European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/6005

12.11.2026

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza għal ċerti sistemi tal-IA skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2024/1689 (“l-Att dwar l-IA”)

(C/2026/6005)

Werrej

1.

SFOND U OBJETTIVI 3

2.

ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OBBLIGI TA’ TRASPARENZA U SUĠĠETTI ORIZZONTALI 3

2.1.

Ħarsa ġenerali lejn l-obbligi ta’ trasparenza fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA 3

2.2.

Raġunament u objettivi 4

2.3.

Atturi responsabbli skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA 5

2.4.

Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-AI 7

2.4.1.

Implimentaturi li jaġixxu fil-kuntest ta’ attività purament personali u mhux professjonali 7

2.4.2.

Riċerka u Żvilupp 8

2.4.3.

Sistemi tal-IA rilaxxati b’liċenzji liberi u b’sors miftuħ 8

2.5.

Interazzjoni mal-prattiki pprojbiti, mar-rekwiżiti għas-sistemi tal-IA b’riskju għoli u għal-litteriżmu fl-IA 9

2.6.

Interazzjoni mar-regoli applikabbli għal mudelli u/jew għal sistemi tal-IA bi skop ġenerali 9

3.

ARTIKOLU 50(1) TAL-ATT DWAR L-IA: TRASPARENZA GĦAL SISTEMI TAL-IA INTERATTIVI 9

3.1.

Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati 10

3.1.1.

Sistemi tal-IA maħsuba biex jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi 10

3.1.2.

Obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA 12

3.2.

Eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA 14

3.2.1.

Eċċezzjoni għal interazzjoni ovvja ma’ sistema tal-IA 14

3.2.2.

Eċċezzjoni għas-sistemi tal-IA awtorizzati bil-liġi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi 16

3.3.

Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni 17

4.

ARTIKOLU 50(2) TAL-ATT DWAR L-IA: IMMARKAR U IDENTIFIKAZZJONI TA’ KONTENUT IĠĠENERAT JEW IMMANIPULAT MILL-IA 18

4.1.

Komponenti u kunċetti ewlenin tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA 18

4.1.1.

Sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw kontenut sintetiku 18

4.1.2.

Modalitajiet ta’ kontenut sintetiku fil-kamp ta’ applikazzjoni 19

4.1.3.

Kontenut li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA 20

4.2.

L-obbligu tal-immarkar u tal-identifikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA 21

4.2.1.

L-obbligu tal-immarkar 21

4.2.2.

L-obbligu ta’ identifikazzjoni 22

4.2.3.

Konformità mar-rekwiżiti għas-soluzzjonijiet tekniċi: effettivi, interoperabbli, robusti u affidabbli 22

4.3.

Eċċezzjonijiet għall-obbligi skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA 24

4.4.

Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni 25

5.

ARTIKOLU 50(3) TAL-ATT DWAR L-IA: SISTEMI TA’ RIKONOXXIMENT TAL-EMOZZJONIJIET U SISTEMI TA’ KATEGORIZZAZZJONI BIJOMETRIKA 26

5.1.

Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati skont l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA 27

5.1.1.

Il-kunċett ta’ sistema ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet 27

5.1.2.

Il-kunċett ta’ sistema ta’ kategorizzazzjoni bijometrika 27

5.1.3.

L-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA 27

5.2.

Eċċezzjoni għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi 28

5.3.

Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni 28

6.

ARTIKOLU 50(4): TIKKETTAR TA’ DEEPFAKES U TA’ ĊERTI PUBBLIKAZZJONIJIET TAT-TEST 28

6.1.

Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati għad-deepfakes skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA 28

6.1.1.

Il-kunċett ta’ “deepfake” 29

6.1.2.

L-obbligu ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA 31

6.1.3.

Trasparenza ta’ kontenut deepfake artistiku, kreattiv, satiriku, fittizju jew analogu 32

6.1.4.

Eċċezzjoni għall-infurzar tal-liġi 34

6.1.5.

Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni 34

6.2.

Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati għal test iġġenerat jew immanipulat mill-IA skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA 35

6.2.1.

Test ippubblikat bl-iskop li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku 36

6.2.2.

L-obbligu ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA 37

6.2.3.

Eċċezzjoni mill-obbligu ta’ trasparenza għat-test taħt rieżami mill-bniedem jew kontroll editorjali u responsabbiltà editorjali 37

6.2.4.

Eċċezzjoni għall-infurzar tal-liġi 38

6.2.5.

Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni 39

7.

REKWIŻITI ORIZZONTALI APPLIKABBLI GĦALL-INFORMAZZJONI PPROVDUTA SKONT L-ARTIKOLU 50(5) TAL-ATT DWAR L-IA 39

7.1.

Għoti ta’ informazzjoni b’mod ċar u li jingħaraf 39

7.2.

L-ewwel interazzjoni jew esponiment 40

7.3.

Konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli 40

8.

INFURZAR TAL-ARTIKOLU 50 TAL-ATT DWAR L-AI 40

8.1.

Effetti tal-konformità ma’ kodiċi ta’ prattika vvalutat bħala adegwat 41

8.2.

Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq 42

8.3.

Penali 42

8.4.

Dħul fis-seħħ 42

9.

RIEŻAMI U AĠĠORNAMENT TAL-LINJI GWIDA 43

1.   SFOND U OBJETTIVI

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda ċerti regolamenti (“l-Att dwar l-IA”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2024 (1). L-Att dwar l-IA jistabbilixxi regoli armonizzati għall-introduzzjoni fis-suq, għat-tqegħid fis-servizz, u għall-użu tal-intelliġenza artifiċjali (“IA”) fl-Unjoni (2). L-għan tiegħu hu li jippromwovi l-innovazzjoni fl-IA affidabbli u l-adozzjoni tagħha, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza u tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, inklużi d-demokrazija u l-istat tad-dritt.

(2)

L-Att dwar l-IA jadotta approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li jikklassifika s-sistemi tal-IA f’erba’ kategoriji ta’ riskju differenti, li waħda minnhom hija s-sistemi tal-IA li joħolqu riskji għat-trasparenza u li huma soġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA. Dawn l-obbligi ta’ trasparenza japplikaw sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-IA, jiġifieri mit-2 ta’ Awwissu 2026.

(3)

Skont l-Artikolu 96(1)(d) tal-Att dwar l-IA, dawn il-Linji Gwida tal-Kummissjoni jinħarġu bl-għan li jservu bħala gwida prattika biex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll lill-fornituri u lill-implimentaturi tas-sistemi tal-IA, fl-iżgurar tal-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA b’mod konsistenti, effettiv, proporzjonat u uniformi.

(4)

L-abbozzar ta’ dawn il-Linji Gwida kien ibbażat fuq kontribut minn diversi partijiet ikkonċernati li nġabar matul konsultazzjoni wiesgħa organizzata mill-Kummissjoni u kontribut mill-Istati Membri fil-Bord għall-IA, kif ukoll kontribut mill-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz ta’ linji gwida li ġew ippubblikati għall-konsultazzjoni.

(5)

Dawn il-Linji Gwida ma humiex vinkolanti. Kwalunkwe interpretazzjoni awtorevoli tal-Att dwar l-AI tista’ fundamentalment tingħata biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QĠUE”).

2.   ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OBBLIGI TA’ TRASPARENZA U SUĠĠETTI ORIZZONTALI

2.1.   Ħarsa ġenerali lejn l-obbligi ta’ trasparenza fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA

(6)

L-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jinkludi erba’ obbligi ta’ trasparenza, li kull wieħed minnhom japplika għal tipi differenti ta’ sistemi tal-IA jew għall-outputs tagħhom.

Dispożizzjoni

Tip ta’ sistema/output tal-IA

Obbligu ta’ trasparenza

Eċċezzjonijiet jew reġimi speċjali

L-Art. 50(1)

Sistemi tal-IA li jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi

Il-fornituri jridu jiżviluppaw u jfasslu s-sistema tal-IA b’tali mod li l-persuni fiżiċi kkonċernati jiġu infurmati li jkunu qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA.

Eċċezzjonijiet 1) jekk l-oriġini artifiċjali tal-interazzjoni tkun ovvja, jew 2) is-sistema tkun awtorizzata bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, sakemm is-sistema ma tkunx disponibbli għall-pubbliku biex jirrapporta reat kriminali.

L-Art. 50(2)

Sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw kontenut sintetiku ta’ immaġni, vidjo, awdjo jew test

Il-fornituri jridu jiżguraw li l-outputs tas-sistema tal-IA jiġu mmarkati f’format li jinqara mill-magni u detettabbli bħala ġġenerati jew immanipulati b’mod artifiċjali b’soluzzjonijiet tekniċi li jkunu effettivi, interoperabbli, robusti u affidabbli.

Eċċezzjonijiet jekk 1) is-sistema tal-IA twettaq funzjoni ta’ assistenza għall-editjar standard jew ma tbiddilx b’mod sostanzjali d-data tal-input jew is-semantika tagħha, jew 2) is-sistema tal-IA hija awtorizzata bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

L-Art. 50(3)

Sistemi tal-IA ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet jew ta’ kategorizzazzjoni bijometrika

L-implimentaturi jridu jinfurmaw lill-persuni fiżiċi esposti għas-sistema dwar it-tħaddim tas-sistema tal-IA.

Eċċezzjoni jekk is-sistema tal-IA għandha l-permess bil-liġi li tidentifika, tipprevjeni jew tinvestiga reati kriminali.

L-Art. 50(4)

Sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw deepfake jew test ippubblikat biex jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku

L-implimentaturi jridu jiddivulgaw li l-kontenut ġie ġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali.

Eċċezzjonijiet jekk 1) is-sistema tal-IA tkun awtorizzata bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew 2) jekk il-pubblikazzjoni tat-test tkun għaddiet minn rieżami mill-bniedem jew kontroll editorjali u tkun soġġetta għar-responsabbiltà editorjali.

Reġim speċjali ta’ divulgazzjoni japplika għal deepfakes li jkunu parti minn xogħlijiet jew minn programmi artistiċi, kreattivi, fittizji, satiriċi jew analogi.

(7)

Kull wieħed minn dawn l-erba’ obbligi jiġi eżaminat fit-Taqsimiet minn 3 sa 6 ta’ dawn il-Linji Gwida. Barra minn hekk, l-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 4 tiegħu għandha tiġi pprovduta lill-persuni fiżiċi kkonċernati b’mod ċar u li jingħaraf mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel interazzjoni jew esponiment u tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. It-Taqsima 7 tiċċara dawn ir-rekwiżiti.

(8)

Id-diversi obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jistgħu japplikaw b’mod kumulattiv għal (l-output ta’) sistema waħda tal-IA, li tista’ tinvolvi r-responsabbiltà ta’ atturi differenti (fornituri jew implimentaturi). Pereżempju, jekk sistema tal-IA tiġġenera immaġnijiet bħala parti minn interazzjoni diretta ma’ persuna fiżika, il-fornitur tas-sistema jista’ jkollu jikkonforma mal-Artikolu 50(1) kif ukoll (2) tal-Att dwar l-IA. Meta dik is-sistema tkun tista’ tiġġenera wkoll immaġnijiet li jikkostitwixxu deepfakes jew test ippubblikat dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, l-implimentatur jista’ jkollu jikkonforma wkoll mal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA.

2.2.   Raġunament u objettivi

(9)

Kif spjegat fil-Premessi 132-136 tal-Att dwar l-IA, l-iskop tal-obbligi ta’ trasparenza huwa li jitnaqqsu r-riskji ta’ personifikazzjoni, ta’ qerq, ta’ miżinformazzjoni, ta’ manipulazzjoni fuq skala, u ta’ frodi u li jittaffew l-impatti avversi potenzjali fuq il-proċessi demokratiċi u fuq il-fiduċja tas-soċjetà kkawżati minn kontenut jew minn interazzjoni ġġenerata jew immanipulata mill-IA. L-għoti ta’ informazzjoni lill-individwi dwar l-interazzjoni u l-kontenut li jkunu ġejjin mill-IA se jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għas-salvagwardja tal-fiduċja u tal-integrità tal-ekosistema tal-informazzjoni. It-trasparenza ma hijiex biss rekwiżit ta’ konformità teknika iżda prerekwiżit biex il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jagħrfu l-interazzjonijiet u l-kontenut medjati mill-IA jew l-użu ta’ sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet jew ta’ kategorizzazzjoni bijometrika. L-iżgurar ta’ użu trasparenti u affidabbli ta’ sistemi tal-IA interattiva u ġenerattiva se jippermetti wkoll li jiġu rrispettati l-awtonomija personali u l-valuri Ewropej, id-dinjità tal-bniedem u drittijiet fundamentali oħra (eż. il-libertà tal-ħsieb, il-privatezza, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-proprjetà intellettwali, eċċ.), filwaqt li jiġu ppreservati wkoll il-libertà ta’ espressjoni u l-kredibbiltà tal-kontenut tal-media.

2.3.   Atturi responsabbli skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA

(10)

Skont l-Artikolu 3(3) tal-Att dwar l-IA, il-fornituri huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi, awtoritajiet pubbliċi, aġenziji jew korpi oħra li jiżviluppaw sistemi tal-IA jew li jiġu żviluppati sistemi tal-IA għalihom, u jintroduċuhom fis-suq tal-Unjoni, jew iqegħduhom fis-servizz bl-isem jew bit-trademark tagħhom stess, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas. Il-fornituri jridu jikkonformaw mal-obbligi ta’ trasparenza rilevanti fl-Artikolu 50(1) u (2) tal-Att dwar l-IA applikabbli għalihom, irrispettivament minn jekk ikunux stabbiliti jew ikunu jinsabu fl-Unjoni jew f’pajjiż terz (3). Il-fornituri li jkunu stabbiliti jew jinsabu barra mill-Unjoni huma soġġetti wkoll għall-Att dwar l-IA jekk l-output tas-sistema tal-IA tagħhom jintuża fl-Unjoni (4). Madankollu, l-użu downstream inċidentali, imprevedibbli jew mhux awtorizzat waħdu ma għandux jiskatta l-applikazzjoni tal-obbligi għal tali fornituri ta’ pajjiżi terzi ta’ sistemi tal-IA interattiva jew ġenerattiva li ma jiġux introdotti fis-suq jew ma jitqegħdux fis-servizz fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għas-setgħat għall-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tas-suq biex iqisu l-outputs tagħhom bħala mhux konformi mal-Att dwar l-IA.

(11)

Il-fornituri jridu jiżguraw li s-sistemi tal-IA interattiva jew ġenerattiva tagħhom ikollhom trasparenza inkorporata fit-tfassil u fit-tħaddim tas-sistema u jiżguraw li l-obbligi ta’ trasparenza rilevanti kollha fl-Artikoli 50(1), (2) u (5) tal-Att dwar l-IA jiġu ssodisfati mhux aktar tard minn meta dawk is-sistemi jiġu introdotti fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz. Il-persuni fiżiċi kollha li jinteraġixxu mas-sistema tal-IA jew li jkunu esposti għall-outputs tagħha fl-ambitu jridu jiġu infurmati b’mod effettiv u konsistenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema tal-IA, kif tiġi introdotta fis-suq jew titqiegħed fis-servizz minn dak il-fornitur (irrispettivament minn min ikunu l-implimentaturi jew utenti oħra tas-sistema).

Pereżempju, kumpanija tipprovdi applikazzjoni tal-IA ġenerattiva jew interattiva (eż. chatbot, ġeneratur tal-immaġnijiet, aġent ta’ IA) fis-suq tal-Unjoni b’isimha stess jew bit-trademark tagħha lill-konsumaturi, lill-utenti professjonali jew lil entitajiet legali oħra li jistgħu jużaw direttament is-sistema tal-IA għall-interazzjoni jew għall-ġenerazzjoni tal-kontenut (inkluż billi jintegraw is-sistema fil-proċessi eżistenti tagħhom u jużawha kif xieraq mingħajr il-ħtieġa ta’ modifiki jew ta’ komponenti addizzjonali). Il-kumpanija hija fornitur responsabbli għall-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza fl-Artikolu 50(1) u/jew (2) tal-Att dwar l-IA, irrispettivament minn jekk is-sistema tal-IA tkunx ipprovduta bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas u irrispettivament minn jekk il-fornitur ikunx stabbilit jew jinsabx fl-Unjoni jew f’pajjiż terz.

Eżempju ieħor ta’ fornitur huwa kumpanija jew organizzazzjoni oħra (eż. awtorità pubblika) li tkun żviluppat sistema tal-IA interattiva (eż. chatbot) internament u li tqegħidha fis-servizz fl-Unjoni għall-użu tagħha stess u b’isimha jew bit-trademark tagħha.

Jekk kumpanija tieħu sistema tal-IA ġenerattiva li tkun diġà teżisti u li tkun ġiet introdotta fis-suq minn fornitur ieħor u timmodifika dik is-sistema (eż. b’data ġdida għat-taħriġ), li mbagħad tqegħidha fis-servizz b’isimha jew bit-trademark tagħha, dik il-kumpanija ssir fornitur tas-sistema l-ġdida mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-fornitur tas-sistema tal-IA inizjali għal din tal-aħħar.

(12)

L-implimentaturi huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi, awtoritajiet pubbliċi, aġenziji jew korpi oħra li jużaw sistemi tal-IA fl-awtorità tagħhom, sakemm l-użu ma jkunx għal attività personali u mhux professjonali (5). L-“awtorità” fuq sistema tal-IA għandha tinftiehem bħala dik li tieħu r-responsabbiltà fuq id-deċiżjoni li tiġi implimentata s-sistema u fuq il-mod tal-użu reali tas-sistema (inklużi l-outputs tagħha). Dan mhux neċessarjament jirrikjedi kontroll tekniku fuq it-tħaddim tas-sistema tal-IA, sakemm l-implimentatur jieħu d-deċiżjoni għal liema skopijiet u kif tintuża s-sistema tal-IA (inkluż fi flussi tax-xogħol deċentralizzati u fi strutturi korporattivi ta’ grupp). L-implimentaturi involuti fi ktajjen tal-valur kumplessi tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-kontenut għandhom jieħdu miżuri proporzjonati biex jiżguraw li t-tikkettar tal-kontenut li jkunu implimentaw skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA jintwera b’mod ċar u li jingħaraf għall-udjenza mmirata u prevedibbli fil-mument tal-ewwel esponiment f’konformità mal-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA (eż. permezz ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali ma’ sħab li jiddistribwixxu l-kontenut, settings tal-esperjenza tal-utent (UX) u interfaċċi li għandhom jintwerew).

(13)

L-implimentaturi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza tal-Artikolu 50(3) u (4) tal-Att dwar l-IA jekk il-post ta’ stabbiliment jew il-post tagħhom ikun fl-Unjoni, jew jekk ikunu stabbiliti jew jinsabu f’pajjiż terz fejn l-output tas-sistema tal-IA jintuża fl-Unjoni (6). Fil-każ tal-aħħar, l-obbligi ta’ trasparenza japplikaw għal entitajiet li jkunu jinsabu jew ikunu stabbiliti barra mill-Unjoni, fejn l-implimentatur innifsu jipprevedi d-disseminazzjoni u l-użu tal-outputs tal-IA fl-Unjoni (jiġifieri billi jmexxi jew jawtorizza d-distribuzzjoni fl-Unjoni, inkluż billi jippowstja deepfakes fuq l-internet aċċessibbli globalment). Madankollu, l-implimentaturi ta’ pajjiżi terzi ma humiex marbuta bl-obbligi ta’ trasparenza meta l-kontenut tas-sistema tal-IA jilħaq udjenzi fl-Unjoni permezz ta’ kanali li jkunu imprevedibbli u barra mill-kontroll tagħhom.

(14)

Meta l-implimentatur ta’ sistema tal-IA jkun persuna ġuridika li taħt l-awtorità tagħha tintuża s-sistema (eż. kumpanija tar-reklamar), l-impjegati individwali li jaġixxu skont l-istruzzjonijiet u taħt il-kontroll ta’ dik il-persuna ġuridika (eż. animaturi diġitali, disinjaturi tal-web, ħallieqa ta’ kontenut, ġurnalisti) ma għandhomx jitqiesu bħala implimentaturi separati għal dik is-sistema. Persuna ġuridika tibqa’ wkoll implimentatur anke jekk tkun tinvolvi partijiet terzi (eż. kuntratturi, ħaddiema indipendenti) fit-tħaddim tas-sistema f’isimha u taħt ir-responsabbiltà u taħt il-kontroll tagħha.

Pereżempju, organu tax-xandir stabbilit fl-Unjoni, li l-edituri tiegħu jużaw sistema tal-IA biex jappoġġaw il-kopertura bil-miktub tagħhom tal-ġrajjiet kurrenti b’pubblikazzjonijiet testwali ġġenerati mill-IA dwar kwistjonijiet ta’ interessi pubbliċi ppowstjati fuq sit web aċċessibbli globalment, huwa implimentatur li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-IA. Bl-istess mod, kumpanija stabbilita f’pajjiż terz li tuża sistema tal-IA biex tiġġenera deepfake ta’ personalità magħrufa li tidher f’reklam muri fl-Unjoni hija wkoll implimentatur li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-IA.

B’kuntrast ma’ dan, kumpanija li sempliċement tikkummissjona aġenzija tar-reklamar biex tipproduċi reklam, mingħajr ma tieħu deċiżjonijiet u teżerċita kontroll fuq jekk u kif l-aġenzija tar-reklamar tuża l-IA fil-proċess tal-produzzjoni, ma hijiex implimentatur.

(15)

L-operaturi (eż. fornituri u implimentaturi) jistgħu jaqdu aktar minn rwol wieħed fl-istess ħin fir-rigward ta’ sistema tal-IA. Pereżempju, kumpanija tista’ tiżviluppa sistema tal-IA ġenerattiva interna u tużaha għall-ġenerazzjoni tad-deepfakes. F’każ bħal dan, din tikkwalifika kemm bħala fornitur kif ukoll bħala implimentatur li jrid jiżgura l-konformità mal-obbligi tal-immarkar li jinqara mill-magni skont l-Artikolu 50(2) u r-rekwiżiti għal tikkettar ċar u perċepibbli tad-deepfakes skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA.

(16)

B’kuntrast ma’ dan, atturi oħra (bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, inklużi pjattaformi online, jew xandara) li r-rwol tagħhom ikun limitat għad-disseminazzjoni jew għat-trażmissjoni ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA maħluq minn partijiet terzi, jew li jirċievu kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA jew li jkunu esposti għalih mingħajr ma jkollhom awtorità dwar l-użu tas-sistema tal-IA għall-fini tal-ġenerazzjoni jew tal-manipulazzjoni tal-kontenut tal-IA, ma humiex implimentaturi skont it-tifsira tal-Att dwar l-IA. Mingħajr ma jkunu responsabbli u responsabbli skont l-Att dwar l-IA, dawk l-atturi xorta jista’ jkollhom rwol importanti fil-katina tal-valur biex jippreservaw il-fiduċja u l-integrità tal-ekosistema tal-informazzjoni. Għalhekk, huma mħeġġa bil-qawwa biex jippreservaw l-immarkar u t-tikkettar implimentati skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA u jimplimentaw miżuri proporzjonati u teknikament fattibbli biex il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jidentifikaw il-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-fornituri u tal-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA ġenerattiva jew kwalunkwe obbligu jew responsabbiltà skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jew id-“DSA”) (7) jew liġi oħra applikabbli tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

(17)

Anki atturi oħrajn li jaġixxu fil-kapaċità professjonali tagħhom u jxerrdu l-kontenut (anke jekk ma jkunux involuti direttament skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA) huma mħeġġa jieħdu miżuri proporzjonati u xierqa, sabiex il-persuni fiżiċi li fl-aħħar mill-aħħar ikunu esposti għall-kontenut ikunu infurmati b’mod effettiv u jkunu jistgħu jidentifikaw l-oriġini tiegħu ġġenerata jew immanipulata b’mod artifiċjali. Barra minn hekk, dawn il-partijiet jistgħu jkunu meħtieġa li jittikkettaw id-deepfakes jew il-pubblikazzjonijiet tat-test rispettivi dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku skont regoli legali jew deontoloġiċi applikabbli oħra (eż. xandar li jittikketta u li juri bħala parti minn programm tat-TV deepfake maħluq minn persuna privata). Madankollu, is-sempliċi fatt li attur jittikketta l-kontenut jew juża kontenut ittikkettat ma jfissirx li dan tal-aħħar jikkwalifika bħala “implimentatur” skont it-tifsira tal-Att dwar l-IA. L-Att dwar l-IA la jestendi u lanqas jaffettwa r-responsabbiltà legali ta’ dawk l-atturi skont l-oqfsa legali applikabbli, jekk ma jikkwalifikawx fl-istess ħin bħala fornituri jew implimentaturi ta’ sistemi tal-IA.

2.4.   Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-AI

(18)

L-Artikolu 2 tal-Att dwar l-IA jipprovdi għadd ta’ esklużjonijiet ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-IA li diġà ġew iċċarati fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-prattiki pprojbiti tal-intelliġenza artifiċjali (8). Għaldaqstant, din it-taqsima se tindirizza biss dawk l-aspetti li huma rilevanti għall-obbligi ta’ trasparenza fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA.

2.4.1.   Implimentaturi li jaġixxu fil-kuntest ta’ attività purament personali u mhux professjonali

(19)

Skont l-Artikolu 2(10) tal-Att dwar l-IA, ir-regolament “ma japplikax għall-obbligi ta’ implimentaturi li huma persuni fiżiċi li jużaw sistemi tal-IA waqt attività purament personali mhux professjonali” (9). Kwalunkwe attività li biha persuni fiżiċi jiksbu benefiċċju ekonomiku b’mod regolari jew ikunu involuti b’xi mod ieħor f’attività professjonali, ta’ negozju, kummerċjali, okkupazzjonali jew indipendenti għandha titqies bħala attività “professjonali”. L-ispeċifikazzjoni ta’ “purament personali” hija kwalifikatur mhux professjonali, li jfisser li l-persuna għandha taġixxi kemm f’kapaċità personali kif ukoll f’kapaċità mhux professjonali biex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni. Kwalunkwe użu minn persuni fiżiċi li jaġixxu f’isem l-awtorità ta’ implimentatur jew taħt l-awtorità ta’ implimentatur li jaġixxi f’kapaċità professjonali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza tal-implimentatur professjonali stabbiliti fl-Artikolu 50(3) u (4) tal-Att dwar l-IA.

