Brussell, 21.11.2025

COM(2025) 719 final

2025/0373(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa finali tal-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet, ir-regoli finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tal-Konferenza tal-Partijiet, il-finanzjament tas-segretarjat u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju, u l-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju tal-Ftehim.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali

Il-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u l-Użu Sostenibbli tad-Diversità Bijoloġika tal-Baħar ta’ Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali (“il-Ftehim tal-BBNJ”, Biological Diversity of Areas beyond National Jurisdiction) għandu l-għan li jipproteġi u jiġġestixxi aħjar il-bijodiversità tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali. Tali żoni jkopru kważi żewġ terzi tal-oċean tad-dinja u madwar 95 % tal-volum tiegħu, u jinkludu l-ibħra internazzjonali u ż-żona internazzjonali ta’ qiegħ il-baħar. Il-Ftehim tal-BBNJ ikopri b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mar-riżorsi ġenetiċi marini, inkluż kwistjonijiet dwar il-kondiviżjoni tal-benefiċċji, miżuri bħal għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żoni marini protetti, valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, u l-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina. Il-Ftehim tal-BBNJ se jidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2026. L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim tal-BBNJ.

Il-Kummissjoni wettqet negozjati mill-2016 sal-2023 bil-ħsieb li tikkonkludi l-Ftehim tal-BBNJ abbażi tad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill 1 . It-test finali tal-Ftehim tal-BBNJ ġie adottat mill-Konferenza Intergovernattiva dwar il-BBNJ 2 fid-19 ta’ Ġunju 2023. L-UE ffirmat il-Ftehim tal-BBNJ fl-20 ta’ Settembru 2023 3 u rratifikatu fit-28 ta’ Mejju 2025 4 .

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim tal-BBNJ

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim tal-BBNJ (“il-Konferenza tal-Partijiet”) hija stabbilita bl-Artikolu 47(1) tal-Ftehim tal-BBNJ. L-Artikolu 47(2) jipprevedi li l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tissejjaħ mis-Segretarju Ġenerali tan-NU mhux iktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, jiġifieri sas-17 ta’ Jannar 2027.

Skont il-Ftehim tal-BBNJ, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali.

Skont l-Artikolu 47(4) tal-Ftehim tal-BBNJ, fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tadotta, b’konsensus, regoli ta’ proċedura għaliha nnifisha (“ir-regoli ta’ proċedura”) u r-regoli finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tagħha u l-finanzjament tas-segretarjat u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju (“ir-regoli finanzjarji”).

2.3.Il-Kummissjoni Preparatorja għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali

Il-Kummissjoni Preparatorja għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali (“il-Kummissjoni Preparatorja”) ġiet stabbilita mill-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) 5 biex tħejji għas-sejħa tal-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Fil-laqgħa finali tagħha, il-Kummissjoni Preparatorja se tieħu deċiżjonijiet dwar kwalunkwe rakkomandazzjoni lill-Konferenza tal-Partijiet.

Il-Kummissjoni Preparatorja hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tan-NU, għall-membri tal-aġenziji speċjalizzati u għall-partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (“UNCLOS”, UN Convention on the Law of the Sea). Wara l-20 ta’ Settembru 2025, it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni Preparatorja għandu jsir biss minn Stati u organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li ffirmaw il-Ftehim jew li rratifikaw, approvaw, aċċettaw il-Ftehim jew aderixxew miegħu. Il-Kummissjoni Preparatorja għandha tagħmel kull sforz b’bona fide biex tilħaq ftehim dwar kwistjonijiet sostantivi b’konsensus 6 . Din mhux se tibqa’ teżisti mal-konklużjoni tal-ewwel Konferenza tal-Partijiet.

L-UE hija parti għall-UNCLOS 7 u rratifikat il-Ftehim tal-BBNJ. Għalhekk, l-UE hija parti li tipparteċipa fil-Kummissjoni Preparatorja.

