IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2023
COM(2023) 398 final
2023/0282(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fir-rigward tal-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (l-“IOC”) b’rabta mal-adeżjoni tal-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda (“il-Ftehim”).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda (“il-Ftehim”) għandu l-għan li (i) jfittex li tinkiseb uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ; (ii) jwettaq attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bil-ħsieb li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali; u (iii) jsaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.
Il-verżjoni mġedda tal-Ftehim daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.
L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim.
2.2.Kunsill tal-Membri
Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Bħala parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija membru tal-IOC u hija rrappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Membri dwar l-adeżjoni ta’ membru ġdid għandhom jittieħdu b’kunsens. Skont l-Artikolu 10(4)(b) tal-Ftehim, jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tal-Kunsill tal-Membri, il-membri għandhom jivvutaw. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata meta mill-inqas il-maġġoranza tal-membri li jirrappreżentaw mill-inqas 86 fil-mija tal-ishma tal-parteċipazzjoni tal-membri jkunu favuriha.
Bħalissa hemm 18-il membru fl-IOC u minn total ta’ 1 000 sehem, l-Unjoni Ewropea għandha 650 wieħed.
2.3.Att previst tal-Kunsill tal-Membri
Wara l-applikazzjoni formali tal-Bożnija-Ħerzegovina bid-data tat-22 ta’ Frar 2023 biex taderixxi mal-Ftehim, huwa mistenni li l-Kunsill tal-Membri jadotta, matul sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-iskambju tal-korrispondenza, deċiżjoni li tikkonċerna l-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina.
L-iskop tal-att previst huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet billi jbiddel il-bilanċ deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Minkejja li s-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda għadu modest fil-Bożnija-Ħerzegovina, hemm potenzjal għall-iżvilupp tiegħu f’reġjun bi tradizzjoni twila tal-produzzjoni u tal-konsum taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Il-valur miżjud (% tal-PDG) tas-settur tal-biedja fil-Bożnija-Ħerzegovina ġie rrappurtat li kien ta’ 5,2 % tal-PDG fl-2021, b’impenn qawwi mill-pajjiż biex iżid is-sehem tal-produzzjoni taż-żebbuġ.
Meta jitqies il-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina qed tiżviluppa s-setturi taż-żebbuġ tagħha fir-rigward tal-konsum u li beħsiebha tiżviluppa l-produzzjoni tagħha, l-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, b’ċerti kundizzjonijiet, se ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali relatata mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ. Din l-adeżjoni taqbel mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kif previst fit-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-Membri se tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-ishma tal-parteċipazzjoni fl-IOC u tal-limitu taż-żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni.
L-ishma tal-parteċipazzjoni tal-Membri li jintużaw biex jiġu ffissati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji u d-drittijiet tal-vot huma kkalkulati skont formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim. L-Unjoni se tiżgura li din il-formula tintuża meta jiġu definiti l-ishma tal-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina.
L-Unjoni se tappoġġa kwalunkwe limitu taż-żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni li jippermetti lill-Bożnija-Ħerzegovina taderixxi mal-Ftehim malajr. Jekk id-depożitu tal-istrument jiddewwem, l-Unjoni, f’deċiżjonijiet sussegwenti li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.
Meta jitqies il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-IOC, il-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett tal-“atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kunsill tal-Membri huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.
L-att li l-Kunsill tal-Membri jrid jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali b’mod partikolari minħabba l-fatt li se jaffettwa l-bilanċ deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2023/0282 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fir-rigward tal-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019.
(2)Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ Gvern mal-Ftehim.
(3)Il-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina applika formalment biex jaderixxi mal-Ftehim. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill tal-Membri jiġi mistieden, matul sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-iskambju tal-korrispondenza, biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina, fir-rigward tal-ishma tal-parteċipazzjoni fl-IOC u tal-limitu taż-żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni.
(4)Peress li l-Bożnija-Ħerzegovina qed tiżviluppa s-settur taż-żebbuġ tagħha fir-rigward tal-konsum u beħsiebha tiżviluppa l-produzzjoni tagħha, l-adeżjoni tagħha, b’ċerti kundizzjonijiet, tista’ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali relatata mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati se jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi jħallu impatt fuq il-bilanċ deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ waqt sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-iskambju tal-korrispondenza, fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Ftehim, hija stipulata fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President