SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

2 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2004/80/KE – Artikolu 12(2) – Kumpens lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti – Kumpens ġust u xieraq – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba”

Fil-Kawża C‑284/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2024, fil-proċedura

LD

vs

Criminal Injuries Compensation Tribunal,

Minister for Justice and Equality,

Ireland,

Attorney General,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal LD, minn C. Donnelly, SC, M. Lynn, SC, u J. MacGuill, SC, solicitor, minn D. Brady, BL, C. Donald, solicitor, kif ukoll E. Martin-Vignerte, avocate,

–

għall-Criminal Injuries Compensation Tribunal, il-Minister for Justice and Equality, l-Irlanda u l-Attorney General, minn M. Browne, Chief State Solicitor, S. Finnegan, A. Joyce u J. Moloney, bħala aġenti, assistiti minn M. Reilly, SC, u M. Finan, BL,

–

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, A. Pagáčová u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink, K. Bulterman, u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LD u l-Criminal Injuries Compensation Tribunal (il-Qorti għall-Kumpens lill-Vittmi ta’ Reati Kriminali, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem iċ-“CICT”), il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda) dwar talba għal kumpens imressqa minn LD abbażi tas-Scheme of Compensation for Personal Injuries Criminally Inflicted (l-Iskema ta’ Kumpens lill-Vittmi ta’ Reati Kriminali għad-Danni Fiżiċi Mġarrba, iktar ’il quddiem l-“Iskema ta’ Kumpens lill-Vittmi Irlandiżi”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/80

3

Skont il-premessi 2, 10 u 14 tad-Direttiva 2004/80:

“(2)

Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet [fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47] li, fejn liġi Komunitarja tiggarantixxi għal persuna naturali l-liberta li tmur ġo Stat Membru ieħor, il-protezzjoni [tal-integrità]ta’ dik il-persuna mill-periklu fl-Istat Membru msemmi, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ ċittadini nazzjonali u persuni li jgħixu hemm, hija corollary ta’ dik il-liberta ta’ ċaqliq. Miżuri sabiex jiġi faċilitat kumpens lil vittmi ta’ delitti għandhom jiffurmaw parti mir-rejalizzazzjoni ta’ dan l-għan.

[...]

(10)

Vittmi tad-delitti ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens minn min iwettaq id-delitt, minħabba li dak li jwettaq id-delitt jista’ ma jkollux il-meżżi meħtieġa biex jissodisfa ġudizzju fuq ħsarat jew minħabba li dak l-jwettaq id-delitt ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew mixli.

[...]

(14)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji affermati mill-ġdid b’mod partikolari mill-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea bħala priċnipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt li ssir applikazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn delitt internazzjonali vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jissottometti l-applikazzjoni lil awtorità jew kull korp ieħor fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.”

5

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, l-uniku artikolu li jaqa’ taħt il-Kapitolu II tagħha, intitolat “Skemi nazzjonali dwar il-kumpens”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fitterritorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens bil-fier u xieraq għal vittmi.”

6

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Implimentazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għal applikanti li l-ħsarat tagħhom jirrisultaw minn delitti kommessi wara t-30 ta’ Ġunju 2005.”

Id-Direttiva 2012/29/UE

7

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57), intitiolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘vittma’ tfisser:

i)

persuna fiżika li ġarrbet ħsara, inkluż [l-integrità ta’] dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali;

[...]”

Id-dritt Irlandiż

8

L-iskema ta’ kumpens lill-vittmi Irlandiżi hija skema amministrattiva, stabbilita fl‑1974, li hija intiża li tikkumpensa lill-vittmi ta’ reati kriminali għad-danni mġarrba. L-applikazzjoni tagħha hija fdata liċ-CICT. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din l-iskema kienet tipprevedi, fil-verżjoni inizjali tagħha, il-ħlas tad-danni msejħa “ġenerali” (general damages), inkluż għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba (pain and suffering).

9

Wara emenda tal-imsemmija skema li seħħet fl‑1 ta’ April 1986, ma ngħata ebda kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba, bħala danni ġenerali, peress li, kif tirrileva, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju, il-portata tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati qabel l-emenda tagħhom kellhom konsegwenzi serji fuq il-finanzi tal-Istat Irlandiż li kien għaddej, f’dak iż-żmien, minn perijodu ta’ reċessjoni ekonomika gravi.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fit‑12 ta’ Lulju 2015, LD, imwieled fi Spanja u residenti fl-Irlanda, kien vittma ta’ aggressjoni kriminali vjolenti mwettqa minn grupp ta’ persuni quddiem ir-residenza tiegħu f’Dublin (l-Irlanda).