Eżempji ta’ użu personali mhux professjonali tas-sistemi tal-IA esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni:

—

individwi li jużaw sistema tal-IA biex jiġġeneraw deepfakes tal-membri tal-unità domestika tagħhom;

—

individwi li jużaw sistema tal-IA fil-kapaċità personali li jiġġeneraw test fuq diversi suġġetti (eż. studenti li jużaw l-IA biex jagħmlu x-xogħol tad-dar tagħhom);

—

individwi li jużaw sistema tal-IA fil-kapaċità personali tagħhom biex jiġġeneraw deepfakes imxerrda fuq il-media soċjali;

(20)

L-esklużjoni fl-Artikolu 2(10) tal-Att dwar l-AI tapplika biss fir-rigward tal-obbligi tal-implimentaturi meta jużaw is-sistema għal attivitajiet purament personali u mhux professjonali. Bħala tali, is-sistema tibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-IA fir-rigward tal-obbligi tal-fornituri li jintroduċu s-sistema fis-suq jew iqegħduha fis-servizz u tal-implimentaturi li jużaw is-sistema għall-użu professjonali. L-eċċezzjoni hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ liġi rilevanti oħra tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Pereżempju, il-fornitur tas-sistema tal-IA użata biex tiġġenera deepfakes li jidhru fuq kartolina personali tal-Milied għandu jimmarka dawk id-deepfakes b’mod li jinqara mill-magni f’konformità mal-obbligu ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA. Fl-istess ħin, l-użu tas-sistema minn persuni fiżiċi għal attivitajiet purament personali u mhux professjonali mhux se jkun kopert mill-obbligu ta’ implimentatur stabbilit fl-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA.

2.4.2.   Riċerka u Żvilupp

(21)

L-Artikolu 2(6) tal-Att dwar l-IA jipprevedi esklużjoni għal sistemi tal-IA jew għal mudelli tal-IA, inklużi l-outputs tagħhom, speċifikament żviluppati u mqiegħda fis-servizz għall-iskop uniku tar-riċerka u tal-iżvilupp xjentifiċi. Dik l-esklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-istandards etiċi tar-riċerka applikabbli u għall-protezzjoni tad-data u għal leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA, din l-esklużjoni tkopri mhux biss is-sistemi tal-IA interattiva, iżda wkoll l-outputs tas-sistemi tal-IA ġenerattiva (inkluż kontenut deepfake) użati fil-kuntest tar-riċerka xjentifika. Madankollu, jekk dawk is-sistemi jitqiegħdu fis-servizz jew l-outputs tagħhom ikunu qed jintużaw għal skopijiet oħra għajr għall-iskop uniku tar-riċerka u tal-iżvilupp xjentifiċi, l-obbligi ta’ trasparenza rilevanti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA xorta jkunu jridu jiġu rrispettati.

Pereżempju, jekk ir-riċerkaturi jiżviluppaw u jintroduċu fis-suq jew iqiegħdu fis-servizz sistema tal-IA interattiva u jixtiequ jinvestigaw jekk il-persuni fiżiċi jkunux kapaċi jiddistingwu bejn is-sistemi tal-IA u l-bnedmin meta jinvolvu ruħhom f’interazzjoni mitkellma ma’ dik is-sistema tal-IA, ma għandhomx bżonn jimplimentaw l-obbligi ta’ trasparenza rispettivi skont l-Artikolu 50(1) u (2) tal-Att dwar l-IA. Madankollu, jekk l-istess sistema tal-IA interattiva titqiegħed ukoll fis-servizz għal skopijiet oħra għajr ir-riċerka u l-iżvilupp, l-obbligi ta’ trasparenza rilevanti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jeħtieġ li jiġu rrispettati.

(22)

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(8) tal-Att dwar l-IA jeskludi attivitajiet ta’ riċerka, ta’ ttestjar jew ta’ żvilupp fir-rigward ta’ sistemi tal-IA jew ta’ mudelli tal-IA qabel ma jiġu introdotti fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz. L-ittestjar f’kundizzjonijiet tad-dinja reali (ġewwa jew barra minn ambjenti sperimentali regolatorji għall-IA) ma huwiex kopert minn dik l-esklużjoni. Barra minn hekk, ladarba sistema tal-IA tiġi introdotta fis-suq jew titqiegħed fis-servizz bħala riżultat ta’ tali attivitajiet ta’ riċerka u ta’ ttestjar xorta għandha tikkonforma mal-obbligi ta’ trasparenza rilevanti skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA (10).

2.4.3.   Sistemi tal-IA rilaxxati b’liċenzji liberi u b’sors miftuħ

(23)

Skont l-Artikolu 2(12) tal-Att dwar l-IA, is-sistemi tal-IA rilaxxati taħt liċenzji liberi u b’ ors miftuħ huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-IA dment li ma jaqgħux taħt il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Att dwar l-IA jew l-obbligi ta’ trasparenza tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA, jew ma jkunux ikklassifikati bħala b’riskju għoli (11). Dan ifisser li l-fornituri u l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA b’sors miftuħ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA xorta jridu jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza rispettivi tagħhom.

(24)

B’kuntrast ma’ dan, il-fornituri ta’ komponenti tal-IA liberi u b’sors miftuħ li jkopru software, data, mudelli, għodod, servizzi jew proċessi għall-personalizzazzjoni u għall-integrazzjoni f’sistema tal-IA u li ma jikkostitwixxux fihom infushom sistema tal-IA (parzjalment jew għalkollox), ma humiex soġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA. Madankollu, il-fornituri ta’ tali sistemi jitħeġġu jfasslu dawk il-mudelli, il-komponenti u s-servizzi b’mod deskritt fil-punt 27 aktar ’il quddiem, sa fejn dan ikun proporzjonat u fattibbli.

2.5.   Interazzjoni mal-prattiki pprojbiti, mar-rekwiżiti għas-sistemi tal-IA b’riskju għoli u għal-litteriżmu fl-IA

(25)

Il-Premessa 137 tal-Att dwar l-IA tiċċara li l-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA għal sistema partikolari tal-IA ma tistax tiġi interpretata bħala li tindika li l-użu ta’ dik is-sistema tal-IA jew l-output tagħha huwa legali skont l-Att dwar l-IA. Għalhekk, b’mod partikolari, is-sistemi tal-IA soġġetti għall-obbligi fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 5 tal-Att dwar l-IA u jistgħu jiġu pprojbiti (eż. bħall-użu ta’ sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet fil-qasam tal-post tax-xogħol jew tal-istituzzjonijiet edukattivi) (12). Barra minn hekk, is-sistemi tal-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jistgħu jiġu kklassifikati wkoll bħala b’riskju għoli (13) u jkunu soġġetti għar-rekwiżiti u għall-obbligi rilevanti għal tali sistemi. Għalhekk, il-konformità mal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA ma tissostitwix, ma tillimitax u ma taffettwax l-obbligi li jirriżultaw skont dispożizzjonijiet oħra tal-Att dwar l-IA (14). Fl-istess ħin, is-sistemi tal-IA jistgħu jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA mingħajr ma jiġu kklassifikati bħala b’riskju għoli skont l-Artikolu 6 tal-Att dwar l-IA. Ir-rekwiżiti tal-litteriżmu skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar l-IA japplikaw ukoll kemm għall-fornituri kif ukoll għall-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA.

2.6.   Interazzjoni mar-regoli applikabbli għal mudelli u/jew għal sistemi tal-IA bi skop ġenerali

(26)

L-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA japplika għal ċerti sistemi tal-IA, li jinkludu sistemi tal-IA bi skop ġenerali (“sistemi tal-GPAI”) (15), bħal chatbots li jappoġġaw interazzjoni diretta ma’ persuni fiżiċi jew ma’ sistemi tal-IA li kapaċi jiġġeneraw jew jimmanipulaw kontenut sintetiku (inklużi deepfakes) (16).

(27)

L-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA ma japplikax b’mod espliċitu għall-mudelli tal-GPAI. Madankollu, jekk sistema tal-IA interattiva jew ġenerattiva li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) jew (2) tal-Att dwar l-IA tkun mibnija fuq mudell tal-GPAI pprovdut mill-istess fornitur, il-miżuri ta’ trasparenza stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida jkunu jistgħu jiġu implimentati wkoll fil-livell tal-mudell (ara wkoll it-Taqsima 4 aktar ’il quddiem). Barra minn hekk, filwaqt li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA, il-fornituri ta’ mudelli oħrajn tal-GPAI u ta’ mudelli oħra tal-IA ġenerattiva jitħeġġu wkoll jimplimentaw miżuri ta’ trasparenza xierqa fil-livell tal-mudell għall-identifikazzjoni ta’ sistemi tal-IA interattiva u għall-immarkar ta’ kontenut iġġenerat u mmanipulat mill-IA. Dan huwa ta’ benefiċċju b’mod partikolari biex tiġi ffaċilitata l-konformità mill-fornituri downstream tas-sistema tal-IA mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 50(1) u (2) tal-Att dwar l-IA (17) u jsir kontribut għall-iżgurar tal-fiduċja u tal-integrità tal-ekosistema tal-informazzjoni. Għall-mudelli tal-GPAI li joħolqu riskju sistemiku, il-miżuri ta’ sikurezza fil-livell tal-mudelli għall-identifikazzjoni tal-interazzjonijiet tal-IA u għall-immarkar ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA jistgħu, fejn xieraq, jikkostitwixxu parti minn sett usa’ ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni li l-fornituri jistgħu jieħdu bħala parti mill-obbligu tagħhom li jimmitigaw ir-riskji sistemiċi skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-Att dwar l-IA.

3.   ARTIKOLU 50(1) TAL-ATT DWAR L-IA: TRASPARENZA GĦAL SISTEMI TAL-IA INTERATTIVI

(28)

L-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA huwa indirizzat lill-fornituri ta’ sistemi tal-IA li jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi, li jridu jfasslu u jiżviluppaw is-sistemi tagħhom b’tali mod li l-persuni fiżiċi kkonċernati jiġu infurmati li jkunu qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA. Kif spjegat fil-Premessa 132 tal-Att dwar l-IA, il-fini ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni hija li dawk il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-outputs tas-sistema, biex tiġi evitata dipendenza żejda fuq sistemi bħal dawn, u biex dawk il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jikkalibraw il-fiduċja tagħhom fil-kontenut u fl-interazzjonijiet kif xieraq.

3.1.   Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati

(29)

L-obbligu ta’ trasparenza fl-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA japplika għall-fornituri ta’ sistemi tal-IA fejn is-sistema tkun maħsuba biex tinteraġixxi direttament ma’ persuni fiżiċi u dik l-interazzjoni ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet li ġejjin: (1) ikun ovvju mill-perspettiva ta’ persuna fiżika li tkun raġonevolment infurmata tajjeb, osservanti u prudenti, jew (2) li s-sistema tkun awtorizzata bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, sakemm is-sistema ma tkunx disponibbli għall-pubbliku biex jiġi rrapportat reat kriminali.

3.1.1.   Sistemi tal-IA maħsuba biex jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi

(30)

Iridu jkunu preżenti erba’ elementi biex sistema taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA: (i) is-sistema trid tkun sistema tal-IA, (ii) maħsuba biex tinteraġixxi, (iii) direttament, (iv) ma’ persuni fiżiċi.

(i)

Sistema tal-IA: Is-sistema trid tissodisfa l-elementi tad-definizzjoni ta’ sistema tal-IA (18), li teskludi mekkaniżmi sempliċi ta’ rispons awtomatizzat mhux bl-IA (eż. posta elettronika tradizzjonali ta’ meta persuna ma tkunx l-uffiċċju, tweġib rapidu ta’ messaġġi bbażat fuq ir-regoli).

(ii)

Maħsuba biex tinteraġixxi: Is-sistema tal-IA trid tkun maħsuba biex tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi. L-interazzjoni tinvolvi l-kapaċità ta’ skambju bidirezzjonali ta’ informazzjoni jew ta’ azzjonijiet bejn persuni fiżiċi u s-sistema tal-IA b’karattru ġenwin ta’ konverżazzjoni jew ta’ rispons. Dan jista’ jseħħ f’diversi forom (eż. forma udittiva, viżwali u fiżika). Il-persuni fiżiċi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu input (eż. test bil-miktub jew forom oħra ta’ kontenut, bil-vuċi, jew azzjonijiet fiżiċi) lis-sistema tal-IA (eż. permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni teknika li jinkludu interfaċċi online, bit-telefown jew bl-email, jew direttament), filwaqt li s-sistema tal-IA għandha tkun kapaċi tirrispondi b’output kuntestwali (inkluż kwalunkwe tip ta’ kontenut jew ta’ azzjonijiet) u viċi versa. L-interazzjoni tista’ tkopri kwalunkwe tip ta’ output jew format li jista’ jiġi pperċepit u mifhum mill-bnedmin. Ma għandux għalfejn jinbeda minn bniedem; jista’ jkopri wkoll il-kontenut jew l-azzjonijiet tal-IA li jwasslu għal rispons mill-bniedem. L-interazzjoni tista’ tkun skambju ta’ darba (eż. prompt wieħed segwit bi tweġiba waħda) jew isseħħ matul ċertu perjodu ta’ żmien (li jirrikorri). Is-sistemi li jiġbru data b’mod passiv biss u li ma humiex kapaċi jinvolvu ruħhom fi skambju ma’ persuni fiżiċi (eż. kontrolli tal-aċċess awtomatizzati għall-għarfien tal-wiċċ) jew li jiġbru biss feedback ta’ darba (eż. filtri tal-ispam), ma jitqisux li jinteraġixxu ma’ persuni fiżiċi.

(iii)

Interazzjoni diretta: L-interazzjoni bejn is-sistema tal-IA u l-persuni fiżiċi trid tkun diretta. Din tipikament tinvolvi interazzjoni f’ħin reali jew kważi f’ħin reali (inkluż permezz tal-kapaċitajiet tas-sistema li tikteb u tibgħat messaġġi lil persuni fiżiċi jew inkella tinteraġixxi mal-ambjent fiżiku jew virtwali li jista’ jiġi pperċepit minn persuni fiżiċi). L-interazzjoni diretta teskludi l-interazzjoni umana indiretta jew medjata fejn persuna fiżika tkun esposta għall-outputs tal-IA mingħajr ma tinteraġġixxi direttament mas-sistema (pereżempju, jekk ir-rappreżentanti tas-servizzi għall-klijenti jużaw għodod ta’ assistenza tal-IA biex jgħinuhom jikkomunikaw ma’ persuni fiżiċi jew jekk l-output tal-IA ma jkunx disponibbli għall-persuna mis-sistema tal-IA nnifisha, iżda minn persuna oħra li xxerred il-kontenut). Madankollu, is-sempliċi possibbiltà għall-bnedmin li jintervjenu jew jirrieżaminaw l-outputs tas-sistema tal-IA ma għandhiex tintuża biex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA. Il-każijiet ta’ prodotti u ta’ servizzi li jikkombinaw risposti ġġenerati mill-IA ma’ kontenut maħluq mill-bniedem jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA u jirrikjedu divulgazzjoni għall-outputs speċifiċi fl-interazzjoni li huma ġġenerati mill-IA, sakemm dawk l-outputs tal-IA ma jkunux ġew irrieżaminati u ntbagħtu kif xieraq mill-bnedmin bħala l-interlokuturi ewlenin mal-persuni fiżiċi.

(iv)

Ma’ persuni fiżiċi: L-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li s-sistema tal-IA tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi. Dawk il-persuni jistgħu jkunu implimentaturi professjonali, utenti oħra (li jużaw ukoll is-sistema għal attivitajiet purament personali) jew persuni oħra li jużaw is-sistema f’isimhom. Is-sistemi tal-IA li joperaw f’ambjent fiżiku magħluq (bħal parti minn struttura ta’ makkinarju industrijali), fil-komunikazzjonijiet backend bejn magna u oħra bejn is-sistemi tal-IA (inklużi l-aġenti ta’ IA) li l-outputs tagħhom ma humiex maħsuba biex jilħqu persuna fiżika, jew f’ambjenti virtwali mingħajr ebda kuntatt dirett ma’ persuni fiżiċi, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu.

(31)

L-aġenti ta’ IA huma koperti mill-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jekk ikunu kapaċi jinteraġixxu mal-persuni li jagħtuhom struzzjonijiet jew ma’ persuni fiżiċi oħra fl-eżekuzzjoni tal-kompiti (eż. l-prenotazzjoni, l-immaniġġar tal-korrispondenza, in-negozjar jew il-konklużjoni ta’ kuntratti, l-eżekuzzjoni ta’ xiri, eċċ.). L-aġenti ta’ IA jridu jitfasslu u jiġu żviluppati b’tali mod li jiddivulgaw kemm in-natura artifiċjali tagħhom kif ukoll il-persuna li f’isimha jkunu qed jaġixxu, filwaqt li titqies il-ħtieġa għat-trasparenza tal-oriġini u għad-delega tal-awtorità u tal-akkontabilità għall-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom. Dan jinkludi każijiet fejn l-aġenti ta’ IA jkunu kapaċi jinteraġixxu f’arkitetturi kumplessi b’diversi aġenti ma’ aġenti ta’ IA oħrajn li jinteraġixxu direttament mal-persuni fiżiċi fl-eżekuzzjoni tal-kompitu. Madankollu, mhux dejjem jista’ jkun possibbli għall-fornitur tal-aġent ta’ IA li jidentifika minn qabel każijiet individwali ta’ interazzjoni diretta ta’ aġent ta’ IA ma’ persuni fiżiċi oħra ladarba l-aġent ta’ IA jiġi implimentat f’kuntesti differenti. Meta l-fornitur ma jkunx jista’ jiddetermina b’mod affidabbli jekk l-aġent ta’ IA jkunx se jinteraġixxi direttament ma’ persuna fiżika qabel ma jintroduċi l-aġent ta’ IA fis-suq jew iqiegħdu fis-servizz, l-aġent għandu jitfassal fil-livell tal-arkitettura, u jingħata struzzjonijiet, biex jiddivulga lilu nnifsu bħala tali f’kull sitwazzjoni fejn ikun raġonevolment probabbli li l-aġent jista’ jinteraġixxi ma’ persuna fiżika (inkluż meta persuna fiżika tkun tista’ tirrappreżenta jew taġixxi għal entità ġuridika). Barra minn hekk, l-aġenti ta’ IA għandhom jiddivulgaw ukoll lilhom infushom, lill-persuni li jagħtuhom l-istruzzjonijiet f’passi kruċjali (eż. fil-punt tal-awtorizzazzjoni, tar-rapportar, tal-validazzjoni, eċċ., inkluż meta l-aġent ta’ IA implimentat jirċievi, jipproċessa, jew jiddependi fuq outputs iġġenerati minn sistemi tal-IA oħrajn aktar milli direttament minn persuna fiżika) u f’kull interazzjoni ġdida.

Eżempji ta’ sistemi tal-IA maħsuba biex jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA:

—

Assistenti bil-vuċi bbażati fuq l-IA, chatbots/aġenti li jikkomunikaw f’diversi kuntesti (eż. is-servizz pubbliku, l-appoġġ għall-klijenti, il-ġestjoni tal-ilmenti, il-kummerċ elettroniku, il-finanzi, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ.),

—

Hotline tal-IA għal inċidenti, frodi jew rapportar ieħor, robots/robots kollaborattivi (umanojdi), IA tal-kumpanija; annimali domestiċi robotiċi tal-kumpanija; avatars tal-IA (eż. f’ambjenti ta’ realtà virtwali),

—

Bots tal-IA fuq networks u media soċjali, aġenti tal-ikkowdjar u aġenti oħra ta’ IA li kapaċi jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi (inkluż f’arkitetturi kumplessi b’diversi aġenti).

3.2.1.

Eżempji ta’ sistemi tal-IA li ma jinteraġixxux direttament ma’ persuni fiżiċi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA:

—

Robots industrijali tradizzjonali bbażati fuq l-IA li joperaw f’ambjent industrijali magħluq u mhux maħsuba biex jinteraġixxu mal-bnedmin (eż. robots tal-assemblaġġ elettroniku),

—

Sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq l-IA, filtri tal-ispam, għodod tat-traduzzjoni awtomatika jew tat-traskrizzjoni,

—

Tiftix u rkupru ta’ informazzjoni bbażati fuq l-IA mingħajr ma jiġi ġġenerat jew immodifikat il-kontenut,

—

Tekniki tal-awtokompletar tat-test u tal-ikkowdjar bbażati fuq l-IA, sistemi ta’ awtentikazzjoni/rikonoxximent bijometriku, sistemi ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet fil-backend fejn l-utent jara biss l-output tal-IA mingħajr il-possibbiltà ta’ interazzjoni diretta mas-sistema;

—

Sistemi ta’ manutenzjoni predittiva u ottimizzazzjoni bbażati fuq l-IA fil-fabbriki u fl-applikazzjonijiet industrijali, viżwalizzazzjoni tal-prodotti assistita bl-IA (eż. prova virtwali, preżentazzjoni tal-kamra, apparenza realistika tal-prodott), għodod ta’ ppjanar tar-rotta b’interazzjoni waħda bbażati fuq l-IA, traskrizzjoni tat-telefonati tal-klijenti pproċessati għal analiżi tal-imġiba, eċċ.

3.1.2.   Obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA

(32)

L-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jobbliga lill-fornituri ta’ sistemi tal-IA li jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi biex jiżguraw li s-sistemi tal-IA tagħhom (inklużi l-aġenti ta’ IA u s-sistemi tal-GPAI) jitfasslu u jiġu żviluppati b’tali mod li l-persuni fiżiċi kkonċernati jiġu infurmati li qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA.

(33)

Filwaqt li l-mekkaniżmu li jinforma għandu jkun inkorporat fit-tfassil u fl-iżvilupp tas-sistema u fil-mod kif is-sistema tinteraġixxi mal-persuni fiżiċi, għandha tiġi pprovduta notifika matul it-tħaddim tas-sistema tal-IA u mhux aktar tard miż-żmien tal-ewwel interazzjoni mal-persuna fiżika (kif meħtieġ fl-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA, ara t-Taqsima 7 aktar ’il quddiem). Il-fornituri huma responsabbli biex jiżguraw li, wara l-introduzzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz tas-sistema tal-IA, il-persuni fiżiċi li jinteraġixxu mas-sistema tal-IA jkunu infurmati b’mod effettiv u konsistenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema tal-IA, kif tiġi introdotta fis-suq jew titqiegħed fis-servizz minn dak il-fornitur.2.2

(34)

Format tad-divulgazzjoni: L-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA ma jispeċifika l-ebda teknika ta’ divulgazzjoni partikolari. Għalhekk, il-fornituri jistgħu jagħżlu kwalunkwe teknika xierqa, sakemm jiġu ssodisfati żewġ rekwiżiti: (i) ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA jiġu ssodisfati fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni b’mod ċar u li jingħaraf mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel interazzjoni (ara t-Taqsima 7 aktar ’il quddiem); u (ii) il-karatteristiċi tal-persuni fiżiċi li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli minħabba l-età (eż. tfal jew anzjani) jew id-diżabbiltà tagħhom jitqiesu sal-punt li s-sistema tal-IA tkun maħsuba biex tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi jew li b’mod raġonevoli probabbli tinteraġixxi magħhom (eż. inkluż meta s-sistema tal-IA tkun raġonevolment probabbli li tinteraġixxi mal-pubbliku ġenerali) (19). L-informazzjoni trid tiġi pprovduta wkoll f’format aċċessibbli għall-persuni fiżiċi b’diżabbiltà, kif speċifikat fl-Artikolu 50(5) u fil-Premessa 132 tal-Att dwar l-IA (ara t-Taqsima 7). Meta s-sistema tista’ tinteraġixxi mat-tfal, dawk in-notifiki jridu jkunu adattati għat-tfal u għall-età, faċli biex jinftiehmu u faċilment aċċessibbli għat-tfal kollha, inklużi dawk b’diżabbiltà jew bi ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà addizzjonali. Meta jkunu disponibbli u xierqa, il-fornituri huma rakkomandati jużaw prattiki u tikketti standardizzati ta’ divulgazzjoni biex jiżguraw l-effettività u l-konsistenza tan-notifiki u jtejbu l-għarfien tal-utenti.

(35)

Sustanza tan-notifika: L-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li l-fornituri ta’ sistemi tal-IA interattiva jfassluhom u jiżviluppawhom b’mod li l-persuni fiżiċi kollha li jinteraġixxu ma’ tali sistemi tal-IA jkunu infurmati b’mod espliċitu dwar in-natura artifiċjali u mhux umana tal-kontroparti li tinteraġixxi magħhom. Jekk ikun prevedibbli b’mod raġonevoli għall-fornitur li s-sistema tal-IA tkun tista’ tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi li jagħmlu parti mill-gruppi vulnerabbli msemmija aktar ’il fuq, l-informazzjoni għandha tiġi adattata kif xieraq u pprovduta f’format aċċessibbli, kif meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli biex jiġi żgurat ukoll il-fehim sħiħ ta’ dawk il-persuni fiżiċi (20).

(36)

In-notifiki għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini artifiċjali tal-interazzjoni b’modi li huma xierqa għall-kuntest li fih isseħħ l-interazzjoni. Dan għandu jsir b’mod li jiżgura li l-persuni kkonċernati jkunu infurmati kif xieraq u b’mod effettiv, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ qerq jew ta’ manipulazzjoni qabel u matul l-interazzjoni, filwaqt li jiġu żgurati divulgazzjonijiet fattibbli u proporzjonati. Eżempji tal-għoti ta’ informazzjoni jinkludu notifiki bil-miktub (eż. chatbot li jibda konverżazzjoni billi jsemmi li huwa bbażat fuq it-teknoloġija tal-IA), mezzi viżivi (eż. posta elettronika ġġenerata minn aġent ta’ IA mibgħuta lil persuna fiżika, li jkollha tikketta tal-IA fil-parti ta’ fuq), mezzi udittivi (eż. assistent bil-vuċi li fil-bidu ta’ sessjoni jgħid li huwa bbażat fuq l-IA), divulgazzjoni ta’ identifikaturi tal-IA, u kredenzjali (eż. aġenti ta’ IA li jiddivulgaw l-identità tal-IA tagħhom sa fejn ikun fattibbli b’mod verifikabbli (21).

