijiet ta’ manifattura inkluż il-mili u l-ippakkjar fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
3. L-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandha tkun prodotta meta l-merkanzija tkun iddikjarata għall-esportazzjoni u mhux aktar tard mill-mument tar-rilaxx tal-merkanzija.
4. L-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġu manifatturati l-prodotti koperti b’dan ir-Regolament u għandha tinħareġ bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-manifattura għandha tinkludi l-mili u l-ippakkjar tal-vaċċini. Jekk il-merkanzija koperta minn dan ir-Regolament tiġi manifatturata barra mill-Unjoni, l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur.
5. Id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jew ta’ esportazzjoni mill-ġdid għandha tindika l-għadd ta’ dożi (fil-każ ta’ kontenituri b’ħafna dożi, l-għadd ta’ dożi għall-adulti).
6. Mingħajr il-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni valida, l-esportazzjoni ta’ merkanzija koperta minn dan ir-Regolament għandha tiġi pprojbita.
7. L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, sakemm ma tkunx thedded l-eżekuzzjoni tal-APAs konklużi mill-Unjoni mal-manifatturi tal-vaċċini, fid-dawl tal-volum tal-esportazzjonijiet jew kwalunkwe ċirkostanza rilevanti oħra.
8. Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni tista’ tkopri trasportazzjoni waħda b’aktar minn konsenja waħda ta’ merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, sakemm il-konsenji kollha jkunu destinati lejn l-istess pajjiż tad-destinazzjoni u rilaxxati mill-istess uffiċċju doganali tal-esportazzjoni.
9. L-esportazzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni prevista f’dan l-Artikolu:
|
(a) |
l-esportazzjonijiet lejn l-Albanija, Andorra, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Gżejjer Faeroe, l-Iżlanda, il-Kosovo (*1), il-Liechtenstein, il-Montenegro, in-Norveġja, il-Maċedonja ta’ Fuq, San Marino, is-Serbja, l-Iżvizzera, il-Belt tal-Vatikan, il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Büsingen, Helgoland, Livigno, Ceuta u Melilla, l-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, l-Eġittu, il-Georgia, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Moldova, il-Marokk, il-Palestina ( (*2), is-Sirja, it-Tuneżija, u l-Ukrajna; |
|
(b) |
l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi bi dħul baxx u medju fil-lista tal-AMC tal-COVAX ( (5); |
|
(c) |
l-esportazzjonijiet ta’ merkanzija mixtrija jew ikkonsenjati permezz tal-COVAX, l-Unicef u l-PAHO destinati lejn kwalunkwe pajjiż ieħor parteċipanti fil-COVAX; |
|
(d) |
l-esportazzjonijiet ta’ merkanzija mixtrija minn Stati Membri taħt l-APAs li l-Unjoni daħlet għalihom u mogħtija b’donazzjoni jew mibjugħa mill-ġdid lil pajjiż terz; |
|
(e) |
l-esportazzjonijiet fil-kuntest ta’ rispons għal emerġenza umanitarja; |
|
(f) |
l-esportazzjonijiet għal faċilitajiet li jinsabu fuq il-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew fiż-żona ekonomika esklussiva ddikjarata minn Stat Membru skont l-UNCLOS. |
Għall-esportazzjonijiet imsemmijin fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni dwar il-blata kontinentali jew iż-żona ekonomika esklussiva tal-Istat Membru fejn l-merkanzija koperta minn dan ir-Regolament trid titwassal bl-użu tal-kodiċi ta’ referenza addizzjonali rilevanti kif definiti fl-element tad-data 2/3 fil-punt 2 tat-Titolu II tal-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6).
Artikolu 2
Proċedura
1. It-talba għal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni stipulata fl-Anness I u l-kodiċi addizzjonali TARIC applikabbli fl-Anness II. Barra minn hekk għandu jkun fiha wkoll informazzjoni dwar l-għadd ta’ dożi tal-vaċċin tal-merkanzija koperta minn dan ir-Regolament distribwiti fl-Unjoni mill-1 ta’ Diċembru 2020 għal kull Stat Membru, kif ukoll informazzjoni dwar l-għadd ta’ dożi tal-vaċċin tal-merkanzija koperta minn dan ir-Regolament distribwiti fl-Irlanda ta’ Fuq mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipproċessaw it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni kemm jista’ jkun malajr, u joħorġu abbozz ta’ deċiżjoni mhux aktar tard minn jumejn tax-xogħol mid-data ta’ meta l-applikant ikun ipprovda l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament ġustifikati, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu ulterjuri ta’ jumejn tax-xogħol.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih it-talba u l-abbozz tad-deċiżjoni lill-Kummissjoni fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej:SANTE-PHARMACEUTICALS-B4@ec.europa.eu.