Il-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni Preparatorja hija skedata li ssir mit-23 ta’ Marzu sat-3 ta’ April 2026.

2.4.L-atti previsti tal-Kummissjoni Preparatorja u tal-Konferenza tal-Partijiet

Matul il-laqgħa finali tagħha, il-Kummissjoni Preparatorja trid tadotta rakkomandazzjoni lill-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim tal-BBNJ dwar ir-regoli ta’ proċedura, dwar ir-regoli finanzjarji, u dwar l-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju. Matul l-ewwel laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim tal-BBNJ għandha tadotta regoli ta’ proċedura għaliha nnifisha u, regoli finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tagħha u l-finanzjament tas-segretarjat u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju, u deċiżjonijiet dwar l-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni Preparatorja.

Ir-regoli ta’ proċedura huma previsti biex jindirizzaw il-frekwenza, il-post, l-organizzazzjoni u t-twettiq tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet, il-parteċipazzjoni tal-osservaturi, it-tħejjija tal-aġendi, ir-rappreżentanza u l-kredenzjali, l-istabbiliment u l-funzjonament tal-bureau, ir-rwol tas-segretarjat, ir-rwol tal-kap tas-segretarjat, il-votazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet, l-emendi tar-regoli ta’ proċedura, l-istabbiliment ta’ korpi sussidjarji, il-proċeduri speċifiċi għall-korpi sussidjarji kif meħtieġ, ir-reġim lingwistiku, ir-regoli dwar l-elezzjonijiet, il-proċeduri għat-talba ta’ opinjonijiet konsultattivi mit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni mal-istrument u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, sottoreġjonali u settorjali rilevanti, u kwalunkwe regola rilevanti oħra f’konformità mal-Ftehim. Ir-regoli ta’ proċedura se jinfluwenzaw il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet mill-Konferenza tal-Partijiet.

Ir-regoli finanzjarji se jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-finanzjament tal-Konferenza tal-Partijiet, tas-segretarjat tagħha u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju, inkluż il-bażi għall-kontribuzzjoni vvalutata mill-Partijiet, u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Ftehim u se jkunu legalment vinkolanti fuq il-partijiet għall-Ftehim.

L-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju tal-Ftehim stabbilit fl-Artikolu 52 se tiddefinixxi kif l-elementi differenti tal-mekkaniżmu finanzjarju se jartikolaw il-forniment ta’ riżorsi finanzjarji skont il-Ftehim u kif se jikkontribwixxu għalih biex jassistu lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Ftehim tal-BBNJ, l-UE għandha tappoġġa regoli ta’ proċedura li jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet, u li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Unjoni bħala Parti f’konformità mal-Ftehim tal-BBNJ.

Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim tal-BBNJ jiġi ffinanzjat b’mod korrett, l-UE għandha tappoġġa r-regoli finanzjarji u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ mekkaniżmu finanzjarju b’mod li jistabbilixxi proċess ġust u trasparenti, li jirrispondi għaċ-ċirkostanzi ta’ kull Parti, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull Parti tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-Ftehim tal-BBNJ u għall-implimentazzjoni tiegħu b’mod li jkun ekwu u konsistenti mal-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu.

L-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura u tar-regoli finanzjarji hija meħtieġa għall-implimentazzjoni u għall-funzjonament tal-Ftehim tal-BBNJ.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet “li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 8 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kummissjoni Preparatorja hija korp stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-NU. Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp stabbilit mill-Ftehim tal-BBNJ.

Il-laqgħa finali tal-Kummissjoni Preparatorja se tadotta deċiżjonijiet għal rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura u dwar ir-regoli finanzjarji. Fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet hija mistennija tadotta regoli ta’ proċedura u regoli finanzjarji bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Preparatorja. L-atti li l-Kummissjoni Preparatorja u l-Konferenza tal-Partijiet huma mitluba jadottaw fil-laqgħa finali u fl-ewwel laqgħa tagħhom rispettivament jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali.