(37)

Format tan-notifiki: It-tfassil tas-sistema tal-IA b’approċċi ta’ divulgazzjoni multimodali u aċċessibbli huwa rrakkomandat bħala l-aħjar prattika. Tali notifiki jistgħu jikkombinaw tekniki differenti biex isaħħu l-fehim tal-utenti, fejn xieraq u skont il-kuntest u l-gruppi ta’ udjenza fil-mira u prevedibbli u r-riżorsi disponibbli tal-fornituri, b’mod partikolari l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs). Eżempji ta’ tekniki xierqa jistgħu jinkludu:

—

Divulgazzjoni testwali (abbażi tal-Interfaċċa tal-Utent (IU)): Tikketti jew strixxuni prominenti u b’lingwaġġ sempliċi (eż. “Qed tinteraġixxi ma’ sistema tal-IA”) u tislijiet tal-ewwel interazzjoni f’chatbots li jistgħu jiġu kkombinati, kif xieraq, ma’ badges jew ma’ tikketti persistenti viżibbli matul l-interazzjoni bħala proporzjonati għall-kuntest u għar-riskji speċifiċi. Barra minn hekk, huwa rrakkomandat li d-divulgazzjonijiet ta’ akkumpanjament jitqiegħdu qrib l-interfaċċa ta’ interazzjoni (eż. qrib il-kamp tal-input/tal-output) u li jintuża lingwaġġ simplifikat, b’mod partikolari għall-utenti b’livell baxx ta’ kompetenza diġitali u għat-tfal.

—

Divulgazzjoni udittiva: F’kuntesti bbażati fuq il-vuċi jew fuq it-telefonija, dikjarazzjonijiet espliċiti mitkellma fil-bidu tal-interazzjoni (eż. “Dan huwa assistent li jaħdem bl-IA”) flimkien, kif xieraq, ma’ tfakkiriet perjodiċi f’interazzjonijiet itwal, b’mod partikolari f’każ ta’ interruzzjonijiet jew ta’ bidla fir-rwol tas-sistema tal-IA matul vjaġġ tal-utent. Sinjali distinti tal-awdjo (eż. tonijiet jew earcons) jistgħu jappoġġaw ir-rikonoxximent, b’mod partikolari għall-utenti b’vista batuta, iżda ma jitqisux biżżejjed waħedhom.

—

Sinjali viżivi/grafiċi: Tfassil tas-sistema tal-IA b’ikoni persistenti, b’marki tal-ilma, b’oqfsa kkuluriti jew b’simboli tal-“IA” li jintgħarfu biex jikkomplementaw divulgazzjonijiet testwali. L-użu ta’ indikaturi viżivi standardizzati, inkluż fis-servizzi kollha ta’ fornitur, huwa rrakkomandat, peress li tali indikaturi jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-piż konjittiv u jżidu r-rikonoxximent.

—

Kombinazzjonijiet multimodali: Il-kombinament ta’ sinjali testwali, awdjo u viżwali (eż. chatbot li juri tikketta, filwaqt li jipprovdi wkoll divulgazzjoni testwali tal-ewwel interazzjoni) biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà u tissaħħaħ iċ-ċarezza fost gruppi ta’ utenti differenti.

(38)

Ċerti tekniki ma humiex neċessarji u, meta jintużaw waħedhom, ma humiex biżżejjed biex jissodisfaw b’mod effettiv l-obbligu ta’ trasparenza fl-Artikolu 50(1) u (5) tal-Att dwar l-IA, b’mod partikolari:

—

Divulgazzjonijiet li jinsabu biss fit-termini u fil-kundizzjonijiet, f’URLs, jew fid-dokumentazzjoni (tali divulgazzjonijiet jistgħu jikkomplementaw, għalkemm mhux jissostitwixxu, divulgazzjoni fil-kuntest);

—

Marki li jinqraw mill-magni (eż. metadata jew marki tal-ilma) li ma jistgħux jiġu pperċepiti mill-utenti fil-punt tal-interazzjoni. Dan ma jaffettwax l-adegwatezza ta’ tali marki biex jikkonformaw mal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA (ara t-Taqsima 4);

—

Sinjali mhux ċari jew vagi (eż. referenzi ġeneriċi għal “assistent”) jew rappreżentazzjonijiet li jixbhu lill-bniedem li jistgħu jqarrqu bl-utenti;

—

Divulgazzjonijiet ġeneralizzati li ma humiex speċifiċi biżżejjed għall-outputs u għall-interazzjonijiet tas-sistema tal-IA (eż. fuq pjattaforma li tipprovdi varjetà ta’ servizzi jew inputs individwali, divulgazzjoni ġenerali bħal “Servizzi fuq dan is-sit web jużaw l-IA” ma hijiex biżżejjed);

—

Deskrizzjonijiet tekniċi jew ibbażati fuq il-kapaċità: dikjarazzjonijiet li jirreferu biss għat-teknoloġiji sottostanti (eż. “din is-sistema tuża l-mudelli lingwistiċi kbar (LLMs)”) mingħajr ma jispjegaw il-funzjoni jew l-implikazzjonijiet tas-sistema għall-utent u l-oriġini artifiċjali tiegħu.

(39)

Id-divulgazzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u kkalibrati għall-kuntesti differenti u għall-udjenzi fil-mira tas-sistema tal-IA biex jibqgħu effettivi, faċli għall-utent u jevitaw, sa fejn ikun possibbli tfixkil tal-esperjenza tal-utent jew tal-effetti ta’ meta wieħed ikun dara (meta “jiġu injorati l-istrixxuni”).

(40)

Notifika prominenti waħda qabel l-ewwel interazzjoni tas-sistema tal-IA ma’ persuna fiżika partikolari x’aktarx li tkun biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-każijiet biex tissodisfa l-obbligu fl-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA. Madankollu, f’ċerti kuntesti aktar riskjużi, it-tfakkiriet perjodiċi u d-divulgazzjonijiet b’għarfien tal-kuntest li jkunu neċessarji biex jiġi żgurat l-għarfien kontinwu tal-utenti. Dan huwa l-każ b’mod partikolari fil-kuntest ta’ sistemi tal-IA li jinteraġixxu ma’ persuni vulnerabbli (eż. tfal, anzjani, persuni b’diżabbiltà u dawk b’livell aktar baxx ta’ litteriżmu), interazzjonijiet sostnuti u li qed jevolvu f’kuntesti sensittivi jew immersivi (eż. fejn l-utenti jistgħu jesprimu jew jesperjenzaw inkwiet emozzjonali jew vulnerabbiltà jew ikunu f’riskju ta’ mġiba simili għad-dipendenza), fejn ikun hemm riskju akbar li l-utenti jitqarrqu (eż. pariri finanzjarji, assigurazzjoni, assistenza legali, pariri dwar is-saħħa, u ġestjoni tal-ilmenti), jew jiffurmaw rabtiet jew dipendenzi emozzjonali (eż. sħab tal-IA), kif ukoll meta jkun hemm bżonn li jiġu żgurati għarfien u kontroll fuq l-azzjonijiet tal-aġenti ta’ IA. Il-fornituri jridu ifasslu u jiżviluppaw ukoll is-sistema tal-IA biex jiżguraw id-divulgazzjoni fis-sitwazzjonijiet kollha fejn is-sistema tal-IA tkun qed tirrispondi mistoqsijiet relatati man-natura tagħha jew mal-oriġini tal-interazzjoni, jew fejn jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli mill-iskambji mal-persuna fiżika li dik il-persuna x’aktarx tiġi mqarrqa jew imfixkla dwar l-interazzjoni li ġejja mill-IA.

3.2.   Eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA

(41)

L-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jipprovdi żewġ eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ informazzjoni rigward is-sistemi tal-IA interattiva eżaminati aktar ’il quddiem.

3.2.1.   Eċċezzjoni għal interazzjoni ovvja ma’ sistema tal-IA

(42)

Sabiex ikunu jistgħu jiddependu fuq l-ewwel eċċezzjoni, il-fornituri se jkollhom jivvalutaw u juru: i) in-natura artifiċjali ovvja tal-interazzjoni għal ii) persuna fiżika li trid tkun raġonevolment infurmata tajjeb, osservanti u prudenti, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi u l-kuntest tal-użu.

(43)

Dan l-istandard jibbaża fuq il-liġi stabbilita tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward il-kunċett ta’ “konsumatur medju” u għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti, filwaqt li jitqiesu l-kuntesti u l-użi speċifiċi u varjati tas-sistemi tal-IA li jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi u l-objettivi segwiti mill-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA.

(44)

Il-kreazzjoni ta’ tali persuna fiżika “medja” jinvolvi żewġ passi. L-ewwel nett, il-fornituri għandhom jikkunsidraw l-udjenza li għaliha hija maħsuba s-sistema tal-IA u li x’aktarx tinteraġixxi magħha b’mod raġonevoli. It-tieni, il-fornitur għandu jeżamina kemm membru medju ta’ dik l-udjenza jkun raġonevolment infurmat tajjeb, osservanti u prudenti, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi u l-kuntest tal-użu. Għandhom jitqiesu diversi fatturi meta titwettaq din il-valutazzjoni:

—

Il-fornituri għandhom jikkunsidraw l-udjenza fil-mira tas-sistema tal-IA, kif ukoll udjenza potenzjali usa’ li hija raġonevolment prevedibbli. Dan ikun speċjalment il-każ jekk il-pubbliku ġenerali jkun jista’ jaċċessa faċilment is-sistema tal-IA jew jekk is-sistema tkun qed topera fi spazji pubbliċi virtwali jew fiżiċi u tkun kapaċi tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi preżenti f’dawk l-ispazji. L-udjenza li tista’ tkun esposta għal sistema tal-IA mhux dejjem tkun l-istess bħall-udjenza fil-mira.

—

Il-fornituri għandhom jikkunsidraw il-kompożizzjoni diversa potenzjali tal-udjenza raġonevolment prevedibbli fil-mira f’konformità mal-Premessa 132 tal-Att dwar l-IA. Meta l-persuni b’diżabbiltà, l-anzjani jew il-minorenni x’aktarx ikunu parti minn dik l-udjenza, il-livelli mistennija ta’ informazzjoni, ta’ osservazzjoni u ta’ prudenza ta’ membru medju ta’ tali udjenza jkunu aktar baxxi meta mqabbla ma’ membru medju ta’ udjenza li ma tinkludix dawk il-kategoriji ta’ persuni. B’kuntrast ma’ dan, jekk is-sistema tal-IA interattiva tkun disponibbli biss għal udjenza fil-mira professjonali jew speċjalizzata, dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-livelli mistennija ta’ għarfien, ta’ osservazzjoni u ta’ prudenza u membru medju ta’ dik l-udjenza jista’ jitqies li jkun infurmat aħjar u aktar osservanti u prudenti.

—

Bħala parti miċ-ċirkostanzi usa’ u mill-kuntest tal-użu, il-fornituri għandhom jikkunsidraw il-livell ta’ kompetenza diġitali u ta’ litteriżmu fl-IA tal-udjenza raġonevolment prevedibbli fil-mira u l-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi rilevanti.

(45)

Aspett ovvju: Malli jistabbilixxu l-persuna fiżika ipotetika, raġonevolment infurmata sew, osservanti u prudenti, il-fornituri għandhom jevalwaw jekk ikunx ovvju għal tali persuna li tkun qed tinteraġġixxi direttament ma’ sistema tal-IA. L-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod ristrett peress li ċċaħħad lill-persuni fiżiċi mill-protezzjoni u mid-dritt li jiġu infurmati b’divulgazzjonijiet ċari u li jingħarfu li qed jinteraġixxu mas-sistemi tal-IA. L-għarfien ġenerali tal-konsumaturi u ta’ persuni fiżiċi oħra li jeżistu sistemi tal-IA (inklużi chatbots u aġenti) ma timplikax li huma jagħrfuhom fl-interazzjonijiet. Diversi fatturi jistgħu jkunu rilevanti u kkunsidrati bħala parti mill-valutazzjoni ta’ jekk l-interazzjoni tkunx ovvja:

—

In-natura antiċipata tal-interazzjoni: F’każijiet fejn is-sistema tal-IA tinteraġixxi fiżikament ma’ persuni fiżiċi, l-elementi pertinenti jistgħu jinkludu l-viżibbiltà tal-komponenti mekkaniċi (li jiżdiedu b’mod ovvju) jew il-grad sa fejn is-sistema tal-IA tirreplika b’mod awtentiku l-ekwivalenti mhux artifiċjali tagħha (li jonqos b’mod ovvju). Għall-interazzjonijiet li huma viżwali jew udittivi fin-natura tagħhom, elementi bħax-xejriet tal-kitba jew tad-diskors, it-ton tal-vuċi (il-vuċi tar-robots meta mqabbla mal-vuċi ġenwina tal-ħoss uman), id-disinn tal-interfaċċa tal-utenti (eż. stampa tal-profil relatata ma’ chatbot li turi bniedem), u l-kapaċità għal interazzjoni personalizzata avvanzata jistgħu jħallu impatt fuq din il-valutazzjoni.

—

Il-kompożizzjoni tal-udjenza fil-mira u prevedibbli: Jekk is-sistema tal-IA interattiva tkun disponibbli biss għal udjenza professjonali jew speċjalizzata, mingħajr esponiment potenzjali għal gruppi vulnerabbli, dan jista’ jżid l-aspett ovvju possibbli tan-natura artifiċjali tal-interazzjoni għal membru medju tal-udjenza rispettiva. B’kuntrast ma’ dan, jekk is-sistema tal-IA tista’ tiġi aċċessata mill-pubbliku ġenerali jew mill-konsumaturi li jinkludu wkoll persuni vulnerabbli (eż. bħal tfal, anzjani, persuni b’diżabbiltà konjittiva, fiżika jew mentali, jew persuni b’livell aktar baxx ta’ litteriżmu fl-IA) li għalihom l-interazzjoni hija inqas ovvja, l-eċċezzjoni ma tistax tiġi fdata sabiex dawk l-utenti vulnerabbli jiġu protetti b’mod effiċjenti.

—

Għandu jitqies ukoll il-fatt li qed isir dejjem aktar diffiċli għall-persuni fiżiċi li jkunu jafu jekk hijiex qed isseħħ interazzjoni ma’ sistema tal-IA jew ma’ bniedem reali. Minħabba l-użu ta’ avatars u ta’ aġenti, l-anonimità ġenerali tal-interazzjonijiet online, u l-kapaċitajiet tas-sistemi tal-IA li jiktbu u jinteraġixxu b’mod li jixbah lill-bniedem, l-eċċezzjoni tal-“aspett ovvju” għandha tkun limitata għal każijiet li fihom kważi ma jkun fadal l-ebda dubju dwar in-natura tal-interazzjoni għal persuna medja mill-udjenza raġonevolment prevedibbli fil-mira.

Eżempji tal-aspett ovvju li għalih l-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA ma japplikax:

—

L-assistenza għall-ikkowdjar li taħdem bl-IA u ċ-chatbots li jirrieżaminaw l-ikkowdjar u li jkunu disponibbli biss għall-iżviluppaturi professjonali li, minħabba l-għarfien espert tagħhom u l-kuntest tal-użu, ma għandhom l-ebda aspettattiva raġonevoli li jinteraġixxu ma’ bniedem u jistgħu faċilment jagħrfu li s-suġġerimenti jkunu ġġenerati minn sistema tal-IA.

—

Assistent intern għas-servizz ta’ persunal imħarreġ kif xieraq li jkun litterat fl-IA u jaf li qed juża sistemi tal-IA għal finijiet organizzattivi interni (eż. id-dipartimenti tal-HR, legali, tal-akkwist, tal-konformità jew tal-appoġġ fl-IT).

—

Is-sistemi tal-IA interattiva maħsuba biss biex jintużaw minn professjonisti tas-saħħa mħarrġa kif xieraq biex jappoġġaw id-dijanjożi medika u jissuġġerixxu trattamenti relatati.

—

IA ambjentali inkorporata f’apparati domestiċi b’funzjonalitajiet limitati għall-assistenza u għat-tħaddim tal-apparati domestiċi.

—

L-interazzjonijiet ma’ Non-Playable Characters (NPCs) ibbażati fuq l-IA f’logħba vidjo bi plejer wieħed fejn in-natura tal-logħba vidjo tagħmilha ċara li l-ebda persuna fiżika oħra ma tista’ tipparteċipa u tinteraġixxi mal-utent u n-natura tal-IA tal-interazzjoni hija wkoll ovvja għall-utenti kollha (inklużi l-persuni vulnerabbli).

Eżempji li ma jissodisfawx l-eċċezzjoni tal-aspett ovvju u li għalihom japplika l-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA:

—

Annimal domestiku tal-kumpanija robotiku li jaħdem bl-IA, li jidher simili ħafna għall-ekwivalenti naturali tiegħu u li hu magħmul biex jimita l-interazzjoni tipika bejn il-bniedem u l-annimal domestiku, u li joħloq ambigwità dwar jekk l-interazzjoni hijiex ma’ sistema tal-IA jew le.

—

Sistemi tal-IA inkorporati f’ambjenti immersivi (eż. realtà virtwali jew awmentata) bl-użu ta’ avatars jew ta’ ilħna realistiċi li jixbhu lill-bnedmin, fejn l-utenti u b’mod partikolari t-tfal, l-anzjani, jew il-persuni b’diżabbiltà jista’ jkun li ma jkunux kapaċi jiddistingwu bejn interazzjoni ma’ bniedem u mal-IA.

—

Chatbots tal-IA inkorporati fi pjattaformi online jew f’għodod ta’ appoġġ għall-assistenza (helpdesks) fejn l-utenti jinteraġixxu u jirċievu direttament outputs tal-IA (eż. tweġibiet għal domandi jew kontenut ieħor iġġenerat mill-IA) li jistgħu jipperċepixxu bħala ġġenerati mill-bniedem.

3.2.2.   Eċċezzjoni għas-sistemi tal-IA awtorizzati bil-liġi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi

(46)

Il-fornituri ta’ sistemi tal-IA interattiva huma eżentati mill-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jekk ikunu awtorizzati bil-liġi biex iwettqu l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, soġġetti għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ partijiet terzi.

(47)

“Awtorizzati bil-liġi” għandha tinftiehem li tinkludi d-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri adottata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Il-liġi li tawtorizza l-użu tas-sistema tal-IA trid tispeċifika b’mod ċar l-għanijiet u ċ-ċirkostanzi tal-użu permess u tipprevedi salvagwardji xierqa biex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi. Meta jitqies l-approċċ newtrali fir-rigward tat-teknoloġija tal-Att dwar l-IA, ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati jew awtorizzati sistemi speċifiċi tal-IA bil-liġi fejn l-użu tas-sistema tal-IA huwa ġeneralment previst fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività legalment awtorizzata u jikkonforma mal-qafas legali applikabbli.

(48)

Sabiex taqa’ taħt din l-eċċezzjoni, l-iskop tas-sistema tal-IA trid tkun li twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali (eż. aġent ta’ IA pajżana, sistemi tal-IA użati taħt il-kontroll uman tal-investigaturi għal investigazzjonijiet online jew għall-komunikazzjoni ma’ persuni li jistgħu jkunu involuti f’attivitajiet kriminali). L-eċċezzjoni ma hijiex ristretta għall-użu ta’ tali sistemi tal-IA biss mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kif definit fl-Artikolu 3(48) tal-Att dwar l-IA, iżda tista’ tkopri wkoll sistemi tal-IA interattiva (jew ġenerattiva) użati minn awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, sakemm l-użu tagħhom ikun awtorizzat bil-liġi biex iwettqu l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, u soġġetti għal salvagwardji xierqa biex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi. L-eżenzjoni ma tirrikjedix li s-sistema tal-IA tkun kapaċi twettaq l-investigazzjonijiet b’mod indipendenti. Jekk sistema rispettiva tista’ tintuża kemm għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, kif ukoll għal finijiet regolari oħra, l-applikabbiltà tal-eżenzjoni għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-implimentazzjoni partikolari. L-obbligi ta’ trasparenza jkomplu japplikaw meta tiġi implimentata l-istess sistema tal-IA għal finijiet oħra għajr l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni awtorizzati bil-liġi ta’ reati kriminali. It-trasparenza għad trid tiġi pprovduta lill-persuni fiżiċi meta jkunu qed jinteraġixxu mas-sistema fil-kuntest tal-finijiet regolari tagħha.

(49)

L-eċċezzjoni ma tapplikax jekk (i) is-sistema tal-IA tkun disponibbli għall-pubbliku, u (ii) is-sistema toffri funzjonalità lill-individwi biex jirrapportaw reati kriminali. Tali sistemi jistgħu jintużaw, iżda jibqgħu soġġetti għall-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA, u għalhekk il-persuni fiżiċi jridu jiġu infurmati li qed jinteraġixxu ma’ tali sistemi.

Għal aktar ċarezza, din l-eċċezzjoni tikkonċerna biss l-obbligu skont l-Artikolu 50(1) li l-persuni fiżiċi jiġu infurmati li qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA (22). Huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt applikabbli tal-Unjoni u għal-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli proċedurali li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni, id-divulgazzjoni, l-ammissibbiltà u l-valutazzjoni tal-evidenza.

Eżempji ta’ sistemi tal-IA magħmula disponibbli għall-pubbliku biex jirrapporta reati kriminali li ma humiex eżentati u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA:

—

Chatbots tal-pulizija bbażati fuq l-IA implimentati fuq siti web jew fuq applikazzjonijiet mobbli uffiċjali tal-pulizija li jippermettu lill-individwi jirrapportaw reati kriminali jew ilmenti. Dawn is-sistemi jiggwidaw lill-utenti permezz ta’ mistoqsijiet strutturati, jiġbru l-informazzjoni rilevanti, u r-rapporti dwar it-triage qabel ma jgħadduhom lill-uffiċjali umani għall-valutazzjoni.

—

Hotlines telefoniċi li jaħdmu bl-IA operati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi għal inkjesti pubbliċi ġenerali.

—

Hotlines għar-rapportar tal-frodi assistiti mill-IA jew portali diġitali operati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew minn awtoritajiet pubbliċi, fejn l-utenti jistgħu jirrapportaw reati finanzjarji suspettati. Is-sistema tal-IA tinteraġixxi mal-utent biex tiġbor id-dettalji, tikkategorizza r-rapport, u tipprijoritizza l-każijiet, filwaqt li l-investigaturi umani jivvalidaw l-informazzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni.

—

Assistenti virtwali użati għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda, fejn il-vittmi jew ix-xhieda jistgħu jissottomettu informazzjoni permezz ta’ interfaċċa xprunata mill-IA. Tali sistemi tal-IA jistgħu jappoġġaw input multilingwi, karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà, u sottomissjoni ta’ evidenza strutturata, iżda l-passi finali investigattivi u ta’ valutazzjoni jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet umani.

3.3.   Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni

(50)

L-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-data, il-leġiżlazzjoni diġitali jew dwar in-nondiskriminazzjoni li tista’ tirrikjedi divulgazzjonijiet oħra ta’ informazzjoni mhux speċifiċi għall-interazzjoni li ġejja mill-IA. B’mod partikolari, skont id-Direttiva 2005/29/KE (id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jew il-“UCPD”) (23), huma pprojbiti azzjonijiet jew ommissjonijiet qarrieqa fir-rigward tal-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott jew servizz. Barra minn hekk, id-Direttiva 2011/83/KE (id-“Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur”) (24) tirrikjedi li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni prekuntrattwali ċara u li tinftiehem dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-oġġetti jew tas-servizzi. Meta servizz ikun xprunat mill-IA (bħal chatbot ibbażat fuq abbonament, applikazzjoni ta’ sieħeb tal-IA, jew servizz ta’ coaching virtwali), il-funzjonalità tal-IA tista’ tikkwalifika bħala karatteristika essenzjali li trid tiġi ddivulgata qabel ma l-konsumatur ikun marbut b’kuntratt. L-obbligi ta’ informazzjoni skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni japplikaw irrispettivament minn jekk l-interazzjoni titqiesx “ovvja” skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA. Dawk l-obbligi huma komplementari wkoll bħala obbligi ġenerali ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li l-obbligu ta’ notifika skont l-Att dwar l-IA huwa aktar kuntestwali u għandu l-għan li jiżgura għarfien kontinwu tal-persuni fiżiċi kollha dwar interazzjoni diretta ma’ sistema tal-IA mill-inqas qabel il-bidu tagħha u matul l-interazzjoni.

(51)

Id-DSA jinkludi wkoll rekwiżiti ta’ trasparenza għas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tal-pjattaformi online, inkluż rekwiżit biex jiġu spjegati l-parametri ewlenin tal-klassifikazzjoni. Dawn l-obbligi huma komplementari għall-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA, peress li għandhom kamp ta’ applikazzjoni u skop differenti u jikkonċernaw sistemi li, fil-prinċipju, ma jinteraġixxux direttament mal-utenti skont it-tifsira tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA.

(52)

Fir-rigward tal-obbligi ta’ informazzjoni lejn is-suġġetti tad-data skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, l-obbligu fl-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA jissodisfa objettiv differenti minn dawk l-obbligi u, bħala tali, ma jaffettwax dawk l-obbligi ta’ informazzjoni.

(53)

B’mod simili, l-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA japplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni u għal-liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ informazzjoni lil persuni fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali (eż. id-Direttiva 2012/13/UE jew id-Direttiva 2012/29/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2026/1472) (25).

4.   ARTIKOLU 50(2) TAL-ATT DWAR L-IA: IMMARKAR U IDENTIFIKAZZJONI TA’ KONTENUT IĠĠENERAT JEW IMMANIPULAT MILL-IA

(54)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li l-fornituri ta’ sistemi tal-IA li jiġġeneraw kontenut sintetiku jimplimentaw soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti tal-kwalità għall-immarkar li jinqara mill-magni u l-identifikazzjoni tal-outputs tas-sistemi tal-IA tagħhom. L-objettiv huwa li l-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiddistingwu kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA minn kontenut ieħor (pereżempju, kontenut maħluq mill-bnedmin) u li jivverifikaw l-oriġini tiegħu, u b’hekk jikkontribwixxi wkoll għal aktar integrità u fiduċja fl-ekosistema tal-informazzjoni.

(55)

Għalhekk, il-benefiċjarji ta’ dan l-obbligu ta’ trasparenza huma l-persuni fiżiċi kollha li x’aktarx ikunu esposti għall-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA, kif ukoll atturi ewlenin li għandhom rwol importanti għall-fiduċja u għall-integrità tal-ekosistema tal-informazzjoni, bħall-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet kompetenti oħra, riċerkaturi indipendenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, media, sinjalaturi fdati, difensuri tad-drittijiet fundamentali, fornituri ta’ pjattaformi online u magni tat-tiftix online, detenturi tad-drittijiet u ħallieqa u distributuri oħra tal-kontenut, eċċ.

4.1.   Komponenti u kunċetti ewlenin tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA

(56)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA japplika jekk jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet kumulattivi:

(i)

Is-sistema trid tikkwalifika bħala sistema tal-IA;

(ii)

Is-sistema tal-IA trid tkun kapaċi tiġġenera jew timmanipula kontenut sintetiku;

(iii)

Il-kontenut irid ikun f’waħda jew aktar mill-modalitajiet li ġejjin: awdjo, immaġni, vidjo jew test;

(iv)

Is-sistema tal-IA ma trid taqa’ taħt l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet li ġejjin: (1) is-sistema tal-IA twettaq funzjoni ta’ assistenza għall-editjar standard; (2) is-sistema tal-IA ma tbiddilx b’mod sostanzjali d-data tal-input ipprovduta mill-implimentatur jew mis-semantika tagħha; jew (3) is-sistema tal-IA hija awtorizzata bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

4.1.1.   Sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw kontenut sintetiku

(57)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA japplika għas-sistemi tal-IA (26), inklużi s-sistemi tal-GPAI, li jiġġeneraw kontenut sintetiku ta’ awdjo, ta’ immaġni, ta’ vidjo jew ta’ test. L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jkopri subsett ta’ sistemi li jissodisfaw id-definizzjoni tas-sistema tal-IA fl-Artikolu 3(1) tal-Att dwar l-IA u li jiġġeneraw tali outputs. L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jkopri wkoll is-sistemi tal-IA użati għall-manipulazzjoni tal-kontenut.

(58)

Il-ġenerazzjoni tal-kontenut tirreferi għall-ġenerazzjoni ta’ materjal sintetiku mis-sistema tal-IA (eż. abbażi ta’ prompt uman), bħall-ġenerazzjoni ta’ immaġni jew ta’ kanzunetta sintetika. Fil-prattika, dan ifisser li l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jista’ japplika għal sistemi tal-IA ġenerattiva mfassla b’għan maħsub limitat biex jipproduċu outputs speċifiċi. Fl-istess ħin, l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA japplika wkoll għal sistemi tal-IA li jistgħu jservu diversi finijiet, inklużi s-sistemi tal-GPAI, u jistgħu jipproduċu varjetà ta’ tipi ta’ kontenut, kif ukoll sistemi tal-IA b’aġenzija, sakemm dawn jiġġeneraw kontenut sintetiku ta’ awdjo, ta’ immaġni, ta’ vidjo jew ta’ test.

(59)

B’kuntrast ma’ dan, il-manipulazzjoni tal-kontenut tirreferi għall-kontenut diġà eżistenti (kemm jekk sintetiku kif ukoll jekk le) li jiġi modifikat minn sistema tal-IA (eż. immaġni jew reġistrazzjoni tal-vuċi eżistenti li tiġi mmanipulata minn sistema tal-IA f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-bniedem). Sabiex il-kontenut jaqa’ taħt l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, huwa biżżejjed li jiġi ġġenerat jew immanipulat mill-IA lil hinn mill-editjar standard skont l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA (ara t-Taqsima 4.3). Barra minn hekk, l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA ma jirrikjedix li l-kontenut ikun iġġenerat jew immanipulat mill-IA biss. Il-kontenut li jitħallat ma’ materjal maħluq mill-bniedem jikkwalifika wkoll bħala kontenut sintetiku, jekk immanipulat jew iġġenerat f’waħda mill-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA.

4.1.2.   Modalitajiet ta’ kontenut sintetiku fil-kamp ta’ applikazzjoni

(60)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jipprovdi lista eżawrjenti tal-modalitajiet tal-kontenut sintetiku kopert mill-obbligu ta’ trasparenza: awdjo, immaġni, vidjo jew test. Dan jinkludi wkoll kontenut multimodali, jiġifieri kontenut magħmul minn kombinazzjoni ta’ dawn il-modalitajiet. Għall-fini tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, il-modalitajiet differenti għandhom jiġu interpretati f’konformità mal-iżviluppi prattiċi u teknoloġiċi li jistgħu jevolvu maż-żmien. Għalissa, dawn għandhom jinftiehmu kif ġej:

—

It-test jirreferi għal kontenut simboliku diskret magħmul minn karattri, jew numri rranġati f’ordni partikolari, li jistgħu jinqraw u jiġu interpretati semantikament mill-bnedmin.

—

L-immaġnijiet jirreferu għal rappreżentazzjonijiet spazjali statiċi li jikkodifikaw informazzjoni viżwali li jistgħu jarawha l-bnedmin.

—

L-awdjo jirreferi għal sinjal li jvarja fil-ħin li jikkodifika ħoss li jista’ jiġi pperċepit permezz tas-smigħ mill-bnedmin. Dan jista’ jkopri d-diskors, il-mużika strumentali jew sinjali awdjo oħra.

—

Il-vidjo jirreferi għal sekwenza ta’ immaġnijiet ibbażata fuq il-ħin, li tista’ tkun sinkronizzata mal-awdjo, li tista’ tintwera lill-bnedmin. F’dak il-każ, kemm il-kontenut ta’ vidjo kif ukoll dak ta’ awdjo jridu jiġu mmarkati u l-identifikabbiltà trid tiġi żgurata, kif stabbilit aktar ’il quddiem.

(61)

Is-sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw immaġnijiet 3-D, vidjos 3-D u awdjo 3-D, kif ukoll ir-realtà virtwali, awmentata jew imħallta, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA. Ir-“realtà virtwali” tkopri teknoloġiji tal-IA li jippermettu lill-utenti jesperjenzaw u jinteraġixxu ma’ ambjent iġġenerat mill-kompjuter li jissimula l-preżenza fiżika u li jippermettu interazzjoni mal-utenti f’ħin reali ma’ dak l-ambjent. Peress li r-realtà virtwali u awmentata hija magħmula minn sekwenza ta’ immaġnijiet ibbażata fuq il-ħin, sinkronizzata b’mod fakultattiv mal-awdjo, li tirrappreżenta bidla viżwali mal-ħin, tista’ titqies bħala kontenut ta’ “vidjo”. L-“output” rilevanti li għandu jiġi mmarkat huwa l-forma finali tal-assi individwali ġġenerat mill-IA b’eċċezzjonijiet speċjali għas-sessjonijiet interattivi temporanji f’ħin reali skont il-punt 88 aktar ’il quddiem. Ma hemmx bżonn li jiġu mmarkati artefatti diġitali użati biex jiġi ġġenerat kontenut ta’ immaġnijiet 3-D, ta’ vidjos 3-D u ta’ awdjo 3-D bħal points cloud u 3-D mesh,.

(62)

Tewmin diġitali li jipprovdu replika virtwali ta’ persuni, ta’ oġġetti fiżiċi jew ta’ sistemi, li jintegraw diversi tipi ta’ data, jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, jekk ikunu ġġenerati jew immanipulati mill-IA u jieħdu l-forma ta’ awdjo, ta’ immaġni, ta’ vidjo jew ta’ test, sakemm ma jaqgħux fl-eċċezzjonijiet u jikkwalifikaw bħala “applikazzjonijiet industrijali” jew “applikazzjonijiet minn negozju għal negozju” taħt il-punt 87 aktar ’il quddiem jew kontenut temporanju f’ħin reali taħt il-punt 88 aktar ’il quddiem.

(63)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jista’ japplika wkoll għall-aġenti ta’ IA jekk l-aġent ta’ IA jieħu azzjoni, li l-output tagħha huwa kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA li jista’ jiġi pperċepit minn persuni fiżiċi fil-forma ta’ awdjo, ta’ immaġni, ta’ vidjo jew ta’ test. Għalhekk, dawk l-outputs iridu jiġu mmarkati u jkunu jistgħu jiġu identifikati kif deskritt aktar ’il quddiem. B’kuntrast ma’ dan, kwalunkwe azzjoni ta’ aġent ta’ IA li ma tinkludix kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA (eż. passi ta’ pproċessar intermedji bħar-raġunament u l-ħsieb), jew azzjoni ġġenerata mill-IA li ma hijiex maħsuba biex tiġi pperċepita direttament minn persuni fiżiċi (eż. talba web jew azzjoni tal-brawżer), ma tikkwalifikax bħala kontenut sintetiku fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA u ma teħtieġx li tikkonforma mal-obbligi tal-immarkar u tal-identifikazzjoni.

4.1.3.   Kontenut li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA

(64)

Il-kontenut iġġenerat minn sistema tal-IA bbażata fuq ipproċessar sempliċi ta’ data, li ma jkunx speċifikament iġġenerat jew immanipulat mill-IA, pereżempju frejm irrenderjat, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA.

(65)

Barra minn hekk, l-output ta’ sistema tal-IA li sempliċement tirriproduċi l-kontenut eżistenti jew tippermetti l-preżentazzjoni jew l-arranġament ta’ kontenut diġà eżistenti ma huwiex kopert mill-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA. Dan jista’ jkun il-każ, eż. għall-playlists tal-mużika jew għal sistemi oħra ta’ rakkomandazzjoni li jagħżlu jew jikklassifikaw biss il-kontenut eżistenti abbażi tal-preferenzi jew tal-attività tal-utent, mingħajr ma joħolqu xi ħaġa ġdida jew jimmanipulaw il-kontenut innifsu. L-istess japplika għas-sistemi tal-IA użati fil-proċessi analitiċi interni li jisiltu u jistrutturaw id-data, iżda ma jagħtuhiex fil-qosor.

(66)

L-istess huwa minnu għall-input u għall-output ta’ sistema tal-IA li tikkostitwixxi biss osservazzjonijiet u reġistrazzjonijiet ta’ data minn ambjenti fiżiċi jew virtwali, li ma humiex iġġenerati jew immanipulati mill-IA (eż. minn robots jew minn sensuri oħrajn ibbażati fuq l-IA) jew trażmissjonijiet ta’ data minn sistemi tal-IA mingħajr ebda modifika. Dan ikopri varjetà ta’ inputs u ta’ outputs tas-sistemi tal-IA, b’mod partikolari f’ambjenti industrijali bħad-data dwar il-manifattura għar-robots li josservaw id-data; il-konsum irreġistrat minn miters intelliġenti bbażati fuq l-IA, il-frekwenza tal-grilja u l-kejl tal-vultaġġ; u r-reġistrazzjoni tad-data ta’ lokalizzazzjoni tal-GPS mill-vetturi, eċċ.

(67)

Barra minn hekk, peress li l-objettiv tal-obbligu ta’ trasparenza fl-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA huwa li jippermetti lill-bnedmin jiddistingwu kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA, sabiex jindirizza r-riskji ta’ qerq, ta’ manipulazzjoni u jiżgura l-integrità u l-fiduċja fl-ekosistema tal-informazzjoni, kwalunkwe kontenut li ma jkunx relatat ma’ dak l-objettiv, u li ma jkunx perċettibbli jew mhux maħsub biex jiġi interpretat, ivverifikat jew li tittieħed azzjoni fuqu minn persuni fiżiċi, ma huwiex fil-mira ta’ din id-dispożizzjoni.

(68)

B’mod partikolari, il-kontenut li ġej għandu jitqies li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA:

—

L-outputs iġġenerati fil-forma ta’ sekwenza qasira ta’ numri, ta’ simboli jew ta’ ittri (eż. kelma waħda, didaskaliji tal-immaġnijiet, alt-text, tikketti tal-UI u grafiki fuq skala ta’ ikona u tikketti oħra tad-data);

—

Kodiċi tas-sors mifhum bħala kontenut miktub f’markup language, f’lingwa tal-ipprogrammar, ta’ scripting, ta’ tfittxija jew ta’ konfigurazzjoni li hija maħsuba biex tiġi interpretata, ikkompilata jew eżegwita minn sistema tal-kompjuter, irrispettivament minn jekk tkunx magħmula minn karattri tat-test. Dan jista’ jinkludi wkoll kummenti b’lingwi naturali u informazzjoni kuntestwali li jiffurmaw parti integrali mill-kodiċi tas-sors. Bl-istess mod huma esklużi l-Kits għall-Iżvilupp tas-Software (SDKs), l-iStructured Query Language (SQL), l-infrastruttura bħala Kodiċi u l-“YAML Ain’t Markup Language” (YAML), il-konfigurazzjoni ta’ JavaScript Object Notation (JSON), l-iskemi, l-iscripts, l-ispeċifikazzjonijiet li jinqraw mill-magni, l-Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs u libreriji tas-software);

—

L-outputs ta’ sistema tal-IA maħsuba biex jiġu kkomunikati esklużivament bejn magna u oħra u pproċessati awtomatikament mingħajr l-ebda esponiment għall-bnedmin, pereżempju l-komunikazzjoni bejn l-aġenti, is-sinjali kontra l-ispam, sakemm ma jiġux ipperċepiti minn persuni fiżiċi;

—

L-outputs li jintużaw biss f’ambjenti f’ċirkwit magħluq fi flussi tax-xogħol industrijali u ta’ żvilupp tal-prodott (pereżempju għall-produzzjoni tal-films, tal-animazzjoni, tal-logħob jew tar-reklamar), sakemm ma jkunux l-output finali tas-sistema tal-IA fil-forma ta’ kontenut ta’ test, ta’ awdjo, ta’ immaġni jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA. F’dawk il-każijiet, l-output finali biss mill-istadji tal-fluss tax-xogħol għandu jiġi mmarkat u jista’ jiġi identifikat.

4.2.   L-obbligu tal-immarkar u tal-identifikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA

(69)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jistabbilixxi obbligu ta’ trasparenza għall-fornituri ta’ sistemi tal-IA ġenerattiva li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni li jinkludi żewġ elementi distinti, iżda interkonnessi b’mod inerenti. L-ewwel nett, il-fornituri jridu jiżguraw li l-outputs tas-sistema tal-IA jkunu mmarkati f’format li jinqara mill-magni. It-tieni, il-fornituri jridu jiżguraw li l-outputs ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala kontenut iġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali. Għal kull soluzzjoni tal-immarkar użata, il-fornituri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli mezzi korrispondenti għall-identifikazzjoni (kif deskritt aktar ’il quddiem) biex jippermettu lill-persuni fiżiċi esposti għall-kontenut u lil atturi rilevanti oħra jidentifikaw u jiddistingwu l-kontenut iġġenerat b’mod artifiċjali mis-sistema tal-IA minn kontenut ieħor. Soluzzjoni teknika għandha tinftiehem bħala kombinazzjoni ta’ tekniki għall-immarkar u mezzi għall-identifikazzjoni li l-fornitur ikun implimenta biex jissodisfa l-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA.

(70)

Kull wieħed miż-żewġ elementi msemmija aktar ’il fuq irid jiġi ssodisfat biex jintlaħqu b’mod effettiv l-objettivi tal-obbligi ta’ trasparenza tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA. It-twettiq ta’ element wieħed biss (eż. għall-immarkar tal-outputs li jinqara mill-magni mingħajr ma jkunu disponibbli l-mezzi għall-identifikazzjoni tagħhom) ma jkunx biżżejjed biex ikun hemm konformità ma’ dik id-dispożizzjoni (27).

4.2.1.   L-obbligu tal-immarkar

(71)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-immarkar huwa limitat għall-marki ta’ implimentazzjoni f’format li jinqara mill-magni. Format li jinqara mill-magni jfisser li l-marki jkunu strutturati b’mod li l-applikazzjonijiet tas-software jkunu jistgħu jidentifikaw, jirrikonoxxu u jisiltuhom faċilment mingħajr intervent uman. Il-marki u t-tikketti perċettibbli ma humiex esklużi bħala miżura komplementari, fejn xieraq, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-konformità tal-implimentaturi mal-obbligu tagħhom li jittikkettaw deepfakes skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA.

(72)

Sabiex jikkonformaw mal-obbligu tal-immarkar, il-fornituri jistgħu jibbażaw fuq teknika tal-immarkar unika jew fuq kombinazzjoni ta’ tekniki, sakemm is-soluzzjoni teknika ġenerali tagħhom tkun tista’ tinqara mill-magni u tissodisfa r-rekwiżiti għall-effettività, għall-interoperabbiltà, għar-robustezza u għall-affidabbiltà sal-grad legalment meħtieġ, kif previst bit-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA (ara t-Taqsima 4.2.3. aktar “il quddiem).

(73)

Il-Premessa 133 tal-Att dwar l-IA tipprovdi eżempji ta’ tekniki bħal dawn biex jinkludu marki tal-ilma, identifikazzjonijiet tal-metadata, metodi kriptografiċi biex jiġu pprovati l-provenjenza u l-awtentiċità tal-kontenut, il-metodi ta’ lloggjar, il-marki tas-swaba” jew tekniki oħra, jew kombinazzjoni ta’ tali tekniki. Filwaqt li l-metodi biex jiġu pprovati l-provenjenza u l-awtentiċità jissemmew fil-Premessa 133 tal-Att dwar l-IA, il-fornituri ma humiex meħtieġa jirreġistraw jew iżommu katina sħiħa ta’ provenjenza li jkun fiha informazzjoni dwar l-oriġini tal-kontenut u modifiki jew kwalunkwe dikjarazzjoni rilevanti oħra dwar l-istorja tal-kontenut. Madankollu, tali metodi ta’ provenjenza jistgħu jintużaw ukoll għall-konformità mal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA u jistgħu jwasslu biex il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiddistingwu kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA minn kontenut awtentiku.

(74)

Il-fornituri jistgħu jimplimentaw is-soluzzjoni tal-immarkar għall-outputs fi stadji differenti tal-katina tal-valur (eż. wara l-ġenerazzjoni tal-kontenut post hoc fil-livell tas-sistema tal-IA, fil-livell tal-mudell tal-IA sottostanti jew integrat fil-proċess ta’ inferenza tas-sistema tal-IA). Huma jistgħu jiddependu fuq is-soluzzjoni tal-immarkar implimentata minn fornitur tal-mudell upstream jew minn parti terza li tipprovdi s-soluzzjoni (eż. bħala standard miftuħ jew servizz speċjalizzat) sakemm is-soluzzjoni tal-immarkar tkun konformi mal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA. Tali dipendenza hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-fornitur tas-sistema tal-IA li juri l-konformità mal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA.

4.2.2.   L-obbligu ta’ identifikazzjoni

(75)

Il-fornituri tas-sistemi tal-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jridu jiżguraw li l-output tas-sistemi tagħhom ikun jista’ jiġi identifikat bħala kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA. Dan ifisser li l-fornitur huwa obbligat jiżgura li l-mezzi ta’ identifikazzjoni jkunu disponibbli għall-persuni potenzjalment esposti għall-kontenut. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA, tali soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni għandhom ikunu jistgħu jipproduċu riżultati li jistgħu jinqraw mill-bniedem li jindikaw jekk il-kontenut kienx iġġenerat jew immanipulat mill-IA.

(76)

Għodda ta’ identifikazzjoni hija mekkaniżmu li jidentifika jekk il-kontenut kienx iġġenerat jew immanipulat mill-IA, li tipikament jidentifika markaturi jew firem tekniċi li jivverifikaw l-oriġini tiegħu. Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa, il-fornituri jridu jibbażaw fuq soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni standard tal-industrija disponibbli għall-pubbliku li jippermettu lil kwalunkwe parti terza timplimenta identifikazzjoni li idealment tkun lokalment eżegwibbli fuq l-apparat diġitali u jippermettu integrazzjoni mingħajr xkiel f’networks iżolati u awtonomi. Meta tali standards ma jkunux disponibbli, b’mod partikolari fl-istadju inizjali tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA għat-teknoloġiji tal-marki tal-ilma, il-fornitur jista’ jibbaża fuq is-soluzzjoni ta’ identifikazzjoni tiegħu stess jew fuq parti terza jew soluzzjoni ta’ identifikazzjoni kondiviża, sakemm dawk is-soluzzjonijiet jiżguraw l-interoperabbiltà mas-soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni użati minn fornituri oħra (ara t-Taqsima 4.2.3.). Dik il-possibbiltà għandha tkun limitata fiż-żmien sakemm jitfaċċaw standards armonizzati u soluzzjoni ta’ identifikazzjoni interoperabbli standardizzata indipendentement mill-fornitur li tkun sigura, tippreserva l-privatezza u tkun lokalment eżegwibbli.

(77)

L-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA jispeċifika wkoll li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA għandha tiġi pprovduta lill-persuni fiżiċi esposti għall-kontenut b’mod ċar u li jingħaraf mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel interazzjoni jew esponiment. Din l-informazzjoni hija r-riżultat b’mod partikolari tal-identifikazzjoni, li tindika jekk il-kontenut huwiex iġġenerat jew immanipulat mill-IA u mhux il-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA nnifsu. “Mill-mument tal-ewwel esponiment” għandha tinftiehem bħala l-mument li fih il-persuni fiżiċi jkunu lesti jivverifikaw l-oriġini ta’ biċċa ta’ kontenut speċifika u jaċċessaw is-soluzzjoni ta’ identifikazzjoni biex jiksbu r-riżultati ta’ identifikazzjoni.

(78)

Jekk il-fornitur tas-sistema tal-IA jiddependi fuq attur ieħor għall-forniment jew għall-aċċess għal soluzzjoni ta’ identifikazzjoni, irid jiżgura li s-soluzzjoni ta’ identifikazzjoni tikkonforma mal-Artikolu 50(2) u (5) tal-Att dwar l-IA u li dawk l-atturi juru r-riżultati ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA (ara t-Taqsima 7).

4.2.3.   Konformità mar-rekwiżiti għas-soluzzjonijiet tekniċi: effettivi, interoperabbli, robusti u affidabbli

(79)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA tipprevedi li s-soluzzjonijiet tekniċi għall-immarkar u għall-identifikazzjoni jridu jkunu effettivi, interoperabbli, robusti u affidabbli. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jinftiehmu kif ġej:

—

L-effettività tirreferi għall-kapaċità tas-soluzzjoni teknika implimentata mill-fornituri biex jidentifikaw il-marki tagħhom u sabiex il-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiddistingwu kontenut iġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali prodott mis-sistema tal-IA tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għall-fiduċja u għall-integrità tal-ekosistema tal-informazzjoni.

—

L-affidabbiltà tirreferi għall-kapaċità tas-soluzzjoni teknika li tidentifika u tiddistingwi b’mod akkurat il-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA minn kontenut ieħor f’kundizzjonijiet nominali fil-varjetà ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat mis-sistema tal-IA tal-fornitur.

—

Ir-robustezza tirreferi għall-kapaċità tas-soluzzjoni teknika li tidentifika u tiddistingwi b’mod akkurat il-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA prodott mis-sistema tal-IA tal-fornitur minn kontenut ieħor f’kundizzjonijiet differenti, li jkopri kemm il-modifiki komuni kif ukoll l-attakki kontradittorji.

—

L-interoperabbiltà tirreferi għall-kapaċità tas-soluzzjonijiet tekniċi differenti għall-immarkar u għall-identifikazzjoni li joperaw mingħajr xkiel f’diversi sistemi, atturi, kuntesti u implimentazzjonijiet tekniċi biex jippermettu l-identifikazzjoni ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA, irrispettivament mit-teknika/i tal-immarkar użata/i mill-fornituri ta’ sistemi differenti tal-IA.

(80)

Il-fornituri jridu jiżguraw li l-kombinazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi għall-immarkar u għall-identifikazzjoni tissodisfa b’mod olistiku r-rekwiżiti msemmija aktar ’il fuq sal-grad legalment meħtieġ, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet u l-komplementarjetajiet tad-diversi soluzzjonijiet użati. Is-soluzzjonijiet tekniċi jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti kollha sa fejn dan ikun teknikament fattibbli, filwaqt li jridu jkunu jqisu l-ispeċifiċitajiet u l-limitazzjonijiet ta’ diversi tipi ta’ kontenut, il-kostijiet tal-implimentazzjoni u l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali, kif jista’ jkun rifless fl-istandards tekniċi rilevanti.

(81)

Is-soluzzjonijiet “teknikament fattibbli” skont it-tifsira tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA huma soluzzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati għall-modalitajiet koperti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni, bl-użu tat-teknoloġija, tal-metodi u tal-prattiki tal-inġinerija disponibbli bħalissa, fi ħdan l-arkitettura teknika speċifika u l-ambjent operazzjonali kkonċernat. Il-fornitur ma huwiex obbligat jagħmel użu minn soluzzjoni teknika li għadha ma ġietx żviluppata jew li ma tkunx disponibbli fis-suq, jew li ma tkunx teknikament fattibbli għall-implimentazzjoni. Il-fattibbiltà teknika hija kunċett oġġettiv li ma huwiex dipendenti fuq ir-riżorsi u fuq il-kapaċitajiet speċifiċi ta’ fornituri individwali.

(82)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li l-fornituri jimplimentaw soluzzjoni(jiet) teknikament fattibbli li jallinjaw mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali, sabiex jissodisfaw l-erba’ rekwiżiti tal-kwalità tal-effettività, tar-robustezza, tal-affidabbiltà u tal-interoperabbiltà.

(83)

L-“ogħla livell ta’ żvilupp tekniku” għandu jinftiehem bħala stadju żviluppat tal-kapaċità teknika fi żmien partikolari fir-rigward ta’ prodotti, ta’ proċessi u ta’ servizzi, abbażi tas-sejbiet konsolidati rilevanti tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-esperjenza u li huwa aċċettat bħala prattika tajba fit-teknoloġija (28). L-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku mhux neċessarjament jimplika r-riċerka xjentifika l-aktar reċenti li għadha fi stadju sperimentali jew b’maturità teknoloġika insuffiċjenti. Il-fornituri jridu jadattaw kontinwament is-soluzzjonijiet tal-immarkar u tal-identifikazzjoni tagħhom b’mod f’waqtu u proporzjonat hekk kif jevolvu t-teknoloġija u l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku.

(84)

Fid-dawl tal-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA, il-fornituri jistgħu jiddependu fuq kodiċi ta’ prattika, ivvalutat bħala adegwat skont dik id-dispożizzjoni biex juru konformità mal-obbligi tal-immarkar u tal-identifikazzjoni fl-Artikolu 50(2) u (5) tal-Att dwar l-IA, li huwa allinjat mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Għal aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-aderenza ma’ tali kodiċi u s-superviżjoni ta’ fornituri oħra li ma jaderixxux ma’ kodiċi, ara t-Taqsima 8.1 aktar ’il quddiem.

(85)

Il-kostijiet tal-implimentazzjoni ta’ ċerti soluzzjonijiet tekniċi għall-immarkar u għall-identifikazzjoni jistgħu jitqiesu wkoll. F’ċerti każijiet, kif deskritt fil-punti li ġejjin, il-kostijiet jistgħu jkunu sproporzjonati għal profitti marġinali b’valur aktar limitat biex il-bnedmin ikunu jistgħu jiddistingwu kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA, u jiżguraw l-integrità u l-fiduċja fl-ekosistema tal-informazzjoni.

(86)

Għalhekk jista’ jkun hemm każijiet definiti b’mod ristrett fejn soluzzjoni teknika bbażata fuq immarkar tal-metadata inqas robust tkun biżżejjed għall-fini ta’ konformità mal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-outputs tas-sistema tal-IA jekk dawn joħolqu riskji intrinsikament aktar baxxi ta’ qerq, ta’ manipulazzjoni jew ta’ effetti negattivi fuq l-ekosistema tal-informazzjoni. Dan huwa speċifikament il-każ meta sistema tal-IA ġenerattiva tkun inkorporata fi prodotti fiżiċi li jiġġeneraw outputs f’ambjent ikkontrollat teknikament u magħluq li huwa prinċipalment ta’ natura istruttiva (eż. sistema tal-IA inkorporata fis-sistemi ta’ navigazzjoni fil-vetturi) sa fejn il-miżuri tekniċi effettivi jkunu inkorporati fil-prodott biex jipprevjenu li l-output joħroġ mill-ambjent tal-prodott, pereżempju billi jinqabad jew jiġi esportat u jinxtered esternament.

(87)

Jista’ jkun hemm ukoll każijiet limitati ta’ “applikazzjonijiet industrijali tal-IA” jew “applikazzjonijiet minn negozju għal negozju” (li ma jinkludux sistemi tal-IA pubbliċi u għall-konsumaturi) fejn il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-benefiċċji limitati għall-objettivi tat-trasparenza jfissru li ma huwa meħtieġ l-ebda mmarkar jew identifikazzjoni ta’ outputs iġġenerati jew immanipulati mill-IA. Dan japplika biss jekk ir-rekwiżiti li ġejjin jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv:

(i)

L-output iġġenerat tas-sistema tal-IA jkun strettament tekniku fin-natura tiegħu, pereżempju d-disinji tal-inġinerija, il-flussi tax-xogħol tal-produzzjoni industrijali, l-istruzzjonijiet tekniċi, l-output iġġenerat bħala riżultat ta’ proċessi ta’ manutenzjoni predittiva tas-sistema f’ambjenti industrijali, il-proċessi ta’ dokumentazzjoni interna jew l-istadji tal-produzzjoni u l-flussi tax-xogħol qabel ma jiġi ffinalizzat l-output u jsir disponibbli għal persuni esterni oħra jew għall-pubbliku.

(ii)

L-output iġġenerat tas-sistema tal-IA huwa maħsub biss biex jiġi pperċepit u pproċessat minn għadd limitat definit minn qabel ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu f’kapaċità professjonali fl-organizzazzjoni tal-fornitur u tal-implimentatur.

(iii)

L-output iġġenerat tas-sistema tal-IA ma jistax ikun maħsub biex jiġi kondiviż barra mill-kumpanija jew biex ikun jista’ jintuża minn persuni esterni, u hemm salvagwardji xierqa fis-seħħ biex jiġi evitat użu ħażin raġonevolment prevedibbli (eż. l-iżolament tal-cloud, kontrolli bbażati fuq ir-rwol).

(88)

Il-ġenerazzjoni tal-kontenut f’ħin reali li hija temporanja u kkunsmata immedjatament, mingħajr ma tiġi rreġistrata, tinħażen jew tixxerred aktar (eż. f’logħob vidjo, applikazzjonijiet tar-realtà virtwali); tista’ wkoll tiġi eżentata meta l-immarkar ma jkunx teknikament fattibbli u l-persuni esposti għall-kontenut jiġu infurmati li l-kontenut huwa ġġenerat jew immanipulat mill-IA (eż. divulgazzjoni waqt l-esperjenza, notifiki fil-livell tas-sessjoni).

4.3.   Eċċezzjonijiet għall-obbligi skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA

(89)

L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jipprovdi tliet eċċezzjonijiet espliċiti mill-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni

(90)

L-ewwel eċċezzjoni tikkonċerna s-sistemi tal-IA sal-punt li dawn iwettqu funzjoni ta’ assistenza għall-editjar standard. L-editjar standard għandu jinftiehem bħala l-proċess tat-tħejjija tal-kontenut eżistenti għall-pubblikazzjoni jew għad-distribuzzjoni (eż. editjar minimu biex jittejbu l-leġġibbiltà u l-grammatika, il-kwalità u l-format) u ma jinvolvix il-ġenerazzjoni ta’ kontenut ġdid. L-editjar standard għandu l-għan li jiżgura li l-kontenut ikun, fost l-oħrajn, ħieles minn żbalji lingwistiċi tekniċi jew grammatiċi li jkunu ovvji, ikun allinjat mar-rekwiżiti applikabbli dwar it-tqassim, il-preżentazzjoni, l-ifformattjar jew l-aċċessibbiltà, jew f’konformità mal-prattiki settorjali. L-editjar imur lil hinn mill-editjar standard jekk il-kontenut jinbidel b’mod materjali (modifiki sostantivi, bidliet strutturali, eċċ.) li jaffettwa t-tifsira, l-istil jew l-intenzjoni tiegħu.

(91)

It-tieni eċċezzjoni tapplika meta sistema tal-IA ma tbiddilx b’mod sostanzjali d-data tal-input ipprovduta mill-implimentatur jew is-semantika tagħha. Modifika għandha titqies bħala sostanzjali jekk id-data tal-input jew is-semantika tagħha tkun ġiet immanipulata b’mod sinifikanti mis-sistema tal-IA matul il-proċess tal-ġenerazzjoni tal-output tagħha. Dan irid ikun ibbażat fuq valutazzjoni tal-fatturi rilevanti, bħall-format, it-tip ta’ kontenut tal-media, l-istil u l-bidliet fil-kontenut li jaffettwaw it-tifsira, l-istil jew l-intenzjoni tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ikunx il-każ, ikun hemm bżonn li ssir valutazzjoni speċifika għall-każ.

(92)

Jekk sistema tal-IA tkun tista’ tintuża kemm għall-ġenerazzjoni tal-kontenut kif ukoll għall-manipulazzjoni u għal modifiki minuri mhux sostanzjali tad-data tal-input, l-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA ma japplikax għall-kontenut modifikat b’mod minuri mhux sostanzjali.

Eżempji ta’ editjar standard u ta’ modifiki minuri li jibbenefikaw mill-eċċezzjoni skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA:

—

Il-korrezzjoni tal-grammatika u l-verifika ortografika, l-irfinar lingwistiku u stilistiku minuri li ma jbiddlux is-sustanza, it-tifsira, l-istil jew il-messaġġi tat-test, it-traduzzjonijiet tat-test iġġenerati mill-IA;

—

L-ifformattjar, il-konverżjonijiet tal-format, il-kompressjoni teknika, it-tnaqqis tal-istorbju jew it-tneħħija għal ċarezza mtejba mingħajr ma tinbidel it-tifsira jew is-sustanza tal-kontenut;

—

L-ikkroppjar minuri, l-aġġustamenti jew il-korrezzjonijiet minuri tal-kulur, l-iċċarar jew l-iskurar, l-irfinar għal ċarezza mtejba jew editjar standard ieħor u korrezzjonijiet tekniċi;

—

It-tneħħija ta’ tikek tat-trab ikkawżati minn lenti jew minn sensur maħmuġ, it-tneħħija ta’ għajnejn ħomor ikkawżati minn fotografija bil-flash; it-tħassir u l-isfumar tal-isfond li huma viżibbli fil-fajl oriġinali, il-pixelation jew l-isfukar tal-uċuħ;

—

L-iskala mill-ġdid ta’ filmat, il-kompressjoni tal-medda dinamika u l-ugwalizzazzjoni; l-istabbilizzazzjoni limitata tal-vidjo;

—

Aġġustamenti standard għall-kulur u għall-kuntrast, aġġustamenti minuri għall-veloċità tal-playback, korrezzjonijiet minuri biex jiġi livellat l-orizzont ta’ immaġni, l-applikazzjoni ta’ filtri tal-pixels biex jiġu amplifikati ċerti partijiet ta’ immaġni, jew l-applikazzjoni ta’ mapep tal-kulur għal immaġnijiet fuq skala griża, it-tlestija tal-immaġni tat-tarf, il-konverżjoni ta’ immaġni jew ta’ vidjo iswed u abjad għal wieħed ikkulurit u viċi versa;

—

Il-mili tal-pixels għall-adattament tal-proporzjon tal-aspett jew għal ċarezza mtejba, filmati qosra ta’ tranżizzjoni awtomatika, editjar mhux sostantiv ieħor għal finijiet kożmetiċi u tekniċi.

—

L-ipproċessar tekniku jew ir-rikostruzzjoni tal-immaġnijiet mediċi fl-apparati mediċi (eż. annotazzjonijiet, kaxxi, kontorni, ċrieki, mapep tas-sħana);

—

It-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjonijiet; Kontenut iġġenerat mill-IA li jittrasforma biss l-input uman awtentiku permezz ta’ teknoloġiji assistivi li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà jikkomunikaw (eż. komunikazzjoni b’awmentazzjoni u alternattiva (AAC) jew ilħna newrali personalizzati (CNV)) peress li ma jbiddlux b’mod semantitiku t-tifsira tal-kontenut.

Eżempji ta’ bidliet semantiċi li jeħtieġu l-immarkar skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA:

—

Sommarji tat-test iġġenerati mill-IA; l-ipparafrizzar jew il-kitba mill-ġdid ta’ test li tibdel l-istil, l-istruttura u t-tifsira lil hinn minn sempliċi korrezzjoni grammatikali u stilistika minuri;

—

It-tneħħija, is-sostituzzjoni jew l-inserzjoni ta’ oġġetti jew ta’ persuni f’immaġnijiet u f’vidjos eżistenti li jibdlu t-tifsira u s-sustanza tal-kontenut; is-sostituzzjoni tal-wiċċ jew il-modifika sostanzjali tal-wiċċ,

—

Is-sinteżi ta’ diskors realistiku bil-vuċi ta’ persuna speċifika, jew il-ġenerazzjoni ta’ vidjo realistiku li juri avvenimenti li ma seħħewx; il-bidla fil-forma tal-ġisem jew fil-kulur tal-ġilda ta’ persuna; bidliet estremi fl-iċċarar, fl-iskurar, fil-kulur u fil-kuntrast li jbiddlu t-tifsira, l-intenzjoni u l-messaġġi tal-kontenut;

—

Il-ħolqien ta’ immaġnijiet jew ta’ filmati komposti li jimmodifikaw ir-rappreżentazzjoni ta’ persuni, ta’ oġġetti, ta’ avvenimenti jew ta’ fatti, kwalunkwe modifika sostanzjali oħra tal-kontenut.

(93)

It-tielet eċċezzjoni tapplika għas-sistema tal-IA ġenerattiva awtorizzata bil-liġi biex tiġġenera jew timmanipula kontenut sintetiku twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Il-kjarifiki previsti fil-punti 46-48 aktar ’il fuq għal din l-eċċezzjoni huma rilevanti wkoll f’dan il-każ.

4.4.   Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni

(94)

L-obbligi tal-immarkar u tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jiffokaw fuq kif inħoloq il-kontenut u fuq l-oriġini artifiċjali tiegħu, mhux fuq min ħoloq il-kontenut. Għalhekk, kwalunkwe soluzzjoni ta’ mmarkar u ta’ identifikazzjoni użata mill-fornituri tas-sistemi tal-IA trid tkun konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi l-prinċipji u l-obbligi tal-protezzjoni tad-data, bħall-obbligu tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, il-minimizzazzjoni tad-data u l-prinċipji tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità. Pereżempju, għall-fini tal-immarkar u tal-identifikazzjoni, l-informazzjoni relatata mal-ħallieq tal-kontenut ma għandhiex tiġi pproċessata u kwalunkwe data personali oħra pproċessata għandha titħassar hekk kif jintlaħaq l-iskop tal-identifikazzjoni, iridu jiġu żgurati s-sigurtà u l-kunfidenzjalità, eċċ.

(95)

Il-Premessa 136 tal-Att dwar l-IA tenfasizza wkoll ir-rilevanza partikolari tal-obbligi ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(1), (2) u (4) tal-Att dwar l-IA biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tad-DSA. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna (“VLOPs”) jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna (“VLOSEs”) biex jidentifikaw, janalizzaw, jivvalutaw u jimmitigaw b’mod diliġenti r-riskji sistemiċi li jistgħu jirriżultaw mid-disseminazzjoni ta’ kontenut li jkun ġie ġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali, b’mod partikolari r-riskju tal-effetti negattivi reali jew prevedibbli fuq il-proċessi demokratiċi, fuq id-diskors ċiviku u fuq il-proċessi elettorali, inkluż permezz tad-diżinformazzjoni (l-Artikoli 34 u 35 tad-DSA). Il-marki li jinqraw mill-magni jistgħu jippermettu lil dawk il-fornituri jidentifikaw kontenut li jkun iġġenerat jew immanipulat mill-IA u jipprovdu tikkettar u divulgazzjonijiet xierqa, u b’hekk inaqqsu r-riskju ta’ diżinformazzjoni ġġenerata mill-IA fis-servizzi tagħhom.

(96)

L-obbligi ta’ mmarkar u ta’ tikkettar ta’ kontenut iġġenerat jew immanipulat minn sistemi tal-IA skont l-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu fl-Artikolu 16(6) tad-DSA għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jipproċessaw avviżi dwar kontenut illegali riċevut skont l-Artikolu 16(1) tad-DSA (29). B’mod partikolari, l-immarkar jew it-tikkettar applikati għal kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA ma għandhomx jinfluwenzaw il-valutazzjoni u d-deċiżjoni dwar l-illegalità tal-kontenut speċifiku skont oqfsa regolatorji oħra. Din il-valutazzjoni għandha ssir biss b’riferiment għar-regoli li jirregolaw il-legalità tal-kontenut f’konformità ma’ dawk l-oqfsa (30). Pereżempju, jekk immaġni deepfake tikkettata tiġi mmarkata bħala materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) potenzjali jew ksur tal-liġi dwar it-trademark jew id-drittijiet tal-awtur, l-applikazzjoni ta’ tikketta ma taffettwax l-illegalità potenzjali tal-kontenut skont dawk l-oqfsa regolatorji. Dik il-valutazzjoni għandha titwettaq biss abbażi tal-liġijiet rispettivi applikabbli (eż. id-dritt kriminali, jew ir-regoli dwar it-trademarks jew id-drittijiet tal-awtur).

(97)

Min-naħa l-oħra, l-immarkar li jinqara mill-magni inkorporat fil-kontenut skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA jista’ jgħin lill-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 34 u 35 tad-DSA biex jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw ir-riskji sistemiċi li jistgħu jirriżultaw mid-disseminazzjoni ta’ kontenut li jkun ġie ġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali, b’mod partikolari r-riskju tal-effetti negattivi reali jew prevedibbli fuq il-proċessi demokratiċi, fuq id-diskors ċiviku, fuq il-proċessi elettorali, inkluż permezz tad-diżinformazzjoni (31), u li jistabbilixxu miżuri raġonevoli, proporzjonati u effettivi biex jittaffew dawk ir-riskji, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati. Il-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala fornituri ta’ sistemi tal-IA jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti skont l-Att dwar l-IA fejn jintegraw is-sistemi tal-IA fis-servizzi tagħhom (ara wkoll it-Taqsima 6.1.5).

(98)

Il-fornituri ta’ pjattaformi online, ta’ magni tat-tiftix online u atturi rilevanti oħra li jiddistribwixxu l-kontenut tul il-katina tal-valur jitħeġġu b’mod partikolari jippreservaw u jippermettu l-identifikazzjoni tal-marki implimentati mill-fornituri skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, sabiex il-persuni fiżiċi esposti għall-kontenut ikunu jistgħu jiġu infurmati dwar l-oriġini tiegħu.

5.   ARTIKOLU 50(3) TAL-ATT DWAR L-IA: SISTEMI TA’ RIKONOXXIMENT TAL-EMOZZJONIJIET U SISTEMI TA’ KATEGORIZZAZZJONI BIJOMETRIKA

(99)

L-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA jimponi obbligu fuq l-implimentaturi ta’ sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet u ta’ sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika biex jinformaw lill-persuni fiżiċi li jkunu esposti għal dawk is-sistemi dwar it-tħaddim tas-sistema.

(100)

Il-Premessa 132 tal-Att dwar l-IA tispjega li l-fini ta’ dak l-obbligu hija li jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi (inklużi l-persuni b’diżabbiltà) ikunu konxji li jkunu esposti għal sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet u ta’ kategorizzazzjoni bijometrika li jistgħu jkunu intrużivi għall-privatezza tagħhom. Għalhekk, l-obbligu japplika irrispettivament minn jekk il-persuni ikunux esposti għal tali sistemi f’ħin reali jew jekk dawk is-sistemi jkunux operati ex post.

5.1.   Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati skont l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA

5.1.1.   Il-kunċett ta’ sistema ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet

(101)

L-Artikolu 3(39) tal-Att dwar l-IA jiddefinixxi “sistema ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet” bħala “sistema tal-IA għall-fini tal-identifikazzjoni jew tal-inferiment tal-emozzjonijiet jew tal-intenzjonijiet ta’ persuni fiżiċi abbażi tad-data bijometrika tagħhom”. L-ispjegazzjoni dettaljata ta’ dan il-kunċett ipprovduta fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli, inklużi l-eżempji prattiċi stabbiliti fihom, huma rilevanti bl-istess mod fil-kuntest tal-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA.

(102)

Peress li s-sistemi kollha ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet huma kklassifikati wkoll bħala b’riskju għoli, sakemm ma jkunux ipprojbiti skont l-Artikolu 5(1)(f) tal-Att dwar l-IA fl-oqsma tal-post tax-xogħol u tal-edukazzjoni, l-obbligu ta’ trasparenza fl-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA għandu japplika flimkien ma’ salvagwardji u rekwiżiti oħra applikabbli għal sistemi tal-IA b’riskju għoli.

5.1.2.   Il-kunċett ta’ sistema ta’ kategorizzazzjoni bijometrika

(103)

L-Artikolu 3(40) tal-Att dwar l-AI jiddefinixxi sistema tal-kategorizzazzjoni bijometrika bħala sistema tal-AI maħsuba biex tassenja lil persuni fiżiċi f’kategoriji speċifiċi abbażi tad-data bijometrika tagħhom, sakemm ma tkunx anċillari għal servizz kummerċjali ieħor u strettament meħtieġa għal raġunijiet tekniċi oġġettivi. L-ispjegazzjoni dettaljata ta’ dan il-kunċett ipprovduta fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli, inklużi l-elementi speċifiċi tagħhom kif ukoll l-eżempji prattiċi stabbiliti fihom, huma rilevanti bl-istess mod fil-kuntest tal-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA.

(104)

B’mod importanti, sakemm ma jkunx ipprojbit skont l-Artikolu 5(1)(g) tal-Att dwar l-IA, l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA japplika għal kwalunkwe sistema ta’ kategorizzazzjoni bijometrika (eż. klassifikazzjoni tal-età jew tal-ġeneru bbażata fuq data bijometrika), irrispettivament minn jekk jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli skont l-Att dwar l-IA.

5.1.3.   L-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA

(105)

L-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta: L-implimentaturi huma meħtieġa jinfurmaw lill-persuni fiżiċi kkonċernati li jkunu esposti għal sistema ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet jew għal sistema ta’ kategorizzazzjoni bijometrika, li tkun qed tiġi operata. L-Att dwar l-IA ma jirrikjedix li tiġi inkluża informazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tħaddim tas-sistema, jew jekk is-sistema tipproċessax ukoll informazzjoni għal finijiet għajr ir-rikonoxximent tal-emozzjonijiet jew il-kategorizzazzjoni bijometrika, li huma meħtieġa li jiġu ddivulgati skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data (ara t-Taqsima 5.3.).

(106)

Id-destinatarji tal-informazzjoni: L-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li l-implimentaturi jinfurmaw lill-persuni fiżiċi kollha esposti għat-tħaddim tas-sistema tal-IA, inklużi t-tfal.

(107)

Il-mezzi għall-għoti ta’ informazzjoni: L-Att dwar l-IA ma jippreskrivix mezz speċifiku biex tiġi pprovduta l-informazzjoni, ħlief li l-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li jeħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta b’mod ċar u li jingħaraf u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli (li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-persuni fiżiċi b’diżabbiltà). Il-mod kif il-persuni fiżiċi esposti għas-sistema għandhom jiġu infurmati jista’ jiddependi fuq il-post tal-implimentazzjoni (eż. pjattaforma tal-logħob virtwali, ħanut fiżiku u stazzjon tal-ferrovija), id-destinatarji possibbli (eż. tfal, anzjani, persuni b’diżabbiltà, klijenti), it-tul u t-tip tal-esponiment (eż. fit-tul, ta’ darba, kontinwu, intermittenti), u l-eżistenza possibbli ta’ relazzjoni bejn l-implimentatur u l-persuni esposti (eż. jekk ikun hemm mezz ta’ komunikazzjoni eżistenti mal-individwu). Skont il-każ ta’ użu, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta bil-miktub, permezz ta’ ikoni standardizzati (ukoll meta jiġu ppreżentati b’mod elettroniku), b’mod orali, jew bl-użu ta’ kombinazzjonijiet ta’ tali modi.

Eżempji ta’ infurmar tal-persuni fiżiċi:

—

Pop-up imqiegħed fiċ-ċentru b’messaġġ li jitla’ qabel ma tinbeda logħba tal-kompjuter li jindika li l-wiċċ tal-plejer u l-emozzjonijiet tiegħu jiġu rreġistrati.

—

Avviż viżibbli f’kull daħla possibbli għal sala tal-esibizzjonijiet b’informazzjoni li qed jiġu rreġistrati l-immaġnijiet tal-wiċċ tal-viżitaturi meta jidħlu fil-kamra biex jiġu assenjati għal grupp ta’ età speċifiku.

(108)

L-iskeda ta’ żmien għall-għoti ta’ informazzjoni: L-informazzjoni trid tiġi pprovduta mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel interazzjoni mas-sistema tal-IA jew esponiment għaliha f’konformità mal-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA. Fejn xieraq, l-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa minn qabel ma huwiex eskluż.

5.2.   Eċċezzjoni għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi

(109)

L-obbligu ta’ informazzjoni ma japplikax għal sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet u għal sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika li huma permessi bil-liġi li jikxfu, jipprevjenu jew jinvestigaw reati kriminali, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ partijiet terzi, u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Il-kjarifiki pprovduti għal din l-eċċezzjoni fil-punti 46-48 aktar ’il fuq huma rilevanti wkoll f’dan il-każ b’differenza waħda. Filwaqt li l-eċċezzjonijiet l-oħra fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jirrikjedu liġi espliċita li tawtorizza l-użu mhux trasparenti tas-sistemi tal-IA, l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA jagħmel it-tali użu possibbli meta jkun permess skont ir-regoli legali li jirregolaw is-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jużaw sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet u sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika biex jikxfu, jipprevjenu jew jinvestigaw reati kriminali mingħajr ma jinfurmaw lill-persuni kkonċernati, soġġetti għal salvagwardji xierqa.

5.3.   Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni

(110)

L-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA, fih innifsu, ma jagħmilx legali l-użu ta’ sistema ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet u ta’ sistema ta’ kategorizzazzjoni bijometrika. Lanqas ma jilleġittimizza użi intrużivi jew diskriminatorji li jistgħu jkunu illegali u pprojbiti skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar l-IA jew liġi oħra tal-Unjoni. L-implimentaturi jeħtieġ li jikkonformaw mal-obbligu ta’ informazzjoni fl-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit ta’ informazzjoni applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. F’ċerti każijiet, l-implimentaturi jistgħu jikkunsidraw li jżidu notifiki skont l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA għall-informazzjoni pprovduta lis-suġġetti tad-data skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

6.   ARTIKOLU 50(4): TIKKETTAR TA’ DEEPFAKES U TA’ ĊERTI PUBBLIKAZZJONIJIET TAT-TEST

(111)

L-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA jistabbilixxi żewġ obbligi separati indirizzati lejn l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA ġenerattiva li jirrikjedu divulgazzjonijiet ċari u li jingħarfu ta’ (i) deepfakes u (ii) test iġġenerat jew immanipulat mill-IA ppubblikat bl-iskop li l-pubbliku jiġi infurmat dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku ħlief f’każijiet definiti. Dawn l-obbligi tat-tikkettar japplikaw ukoll u mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-immarkar u tal-identifikazzjoni li jinqraw mill-magni skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA applikabbli għall-fornituri ta’ sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw kontenut sintetiku ta’ immaġnijiet, ta’ vidjo, ta’ awdjo jew ta’ test.

6.1.   Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati għad-deepfakes skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA

(112)

L-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA japplika jekk jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet:

(i)

Is-sistema trid tkun sistema tal-IA;

(ii)

Użata minn implimentaturi għal finijiet professjonali (ara t-Taqsimiet 2.3. u 2.4.1.);

(iii)

Biex jiġġeneraw jew jimmanipulaw il-kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo li jikkostitwixxi deepfake;

(iv)

Is-sistema tal-IA ma tistax taqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-użu awtorizzat bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

6.1.1.   Il-kunċett ta’ “deepfake”

(113)

L-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA jiddefinixxi “deepfakes” bħala “immaġni, kontenut awdjo jew vidjo ġġenerat jew manipulat minn IA li jixbah lil persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra li jeżistu u li jidher li huwa awtentiku u veritier għall-persuna li tarah”. Id-differenza bejn il-manipulazzjoni u l-ġenerazzjoni ġiet iċċarata fit-Taqsima 4.1 aktar ’il fuq. Għall-fini li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ deepfake, erba’ kriterji kumulattivi minn dik id-definizzjoni huma eżaminati aktar ’il quddiem: (i) xebh ta’ (ii) persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti (iii) li jeżistu (iv) li jidhru li jidher li huwa awtentiku u veritier għall-persuna li tarah.