4. Meta l-Kummissjoni ma taqbilx mal-abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat mingħand Stat Membru, hija għandha toħroġ opinjoni lill-awtorità kompetenti f’temp ta’ jum tax-xogħol wieħed minn meta tirċievi n-notifika. Jekk it-talba ma tkunx kompluta jew ma tkunx preċiża, dak il-perjodu ta’ żmien għandu jibda mill-mument meta tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa, fuq talba tal-Kummissjoni, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru notifikanti. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt tal-esportazzjonijiet li tkun mitluba awtorizzazzjoni għalihom fuq l-eżekuzzjoni tal-APAs rilevanti mal-Unjoni. L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar it-talba għall-awtorizzazzjoni malajr f’konformità mal-opinjoni tal-Kummissjoni.
5. Il-manifatturi tal-vaċċini li kkonkludew APAs mal-Unjoni għandhom jipprovdu d-data rilevanti dwar l-esportazzjonijiet tagħhom mit-30 ta’ Ottubru 2020 ’il quddiem, flimkien mal-ewwel talba għal awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 lill-Kummissjoni (fl-indirizz elettroniku li ġej:SANTE-PHARMACEUTICALS-B4@ec.europa.eu) u lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kompetenti. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-volum tal-esportazzjonijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19, id-destinazzjoni finali u r-riċevituri finali u deskrizzjoni preċiża tal-prodotti. In-nuqqas ta’ tali informazzjoni jista’ jwassal għal rifjut ta’ awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni.
6. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dokumenti elettroniċi għall-fini ta’ pproċessar tat-talbiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.
7. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jivverifikaw l-informazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 6 fil-bini tal-applikant, anki wara li tingħata l-awtorizzazzjoni.
Artikolu 3
Notifiki
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni mogħtija u b’dawk miċħuda.
2. Dawn in-notifiki għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità kompetenti, |
|
(b) |
l-identità tal-applikant, |
|
(c) |
il-pajjiż tad-destinazzjoni, |
|
(d) |
l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, |
|
(e) |
il-kodiċi tal-komodità, |
|
(f) |
il-kwantità espressa f’għadd ta’ dożi tal-vaċċin, |
|
(g) |
l-unitajiet u d-deskrizzjoni tal-merkanzija, |
|
(h) |
informazzjoni dwar l-għadd ta’ dożi tal-vaċċin tal-merkanzija koperta minn dan ir-Regolament distribwita fl-Unjoni mill-1 ta’ Diċembru 2020 ’il quddiem għal kull Stat Membru fejn ġie distribwit il-vaċċin. |
In-notifika għandha tiġi ppreżentata fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej:SANTE-PHARMACEUTICALS-B4@ec.europa.eu
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni mogħtija u dwar dawk miċħuda, filwaqt li tqis il-kunfidenzjalità tad-data ppreżentata.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Marzu 2021.
Huwa għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2021.
L-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni maħruġa f’konformità mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 għandhom jibqgħu validi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/111 tad-29 ta’ Jannar 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 31 I, 30.1.2021, p. 1).
(3) Ara l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(*2) Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.
(5) https://www.gavi.org/news/media-room/92-low-middle-income-economies-eligible-access-covid-19-vaccines-gavi-covax-amc
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
ANNESS I
Mudell għall-formoli tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 1
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tan-natura tal-awtorizzazzjoni fuq il-formola maħruġa. L-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea sad-data ta’ skadenza tagħha.
|
Esportazzjoni tal-UNJONI EWROPEA ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u sustanzi attivi inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji (ir-Regolament UE 2021/442) |
|||||||||||||
|
|
|
|||||||||||
|
|
|
|||||||||||
|
|
|
|
||||||||||
|
|||||||||||||
|
|
|
|
||||||||||
|
|||||||||||||
|
|
|
|
||||||||||
|
|||||||||||||
|
|
|
|
||||||||||
|
|||||||||||||
|
|||||||||||||
Noti ta’ spjegazzjoni għall-formola tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni
Il-mili tal-kaxxi kollha huwa obbligatorju ħlief meta jiġi ddikjarat mod ieħor.
