|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2193 |
16.10.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2193
tat-28 ta’ Settembru 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, jew sussegwentement stabbiliti skontu, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(2) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi qafas istituzzjonali, inkluż Kunsill ta’ Sħubija, 19-il Kumitat u erba’ gruppi ta’ ħidma. |
|
(3) |
L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Prodotti Organiċi, taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ; il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Vetturi bil-Mutur u l-Partijiet tagħhom, taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ; il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Prodotti Mediċinali, taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ; u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali. |
|
(4) |
L-Artikolu 8(2), il-punt (h), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistipula li l-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali għandu s-setgħa, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-Titoli minn I sa VII, il-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII, it-Titoli minn IX sa XII tal-Ewwel Intestatura tat-Tieni Parti, is-Sitt Intestatura tat-Tieni Parti u l-Anness 27, li jistabbilixxi, jissorvelja, jikkoordina u jxolji gruppi ta’ ħidma, jew jiddelega s-superviżjoni tagħhom lil Kumitat Speċjalizzat fil-Kummerċ. Bl-istess mod, l-Artikolu 8(4), il-punt (f), ta’ dak il-ftehim jistipula li l-Kumitati Speċjalizzati għandhom is-setgħa, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-qasam ta’ kompetenza tagħhom, li jistabbilixxu, jissorveljaw, jikkoordinaw u jxolju gruppi ta’ ħidma. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 9(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-gruppi ta’ ħidma għandhom, taħt is-superviżjoni tal-Kumitati, jassistu lill-Kumitati fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u, b’mod partikolari, iħejju l-ħidma tal-Kumitati u jwettqu kull kompitu assenjat lilhom minn dawn tal-aħħar. |
|
(6) |
L-Artikolu 9(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit u għandhom ikunu kopreseduti minn rappreżentant tal-Unjoni u minn rappreżentant tar-Renju Unit. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 9(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-gruppi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu r-regoli ta’ proċedura tagħhom b’kunsens reċiproku. |
|
(8) |
Il-funzjonament tajjeb tal-gruppi ta’ ħidma jirrikjedi regoli ta’ proċedura li jkopru l-operat tagħhom u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Anness 1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, debitament adattati għall-għan u l-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma. |
|
(9) |
Grupp ta’ ħidma jista’ jadotta aktar adattamenti rigward l-elementi, mhux essenzjali tar-regoli mudell ta’ proċedura meta tali adattamenti huma meħtieġa mill-għan u l-funzjoni ta’ dak il-grupp ta’ ħidma speċifiku. |
|
(10) |
Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għal gruppi ta’ ħidma. |
|
(11) |
Biex tippermetti l-adozzjoni f’waqtha tar-regoli ta’ proċedura mill-gruppi ta’ ħidma, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra, jew sussegwentement stabbiliti skontu, hija stabbilita fit-Taqsima I tad-dokument mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adattamenti rigward l-elementi mhux essenzjali tar-regoli ta’ proċedura kif stabbiliti fit-Taqsima I tad-dokument mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni għal grupp ta’ ħidma speċifiku, meta tali adattamenti huma meħtieġa mill-għan u l-funzjonament ta’ dak il-grupp ta’ ħidma, għandha tiġi speċifikata ultejorment f’konformità mat-Taqsima II tad-dokument mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
F. GRANDE-MARLASKA GÓMEZ
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).
TAQSIMA I
Mudell ta’ regoli ta’ Proċedura għall-Gruppi ta’ Ħidma stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jew sussegwentement stabbiliti skontu
Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni
Gruppi ta’ Ħidma
Regoli ta’ Proċedura
Regola 1
President
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jinnotifikaw lil xulxin l-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kopresidenti nominati rispettivi tagħhom tal-Gruppi ta’ Ħidma. Kopresident jitqies li jkollu l-awtorizzazzjoni li jirrappreżenta, rispettivament, lill-Unjoni jew lir-Renju Unit sad-data li fiha kopresident ġdid ikun innotifikat lill-Parti l-oħra.