(i)

Xebh: L-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA jispeċifika li kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA jrid “jixbah” lis-suġġetti eżistenti biex jikkostitwixxi deepfake. Il-Premessa 134 tal-Att dwar l-IA żżid li tali xebh għandu jkun “sinifikattiv”. Il-kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA jixbah b’mod sinifikattiv lil suġġett jekk ikun hemm livell għoli ta’ similarità bejn il-kontenut deepfake u s-suġġett (inkluż kwalunkwe wieħed mill-elementi li jintgħarfu tiegħu) li jkun simulat mid-deepfake. Il-kontenut ma għandux għalfejn ikun identiku għas-suġġett. Jekk il-livell ta’ xebh ikunx sinifikattiv hija valutazzjoni ta’ każ b’każ li għandha ssir mill-implimentatur abbażi ta’ tqabbil oġġettiv bejn is-suġġett simulat u l-kontenut deepfake, abbażi, fost l-oħrajn, ta’ kemm il-karatteristiċi jew l-elementi distintivi huma rrappreżentati mid-deepfake.

(ii)

Li jeżistu: L-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA jispeċifika li kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA jrid jixbah lil suġġett jew lil suġġetti “li jeżistu” biex jikkostitwixxi deepfake. Sabiex jiġi ssodisfat b’mod effettiv l-iskop tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA biex jitnaqqsu r-riskji ta’ personifikazzjoni, ta’ qerq, ta’ miżinformazzjoni, ta’ manipulazzjoni u ta’ frodi, il-karatteristika tal-eżistenza timplika li l-kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA għandhom jixbhu lil suġġetti realistiċi (eż. persuni, oġġetti, postijiet). Għalhekk, huwa biżżejjed li l-persuni, l-oġġetti, il-postijiet, l-entitajiet jew l-avvenimenti simulati jixbhu lil xi ħadd jew xi ħaġa li teżisti, jistgħu jeżistu b’mod plawżibbli jew setgħu b’mod plawżibbli jeżistu fir-realtà biex jitqiesu bħala deepfakes, peress li tali kontenut jista’ jkun sors ewlieni ta’ qerq, ta’ manipulazzjoni u ta’ diżinformazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti simulati li, pereżempju, jisfidaw il-liġijiet tan-natura jew tal-fiżika jew juru forom ta’ ħajja li ma humiex aċċettati b’mod komuni fil-bijoloġija (bħal pereżempju bnedmin li jtiru mingħajr għajnuniet mekkaniċi, draguni, jew iljunfanti li jsuqu karozzi) u li ma għandhom l-ebda potenzjal li jqarrqu jitqiesu bħala mhux realistiċi u, għalhekk, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ trasparenza.

(iii)

Persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti: L-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA jispeċifika li l-kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA għandu jixbah lil “persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti” li jeżistu biex jikkostitwixxu deepfake. “Persuni” għandha tinftiehem bħala bnedmin realistiċi (inklużi repliki diġitali ta’ persuni reali, avatars jew personas umani realistiċi ġġenerati mill-IA, u karatteristiċi jew espressjonijiet personali, bħall-immaġni, il-vuċi, l-imġiba, il-prestazzjonijiet, eċċ.). “Oġġetti” għandha tinftiehem bħala oġġetti materjali realistiċi u inanimati, inklużi bini, opri tal-arti, makkinarju, prodotti għall-konsumatur, eċċ. “Postijiet” għandha tinftiehem bħala postijiet realistiċi. “Entitajiet” għandha tinftiehem bħala esseri realistiċi mhux umani iżda animati, inklużi annimali jew forom bijoloġiċi oħra ta’ ħajja. “Avvenimenti” għandha tinftiehem bħala xeni jew sitwazzjonijiet realistiċi li jistgħu jinvolvu persuni, oġġetti, postijiet u entitajiet (eż. li jevokaw avvenimenti storiċi jew ir-rappreżentazzjoni ta’ servizzi professjonali jew tal-konsumatur).

(iv)

Dehra falza li tidher li hija awtentika u veritiera għall-persuna li taraha: Ir-raba’, l-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA jispeċifika li l-kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo ġġenerat jew immanipulat mill-IA għandu jixbah lil persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti li jeżistu “li jidher li huwa awtentiku u veritier għall-persuna li tarah”. Dan il-kriterju huwa relatat mal-karatteristika essenzjali tal-kontenut deepfake u mal-kapaċità tiegħu li potenzjalment iqarraq b’persuna jew ifixkilha rigward l-awtentiċità jew il-verità tal-kontenut (32). L-awtentiċità tal-kontenut tirreferi għal jekk il-kontenut ikunx ġenwinament dak li jkun intenzjonat li jkun f’termini tas-sors jew tal-proċess ta’ ħolqien tiegħu (inkluż, eż., l-involviment ta’ bnedmin jew ta’ annimali reali u l-imġiba jew l-azzjonijiet reali tagħhom, id-dehra jew l-użu reali ta’ oġġetti jew it-twettiq ta’ servizzi, kif żvolġa jew x’seħħ waqt avveniment b’mod akkurat). Il-verità hija marbuta mal-veraċità tal-kontenut (eż. il-korrettezza fattwali tar-rappreżentazzjonijiet fid-deepfake).

(114)

Jekk il-kontenut “[jidhirx] li huwa awtentiku u veritier għall-persuna li tarah” għandu jiġi vvalutat fl-intier tiegħu, filwaqt li jitqies il-livell ta’ xebh, il-messaġġ sostantiv potenzjali tal-kontenut, il-kuntesti ta’ implimentazzjoni maħsuba u prevedibbli, l-ambjent li fih jiġi ppreżentat il-kontenut, u l-kompożizzjoni tal-udjenza maħsuba u raġonevolment prevedibbli u l-aspettattivi tagħha. Madankollu, din il-valutazzjoni hija oġġettiva u ma teħtieġx l-intenzjoni tal-implimentatur li jqarraq bil-persuni fiżiċi esposti għall-kontenut jew ifixkilhom biex dan ikun jikkostitwixxi deepfake. Fir-rigward tal-kuntest tal-implimentazzjoni u tal-aspettattivi tal-udjenza, dan ifisser li jekk il-kontenut jintuża f’kuntesti ta’ implimentazzjoni speċifiċi fejn l-udjenza maħsuba u raġonevolment prevedibbli ma tistenniex li l-kontenut ikun awtentiku jew veritier, il-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA ma jistax jidher b’mod falz li huwa awtentiku jew veritier anke jekk, fil-fatt, ma jkunx awtentiku jew veritier. F’każijiet bħal dawn, ir-raba’ kriterju tad-definizzjoni ta’ deepfake mhux se jiġi ssodisfat. Pereżempju, il-ġenerazzjoni jew il-manipulazzjoni bl-IA ta’ xenarji fl-isfond, tal-effetti speċjali, jew tal-proċessar tekniku ta’ qabel u ta’ wara bħala parti mill-proċessi standard tal-produzzjoni tal-films x’aktarx li ma jagħmilx il-kontenut jidher b’mod falz li huwa awtentiku jew veritier għall-udjenza. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-IA għall-ġenerazzjoni jew għall-manipulazzjoni ta’ elementi essenzjali li jħallu impatt fuq il-perċezzjoni tal-udjenza x’aktarx li jagħmel dan (bħal atturi kompletament iġġenerati mill-IA, repliki diġitali ta’ atturi reali jew mejtin, il-persuni jidhru iżgħar, rappreżentazzjonijiet simulati inklużi partijiet tagħhom, jew ir-rappreżentazzjoni mhux awtentika jew veritiera ta’ persuni, ta’ oġġetti, ta’ postijiet jew ta’ avvenimenti f’dokumentarji). Għall-kontenut ta’ immaġni u ta’ vidjo, huwa rikonoxxut li grad għoli ta’ fotorealiżmu jagħmilha aktar probabbli li tali kontenut għandu jitqies bħala deepfake (peress li x’aktarx jixbah lil suġġetti eżistenti), iżda l-fotorealiżmu waħdu ma huwiex determinanti għall-valutazzjoni. Dak li għandu jiġi vvalutat xorta waħda, huwa jekk tali kontenut ikunx kapaċi jqarraq b’persuna jew ifixkilha rigward l-awtentiċità jew il-veraċità tal-kontenut filwaqt li jitqies, fost l-oħrajn, il-kuntest ta’ implimentazzjoni maħsub u prevedibbli.

(115)

Għall-kuntrarju tal-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA, il-valutazzjoni tad-dehra falza li tidher li hija awtentika u veritiera għall-persuna li taraha ma għandhiex tkun ibbażata fuq persuna ipotetika “medja” mistennija li tkun esposta għall-kontenut (ara t-Taqsima 3.2.1), iżda għandha tqis kif xieraq il-kompożizzjoni diversa possibbli tal-udjenza raġonevolment prevedibbli li tista’ tkun esposta għall-kontenut deepfake. Il-kunsiderazzjoni xierqa tal-kompożizzjoni tal-udjenza hija partikolarment importanti jekk ikun raġonevolment prevedibbli li l-kontenut deepfake jista’, f’xi punt, jiġi pperċepit mit-tfal, mill-anzjani, jew minn gruppi oħra ta’ persuni b’livell aktar baxx ta’ kompetenza diġitali u litteriżmu fl-IA jew ta’ għarfien ġenerali, peress li jistgħu jitqarrqu jew jitfixklu aktar faċilment fir-rigward tal-awtentiċità jew tal-veraċità tal-kontenut. F’każijiet bħal dawn, id-dehra falza tal-kontenut li jkun awtentiku jew veritier għal dik il-parti tal-udjenza prevedibbli tista’ tkun biżżejjed biex il-kontenut jikkwalifika bħala deepfake. Madankollu, l-implimentaturi ma humiex mistennija jikkunsidraw id-disseminazzjoni ulterjuri potenzjali tal-kontenut deepfake minn partijiet terzi lil hinn mill-udjenza raġonevolment prevedibbli mill-implimentatur, filwaqt li jqisu l-kanali ta’ distribuzzjoni maħsuba (eż. jekk kontenut deepfake jintwera biss fuq parti ta’ sit web għall-abbonati biss jew bħala parti minn bullettin korporattiv, dan ma jimplikax li l-implimentatur għandu jqis l-aċċessibbiltà pubblika wiesgħa b’mod awtomatiku).

(116)

B’mod simili, il-manipulazzjoni appoġġata mill-IA ta’ aspetti sostantivi jew tekniċi insinifikanti ta’ kontenut preeżistenti tista’ tkun ta’ rilevanza minuri għall-valutazzjoni minn persuna tal-awtentiċità jew tal-veraċità tal-kontenut, u ma twassalx biex il-kontenut isir deepfake. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, l-editjar tad-dettalji ta’ sfond (eż. it-tneħħija ta’ xi ħadd li kien għaddej miexi), l-aġġustamenti tad-dawl, l-adattament tal-parametri tal-awdjo, il-korrezzjoni tal-kulur, it-tnaqqis jew it-tneħħija tal-istorbju, it-titjib tal-aċċessibbiltà jew il-kompressjoni tal-fajl, aġġustamenti kosmetiċi u t-tisbiħ. Jekk il-manipulazzjoni taqax f’din il-kategorija jiddependi fuq il-kuntest u l-impatt fuq il-perċezzjoni tal-persuni dwar l-awtentiċità jew il-verità tal-kontenut fil-każ speċifiku. Pereżempju, il-korrezzjoni tal-kulur li taħdem bl-IA, l-estensjonijiet fl-isfond tal-kontenut eżistenti, l-aġġustamenti jew is-sostituzzjonijiet tal-isfondi għal skopijiet estetiċi ċari, il-kompożizzjonijiet u l-arranġamenti ta’ prodotti eżistenti, jew l-iskalar mill-ġdid tal-immaġnijiet applikati fir-reklami jew fl-imballaġġ tal-prodotti x’aktarx li jkollhom biss impatt żgħir fuq il-perċezzjoni ta’ persuna tal-awtentiċità u tal-veraċità tar-reklam u tal-prodott. Min-naħa l-oħra, l-editjar sostanzjali li jaħdem bl-IA tad-dettalji kuntestwali tal-immaġnijiet ġurnalistiċi lil hinn mill-prattiki tekniċi u editorjali standard jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-perċezzjoni ta’ persuna tal-awtentiċità u tal-veraċità tal-kontenut.

Eżempji ta’ deepfakes skont l-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA:

—

Immaġni mmanipulata mill-IA ta’ xena li tinvolvi żewġ plejers tal-futbol professjonali reali quddiem bini li jixbah stadju tal-futbol.

—

Awdjo ġġenerat mill-IA li jinvolvi l-ikklonar tal-vuċi ta’ preżentaturi regolari f’podcast ta’ gazzetta u ta’ mistieden li jiddiskutu xi avvenimenti tal-aħbarijiet.

—

Vidjo ġġenerat mill-IA ta’ individwu li jixbah politiku, li jagħmel diskors quddiem udjenza.

—

Vidjo ġġenerat mill-IA li juri rappreżentazzjoni ġġenerata mill-IA ta’ influwenzatur ċelebri f’kuntest ta’ reklamar jew ta’ promozzjoni.

—

Vidjo ġġenerat mill-IA li juri avatar sintetiku realistiku ta’ CEO ta’ kumpanija li jifraħ lill-impjegati għall-ħidma tagħhom u għar-riżultati korporattivi tas-sena li għaddiet.

—

Immaġni ġġenerata mill-IA ta’ prodott fir-reklam jew fl-imballaġġ tal-prodott li tista’ taffettwa l-perċezzjoni tal-udjenza u tqarraq fir-rigward tad-dehra, tal-karatteristiċi jew tal-użu reali tal-prodott (eż. li l-prodott isir jidher li ma jkunx identiku għall-prodott reali, aktar attraenti jew bi kwalità mtejba milli fil-ħajja reali).

Eżempji li ma jikkostitwux deepfakes skont l-Artikolu 3(60) tal-Att dwar l-IA:

—

Immaġni ġġenerata mill-IA ta’ xena li tinvolvi sfinġi ttir fuq it-Torri Eiffel.

—

Vidjo ġġenerat mill-IA ta’ ġrieden jargumentaw b’lingwa umana fuq l-aħjar tip ta’ ġobon bħala parti minn kampanja ta’ reklamar għal manifattur tal-ġobon.

—

Ir-replikazzjoni tal-vuċi bl-IA għal karattri fittizji (eż. għall-kotba awdjo, għal-logħob jew għall-animazzjoni) meta ma jkun hemm l-ebda qerq dwar l-identità tan-narraturi.

—

Xandir bir-radju mmanipulat mill-IA li jaġġusta l-parametri tekniċi tal-awdjo (eż. in-normalizzazzjoni tal-livelli tal-volum, it-tnaqqis tal-istorbju, il-kompressjoni tal-awdjo) mingħajr ma jiġi modifikat il-kliem reali mitkellem mill-kelliema jew il-mod kif jitkellmu.

—

Cartoon iġġenerat mill-IA ta’ immaġni preeżistenti li turi avveniment storiku.

—

Vidjo ta’ preżentatur ta’ programm xjentifiku tat-TV li jimxi f’reġjun muntanjuż filwaqt li jindirizza l-glaċieri li qed jiċkienu li jintwera b’animazzjoni ta’ sfond immanipulata mill-IA li turi kif il-glaċieri jiċkienu mil-livelli storiċi tagħhom għal-livelli kurrenti tagħhom.

—

Ambjenti fittizji ġġenerati mill-IA (eż. foresti u kastelli fittizji) fil-logħob vidjo.

—

Films fejn l-atturi reali eżistenti (mhux immanipulati mill-IA) qed jirreċtaw quddiem sfond iġġenerat mill-IA (eż. li juru medda fittizja ta’ mergħa, bini storiku ta’ bliet antiki, eċċ.).

—

Prodott reali (eż. karozza) muri f’reklam fuq sfond u f’ambjent tal-madwar iġġenerati mill-IA sakemm ir-reklam x’aktarx li ma jqarraqx bl-udjenza dwar ir-rappreżentanza reali tal-prodott u l-karatteristiċi u l-użu tiegħu.

6.1.2.   L-obbligu ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA

(117)

L-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA jobbliga lill-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw il-kontenut ta’ immaġni, ta’ awdjo jew ta’ vidjo li jikkostitwixxi deepfake biex “jiddivulgaw li l-kontenut ġie ġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali”. Il-Premessa 134 tal-Att dwar l-IA tiċċara li l-implimentaturi li jużaw sistemi tal-IA biex jiġġeneraw jew jimmanipulaw kontenut deepfake għandhom jiddivulgaw b’mod ċar u distint li tali kontenut inħoloq jew ġie mmanipulat b’mod artifiċjali bit-tikkettar tal-output tal-IA kif xieraq u bid-divulgazzjoni tal-oriġini artifiċjali tiegħu. Il-metodi ta’ tikkettar jew ta’ divulgazzjoni applikati f’konformità mal-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA għandhom jinftiehmu u jkunu perċepibbli minn persuni fiżiċi (eż. b’tikketti viżibbli jew li jinstemgħu), mingħajr ma jkollhom bżonn jibbażaw fuq kwalunkwe għodda teknika speċifika jew iwettqu azzjonijiet dedikati. Għalhekk, l-implimentaturi ma jistgħux jibbażaw fuq l-immarkar li jinqara mill-magni inkorporat fil-kontenut mill-fornitur skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, peress li dak l-immarkar ma huwiex ċar u ma jintgħarafx immedjatament mill-persuni fiżiċi esposti għall-kontenut deepfake.

(118)

Fid-dawl tal-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA, l-implimentaturi jistgħu jaderixxu ma’ kodiċi ta’ prattika, ivvalutat bħala adegwat skont l-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA biex juru l-konformità ma’ dan l-obbligu ta’ divulgazzjoni. Għal aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-aderenza ma’ kodiċi bħal dan u s-superviżjoni ta’ implimentaturi oħra li ma jaderixxux ma’ kodiċi, ara t-Taqsima 8.1 aktar ’il quddiem.

6.1.3.   Trasparenza ta’ kontenut deepfake artistiku, kreattiv, satiriku, fittizju jew analogu

(119)

L-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA jipprevedi obbligu ta’ trasparenza mnaqqsa għal deepfakes li jiffurmaw parti minn xogħlijiet jew minn programmi evidentement artistiċi, kreattivi, satiriċi, fittizji jew analogi. Għal tali kontenut, l-obbligu ta’ trasparenza huwa limitat għad-divulgazzjoni tad-deepfake b’mod xieraq li ma jfixkilx il-wiri jew it-tgawdija tax-xogħol.

(120)

Kategoriji ta’ kontenut rilevanti: Sabiex jibbenefikaw mid-divulgazzjoni tat-trasparenza mnaqqsa, id-deepfake (immaġni, awdjo jew vidjo) għandu jifforma parti minn, tal-inqas, waħda mill-kategoriji ta’ kontenut li ġejjin: xogħlijiet jew programmi artistiċi, kreattivi, satiriċi, fittizji jew analogi. Id-determinazzjoni ta’ jekk deepfake jaqax taħt waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji tirrikjedi valutazzjoni ta’ każ b’każ mill-implimentatur. Għall-finijiet tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA, dawk il-kategoriji jinftiehmu kif ġej:

—

Ix-xogħlijiet artistiċi għandhom jinftiehmu bħala xogħlijiet li nħolqu għall-fini tal-arti, inklużi l-mużika, ix-xogħlijiet ċinematografiċi, u l-arti viżiva;

—

Ix-xogħlijiet kreattivi għandhom jinftiehmu bħala xogħlijiet li jinvolvu għażliet kreattivi. Ix-xogħlijiet li huma prinċipalment motivati minn kunsiderazzjonijiet funzjonali jew tekniċi ma jistgħux jitqiesu bħala kreattivi;

—

Ix-xogħlijiet satiriċi għandhom jinftiehmu bħala xogħlijiet li huma maħsuba biex jikkritikaw is-soċjetà, il-politika, in-negozju jew il-figuri pubbliċi permezz tal-użu ta’ tekniki umoristiċi (inklużi l-ironija, is-sarkażmu, ir-ridikolar, il-pastiċċ, eċċ.);

—

Ix-xogħlijiet fittizji għandhom jinftiehmu bħala xogħlijiet kulturali li jinvolvu persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti, f’ambjent immaġinarju, iżda li jidher li jkun ta’ veru;

—

Ix-xogħlijiet analogi għandhom jinftiehmu bħala xogħlijiet li għandhom l-istess karatteristiċi ewlenin jew karatteristiċi espressivi jew funzjonali simili bħall-kategoriji ta’ hawn fuq, iżda li ma jaqgħux f’kategorija waħda bl-eżatt.

(121)

Il-kategoriji ta’ kontenut ta’ hawn fuq jistgħu japplikaw ukoll għal programm(i) li għandu jinftiehem bħala oġġett individwali fi skeda jew f’katalgu, stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media, li jkun komparabbli fil-forma u fil-kontenut għax-xandir televiżiv (33). Ir-referenza għal “xogħlijiet” fil-kuntest tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA ma għandha l-ebda effett fuq jekk il-kontenut jikkwalifikax għall-protezzjoni skont il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

(122)

Evidentement: Il-fatt li deepfake jaqa’ f’waħda (jew aktar) mill-kategoriji ta’ kontenut ta’ hawn fuq għandu jkun evidenti għall-persuni fiżiċi esposti għalih. Dan jimplika li l-kategoriji għandhom jiġu interpretati b’mod strett, iġġustifikat mill-fatt li japplika reġim ta’ divulgazzjoni anqas strett minħabba l-impatt potenzjali fuq il-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-arti u x-xjenzi, filwaqt li r-riskji ta’ miżinformazzjoni, ta’ manipulazzjoni u ta’ qerq għad iridu jiġu indirizzati b’mod adegwat. Għalhekk, il-kontenut li n-natura tiegħu hija potenzjalment mhux ċara jew ambigwa għall-udjenza huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-reġim ta’ trasparenza anqas strett. Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni tan-natura evidenti tal-kontenut artistiku, kreattiv, satiriku jew fittizju jinkludu: (i) jekk il-kontenut fihx formati jew stili li huma karatteristiċi tal-kategoriji ta’ kontenut (eż. l-ironija jew l-esaġerazzjoni fil-każ ta’ xogħlijiet satiriċi, ċerti stili tal-arti, temi, tekniki jew karatteristiċi estetiċi distintivi, eċċ.); (ii) il-kuntest li fih jiġi ppreżentat il-kontenut (eż. jekk il-pjattaforma, il-mezz jew il-post fejn jiġi ppreżentat il-kontenut, isir disponibbli, jew jiġi distribwit ikun assoċjat ma’ użu artistiku, kreattiv, satiriku jew fittizju); u (iii) l-aspettattivi tal-udjenza (eż. film, ambjent tal-logħob, jew xena tar-realtà virtwali). Barra minn hekk, il-kundizzjoni li l-kontenut għandu “evidentement” jaqa’ f’waħda mill-kategoriji ta’ kontenut ta’ hawn fuq teskludi l-kontenut mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-kategoriji ta’ kontenut jekk in-natura tiegħu tkun esklużivament informattiva jew kummerċjali u tkun rikonoxxibbli bħala tali (eż. rapportar tal-aħbarijiet). F’dan ir-rigward, xi tipi ta’ kontenut (eż. reklamar jew dokumentarji) li fihom deepfakes jistgħu jitqiesu bħala xogħlijiet kreattivi jew fittizji b’mod ċar f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, iżda mhux f’oħrajn, peress li l-valutazzjoni hija speċifika għall-każ. Meta d-deepfake jgħaqqad diversi karattri (eż. informattivi u kreattivi), il-karattru informattiv dejjem għandu jipprevali u jeħtieġ konformità mar-rekwiżiti standard tat-tikkettar.

(123)

Divulgazzjoni xierqa li ma tfixkilx il-wiri jew it-tgawdija tax-xogħol: Deepfakes li jifformaw parti minn xogħlijiet jew minn programmi evidentement artistiċi, kreattivi, satiriċi jew fittizji ma humiex esklużi mill-obbligu ta’ trasparenza tal-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA. L-implimentaturi għadhom jeħtieġu jiddivulgaw il-kontenut li ġej mill-IA jew il-manipulazzjoni tiegħu, iżda jistgħu jagħmlu dan b’mod xieraq li ma jfixkilx il-wiri jew it-tgawdija tax-xogħol. Il-Premessa 134 tal-Att dwar l-IA tiċċara li tali divulgazzjoni xierqa ma għandhiex tfixkel l-isfruttament u l-użu normali, filwaqt li tippermetti li jinżammu l-utilità u l-kwalità tax-xogħol. Id-determinazzjoni ta’ liema miżuri ta’ divulgazzjoni għandhom jitqiesu xierqa hija valutazzjoni ta’ każ b’każ, fejn l-implimentaturi jistgħu jikkunsidraw il-fatturi rilevanti kollha (inkluża n-natura tax-xogħol, l-udjenza, il-kuntest, eċċ.). Fi kwalunkwe każ, l-implimentaturi jeħtieġ li jikkonformaw mal-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA (ara t-Taqsima 7). Fid-dawl tal-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA, l-implimentaturi jistgħu jaderixxu ma’ kodiċi ta’ prattika, ivvalutat bħala adegwat skont dik id-dispożizzjoni, biex juru l-konformità ma’ dan l-obbligu ta’ divulgazzjoni. Għal aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-aderenza ma’ kodiċi bħal dan u s-superviżjoni ta’ implimentaturi oħra li ma jaderixxux ma’ kodiċi, ara t-Taqsima 8.1 aktar ’il quddiem.

(124)

Salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ partijiet terzi: Il-Premessa 134 tal-Att dwar l-IA tiċċara li l-konformità mal-obbligu ta’ trasparenza mnaqqsa u l-użu ta’ deepfakes artistiċi, kreattivi, satiriċi jew fittizji jridu jkunu “soġġett[i] għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi”. Għalhekk, l-implimentaturi jeħtieġ li jiżguraw li d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi (inkluż, eż., id-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali jew tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali) ikunu salvagwardjati u rispettati b’mod adegwat, meta jinħolqu jew jiġu ppubblikati deepfakes, anke jekk id-deepfake għandu jitqies bħala artistiku, kreattiv, satiriku jew fittizju. Id-dipendenza fuq l-obbligu ta’ trasparenza mnaqqsa ma tistax tkun ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali tal-individwi jew tad-detenturi tad-drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-proprjetà intellettwali jew il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data (34).

Eżempji ta’ deepfakes li huma xogħlijiet kreattivi, satiriċi, fittizji jew analogi

—

Xogħol artistiku/fittizju: films (jew trejlers tal-films) li juru deepfakes iġġenerati jew immanipulati mill-IA ta’ atturi li jidhru iżgħar, li jeżistu jew repliki diġitali ta’ atturi mejtin jew ta’ persuni oħra, disponibbli f’ċinema jew fuq pjattaforma ta’ streaming.