Il-kaxxi minn 6 sa 10 huma ripetuti 4 darbiet biex tkun tista’ ssir talba għal awtorizzazzjoni għal 4 prodotti differenti.
|
Kaxxa 1 |
Detentur tal-awtorizzazzjoni |
L-isem sħiħ u l-indirizz tal-kumpanija li l-awtorizzazzjoni qed tinħareġ għaliha + in-numru EORI jekk applikabbli. Il-kodiċi addizzjonali TARIC kif definit fl-Anness II. |
|
Kaxxa 2 |
Numru tal-awtorizzazzjoni |
In-numru tal-awtorizzazzjoni jimtela mill-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u jkollu l-format li ġej: XXyyyy999999, fejn XX huwa l-kodiċi tal-ġeonomenklatura (1) b’2 ittri tal-Istat Membru tal-ħruġ, yyyy hija s-sena tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni b’4 ċifri, 999999 huwa numru uniku b’6 ċifri f’XXyyyy u attribwit mill-awtorità tal-ħruġ. |
|
Kaxxa 3 |
Data ta’ skadenza |
L-awtorità tal-ħruġ tista’ tiddefinixxi data ta’ skadenza għall-awtorizzazzjoni. Din id-data ta’ skadenza ma tistax tkun aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021. Jekk ma tiġi definita l-ebda data ta’ skadenza mill-awtorità tal-ħruġ, l-awtorizzazzjoni tiskadi mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
Kaxxa 4 |
Awtorità tal-ħruġ |
L-isem sħiħ u l-indirizz tal-awtorità tal-Istat Membru li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni. |
|
Kaxxa 5 |
Uffiċċju doganali tal-esportazzjoni |
L-isem sħiħ u l-kodiċi tal-Unjoni tal-uffiċċju doganali ta’ fejn tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni. |
|
Kaxxa 6 |
Pajjiż tad-destinazzjoni |
Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura b’2 ittri tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-merkanzija li l-awtorizzazzjoni tkun inħarġet għaliha. |
|
Kaxxa 7 |
Kodiċi tal-komodità |
Il-kodiċi numeriku mis-Sistema Armonizzata jew min-Nomenklatura Magħquda (2) li l-merkanzija għall-esportazzjoni tkun ikklassifikata taħtu meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni. |
|
Kaxxa 8 |
Kwantità |
Il-kwantità tal-merkanzija kkalkulata fl-unità ddikjarata fil-kaxxa 9. |
|
Kaxxa 9 |
Unità |
L-unità tal-kejl li l-kwantità ddikjarata fil-kaxxa 8 hija espressa fiha. L-unitajiet li jridu jintużaw huma l-għadd ta’ dożi tal-vaċċin. |
|
Kaxxa 10 |
Deskrizzjoni tal-merkanzija |
Deskrizzjoni b’lingwa sempliċi u preċiża biżżejjed biex tippermetti l-identifikazzjoni tal-merkanzija. |
|
Kaxxa 11 |
Post |
Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura tal-Istat Membru fejn tinsab il-merkanzija. Jekk il-merkanzija tkun tinsab fl-Istat Membru tal-awtorità tal-ħruġ, din il-kaxxa trid titħalla vojta. |
|
Kaxxa 12 |
Firma, timbru, post u data, |
Il-firma u t-timbru tal-awtorità tal-ħruġ. Il-post u d-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni. |
(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju (ĠU L 334, 13.10.2020, p. 2).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS II
Kodiċijiet addizzjonali Taric
|
Kumpanija |
Kodiċi addizzjonali Taric għall-vaċċini kontra l-coronaviruses relatati mas-SARS (l-ispeċijiet SARS-CoV) |
Kodiċi addizzjonali Taric għas-sustanzi attivi (1) |
|
AstraZeneca AB |
4500 |
4520 |
|
Pfizer/BioNTech |
4501 |
4521 |
|
Moderna Switzerland/Moderna Inc |
4502 |
4522 |
|
Janssen Pharmaceutica NV |
4503 |
4523 |
|
CureVac AG |
4504 |
4524 |
|
Sanofi Pasteur/GlaxoSmithKline Biologicals S.A |
4505 |
4525 |
|
Novavax |
4506 |
4526 |
|
Manifatturi oħrajn |
4999 |
4999 |
|
Kumpanija |
Kodiċi addizzjonali TARIC għal sustanzi oħrajn (2) |
|
Il-manifatturi kollha |
4599 |
(1) Sustanzi attivi inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji użati għall-manifattura ta’ vaċċini kontra l-coronaviruses relatati mas-SARS (l-ispeċijiet SARS-CoV).
(2) “Sustanzi oħrajn” huma prodotti jew sustanzi li mhux se jintużaw għall-manifattura ta’ vaċċini kontra l-coronaviruses relatati mas-SARS (l-ispeċijiet SARS-CoV), iżda li huma kklassifikati taħt l-istess kodiċijiet NM bħas-sustanzi attivi.