Ir-regoli ta’ proċedura għandhom effetti legali minħabba li jinfluwenzaw il-mod li bih se jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet, li se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali jew li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Ir-regoli finanzjarji se jiddeterminaw il-bażi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Ftehim tal-BBNJ u se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 52 tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

F’konformità mal-Artikolu 191 u 192(1) tat-TFUE, l-UE hija meħtieġa tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin: is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem; l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali; u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

Meta jitqiesu l-objettivi u d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Ftehim tal-BBNJ kif ukoll il-politiki rilevanti kollha tal-UE, l-approċċ taċ-ċentru tal-gravità jindika li l-bażi legali ambjentali hija l-iktar bażi legali sostantiva xierqa tad-deċiżjoni proposta.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Din id-deċiżjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE tkopri biss kwistjonijiet ta’ natura proċedurali u ma tbiddilx id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri għas-suġġetti rregolati mill-Ftehim tal-BBNJ. Din id-deċiżjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE ma tikkonċernax il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-Ftehim tal-BBNJ, li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti għalih.

5.Implikazzjoni Baġitarja

Il-Ftehim tal-BBNJ joħloq struttura istituzzjonali speċifika. Din tinkludi segretarjat, Korp Xjentifiku u Tekniku, Mekkaniżmu ta’ Koordinament, kumitat tal-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina, kumitat tal-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji, kumitat tal-finanzi u kumitat tal-konformità. Kif stabbilit fl-Artikolu 52(2) tal-Ftehim tal-BBNJ, dawn l-istituzzjonijiet se jiġu ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ivvalutati tal-Partijiet, abbażi tar-regoli finanzjarji.

Il-kostijiet istituzzjonali finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-BBNJ għall-Unjoni Ewropea se jkunu magħrufa biss wara l-ewwel Konferenza tal-Partijiet, meta għandu jintlaħaq qbil dwar baġit inizjali għall-Ftehim tal-BBNJ. Skont l-Artikolu 47(6)(e) tal-Ftehim tal-BBNJ, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tadotta baġit b’tali frekwenza u għal tali perjodu finanzjarju skont kif tiddetermina.

Minbarra l-kostijiet istituzzjonali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-BBNJ x’aktarx li tiġġenera ħtiġijiet finanzjarji biex tinbena l-kapaċità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tgħin fit-trasferiment tat-teknoloġija marina, iżda wkoll, pereżempju, biex tiġġenera l-għarfien xjentifiku meħtieġ biex jiġu stabbiliti, immonitorjati u rieżaminati ż-żoni marini protetti. Il-Ftehim tal-BBNJ jipprevedi fl-Artikolu 14(6) tiegħu li, għal dak il-fini, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet żviluppati għandhom jagħmlu kontribuzzjonijiet annwali għall-fond speċjali msemmi fl-Artikolu 52 tal-Ftehim tal-BBNJ ugwali għal 50 fil-mija tal-kontribuzzjoni vvalutata ta’ dik il-Parti għall-baġit adottat mill-Konferenza tal-Partijiet skont l-Artikolu 47(6)(e) tal-Ftehim tal-BBNJ. Pagament bħal dan għandu jkompli sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet skont l-Artikolu 14(7) tal-Ftehim tal-BBNJ. Il-kostijiet globali potenzjali se jiġu stmati skont il-Ftehim tal-BBNJ fi żmien debitu, abbażi tal-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmi finanzjarji tal-Ftehim.

2025/0373 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE 9 , il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (“UNCLOS”) u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu.

(2)Il-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2024/1830 10 u [se jidħol] fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2026.

(3)Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (“il-Konferenza tal-Partijiet”) ġiet stabbilita bl-Artikolu 47(1) tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 47(4) tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Partijiet, fl-ewwel laqgħa tagħha, trid tadotta b’konsensus ir-regoli ta’ proċedura għaliha nnifisha (“ir-regoli ta’ proċedura”) u r-regoli finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tagħha u l-finanzjament tas-segretarjat u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju (“ir-regoli finanzjarji”).