11

Fl‑1 ta’ Ottubru 2015, LD ressaq quddiem iċ-CICT talba għal kumpens taħt l-iskema ta’ kumpens lill-vittmi Irlandiżi.

12

F’din it-talba, LD indika li huwa kien sofra, minħabba din l-aggressjoni, minn trawma okulari sinjifikattiva li kienet wasslet għal telf parzjali tal-vista, u dan b’mod permanenti, kif ukoll minn diversi ġrieħi oħra, b’mod partikolari fil-livell tax-xedaq, tal-ispalla u tad-driegħ tax-xellug, tad-daqs u tat-torso. Barra minn hekk, huwa jbati minn disturbi psikoloġiċi u minn ansjetà. Wara li waqaf mix-xogħol sussegwentement għall-imsemmija aggressjoni, LD kien tkeċċa mill-persuna li kienet timpjegah u kien mingħajr impjieg fil-mument tat-tressiq tal-imsemmija talba.

13

Wara li kkonstatat li LD kien ġarrab danni fiżiċi u danni materjali li jirriżultaw mir-reat intenzjonali vjolenti li kien vittma tiegħu u li dan tal-aħħar ma kienx kiseb kumpens min-naħa ta’ sorsi oħra, iċ-CICT tatu, ex gratia, somma ta’ EUR 645.62 għall-ispejjeż (out-of-pocket expenses) sostnuti minnu li jirriżultaw direttament minn dan ir-reat. Wara talba ta’ LD f’dan is-sens, din il-qorti pprovdietlu tqassim tal-ammont tal-kumpens mogħti, filwaqt li ppreċiżat li LD kien ingħata somma ta’ EUR 44.20 għas-sostituzzjoni tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu, EUR 339 għas-sostituzzjoni tan-nuċċali tiegħu, EUR 28.82 għax-xiri ta’ prodotti mediċinali, EUR 100 bħala spejjeż tal-isptar u EUR 133.63 għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

14

Fit‑2 ta’ Awwissu 2019, LD ippreżenta rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu huwa jitlob b’mod partikolari, minn naħa, dikjarazzjoni li l-iskema ta’ kumpens lill-vittmi Irlandiżi hija inkompatibbli mad-Direttiva 2004/80 u/jew mal-Artikoli 1, 3, 4, 7 u 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn din l-iskema ma tipprevedix kumpens ġust u xieraq minħabba l-esklużjoni tad-danni ġenerali, inkluż għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba u, min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni li, bħala vittma tal-kriminalità, huwa għandu dritt għal kumpens għal dan l-uġigħ u għal din it-tbatija.

15

Il-qorti tar-rinviju tosserva, qabelxejn, li, ċertament, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑129/19, EU:C:2020:566), tipprovdi preċiżazzjonijiet utli fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80. Madankollu, din is-sentenza ma tippermettix li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk u sa fejn għandu jiġi previst kumpens ġust u xieraq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għal kontribuzzjoni għal kumpens għad-dannu kemm materjali kif ukoll morali mġarrab mill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenta, inklużi l-uġigħ u t-tbatija mġarrba. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mingħajr ebda ambigwità li, fid-dritt Irlandiż, l-uġigħ u t-tbatija jaqgħu taħt il-kategorija usa’ tad-dannu morali (non-material loss).

16

Sussegwentement, filwaqt li tfakkar il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam, il-qorti tar-rinviju tesponi li hija għandha dubji, li huma kondiviżi mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), dwar il-possibbiltà li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi nazzjonali dwar il-kumpens fir-rigward tad-dannu morali. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑129/19, EU:C:2020:566), ċertament ma ppreċiżatx liema ħsara jew dannu jista’ jiġi kklassifikat bħala dannu morali. Madankollu, hija tenfasizza li, skont l-interpretazzjoni tagħha stess ta’ din is-sentenza, minn naħa, l-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-terminu “tbatija” jimplika obbligu ta’ kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba, tal-inqas sa ċertu punt. Min-naħa l-oħra, ikun diffiċli li tiġi ammessa l-esklużjoni ta’ tali kumpens meta, skont l-imsemmija sentenza, il-kumpens previst mid-Direttiva 2004/80 għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi għall-vittma tar-reat imwettaq.

17

Fl-aħħar nett, din il-qorti tirreferi għar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal‑20 ta’ April 2009, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE dwar kumpens għal vittmi ta’ delitti [COM (2009) 170 finali], dwar il-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2006 u l‑31 ta’ Diċembru 2008, li jipprovdi li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri kienu jipprevedu, fil-kuntest tal-iskemi nazzjonali tagħhom, kumpens għall-mard u għall-ħsarat psikoloġiċi.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)]

L-obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva [2004/80] li jipprovdu ‘kumpens ġust u xieraq’ lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti, jeħtieġ li l-vittma tiġi kkumpensata kemm għad-dannu materjali kif ukoll għad-dannu morali fis-sens tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑129/19, EU:C:2020:566)?