—

Xogħol artistiku/kreattiv: Mużika ġġenerata mill-IA fi kwalunkwe tip ta’ ġeneru li jixbah l-istil individwali ta’ artisti eżistenti.

—

Xogħol satiriku/fittizju: Immaġni mmanipulata mill-IA ta’ politikant eżistenti li tpoġġih f’xena maħsuba b’mod ċar biex tikkritika b’mod umoristiku ċerti deċiżjonijiet ta’ politika meħuda jew appoġġati minn dik il-persuna.

—

Xogħol kreattiv/fittizju analogu: Immaġni tal-logħob iġġenerata mill-IA li tinvolvi simulazzjonijiet deepfake ta’ persuni reali u li jeżistu.

Eżempji ta’ deepfakes li ma jikkostitwixxux xogħol artistiku, kreattiv, satiriku, fittizju jew analogu:

—

Vidjo mmanipulat mill-IA fl-istil ta’ kanal tat-telebejgħ li jinvolvi simulazzjoni deepfake tal-bnedmin li jirriklama prodott f’xena ġġenerata mill-IA li turi l-użu funzjonali tal-prodott mill-konsumaturi simulati bl-għan ta’ persważjoni tat-telespettaturi biex jixtru l-prodott.

—

Immaġni ġġenerata mill-IA ta’ ċelebritajiet li timplika l-involviment tagħhom f’attivitajiet li qatt ma seħħew, mingħajr skop fittizju, satiriku jew analogu.

—

Vidjo mmanipulat mill-IA li juri influwenzatur sintetiku realistiku li jittestja prodott reali sponsorjat, iffukat biss fuq il-wiri tal-funzjonalitajiet tal-prodott.

—

Vidjo ġġenerat mill-IA li juri x-xenarji realistiċi, tal-Olokawstu li jiġi kondiviż fuq pjattaformi tal-media soċjali disponibbli għall-pubbliku.

6.1.4.   Eċċezzjoni għall-infurzar tal-liġi

(125)

Jekk l-użu ta’ vidjo deepfake (eż. vidjo ġġenerat mill-IA li jissimula avvenimenti li qatt ma seħħew) ikun awtorizzat bil-liġi biex iwettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-implimentaturi jkunu eżentati mill-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA. Il-kjarifiki pprovduti fil-punti 46-48 aktar ’il fuq għal eċċezzjoni simili fl-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA huma rilevanti wkoll għal din id-dispożizzjoni.

6.1.5.   Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni

(126)

L-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA se jinteraġixxi mal-obbligi tal-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs li jidentifikaw u jimmitigaw ir-riskji sistemiċi skont l-Artikoli 34 u 35 tad-DSA, b’mod partikolari, l-Artikolu 35(1)(k) tad-DSA (35). Din id-dispożizzjoni tal-aħħar telenka, fost il-miżuri possibbli ta’ mitigazzjoni tar-riskju li l-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs jistgħu jadottaw miżuri li jiżguraw li “element ta’ informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah b’mod sensibbli lil persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta’ veru u li f’għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta’ mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom”. Barra minn hekk, il-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs jistgħu jipprovdu wkoll funzjonalità faċli biex tintuża li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din. Filwaqt li din id-dispożizzjoni tad-DSA tidher simili għall-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA, hija komplementari għalih u fiha żewġ distinzjonijiet importanti:

—

Kamp ta’ applikazzjoni materjali differenti: Meta mqabbel mal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA, l-Artikolu 35(1)(k) tad-DSA jkopri firxa usa’ ta’ kontenut li jista’ jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, irrispettivament mit-teknoloġiji użati biex jinħoloq il-kontenut (jiġifieri jkopri kontenut li ġie ġġenerat jew immanipulat bl-użu ta’ sistemi tal-IA jew bi kwalunkwe għodda oħra).

—

Kamp ta’ applikazzjoni personali differenti: L-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA jobbliga lill-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw deepfakes biex jittikkettaw kontenut bħal dan, filwaqt li l-Artikolu 35(1)(k) tad-DSA japplika għall-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs li jxerrdu l-kontenut jew li jagħmlu tali kontenut disponibbli permezz tat-tiftix. Pereżempju, l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA integrati f’VLOP skont l-Att dwar l-IA jistgħu jitqiesu bħala “riċevitur[i] tas-servizz” skont l-Artikolu 3(b) tad-DSA (36) jekk jużaw il-VLOP biex ixerrdu kontenut iġġenerat mis-sistema tal-IA rispettiva, filwaqt li l-VLOP jista’ jitqies bħala l-fornitur tas-sistema tal-IA jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) tal-Att dwar l-IA. Meta l-fornituri tal-VLOPs jew tal-VLOSEs jagħmlu għodod tat-tikkettar disponibbli għal implimentaturi bħal dawn sabiex ikunu jistgħu jittikkettaw il-kontenut deepfake tagħhom f’konformità mal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA (jiġifieri divulgazzjoni ċara u li tingħaraf tal-oriġini tal-IA), dawk l-implimentaturi jistgħu jibbażaw fuq tali għodod biex jissodisfaw l-obbligu ta’ trasparenza tagħhom skont dik id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-VLOP jew tal-VLOSE użata. L-għoti ta’ tali funzjonalità huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-implimentaturi skont l-Att dwar l-IA li jissodisfaw l-obbligi ta’ tikkettar tagħhom skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA. Barra minn hekk, il-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs se jitqiesu wkoll bħala implimentaturi ta’ sistema tal-IA skont l-Att dwar l-IA jekk jużaw sistema tal-IA taħt l-awtorità tagħhom għall-finijiet professjonali tagħhom stess (eż. il-ħolqien ta’ immaġnijiet li għandhom jintużaw bħala parti minn materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni).

(127)

Jekk id-deepfake jinkludi informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika direttament jew indirettament identifikabbli (li tkun ħajja), l-implimentaturi bħala kontrolluri skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jkun jeħtieġ ukoll li jikkonformaw mal-obbligi rispettivi skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data (37). Dan jinkludi, pereżempju, id-dipendenza fuq bażi legali xierqa għall-ipproċessar tad-data personali, informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data relatata mas-suġġetti tad-data rappreżentati, eċċ.

(128)

Barra minn hekk, l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA li jiġġeneraw deepfakes se jkollhom jiżguraw li jikkonformaw mal-liġijiet rilevanti tal-Unjoni dwar il-proprjetà intellettwali (bħal-liġi tal-Unjoni dwar it-trademark u l-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati) jekk id-deepfake tagħhom jinkorpora suġġett protett skont dawk il-liġijiet. L-applikazzjoni ta’ tikketta jew ta’ ikona għal deepfake ma għandhiex, bħala tali, xi impatt fuq l-eliġibbiltà tagħha għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li għandha tiġi vvalutata f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur.

(129)

Meta l-persuni eżistenti jiġu rrappreżentati f’deepfakes, l-implimentaturi jkollhom jikkonformaw ukoll mar-reġimi legali rilevanti li jipproteġu d-drittijiet tal-personalità fuq l-immaġnijiet personali jew fuq l-ilħna. L-obbligu ta’ trasparenza tal-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA ma jimplikax li deepfakes iġġenerati jew immanipulati mill-IA li jkunu ta’ ħsara u illegali skont id-dritt applikabbli tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli (eż. reklamar qarrieqi jew id-dritt kriminali bħal materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u immaġnijiet intimi mhux kunsenswali) jistgħu jiġu ġġenerati u jixxerrdu (ara wkoll t-Taqsima 4.4).

6.2.   Komponenti ewlenin, kunċetti u obbligu/i ta’ trasparenza relatati għal test iġġenerat jew immanipulat mill-IA skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA

(130)

L-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA japplika jekk jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet:

(i)

Is-sistema trid tkun sistema tal-IA;

(ii)

Tintuża biex tiġġenera jew timmanipula test (ara t-Taqsima 4.2.1) li jiġi ppubblikat bl-għan li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku;

(iii)

L-użu tas-sistema tal-IA ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet fejn (1) il-kontenut iġġenerat mill-IA jkun għadda minn proċess ta’ rieżami mill-bniedem jew kontroll editorjali u fejn persuna fiżika jew ġuridika jkollha responsabbiltà editorjali għall-pubblikazzjoni tal-kontenut jew (2) l-użu jkun awtorizzat bil-liġi biex iwettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

6.2.1.   Test ippubblikat bl-iskop li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku

(131)

Għall-fini li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA, tliet elementi huma eżaminati aktar ’il quddiem: (i) test ippubblikat (ii) bl-iskop li jiġi infurmat il-pubbliku (iii) dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

(i)

Test ippubblikat: It-test iġġenerat jew immanipulat mill-IA għandu jiġi ppubblikat. Dan ifisser li t-test għandu jkun aċċessibbli minn numru indeterminat u pjuttost kbir ta’ qarrejja potenzjali mhux relatati fl-istess ħin u/jew suċċessivament, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk le (eż. abbonamenti) (38). B’kuntrast ma’ dan, it-test ma jitqiesx ippubblikat jekk l-aċċess ikun ristrett għal individwi speċifiċi li jagħmlu parti minn grupp magħluq u privat (eż. grupp żgħir magħluq fuq applikazzjoni ta’ messaġġerija istantanja, jew jekk il-grupp ikun żgħir wisq jew insinifikanti). Eżempji ta’ test mhux ikkunsidrat ippubblikat jinkludu eż. korrispondenza privata interpersonali (għal finijiet professjonali), jew testi jew komunikazzjonijiet interni tal-organizzazzjoni (eż. pubblikazzjonijiet dwar networks korporattivi interni).

(ii)

Informazzjoni għall-pubbliku: It-test ippubblikat iġġenerat jew immanipulat mill-IA għandu jkollu l-għan li jinforma lill-pubbliku. Dan jinvolvi li t-test għandu jkollu l-ħsieb li jikkomunika għarfien, opinjonijiet jew fatti. B’kuntrast ma’ dan, testi qosra li ma jikkomunikawx materjalment għarfien, opinjonijiet jew fatti, ma jistgħux jitqiesu li jinformaw lill-pubbliku.

(iii)

Rigward kwistjonijiet ta’ interess pubbliku: It-test għandu jinforma lill-pubbliku “rigward kwistjonijiet ta’ interess pubbliku”. B’mod ġenerali, tali kwistjonijiet għandhom jinftiehmu li jkopru dawk rilevanti għas-soċjetà inġenerali, kemm jekk fil-livell lokali, nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali, u li jistħoqqilhom dibattitu jew skrutinju pubbliku. F’dak ir-rigward, it-testi għandhom jitqiesu li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ interess pubbliku jekk ikopru suġġetti dwar il-politika u l-proċessi demokratiċi, l-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-ambjent, is-sikurezza tal-konsumatur u kwalunkwe żvilupp ekonomiku, finanzjarju, politiku, xjentifiku jew kulturali li jista’ jkun suġġett rilevanti għal dibattitu pubbliku. Kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li huma ta’ interess pubbliku jistgħu jevolvu maż-żmien u fil-kuntesti kollha.

Eżempji ta’ test ippubblikat bl-iskop li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA li jridu jiġu ttikkettati bħala ġġenerati jew immanipulati b’mod artifiċjali sakemm ma jkunux soġġetti għal rieżami mill-bniedem/kontroll editorjali (ara t-Taqsima 6.2.3):

—

Sommarju ġġenerat mill-IA ta’ artiklu miktub mill-bniedem fuq is-sit web ta’ gazzetta li jiddiskuti deċiżjoni reċenti minn kunsill lokali.

—

Partijiet immanipulati mill-IA ta’ artiklu fuq sit web dwar l-istil tal-ħajja li jqabbel l-effetti ta’ diversi dieti fuq marda partikolari f’nisa ta’ età medja.

—

Rapporti korporattivi mmanipulati mill-IA ppubblikati fuq is-sit web ta’ kumpanija kkwotata li fihom informazzjoni għall-investituri.

—

Messaġġ iġġenerat mill-IA dwar il-profil tal-media soċjali ta’ istitut meteoroloġiku li javża liċ-ċittadini dwar il-maltemp u l-miżuri ta’ prekawzjoni relatati.

Eżempji ta’ test li ma huwiex ippubblikat bil-fini li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA:

—

Rumanzi tal-fantażija ġġenerati mill-IA.

—

Test immanipulat mill-IA li huwa parti mir-reklamar jew mid-deskrizzjonijiet tal-prodott ta’ kumpanija (ma jinkludi l-ebda indikazzjoni relatata ma’, eż., is-saħħa, is-sikurezza tal-konsumatur jew is-sostenibbiltà).

—

Sommarju tal-aħbarijiet iġġenerat minn chatbot li jkun disponibbli biss għall-utent li jibgħat prompt liċ-chatbot.

—

Test immanipulat mill-IA minn konsulent għal parir lill-klijenti dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-konformità regolatorja mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

6.2.2.   L-obbligu ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA

(132)

L-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA jobbliga lill-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw test li jiġi ppubblikat bl-iskop li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku għandhom jiddivulgaw li t-test ġie ġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali. Il-Premessa 134 tal-Att dwar l-IA tiċċara li, bl-istess mod għad-deepfakes, l-implimentaturi ta’ pubblikazzjonijiet tat-test li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni għandhom jiddivulgaw b’mod ċar u distint li tali kontenut inħoloq jew ġie mmanipulat b’mod artifiċjali bit-tikkettar tal-output tal-IA kif xieraq u bid-divulazzjoni tal-oriġini artifiċjali tiegħu. Kif meħtieġ għad-deepfakes, il-metodi ta’ tikkettar jew ta’ divulgazzjoni (inklużi dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda) applikati f’konformità mal-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA għandhom ikunu ċari u perċepibbli wkoll minn persuni fiżiċi (eż. miżuri viżibbli jew li jinstemgħu) mingħajr ma jkollhom bżonn jibbażaw fuq kwalunkwe għodda teknika speċifika jew iwettqu azzjonijiet dedikati. Fid-dawl tal-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA, l-implimentaturi jistgħu jaderixxu ma’ kodiċi ta’ prattika, ivvalutat bħala adegwat skont dik id-dispożizzjoni, biex juru l-konformità ma’ dan l-obbligu ta’ divulgazzjoni. Għal aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-aderenza ma’ Kodiċi bħal dan u s-superviżjoni tal-implimentaturi li ma jirrispettawx kodiċi bħal dan, ara t-Taqsima 8.1 aktar ’il quddiem.

6.2.3.   Eċċezzjoni mill-obbligu ta’ trasparenza għat-test taħt rieżami mill-bniedem jew kontroll editorjali u responsabbiltà editorjali

(133)

L-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA jipprevedi eċċezzjoni għall-obbligu ta’ trasparenza stabbilit f’dik id-dispożizzjoni fejn jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: (i) it-test iġġenerat jew immanipulat mill-IA jrid ikun għadda minn rieżami mill-bniedem jew minn kontroll editorjali u (ii) persuna ġuridika jew fiżika jrid ikollha r-responsabbiltà editorjali għall-pubblikazzjoni. Fejn rilevanti, l-implimentaturi jistgħu jiddependu fuq standards professjonali jew deontoloġiċi applikabbli rilevanti biex juru l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti kif deskritt aktar ’il quddiem.

i.   Test taħt rieżami mill-bniedem jew kontroll editorjali

(134)

L-ewwel kundizzjoni għall-eċċezzjoni għall-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, li għandu japplika l-Att dwar l-IA tirrikjedi li t-test iġġenerat jew immanipulat mill-IA jkun ġie soġġett għal rieżami mill-bniedem jew għal kontroll editorjali. Ir-rieżami mill-bniedem jirreferi għall-eżami deliberat tas-sustanza tal-kontenut minn persuna fiżika waħda jew aktar li jkollhom għarfien rilevanti u ġudizzju professjonali relatat mas-suġġett eżaminat (eż. rieżami bejn pari akkademiċi jew ktajjen ta’ validazzjoni professjonali). Il-verifika tal-fatti tal-akkuratezza tal-kontenut hija rekwiżit minimu li għandu jkun parti minn dak ir-rieżami. Il-kontroll editorjali jirreferi għall-kontroll eżerċitat fil-prattika minn entità editorjali responsabbli (eż. kap editur) fuq il-kontenut li għandu l-awtorità li japprova, jibdel jew jirrifjuta s-sustanza tat-test abbażi ta’ raġunijiet sostantivi (inkluża verifika tal-fatti tal-informazzjoni u l-iżgurar tal-affidabbiltà tas-sorsi). Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rieżami eżistenti u għall-proċeduri editorjali u għall-istandards professjonali applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi tal-media.

(135)

Verifiki superfiċjali, sempliċiment formali jew proċedurali (eż. il-verifika ortografika jew il-korrezzjoni tal-grammatika), is-sempliċi eżistenza ta’ politika editorjali, proċessi awtomatizzati ta’ rieżami jew l-approvazzjoni editorjali ħafifa mingħajr involviment sostantiv mir-rieżaminatur uman jew mill-entità editorjali, ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-rieżami mill-bniedem jew għall-kontroll editorjali għall-finijiet ta’ din l-eċċezzjoni.

(136)

Meta s-sistemi tal-IA jintużaw biex jimmodifikaw, jissupplimentaw, jew jifformulaw mill-ġdid kontenut wara approvazzjoni editorjali, il-kontenut li jirriżulta jrid jiġi ttrattat bħala ġġenerat jew immanipulat mill-IA għall-finijiet tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA. Għalhekk, kwalunkwe intervent sostantiv tal-IA li jseħħ wara li jkun seħħ il-proċess ta’ rieżami mill-bniedem jew ta’ kontroll editorjali jwassal biex l-eċċezzjoni ssir nulla.

(137)

Fid-dawl tal-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA, l-implimentaturi jistgħu jaderixxu ma’ kodiċi ta’ prattika, ivvalutat bħala adegwat skont dik id-dispożizzjoni, biex juru l-konformità mal-kundizzjoni ta’ rieżami mill-bniedem jew ta’ kontroll editorjali (speċjalment minn implimentaturi li ma jkunux fornituri ta’ servizzi tal-media soġġetti għal standards professjonali jew deontoloġiċi editorjali eżistenti) stabbilita f’dik id-dispożizzjoni. Għal aktar informazzjoni dwar l-effetti tal-aderenza ma’ tali kodiċi u superviżjoni tal-implimentaturi li ma jaderixxux ma’ tali kodiċi, ara t-Taqsima 8.1.

ii.

Responsabbiltà editorjali

(138)

It-tieni kundizzjoni għall-eċċezzjoni għall-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA li għandu jiġi applikat tirrikjedi li persuna ġuridika jew fiżika jkollha responsabbiltà editorjali għall-pubblikazzjoni tal-kontenut. Dan jinvolvi li t-tali persuna jrid ikollha r-responsabbiltà legali finali fuq il-pubblikazzjoni tal-kontenut, inkluż ir-rieżami mill-bniedem jew il-kontroll editorjali (eż. individwu, bord editorjali, jew il-kumpanija tal-pubblikazzjoni). Sabiex jiġu żgurati l-akkontabilità u l-fiduċja pubbliċi, u f’konformità mal-istandards professjonali eżistenti tal-media, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna ġuridika, tal-persuna fiżika jew tal-funzjoni b’responsabbiltà editorjali għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’post li jista’ jinstab faċilment (jekk ma jkunx għadu disponibbli mod ieħor). Dan jista’ jseħħ online, pereżempju, permezz tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ sit web jew informazzjoni legali oħra li jarawha l-utenti. Offline, tali informazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-colophon jew fl-avviż tal-edizzjoni tal-pubblikazzjoni.

Eżempji ta’ test soġġett għal rieżami mill-bniedem jew għal kontroll editorjali b’persuna ġuridika jew fiżika li jkollha responsabbiltà editorjali:

—

Artiklu mmanipulat mill-IA f’gazzetta jew sommarju ġġenerat mill-IA ta’ artiklu li kien soġġett għal kontroll editorjali tal-kap editur rispettiv bir-responsabbiltà editorjali miżmuma mill-persuna ġuridika li tippubblika l-gazzetta.

—

Blog akkademiku mmanipulat mill-IA li jkun għadda minn rieżami bejn il-pari intern u fejn iċ-ċentru tar-riċerka rispettiv li jimmaniġġja l-blog ikollu r-responsabbiltà editorjali.

—

It-twissijiet tas-sikurezza pubblika ġġenerati mill-IA approvati minn uffiċjal pubbliku qabel ma jintbagħtu liċ-ċittadini, taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija pubblika rilevanti għall-protezzjoni ċivili.

—

Rapporti dwar is-sostenibbiltà ġġenerati mill-IA ppubblikati fuq is-sit web ta’ kumpanija kkwotata li jkunu għaddew minn rieżami mill-bniedem minn professjonisti f’funzjonijiet rilevanti (eż. konformità).

—

Traduzzjoni appoġġata mill-IA ta’ artiklu miktub mill-bniedem li fiha t-traduzzjoni tkun għaddiet minn rieżami mill-bniedem.

Eżempji ta’ test li ma jissodisfax ir-rieżami mill-bniedem jew il-kontroll editorjali meħtieġa biex jibbenefika mill-eċċezzjoni:

—

Sit web fejn l-artikli ġġenerati mill-IA dwar il-politika tal-Unjoni ppowstjati mingħajr ebda rieżami deliberat mill-bniedem jew kontroll editorjali.

—

Artikli ġġenerati mill-IA li jiġu rrieżaminati u editjati minn sistema oħra tal-IA u fejn editur uman iwettaq sempliċi verifika superfiċjali tal-grammatika qabel il-pubblikazzjoni.

—

Ktieb dwar it-tibdil fil-klima ġġenerat mill-IA u awtoppubblikat, magħmul disponibbli fuq pjattaforma tal-kummerċ elettroniku li ma jkun sarlu l-ebda rieżami minn persuna fiżika jew ġuridika kompetenti (u lanqas mill-pjattaforma).

6.2.4.   Eċċezzjoni għall-infurzar tal-liġi

(139)

Jekk l-użu ta’ sistemi tal-IA għall-ġenerazzjoni ta’ test ippubblikat bl-iskop li jinforma lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku mingħajr rieżami mill-bniedem (eż. twissija tal-pulizija ġġenerata mill-IA dwar theddida terroristika ppubblikata fuq il-media soċjali) tkun awtorizzata bil-liġi biex twettaq l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-implimentaturi jkunu eżentati mill-obbligu ta’ trasparenza skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA. Il-kjarifiki pprovduti fil-punti 46-48 aktar ’il fuq għal eċċezzjoni simili fl-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA huma rilevanti wkoll għal din id-dispożizzjoni.

6.2.5.   Interazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni

(140)

Għal-liġi tal-Unjoni dwar il-media, ir-responsabbiltà editorjali hija kunċett kruċjali definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) 2024/1083 (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media jew l-EMFA) (39). F’dak il-kuntest, “responsabbiltà editorjali” tfisser “l-eżerċitar ta’ kontroll effettiv fuq l-għażla ta’ programmi jew pubblikazzjonijiet tal-istampa u fuq l-organizzazzjoni tagħhom, bl-iskop ta’ forniment ta’ servizzi tal-media, irrispettivament minn jekk ikunx hemm responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali għas-servizz mogħti”. F’ċerti sitwazzjonijiet, din id-definizzjoni tista’ tikkoinċidi mal-kunċett ta’ responsabbiltà editorjali użat fl-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA, b’mod partikolari fejn l-implimentaturi tas-sistema tal-IA jikkwalifikaw ukoll bħala fornituri ta’ servizzi tal-media skont l-EMFA. Għalhekk, ir-responsabbiltà editorjali skont it-tifsira tal-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA għandha tiġi interpretata f’konformità mal-acquis eżistenti dwar il-media, minkejja l-fatt li jibqa’ kunċett distint li jista’ japplika wkoll f’kuntesti usa’ u għal implimentaturi oħra, sakemm dawn jassumu r-responsabbiltà editorjali għall-pubblikazzjoni tat-test. Il-fornituri ta’ servizzi tal-media jistgħu jiddependu fuq il-proċessi u fuq l-istandards editorjali eżistenti tagħhom biex jibbenefikaw mill-eċċezzjoni skont l-Artikolu 50(4), it-tieni paragrafu, tal-Att dwar l-IA.

7.   REKWIŻITI ORIZZONTALI APPLIKABBLI GĦALL-INFORMAZZJONI PPROVDUTA SKONT L-ARTIKOLU 50(5) TAL-ATT DWAR L-IA

(141)

Skont l-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-Artikolu 50(1) sa (4) tal-Att dwar l-IA għandha tiġi pprovduta lill-persuni fiżiċi kkonċernati b’mod ċar u li jingħaraf, mhux aktar tard mill-ewwel interazzjoni jew esponiment. L-informazzjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli wkoll. Il-persuni fiżiċi kkonċernati f’dan il-kuntest jinkludu l-persuni li jinteraġixxu direttament mas-sistema tal-IA (l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA), l-utenti attivi jew passivi u persuni oħra esposti għall-kontenut sintetiku ġġenerat jew immanipulat mill-IA (b’interazzjoni diretta jew mingħajrha mas-sistema tal-IA (l-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA)), u persuni soġġetti għall-użu ta’ sistemi ta’ rikonoxximent tal-emozzjonijiet jew ta’ sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika (l-Artikolu 50(3) tal-Att dwar l-IA).

7.1.   Għoti ta’ informazzjoni b’mod ċar u li jingħaraf

(142)

L-informazzjoni se titqies li tiġi pprovduta b’mod ċar fejn tkun evidenti, faċli biex tinftiehem mill-persuna fiżika kkonċernata u aċċessibbli għaliha (inkluż għall-persuni b’diżabbiltà). L-informazzjoni titqies li tiġi pprovduta b’mod li jingħaraf fejn ikun faċli li tiġi identifikata bħala separata minn informazzjoni oħra u mill-ambjent li fih jiġi ppreżentat il-kontenut. Trid tinftiehem faċilment ukoll mill-udjenza, inkluż minn gruppi speċifiċi, bħat-tfal jew il-persuni b’diżabbiltà meta jkunu parti mill-udjenza li tkun esposta b’mod prevedibbli għall-kontenut jew li tinteraġixxi mas-sistema (40). Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni b’mod ċar u li jingħaraf, l-informazzjoni rilevanti tista’ tiġi ppreżentata, fost l-oħrajn, bħala parti mill-interazzjoni (skont l-Artikolu 50(1) tal-Att dwar l-IA) jew mill-kontenut rilevanti (skont l-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA). L-informazzjoni mhux se titqies li tiġi pprovduta b’mod ċar u li jingħaraf meta tista’ tiġi injorata faċilment minn persuni fiżiċi jew ma jindunawx biha f’kundizzjonijiet normali ta’ esponiment jew ta’ interazzjoni (eż. inkluża biss bħala parti minn manwal jew moħbija taħt saffi ta’ għażliet ta’ opzjonijiet fuq interfaċċa online, parti mit-termini ta’ użu li ħafna drabi ma jinqrawx mill-utenti).

