7.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/384

tat-2 ta' Marzu 2017

li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM u l-listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti ungulati u ta' laħam frisk

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) u (4) u l-Artikolu 9(4)(c) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta' April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(e), u l-Artikolu 13(1)(e) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) jistabbilixxi, fost oħrajn, ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti kunsinni ta' annimali ħajjin, inklużi kunsinni ta' ungulati. Il-Parti 1 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn dawn il-kunsinni jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għal kunsinni bħal dawn minn ċerti pajjiżi terzi.

(2)

Il-parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 tistabbilixxi mudell ta' ċertifikat veterinarju għal annimali bovini domestiċi (inklużi l-ispeċi Bubalus u Bison u r-razez imħalltin tagħhom) maħsuba għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni wara l-importazzjoni (BOV-X), għal annimali ovini u kaprini domestiċi (Ovis aries u Capra hircus) maħsuba għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni wara l-importazzjoni (OVI-X), għal annimali ovini u kaprini domestiċi (Ovis aries u Capra hircus) maħsuba għall-qtil immedjat wara l-importazzjoni (OVI-Y) u għal annimali tal-ordni Artiodactyla (minbarra annimali bovini (inklużi l-ispeċi Bubalus u Bison u r-razez imħalltin tagħhom), Ovis aries, Capra hircus, Suidae u Tayassuidae), u tal-familji Rhinocerotidae u Elephantidae (RUM). Dawk iċ-ċertifikati jinkludu garanziji għall-marda tal-bluetongue li hija marda virali tar-ruminanti li ma titteħidx u tiġi trażmessa minn ċerti speċi tal-pappamoski Culicoides.

(3)

Parti mit-territorju tal-Kanada (CA-1) hija elenkata fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala awtorizzata għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ċerti annimali ungulati skont il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM.

(4)

Il-Kanada talbet li tiġi rikonoxxuta bħala staġjonalment ħielsa mill-marda tal-bluetongue. Għal dak l-għan, il-Kanada pprovdiet informazzjoni li turi li l-kundizzjonijiet tat-temp fil-Kanada, bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju, ma jippermettux iċ-ċirkolazzjoni tal-ispeċi Culicoides li jistgħu jittrażmettu l-vajrus tal-marda tal-bluetongue.

(5)

L-informazzjoni pprovduta mill-Kanada hija konformi mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) biex turi li hija staġjonalment ħielsa mill-marda tal-bluetongue kif ukoll mar-rekwiżiti tal-Unjoni (4) li japplikaw għall-movimenti ta' annimali suxxettibbli fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kanada tingħata r-rikonoxximent tal-istatus staġjonalment ħielsa mill-marda tal-bluetongue b'perjodu ħieles mill-marda tal-bluetongue bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju.

(6)

Ir-reġjonalizzazzjoni attwali tal-Kanada fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 tirrifletti li parti biss mill-Kanada ġiet milquta mill-marda tal-bluetongue. Madankollu, billi l-istatus staġjonalment ħieles huwa applikabbli għat-territorju kollu tal-Kanada, jenħtieġ li titħassar id-distinzjoni bejn iż-żoni.

(7)

Għaldaqstant, il-lista stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tiġi stabbilita l-kundizzjoni speċifika għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti annimali ungulati li huma suxxettibbli għall-marda tal-bluetongue, minn pajjiż jew territorju bi status staġjonalment ħieles mill-marda tal-bluetongue u, barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta' tali status ta' ħelsien għall-Kanada b'perjodu ħieles mill-marda tal-bluetongue bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju. Il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM stabbiliti fil-Parti 2 ta' dak l-Anness jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġu introdotti l-attestazzjonijiet rilevanti tas-saħħa tal-annimali għal annimali li joriġinaw minn pajjiż jew territorju staġjonalment ħieles mill-marda tal-bluetongue.

(8)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, l-annotazzjoni għall-Bangladesh fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jenħtieġ li titħassar minħabba li ma baqgħetx tapplika fis-17 ta' Awwissu 2015.

(9)

Fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, il-garanzija supplimentari A tirreferi għal ċerti punti fil-mudell taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X u RUM. Billi dawk ir-referenzi ma jirreferux għall-punti korretti fiċ-ċertifikati, jenħtieġ li dan jiġi emendat għal raġunijiet ta' ċarezza.

(10)

Barra minn hekk, fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju OVI-Y, l-attestazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-punt II.2.6 dwar l-iscrapie hija skaduta u jenħtieġ li tiġi emendata b'mod li tissodisfa r-rekwiżiti għall-importazzjonijiet ta' annimali ovini u kaprini stipulati fil-Kapitolu E tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk ta' ċerti annimali ungulati. Il-Parti 1 tal-Anness II ta' dak ir-Regolament tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn dawn il-kunsinni jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni, kif ukoll il-mudell taċ-ċertifikati veterinarji li jikkorrispondu mal-kunsinni kkonċernati u l-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa għall-introduzzjoni minn ċerti pajjiżi terzi.

(12)

Il-Bożnija-Ħerzegovina talbet li tkun awtorizzata tagħmel tranżitu ta' laħam frisk ta' annimali bovini domestiċi mill-Bulgarija, biex tesporta dan il-laħam frisk tal-bovini lejn it-Turkija. Il-Bożnija-Ħerzegovina hija diġà elenkata fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk. Għall-annotazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina f'dik il-lista, il-mudell speċifiku taċ-ċertifikat veterinarju għall-introduzzjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk ta' annimali bovini domestiċi (BOV) mhuwiex stipulat, għalhekk tali tranżitu mill-Unjoni jew l-importazzjoni fl-Unjoni bħalissa mhuwiex awtorizzat.

(13)

Il-Bożnija-Ħerzegovina hija rikonoxxuta mill-OIE bħala pajjiż ħieles mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer mingħajr tilqim (6) u għaldaqstant tikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi għas-saħħa tal-annimali għall-mudell taċ-ċertifikat veterinarju BOV. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' laħam frisk ta' annimali bovini domestiċi mill-Bożnija-Ħerzegovina, iżda din għandha tkun limitata biss biex tippermetti t-tranżitu ta' tali laħam frisk mill-Bulgarija lejn it-Turkija.

(14)

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija elenkata fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala pajjiż awtorizzat għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk ta' annimali ovini u kaprini domestiċi u annimali solipedi domestiċi. L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja talbet li tiġi awtorizzata tintroduċi fl-Unjoni laħam frisk ta' annimali bovini domestiċi. Billi dak il-pajjiż diġà jipprovdi garanziji suffiċjenti tas-saħħa tal-annimali, din jenħtieġ li l-introduzzjoni tiġi awtorizzata.

(15)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jiġu emendati kif xieraq.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 tas-26 ta' Ottubru 2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, tal-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-movimenti ta' ċerti annimali ta' speċi suxxettibbli għall-bluetongue (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(6)  http://www.oie.int/en/animal-health-in-the-world/official-disease-status/fmd/list-of-fmd-free-members/


ANNESS

L-Annessi I u II mar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huma mmodifikati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti 1 hija emendata kif ġej:

(i)

titħassar l-annotazzjoni għall-Bangladesh;

(ii)

titħassar in-nota f'qiegħ il-paġna (*******);

(iii)

l-annotazzjoni għall-Kanada tinbidel b'dan li ġej:

“CA — il-Kanada

CA-0

Il-pajjiż kollu

POR-X, BOV-X, OVI-X, OVI-Y, RUM (**)

 

IVb

IX

V

XIII (******)”

(iv)

in-nota f'qiegħ il-paġna (******) tinbidel b'dan li ġej:

“(******)

il-Kanada: il-perjodu staġjonalment ħieles mill-bluetongue huwa bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju, skont il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE.”;

(v)

f'Kundizzjonijiet Speċifiċi, tiżdied il-kundizzjoni speċifika “XIII” li ġejja:

“‘XIII’

:

it-territorju huwa rikonoxxut bħala uffiċjalment ħieles mill-bluetongue għal skopijiet ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni ta' annimali ċċertifikati skont il-mudell taċ-ċertifikat BOV-X, OVI-X, OVI-Y jew RUM.”

(b)

Il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(i)

fil-GS (Garanziji supplimentari), il-garanzija supplimentari “A” tinbidel b'dan li ġej:

“‘A’

:

garanziji dwar testijiet għall-bluetongue u għall-marda Epiżootika emorraġika fuq annimali ċċertifikati skont il-mudell taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X (il-punt II.2.1(d)), OVI-X (il-punt II.2.1.(d)) u RUM (il-punt II.2.1.(c)).”

(ii)

il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju BOV-X jinbidel b'dan li ġej:

“ Il-Mudell BOV-X

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni
Image 3
Test ta 'immaġni
Image 4
Test ta 'immaġni
Image 5
Test ta 'immaġni
Image 6
Test ta 'immaġni
Image 7
Test ta 'immaġni ”

(iii)

il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju OVI-X jinbidel b'dan li ġej:

“ Il-Mudell OVI-X

Image 8
Test ta 'immaġni
Image 9
Test ta 'immaġni
Image 10
Test ta 'immaġni
Image 11
Test ta 'immaġni
Image 12
Test ta 'immaġni
Image 13
Test ta 'immaġni
Image 14
Test ta 'immaġni ”

(iv)

il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju OVI-Y jinbidel b'dan li ġej:

“ Il-Mudell OVI-Y

Image 15
Test ta 'immaġni
Image 16
Test ta 'immaġni
Image 17
Test ta 'immaġni
Image 18
Test ta 'immaġni
Image 19
Test ta 'immaġni ”

(v)

il-Mudell taċ-ċertifikat veterinarju RUM jinbidel b'dan li ġej:

“ Il-Mudell RUM

Image 20
Test ta 'immaġni
Image 21
Test ta 'immaġni
Image 22
Test ta 'immaġni
Image 23
Test ta 'immaġni
Image 24
Test ta 'immaġni
Image 25
Test ta 'immaġni
Image 26
Test ta 'immaġni ”

(2)

Il-Parti 1 tal-Anness II qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

L-annotazzjoni għall-Bożnija-Ħerzegovina tinbidel b'dan li ġej:

“BA — Il-Bożnija-Ħerzegovina (8)

BA-0

Il-pajjiż kollu

BOV”

 

 

 

 

(b)

Tiżdied in-nota f'qiegħ il-paġna li ġejja:

“(8)

Għat-tranżitu ta' kunsinni ta' laħam frisk ta' annimali bovini domestiċi li jgħaddu mill-Bulgarija lejn it-Turkija biss.”

(c)

l-annotazzjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tinbidel b'dan li ġej:

“MK — L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (4)

MK-0

Il-pajjiż kollu

BOV, OVI, EQU”