[2)]

Jekk ir-risposta [għall-ewwel domanda] (a) hija fl-affermattiv, liema forom ta’ danni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘dannu morali’?

[3)]

B’mod partikolari, l-‘uġigħ u t-tbatija’ mġarrba minn vittma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘dannu morali’?

[4)]

Jekk ir-risposta [għall-ewwel u għat-tielet domanda] hija fl-affermattiv, peress li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-iskemi tagħhom ikunu finanzjarjament vijabbli, liema relazzjoni għandu jkollu l-‘kumpens ġust u xieraq’ li jingħata lil vittma skont id-Direttiva 2004/80 vis-à-vis d-danni kkawżati minħabba delitt li jingħataw lil din il-vittma kontra l-awtur rilevanti bħala l-awtur tad-delitt?

[5)]

Il-kumpens stabbilit għall-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti taħt is-[Skema ta’ Kumpens lill-Vittmi Irlandiżi] jista’ jitqies bħala ‘kumpens ġust u xieraq lill-vittmi’ fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jekk vittma tingħata s-somma ta’ EUR 645.65 bħala kumpens għal ferita serja fl-għajnejn li tirriżulta f’insuffiċjenza permanenti fil-vista?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti li, bħala prinċipju, teskludi, fir-rigward tad-dannu morali, kull kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba minn dawn il-vittmi.

20

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, permezz ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur ippreveda skema ta’ kumpens sussidjarja għall-kumpens li tali vittmi jistgħu jiksbu abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-awtur tar-reat.

21

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tal-imsemmija direttiva, hija ġiet adottata fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-konstatazzjoni li dawn il-vittmi spiss ma jirnexxilhomx jiġu kkumpensati mill-awtur tiegħu, jew għaliex dan tal-aħħar ma jkollux ir-riżorsi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti lill-vittma kumpens għad-danni, jew għaliex ma jistax jiġi identifikat jew mixli.

22

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, l-Istati Membri kollha huma obbligati jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevedu l-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom li tiggarantixxi kumpens ġust u xieraq.

23

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tagħti d-dritt li jinkiseb kumpens ġust u xieraq mhux biss lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll lill-vittmi li jirrisjedu abitwalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri, C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 55).

24

Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dan il-kumpens, fid-dawl, minn naħa, tal-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda kemm in-natura “ġusta u xierqa” tal-ammont tal-imsemmi kumpens kif ukoll il-modalitajiet tad-determinazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tal-iskemi nazzjonali, l-istess kumpens ma għandux neċessarjament jikkorrispondi għad-danni li jistgħu jingħataw, mill-awtur ta’ reat li jaqa’ taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti, lill-vittma ta’ dan ir-reat. Konsegwentement, il-kumpens previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 ma għandux neċessarjament jiżgura kumpens sħiħ għad-dannu materjali u morali mġarrab minn din il-vittma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene, C‑126/23, EU:C:2024:937, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-kuntest, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li stabbilixxew l-iskema ta’ kumpens ikkonċernata, li s-somma allokata lil vittma ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti bis-saħħa ta’ din l-iskema tikkostitwixxi kumpens ġust u xieraq, fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri, C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 61, u tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene, C‑126/23, EU:C:2024:937, punt 58).

26

Madankollu, Stat Membru jmur lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti minn din id-dispożizzjoni jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu kienu jipprevedu kumpens lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti purament simboliku jew manifestament insuffiċjenti fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi, lill-vittmi, tar-reat imwettaq (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri, C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 63, u tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene, C‑126/23, EU:C:2024:937, punt 59).

27

Fil-fatt, peress li l-kumpens mogħti lil tali vittmi jirrappreżenta kontribuzzjoni għall-kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab minnhom, tali kontribuzzjoni tista’ titqies li hija “ġusta u xierqa” biss jekk tikkumpensa, b’mod adegwat, it-tbatija li ġew esposti għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri, C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 64, u tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene, C‑126/23, EU:C:2024:937, punt 60).

28

Għalhekk, kumpens mogħti skont skema nazzjonali ta’ kumpens għal tali vittmi għandu, sabiex jiġi kklassifikat bħala “ġust u xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, jiġi stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-konsegwenzi, lill-vittmi, tar-reat imwettaq u, għaldaqstant, jirrappreżenta kontribuzzjoni adegwata għall-kumpens għal tali dannu materjali u morali mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri, C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 69, u tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene, C‑126/23, EU:C:2024:937, punt 62).