7.2.   L-ewwel interazzjoni jew esponiment

(143)

L-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA jirrikjedi li l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-persuni fiżiċi kkonċernati mhux aktar tard miż-żmien tal-ewwel interazzjoni jew esponiment. L-ewwel interazzjoni jew esponiment ma jirreferix biss għall-ewwel persuna fiżika li tinteraġġixxi ma’ sistema tal-IA (jew l-output tagħha) jew li hija esposta għaliha, iżda wkoll għal kwalunkwe interazzjoni sussegwenti, l-ewwel interazzjoni mas-sistema tal-IA (jew l-output tagħha) jew esponiment għaliha minn kwalunkwe persuna fiżika oħra. Fir-rigward tal-ewwel interazzjoni ma’ sistema tal-IA, l-informazzjoni għandha, mill-inqas, tiġi pprovduta darba fil-bidu ta’ sessjoni interattiva, filwaqt li jitqiesu l-kuntesti speċifiċi msemmija fil-punti minn 36 sa 40 ta’ hawn fuq. Fir-rigward tal-kontenut iġġenerat jew immanipulat mill-IA li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA, l-obbligu ta’ informazzjoni japplika għal kull output ta’ sistema tal-IA fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna fiżika esposta għall-kontenut. Għandu jinftiehem skont it-tifsira ta’ kwalunkwe mument li fih persuna fiżika tkun raġonevolment probabbli li tkun esposta għall-output tas-sistema tal-IA u tipperċepixxi d-divulgazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tad-divulgazzjoni f’każ ta’ xogħlijiet evidentement kreattivi, artistiċi u xogħlijiet oħra (ara t-Taqsima 6.1.3.). Barra minn hekk, l-implimentaturi jistgħu jinfurmaw lill-persuni fiżiċi qabel l-ewwel interazzjoni jew esponiment reali (eż. fil-bidu ta’ kontenut li jkun fih deepfakes). Madankollu, jekk ikun raġonevolment prevedibbli li l-persuni jistgħu ma jipperċepux kontenut mill-bidu tiegħu, id-divulgazzjoni biss fil-bidu tal-kontenut ma tinformax b’mod adegwat lil dawk il-persuni u għandha tiġi kkomplementata bid-divulgazzjoni f’mumenti aktar tard, fejn possibbli. Dan jista’ jiġi implimentat kif xieraq, filwaqt li jitqies l-objettiv tal-obbligi ta’ trasparenza biex jiġu żgurati l-forniment effettiv tal-informazzjoni u l-għarfien sinifikanti tal-utenti f’ambjenti tal-IA dejjem aktar immersivi u realistiċi fejn l-utenti jkollhom diffikultajiet dejjem akbar biex jiddistingwu l-oriġini u l-veraċità tal-kontenut u tal-interazzjoni.

Eżempji ta’ għoti ta’ informazzjoni fl-ewwel interazzjoni jew esponiment skont l-Artikolu 50(5) tal-Att dwar l-IA:

—

L-ewwel interazzjoni: meta tinbeda konverżazzjoni ma’ chatbot jew tinbeda interazzjoni fiżika ma’ sistema tal-IA.

—

L-ewwel esponiment: fil-bidu ta’ vidjo li jkun fih deepfake, fil-bidu ta’ pubblikazzjoni ta’ test iġġenerat jew immanipulat mill-IA dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, jew meta wieħed jiltaqa’ ma’ deepfakes immanipulati mill-IA waqt l-iskrolljar fuq il-media soċjali.

7.3.   Konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli

(144)

Il-fornituri u l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-diversi obbligi ta’ trasparenza elenkati fl-Artikolu 50(1)-(4) tal-Att dwar l-IA jridu jkunu konxji tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli (eż. skont id-Direttiva 2016/2102 (41) u d-Direttiva 2019/882 (42)) u jivvalutaw jekk il-prodott, is-servizz jew il-kontenut tagħhom jeħtieġx li jikkonforma ma’ dawk ir-regoli. F’każ bħal dan, iridu jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. L-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA ma jimponix rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà distinti jew addizzjonali.

8.   INFURZAR TAL-ARTIKOLU 50 TAL-ATT DWAR L-AI

(145)

Din it-taqsima għandha l-għan li tiċċara: (i) l-effetti tal-aderenza ma’ kodiċi ta’ prattika fir-rigward tal-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza għall-kontenut iġġenerat mill-IA; (ii) ir-rwol tal-awtoritajiet superviżorji kompetenti fl-infurzar tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA; (iii) il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dawk l-obbligi; u (iv) il-mument li fih jidħlu fis-seħħ l-obbligi fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA.

8.1.   Effetti tal-konformità ma’ kodiċi ta’ prattika vvalutat bħala adegwat

(146)

Il-fornituri u l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) u (4) tal-Att dwar l-IA jistgħu juru konformità mal-obbligi ta’ trasparenza rispettivi tagħhom għal kontenut iġġenerat mill-IA skont dawk id-dispożizzjonijiet billi jaderixxu ma’ kodiċi ta’ prattika li jiġi vvalutat bħala adegwat skont l-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA (43). Tali Kodiċi ma jiħux post l-Att dwar l-IA jew dawn il-Linji Gwida. Dan jikkomplementahom billi jipprovdi l-uniku qafas prattiku rikonoxxut fl-Unjoni kollha għall-fornituri u għall-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA ġenerattiva biex tintwera l-konformità ma’ dawk l-obbligi, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment, mit-tħaddim tagħhom, u mill-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tas-suq.

(147)

Filwaqt li l-fornituri u l-implimentaturi jistgħu juru wkoll konformità ma’ dawk l-obbligi permezz ta’ mezzi alternattivi adegwati, l-aderenza ma’ kodiċi ta’ prattika li jitqies adegwat hija mod sempliċi, prevedibbli, u legalment ċert kif tintwera l-konformità. Għall-firmatarji ta’ kodiċi ta’ prattika li jiġi vvalutat bħala adegwat skont l-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA (44), il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tas-suq se jiffukaw l-attivitajiet superviżorji tagħhom fuq il-valutazzjoni ta’ jekk dawk il-firmatarji jkunux ikkonformaw mal-kodiċi ta’ prattika u implimentawx il-miżuri li jinsabu fih. Peress li l-fornituri u l-implimentaturi li jaderixxu mal-kodiċi se jkunu trasparenti dwar il-miżuri li jimplimentaw biex jikkonformaw mal-Artikolu 50(2), (4) u (5) tal-Att dwar l-IA, se jibbenefikaw minn żieda fil-fiduċja mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tas-sorveljanza tas-suq, u minn partijiet ikkonċernati oħra (inkluż il-pubbliku ġenerali). Kwalunkwe nonparteċipazzjoni fit-taqsimiet mill-firmatarji ta’ kodiċi ta’ prattika li jitqies adegwat tirriżulta fit-telf tal-benefiċċju ta’ dawk il-fornituri u l-implimentaturi li jiffaċilitaw id-dimostrazzjoni tal-konformità f’dak ir-rigward.

(148)

Il-fornituri u l-implimentaturi li ma humiex firmatarji ta’ kodiċi ta’ prattika li jitqies adegwat skont l-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA huma mistennija juru kif ikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 50(2), (4) u (5) tal-Att dwar l-IA permezz ta’ mezzi adegwati oħra. Barra minn hekk, tali fornituri u implimentaturi huma mistennija jispjegaw kif il-miżuri li jimplimentaw jiżguraw il-konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Att dwar l-IA. Pereżempju, għandhom iwettqu analiżi tal-lakuni li tqabbel il-miżuri li jkunu implimentaw mal-miżuri stabbiliti minn kodiċi ta’ prattika li jiġi vvalutat bħala adegwat. Peress li l-awtoritajiet kompetenti (inkluż l-Uffiċċju tal-IA) se jkollhom inqas fehim ta’ kif il-fornituri u l-implimentaturi li ma humiex firmatarji ta’ kodiċi ta’ prattika jiżguraw il-konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 50(2), (4) u (5) tal-Att dwar l-IA, x’aktarx se jkunu jeħtieġu informazzjoni aktar dettaljata meta jimmonitorjaw il-konformità. Pereżempju, il-fornituri li ma jaderixxux ma’ kodiċi ta’ prattika jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal għadd akbar ta’ talbiet għal informazzjoni u talbiet għal aċċess biex jivvalutaw l-effettività, l-interoperabbiltà, ir-robustezza u l-affidabbiltà tas-soluzzjonijiet tekniċi implimentati biex jikkonformaw mal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA. L-implimentaturi jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal tali talbiet fir-rigward tal-prattiki ta’ tikkettar tagħhom skont l-Artikolu 50(4) tal-Att dwar l-IA.

(149)

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu impenji implimentati f’konformità ma’ kodiċi ta’ prattika li jitqies adegwat bħala fattur mitiganti meta jistabbilixxu l-ammont ta’ multi, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi (45).

(150)

Jekk kodiċi ta’ prattika ma jitqiesx adegwat skont l-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jispeċifika regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Artikolu 50(2), (4) u (5) tal-Att dwar l-IA, li jkunu applikabbli għall-fornituri u għall-implimentaturi rilevanti kollha tas-sistemi tal-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (46).

8.2.   Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq

(151)

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq deżinjati mill-Istati Membri, mill-Uffiċċju għall-IA (47), u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (48) huma responsabbli għas-superviżjoni u għall-infurzar tar-regoli għas-sistemi tal-IA li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom, inklużi l-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA. Dan l-infurzar isir bis-sistema tas-sorveljanza tas-suq u tal-konformità tal-prodotti stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1020 u bl-Att dwar l-IA. Is-setgħat ta’ infurzar tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fir-rigward tas-sistemi tal-IA huma stabbiliti f’dawk ir-regolamenti. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jieħdu azzjonijiet ta’ infurzar b’rabta mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA b’inizjattiva tagħhom stess jew wara lment, li kull persuna affettwata jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li jkollha raġunijiet biex tikkunsidra tali ksur, ikollha d-dritt li tressaq (49). Ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont l-Att dwar l-IA ma jaffettwawx is-setgħat u l-kompiti ta’ awtoritajiet superviżorji oħra jew ta’ awtoritajiet tad-drittijiet fundamentali skont il-qafas legali tagħhom stess f’sitwazzjonijiet fejn japplikaw kemm l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA kif ukoll dak il-qafas (eż. il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni tal-konsumatur).

8.3.   Penali

(152)

Il-fornituri u l-implimentaturi li ma jikkonformawx mal-obbligi ta’ trasparenza applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA jistgħu jiġu mmultati sa EUR 15 000 000 jew, jekk l-awtur tar-reat ikun impriża, sa 3 % tal-fatturat annwali dinji totali tagħha għas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-akbar. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE li jiksru l-obbligi ta’ trasparenza jistgħu jkunu soġġetti għal multi amministrattivi sa EUR 750 000. Fil-każ ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), inklużi start-ups, kull multa għandha tkun sal-perċentwali jew l-ammont ta’ hawn fuq, skont liema tkun l-aktar baxxa. Il-multi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jqisu l-interessi tal-SMEs u tal-intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (SMCs), inklużi l-istart-ups, u l-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Meta jiddeċiedu jekk jimponux multa amministrattiva u meta jiddeċiedu dwar l-ammont tal-multa amministrattiva f’kull każ individwali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika u, kif xieraq, firxa ta’ fatturi li jaffettwaw is-serjetà tal-ksur (eż. in-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu, in-natura negliġenti jew intenzjonata, ċirkostanzi aggravanti jew attenwanti oħra, il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, eċċ.).

8.4.   Dħul fis-seħħ

(153)

Skont l-Artikolu 113 tal-Att dwar l-IA, l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA japplika mit-2 ta’ Awwissu 2026. Dan jirrikjedi li s-sistemi kollha tal-IA fil-kamp ta’ applikazzjoni introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz fl-Unjoni jkunu konformi ma’ dik id-dispożizzjoni f’dik id-data, irrispettivament mid-data tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq jew tat-tqegħid fis-servizz (50). Ir-Regolament li jemenda l-Att dwar l-IA (l-Omnibus dwar l-IA), li ġie adottat reċentement mil-leġiżlatura tal-Unjoni, jipprevedi regola ta’ anterjorità mmirata biss fir-rigward tal-obbligi ta’ mmarkar u ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA għas-sistemi tal-IA ġenerattiva introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz qabel it-2 ta’ Awwissu 2026. Dan jagħti lill-fornituri ta’ dawk is-sistemi eżistenti perjodu tranżitorju biex iġibu s-sistemi tagħhom f’konformità sat-2 ta’ Diċembru 2026. Is-sistemi li huma parzjalment interattivi u parzjalment ġenerattivi jistgħu jibbenefikaw minn dan il-perjodu tranżitorju biss fir-rigward tal-obbligu ta’ mmarkar skont l-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA, filwaqt li l-konformità mal-obbligu ta’ divulgazzjoni għas-sistemi tal-IA li jinteraġixxu direttament ma’ persuni fiżiċi trid tiġi żgurata mit-2 ta’ Awwissu 2026.

(154)

L-outputs iġġenerati jew immanipulati mill-IA li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA u d-deepfakes fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Att dwar l-IA, li ġew iġġenerati jew immanipulati qabel it-2 ta’ Awwissu 2026 ma għandhomx għalfejn jiġu mmarkati jew ittikkettati b’mod retroattiv. L-istess japplika għat-testi dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att dwar l-IA li ġew iġġenerati jew immanipulati mill-IA u ppubblikati qabel it-2 ta’ Awwissu 2026. Min-naħa l-oħra, jekk it-testi li ġew iġġenerati jew immanipulati qabel it-2 ta’ Awwissu 2026 jiġu ppubblikati f’dik id-data jew wara, dawn jeħtieġ li jiġu ttikkettati. Madankollu, meta jitqies l-objettiv ta’ trasparenza u ta’ fiduċja u integrità akbar tal-ekosistema tal-informazzjoni segwit mill-Att dwar l-IA, l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA u atturi oħrajn li għandhom deepfakes jew ixerrdu deepfakes preeżistenti mhux ittikkettati jitħeġġu jagħmlu dan mingħajr ma jkunu mistennija jinvolvu ruħhom fi sforzi sproporzjonati għal dak l-għan (bħall-awditjar ta’ bażijiet tad-data tal-kontenut preeżistenti jew il-modifika tal-imballaġġ tal-prodotti diġà stampat).

9.   RIEŻAMI U AĠĠORNAMENT TAL-LINJI GWIDA

(155)

Dawn il-Linji Gwida jikkostitwixxu l-ewwel interpretazzjoni b’eżempji prattiċi tal-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA. Il-Kummissjoni se tirrieżamina dawn il-Linji Gwida malli jkun neċessarju fid-dawl tal-esperjenza prattika miksuba bl-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza u fid-dawl tal-pass tal-iżviluppi teknoloġiċi, soċjetali, u regolatorji f’dan il-qasam. Dan jinkludi wkoll kwalunkwe esperjenza rilevanti mill-azzjonijiet ta’ infurzar tas-sorveljanza tas-suq u mill-interpretazzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA mogħtija mill-QĠUE. Waqt dan ir-rieżami, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirtira jew temenda dawn il-Linji Gwida. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-fornituri u lill-implimentaturi tas-sistemi tal-IA, lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq permezz tal-Bord għall-IA, lill-Forum Konsultattiv dwar l-IA, lill-komunità tar-riċerka, u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jikkontribwixxu għal dan il-proċess billi jwieġbu għas-sejħiet futuri għal konsultazzjoni pubblika.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).

(2)  L-Artikolu 1 tal-Att dwar l-IA.

(3)  L-Artikoli 2(1)(a), 3(3), (9) u (11) tal-Att dwar l-IA. Għal aktar gwida dwar il-kunċetti tal-introduzzjoni fis-suq, tat-tqegħid fis-servizz u tal-użu, ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-prattiki pprojbiti tal-intelliġenza artifiċjali, C(2025) 5052 u l-Avviż tal-Kummissjoni – Il-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022, it-Taqsima 2 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1).

(4)  L-Artikolu 2(1)(c) u l-Premessa 22 tal-Att dwar l-IA.

(5)  L-Artikolu 3(4) tal-Att dwar l-IA.

(6)  L-Artikolu 2(1)(b) u (c) tal-Att dwar l-IA.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(8)  Ara t-Taqsima 2.5 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-prattiki pprojbiti tal-intelliġenza artifiċjali stabbiliti bir-Regolament (UE) 2024/1689 (l-Att dwar l-IA), Brussell, 29.7.2025, C(2025) 5052 final.

(9)  Id-definizzjoni ta’ implimentatur teskludi wkoll l-utenti involuti f’attivitajiet bħal dawn (ara t-Taqsima 2.3 aktar ’il fuq).

(10)  Il-Premessa 25 tal-Att dwar l-IA.

(11)  Il-Premessa 102 tal-Att dwar l-IA tispjega li r-rilaxx ta’ software u ta’ data ta’ liċenzja libera u b’sors miftuħ “[j]ippermettilhom jiġu kondiviżi b’mod miftuħ u fejn l-utenti jistgħu jaċċessaw, jużaw, jimmodifikaw u jiddistribwixxu mill-ġdid liberament il-verżjonijiet tagħhom jew il-verżjonijiet modifikati tagħhom”.

(12)  Għal aktar informazzjoni dwar l-Artikolu 5 tal-Att dwar l-IA, ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-prattiki pprojbiti tal-intelliġenza artifiċjali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1689 (l-Att dwar l-IA), C(2025) 5052 final.

(13)  Ara l-Artikolu 6 tal-Att dwar l-IA.

(14)  B’mod partikolari, l-Artikolu 26(11) tal-Att dwar l-IA jimponi obbligu ta’ trasparenza fuq l-implimentaturi ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli li jieħdu deċiżjonijiet jew jassistu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati biex jinformaw lill-persuni fiżiċi li huma soġġetti għall-użu tas-sistema tal-IA b’riskju għoli. Dawn l-obbligi ta’ trasparenza huma komplementari għal dawk fl-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA, peress li jikkonċernaw informazzjoni differenti li trid tiġi pprovduta lill-persuni fiżiċi, iżda jistgħu jinġabru f’notifiki uniċi.

(15)  L-Artikolu 3(66) tal-Att dwar l-IA jiddefinixxi IA bi skop ġenerali (“GPAI”) bħala, “sistema tal-IA li hija bbażata fuq mudell tal-IA bi skop ġenerali u li għandha l-kapaċità li taqdi varjetà ta’ skopijiet, kemm għall-użu dirett kif ukoll għall-integrazzjoni f’sistemi tal-IA oħra”.

(16)  L-Artikolu 50(2) tal-Att dwar l-IA fih referenza espliċita għas-sistemi tal-GPAI.

(17)  Il-Premessa 133 tal-Att dwar l-IA.

(18)  Ara l-Artikolu 3(1) tal-Att dwar l-IA. Għal aktar gwida dwar il-kunċett ta’ sistema tal-IA, ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ sistema tal-AI, 29.7.2025, C(2025) 5053 final.

(19)  Ara l-Premessa 132 tal-Att dwar l-IA. Dan ma jirrikjedix li s-sistema tkun immirata lejn dawk il-gruppi vulnerabbli. Jekk sistema tkun maħsuba biex tinteraġixxi ma’ kwalunkwe membru tal-pubbliku, il-membri tal-gruppi vulnerabbli jiġu inklużi wkoll u għandhom jitqiesu mill-fornituri meta jimplimentaw il-miżuri ta’ notifika.

(20)  Ara t-Taqsima 7.3 għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

(21)  Pereżempju, l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi kif stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u kif magħmula disponibbli fil-Kartieri tal-UE tal-Identità Diġitali stabbiliti skont l-istess Regolament, kif ukoll il-Kartieri Ewropej tan-Negozju proposti, jistgħu jipprovdu mezzi siguri u effiċjenti għall-identifikazzjoni tal-aġenti ta’ IA. Il-Kartieri jistgħu jaħżnu u jimmaniġġaw attestazzjonijiet elettroniċi li jivverifikaw l-identità, l-attributi u l-awtorizzazzjonijiet tal-aġent ta’ IA, u b’hekk jippermettu divulgazzjoni bla xkiel u affidabbli lill-persuni fiżiċi.

(22)  Dan japplika wkoll għall-eċċezzjonijiet simili għall-benefiċċju tal-attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi previsti fl-Artikolu 50(2)–(4) tal-Att dwar l-IA.

(23)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 2).

(24)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(25)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1); Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(26)  Kif definit fl-Artikolu 3(1) tal-Att dwar l-IA.

(27)  Il-Premessa 133 tal-Att dwar l-IA tiċċara li jixraq li l-fornituri ta’ dawk is-sistemi jinkorporaw soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu l-immarkar f’format li jinqara mill-magni u l-identifikazzjoni li l-output ikun ġie ġġenerat jew immanipulat minn sistema tal-IA u mhux minn bniedem. Il-Premessa 135 tal-Att dwar l-IA tirreferi għall-obbligu fir-rigward tal-kxif.

(28)  Ara l-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2025) 3871 final dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika fir-rigward tas-sistemi tal-IA b’riskju għoli b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023)3215 final.

(29)  Ara wkoll il-Premessa 11 tal-Att dwar l-IA.

(30)  Ara wkoll il-Premessa 137 tal-Att dwar l-IA.

(31)  Il-Premessa 136 tal-Att dwar l-IA.

(32)  Għalhekk, dan il-kriterju jrid jinftiehem b’mod indipendenti u distint mill-kunċett tal-qerq kif imsemmi fid-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2005/29/oj.

(33)  Ara b’mod simili l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD).

(34)  Dan japplika bl-istess mod għal testi ppubblikati li jinfurmaw lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.

(35)  Ara wkoll it-Taqsima 4.4 għal aktar informazzjoni dwar l-interazzjoni bejn l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA u d-DSA.

(36)  Il-Premessa 2 tad-DSA.

(37)  Għal kjarifika aktar dettaljata, ara l-linji gwida konġunti tal-Kummissjoni u tal-EDPB dwar l-interazzjoni bejn l-Att dwar l-IA u l-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (li qed titħejja).

(38)  Ara, permezz ta’ analoġija, C-89/04, Mediakabel, EU:C:2005:348, il-punt 33; C-192/04, Lagardère, EU:C:2005:475, il-punt 31; C-306/05, SGAE, EU:C:2006:764, il-punti 37-40; C-527/15, Stichting Brein, EU:C:2017:300, il-punti 43-44 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kawża C-135/23, GEMA, EU:C:2024:526, il-punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(39)  Ir-Regolament (UE) 2024/1083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media) (ĠU L, 2024/1083, 17.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1083/oj).

(40)  Meta t-tfal ikunu parti mill-udjenza fil-mira tal-kontenut, dawk in-notifiki jridu jkunu: (i) adattati għat-tfal, xierqa għall-età, faċli biex jinftiehmu u aċċessibbli għall-minorenni kollha, inklużi dawk b’diżabilità u/jew bi ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà addizzjonali; (ii) ippreżentati b’mod ċar b’mod li jkun faċli biex jinftiehem u li jkun sempliċi u konċiż kemm jista’ jkun; (iii) ippreżentati b’modi li huma faċli li jiġu riveduti u li jipprovdu aċċess immedjat u intuwittiv, fil-punti li fihom isiru rilevanti; (iv) ippreżentati fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru li fih huwa pprovdut is-servizz; (v) iwasslu l-messaġġ lit-tfal b’mod effettiv. Dan jista’ jinkludi wkoll l-użu ta’ grafika, ta’ vidjos, u/jew ta’ karattri jew ta’ tekniki oħra; (vi) mogħtija lit-tfal gradwalment u maż-żmien biex tiġi mmassimizzata ż-żamma mill-utent.

(41)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 327, 2.12.2016, P. 1).

(42)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), PE/81/2018/REV/1 (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(43)  Ara l-informazzjoni rilevanti dwar il-Code of Practice on Transparency of AI-Generated Content | Shaping Europe’s digital future, ippubblikata fl-10 ta’ Ġunju 2026.

(44)  Ara l-Commission Opinion on the assessment of the Code of Practice on Transparency of AI-generated content | Shaping Europe’s digital future.

(45)  L-Artikolu 99(7)(e) tal-Att dwar l-IA.

(46)  L-Artikolu 50(7) tal-Att dwar l-IA.

(47)  Bħala l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq għas-sistemi tal-IA mibnija fuq mudelli tal-GPAI pprovduti mill-istess fornitur (l-Artikolu 75(1) tal-Att dwar l-IA). Dan ikopri l-obbligu applikabbli għall-fornituri skont l-Artikolu 50(1) u (2) tal-Att dwar l-IA fir-rigward tal-Artikolu 50(3) u (4) tal-Att dwar l-IA, l-Uffiċċju għall-IA se jkun kompetenti biss jekk il-mudell tal-GPAI u l-fornitur tas-sistema rispettivi, ikunu wkoll implimentatur tas-sistema.

(48)  Bħala l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-UE.

(49)  L-Artikolu 85 tal-Att dwar l-IA.

(50)  Ir-regola speċjali ta’ anterjorità fl-Artikolu 111(2) tal-Att dwar l-IA tapplika għal sistemi tal-IA b’riskju għoli introdotti fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riskju għoli biss fir-rigward tal-konformità ta’ dawk is-sistemi mar-rekwiżiti u mal-obbligi għal sistemi tal-IA b’riskju għoli. Jekk is-sistema tal-IA b’riskju għoli tkun soġġetta wkoll għal obbligu ta’ trasparenza wieħed jew aktar skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA, din ir-regola speċjali ta’ anterjorità ma tapplikax peress li l-applikazzjoni tal-obbligi differenti għal riskju għoli u t-trasparenza tal-Artikolu 50 huma kumulattivi u l-anterjorità hija ġġustifikata u limitata biss fir-rigward tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar ir-riskju għoli.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/6005/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)