Kopresident jista’ jiġi sostitwit minn persuna nominata għal laqgħa partikolari jew għal parti minnha. Il-kopresident, jew il-persuna nominata tiegħu jew tagħha, għandhom jinnotifikaw in-nomina lill-kopresident l-ieħor u lis-Segretarjat tal-Grupp ta’ Ħidma kemm jista’ jkun kmien. Kull referenza f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għall-kopresidenti għandha tinftiehem li tinkludi persuna nominata.
Regola 2
Segretarjat
Is-Segretarjat tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jkun magħmul minn uffiċjal tal-Unjoni u uffiċjal tal-Gvern tar-Renju Unit. Is-Segretarjat għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu minn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, taħt is-superviżjoni tal-Kumitat rilevanti.
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jinnotifikaw lil xulxin l-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun il-membru tas-Segretarjat tal-Grupp ta’ Ħidma, rispettivament. Dan l-uffiċjal jitqies li jibqa’ jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Unjoni jew għar-Renju Unit sad-data li fiha l-Unjoni jew ir-Renju Unit ikun innotifika membru ġdid.
Regola 3
Laqgħat
Kull laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma għandha tissejjaħ mis-Segretarjat f’data u ħin maqbula mill-kopresidenti. Meta l-Unjoni jew ir-Renju Unit ikun għamel talba għal laqgħa, il-Parti l-oħra għandha tqis debitament tali talba u twieġeb fi żmien 30 jum.
Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jorganizza l-laqgħat b’mod li jalterna fi Brussell u f’Londra, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor.
B’deroga mit-tieni paragrafu, il-kopresidenti jistgħu jaqblu li laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma ssir permezz ta’ vidjokonferenza, telekonferenza jew f’forma ibrida.
Regola 4
Parteċipazzjoni fil-laqgħat
F’perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel kull laqgħa, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jinfurmaw lil xulxin permezz tas-Segretarjat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom u għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.
Fejn xieraq, il-kopresidenti jistgħu, b’kunsens reċiproku, jistiednu esperti (jiġifieri uffiċjali mhux governattivi), biex jattendu laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett speċifiku u biss għall-partijiet tal-laqgħa li fihom jiġu diskussi tali suġġetti speċifiċi.
Regola 5
Dokumenti
Id-dokumenti bil-miktub li fuqhom jissejsu d-deliberazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati lill-Unjoni u lir-Renju Unit mis-Segretarjat.
Regola 6
Korrispondenza
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jibagħtu l-korrispondenza tagħhom indirizzata lill-Ġrupp ta’ Ħidma permezz tas-Segretarjat. Tali korrispondenza tista’ tintbagħat f’kull forma ta’ komunikazzjoni bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.
Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Grupp ta’ Ħidma tintbagħat lill-kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, f’konformità mar-Regola 5.
Il-korrispondenza kollha mill-kopresidenti, jew indirizzata direttament lilhom, għandha tintbagħat lis-Segretarjat u għandha tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, f’konformità mar-Regola 5.
Regola 7
Aġenda għall-laqgħa
Għal kull laqgħa, għandu jitfassal abbozz tal-aġenda proviżorja mis-Segretarjat. Dan għandu jintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-kopresidenti sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data tal-laqgħa.
L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti mitluba mill-Unjoni jew mir-Renju Unit. Kull tali talba, flimkien ma’ kull dokument rilevanti, għandha tintbagħat lis-Segretarjat sa mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel il-bidu tal-laqgħa.
Mhux aktar tard minn tliet ijiem qabel id-data tal-laqgħa, il-kopresidenti għandhom jiddeċiedu dwar l-aġenda proviżorja għal laqgħa.
L-aġenda għandha tiġi adotta mill-Grupp ta’ Ħidma fil-bidu ta’ kull laqgħa. B’talba tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, jista’ jiġi inkluż b’kunsens fl-aġenda proviżorja punt għajr dawk inklużi fl-aġenda proviżorja.
Il-kopresidenti jistgħu, b’kunsens reċiproku, iqassru jew itawlu l-perjodi ta’ żmien speċifikati fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet paragrafu sabiex iqisu r-rekwiżiti ta’ każ partikolari.
Regola 8
Minuti
L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitfassal mill-uffiċjal li jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat tal-Parti li tospita l-laqgħa, fi żmien sebat ijiem wara li tintemm il-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-kopresidenti. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra. Din tal-aħħar tista’ tippreżenta kummenti fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha tirċievi l-abbozz tal-minuti.
Il-minuti għandhom, bħala regola, jagħmlu sinteżi ta’ kull punt fl-aġenda, li tispeċifka meta applikabbli:
|
— |
id-dokumenti ppreżentati lill-Grupp ta’ Ħidma; |
|
— |
kull dikjarazzjoni li wieħed mill-kopresidenti jkun talab li tiddaħħal fil-minuti; kif ukoll |
|
— |
il-konklużjonijiet operazzjonali adottati dwar punti speċifiċi. |
Il-minuti għandhom jinkludu bħala anness lista tal-parteċipanti li għal kull delegazzjoni tistabbilixxi l-ismijiet u l-funzjonijiet tal-individwi kollha li jkunu attendew il-laqgħa.
Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti fuq il-bażi tal-kummenti li jkun irċieva u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-kopresidenti fi żmien 28 jum mid-data tal-laqgħa, jew sa kull data oħra maqbula mill-kopresidenti.
Ladarba jiġu approvati, kopji tal-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-membri tas-Segretarjat u jintbagħtu lill-Unjoni u lir-Renju Unit, kif ukoll lill-Kumitat superviżorju. Il-kopresidenti jistgħu jaqblu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.
Regola 9
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma għandhom ikunu kunfidenzjali.
Jekk l-Unjoni jew ir-Renju Unit jippreżenta lill-Grupp ta’ Ħidma informazzjoni li hija kunfidenzjali jew protetta milli tkun żvelata skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni li tkun irċeviet bħala kunfidenzjali.
Il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw l-aġendi proviżorji qabel ma ssir il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma. Il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu wkoll li jippubblikaw il-minuti tal-laqgħa wara l-approvazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 8.
Il-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija fit-tielet paragrafu għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data taż-żewġ Partijiet.
Regola 10
Lingwi
Il-lingwa ta’ ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma għandha tkun l-Ingliż. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-Grupp ta’ Ħidma għandu jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumenti mħejjija bl-Ingliż.
Regola 11
Spejjeż
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom iħallsu kull spiża li jġarrbu bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma.
In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha tiġġarrab mill-parti li tospita l-laqgħa.
In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni fil-lingwa ta’ ħidma, jew minnha, tal-Grupp ta’ Ħidma għandha tiġġarrab mill-Parti li titlob tali interpretazzjoni.
Regola 12
Rappurtar
Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jinfurma lill-Kumitat superviżorju dwar l-iskeda u l-aġenda tal-laqgħa tiegħu kmieni biżżejjed qabel il-laqgħat, u għandu jirrapporta lil dan il-Kumitat dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ kull laqgħa.
TAQSIMA II
Il-Pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Gruppi ta’ Ħidma
Qabel ma grupp ta’ ħidma jadotta adattamenti rigward l-elementi mhux essenzjali tar-regoli ta’ proċedura tiegħu adottata kif stabbilit fit-Taqsima I, meta tali adattamenti jkunu meħtieġa mill-għan u l-funzjonament ta’ dak il-grupp ta’ ħidma, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill biżżejjed kmieni qabel il-laqgħa ta’ dak il-grupp ta’ ħidma jew tal-proċedura bil-miktub f’dak il-grupp ta’ ħidma, u f’kull każ mhux aktar tard minn tmint ijiem tax-xogħol qabel dik il-laqgħa jew l-użu ta’ proċedura bil-miktub, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2193/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)