29

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-kumpens għad-dannu morali mġarrab minn dawn il-vittmi, għalkemm, ċertament, din id-dispożizzjoni ma tinkludix riferiment espliċitu għal tali dannu, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni wiesgħa tal-imsemmija dispożizzjoni bl-ebda mod ma tillimita l-portata tal-kumpens previst fiha fir-rigward tad-danni li hija tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġu kkumpensati.

30

Barra minn hekk, hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Burdene (C‑126/23, EU:C:2024:937), il-portata tal-kunċett ta’ “vittmi” kif jinsab fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, hija ċċarata bid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vittmi” stabbilit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/29, li jkopri “persuna fiżika li ġarrbet ħsara, inkluż [l-integrità ta’] dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali”. Issa, mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li tkopri kemm il-vittmi li kienu ġarrbu danni materjali kif ukoll dawk li kienu ġarrbu danni morali. B’mod partikolari, il-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tkopri l-integrità tal-ħsara kemm fiżika kif ukoll mentali jew emozzjonali jikkonferma li d-danni mġarrba minn dawn il-vittmi jkopru, ukoll, l-uġigħ u t-tbatija mġarrba minnhom.

31

Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma tista’ tiġi stabbilita ebda distinzjoni skont it-tipi ta’ danni li l-vittmi tar-reati mwettqa jistgħu jkunu ġarrbu jew il-konsegwenzi li għalihom dawn il-vittmi jistgħu jiġu esposti.

32

Anki jekk jitqies li l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/80 li, fil-verżjonijiet tiegħu b’mod partikolari bil-lingwa Franċiża u Rumena, jirreferi biss għal “danni fiżiċi”, tista’ tissuġġerixxi l-eżistenza ta’ tali distinzjoni, għandu jiġi rrilevat li, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, il-kelma “dannu” ma hija akkumpanjata minn ebda aġġettiv intiż li jillimita l-portata tagħha.

33

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ ta’ diverġenza bejn dawn id-diversi verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi parti minnha (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, minn naħa, ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2004/80 ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ ħsarat jew danni mġarrba mill-vittmi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

35

Min-naħa l-oħra, mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-integrità tal-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, hekk kif tindika l-premessa 14 tal-imsemmija direttiva, hija tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji affermati mill-ġdid b’mod partikolari mill-Karta. Issa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tal-Karta, l-integrità tal-persuna għandha tinftiehem bħala kemm fiżika kif ukoll mentali.

36

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kumpens previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandu jkun jista’, jekk ikun il-każ, jikkontribwixxi sabiex jiġi kkumpensat kull dannu morali, inkluż id-dannu għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba.

37

F’dan ir-rigward, hekk kif tirrileva, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-ħames domanda preliminari, aggressjoni kriminali vjolenti bħal dik imġarrba minn LD tista’ tagħti lok għal konsegwenzi gravi, kemm mill-perspettiva tad-dannu materjali kif ukoll tad-dannu morali, b’mod partikolari minħabba l-uġigħ u t-tbatija mġarrba, fejn dan għandu jiġi rifless fl-ammont mogħti.

38

Għalhekk, f’dan il-każ, il-kumpens għad-dannu mġarrab minn LD ma jistax, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jikkostitwixxi kumpens ġust u xieraq, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12(2), b’mod partikolari jekk dannu morali bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti kien ġie eskluż minnu, sa fejn dan il-kumpens ikopri biss parzjalment id-danni mġarrba mill-vittma tar-reat inkwistjoni u ma jistax, għalhekk, jitqies bħala li jieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi tiegħu għal din il-vittma.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti li, bħala prinċipju, teskludi, fir-rigward tad-dannu morali, kull kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba minn dawn il-vittmi. Minkejja n-neċessità li tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tal-iskemi nazzjonali dwar il-kumpens, b’mod li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jipprevedu kumpens sħiħ għad-dannu materjali u morali mġarrab mill-imsemmija vittmi, kumpens ġust u xieraq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ, fid-determinazzjoni ta’ tali kumpens, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi, lill-vittmi, tar-reati mwettqa kif ukoll il-kumpens li tali vittmi jistgħu jiksbu abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-awtur tar-reat.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi skema nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti li, bħala prinċipju, teskludi, fir-rigward tad-dannu morali, kull kumpens għall-uġigħ u għat-tbatija mġarrba minn dawn il-vittmi. Minkejja n-neċessità li tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tal-iskemi nazzjonali dwar il-kumpens, b’mod li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jipprevedu kumpens sħiħ għad-dannu materjali u morali mġarrab mill-imsemmija vittmi, kumpens ġust u xieraq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ, fid-determinazzjoni ta’ tali kumpens, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi, lill-vittmi, tar-reati mwettqa kif ukoll il-kumpens li tali vittmi jistgħu jiksbu abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-awtur tar-reat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.