(4)Fir-Riżoluzzjoni 78/272 11 tagħha adottata fl-24 ta’ April 2024, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li tistabbilixxi kummissjoni preparatorja biex tħejji għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u biex tħejji għas-sejħa tal-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (“il-kummissjoni preparatorja”), li mal-konklużjoni tagħha l-kummissjoni preparatorja ma tibqax teżisti.

(5)Skont il-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali, il-kummissjoni preparatorja hija prevista li tieħu deċiżjonijiet fil-laqgħa finali tagħha dwar rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura u dwar ir-regoli finanzjarji.

(6)L-atti previsti tal-kummissjoni preparatorja u tal-Konferenza tal-Partijiet se jkollhom effetti legali.

(7)Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa finali tal-kummissjoni preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Ftehim, l-UE jenħtieġ li tappoġġa regoli ta’ proċedura li jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet, u li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Unjoni bħala Parti f’konformità mal-Ftehim.

(8)Sabiex jiġi żgurat li l-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-BBNJ jiġu ffinanzjati b’mod korrett, l-UE jenħtieġ li tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli finanzjarji u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ mekkaniżmu finanzjarju b’mod li jistabbilixxi proċess ġust u trasparenti, li jirrispondi għaċ-ċirkostanzi ta’ kull Parti, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull Parti tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-Ftehim tal-BBNJ u għall-implimentazzjoni tiegħu b’mod li jkun ekwu u konsistenti mal-kapaċità ta’ kull Parti li tikkontribwixxi. L-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju stabbilit mill-Unjoni jenħtieġ li tiżgura wkoll l-għoti ta’ assistenza lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa finali tal-kummissjoni preparatorja u fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim għandha tkun din li ġejja:

(1)L-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni ta’ regoli ta’ proċedura li jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati ta’ laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim, li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Unjoni bħala Parti f’konformità mal-Ftehim.

(2)L-UE għandha tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli finanzjarji u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ mekkaniżmu finanzjarju b’mod li jistabbilixxi proċess ġust u trasparenti, li jirrispondi għaċ-ċirkostanzi ta’ kull Parti, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull Parti tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-Ftehim u għall-implimentazzjoni tiegħu b’mod li jkun ekwu u konsistenti mal-kapaċità ta’ kull Parti li tikkontribwixxi, u billi l-mekkaniżmu finanzjarju jiżgura wkoll l-għoti ta’ assistenza lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim.

Artikolu 2

Bidliet tekniċi żgħar fil-pożizzjonijiet stabbiliti f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni u li huma konsistenti mal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-UNCLOS, il-Ftehim, u d-dritt tal-Unjoni, jistgħu jiġu miftiehma mill-Unjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Adottat mill-Kunsill fit-22 ta’ Marzu 2016 (ĠU L 79, 30.3.2016, p. 32) u fid-19 ta’ Marzu 2018.
(2)    Il-Konferenza Intergovernattiva fuq strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1974 tat-18 ta’ Settembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, ĠU L 235, 25.9.2023, p. 1.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1830 tas-17 ta’ Ġunju 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, ĠU L 2024/1830, 19.7.2024.
(5)    Ir-Riżoluzzjoni 78/272 tal-AĠNU adottata fl-24 ta’ April 2024 dwar il-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali.
(6)    Ir-Riżoluzzjoni 72/249 tal-AĠNU adottata fl-24 ta’ Diċembru 2017 dwar Strument internazzjonali legalment vinkolanti skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, il-paragrafu 17 (applikabbli għall-Kummissjoni Preparatorja kif previst mill-paragrafu 7 tar-Riżoluzzjoni 78/272 tal-AĠNU)
(7)    ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1
(8)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/1998/392/oj ).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1830 tas-17 ta’ Ġunju 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (ĠU L, 2024/1830, 19.7.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1830/oj ).
(11)    Ir-Riżoluzzjoni 78/272 tal-AĠNU adottata fl-24 ta’ April 2024 dwar il-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali.