European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/562

30.3.2026

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/562

tas-16 ta’ Marzu 2026

li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, tal-passaġġi fuq l-ilma interni u multimodali kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2586 tad-19 ta’ Diċembru 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 93, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, bil-passaġġi tal-ilma interni u multimodali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/2586,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament mill-Istat li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bih skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina l-kategoriji ta’ għajnuna li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit ta’ notifika. F’konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti rigward dawk il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2022/2586 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-Trattat tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika.

(3)

L-għajnuna għat-trasport fuq l-art titqies kompatibbli mat-Trattat jekk tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni tat-trasport jew jekk tirrappreżenta “rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku” f’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat.

(4)

Biex jintlaħqu l-għanijiet tan-newtralità klimatika tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), hija meħtieġa trasformazzjoni ekoloġika u diġitali fundamentali tat-trasport fl-Unjoni. Bħala parti mill-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobilità sostenibbli u intelliġenti tal-2020 (3), l-Unjoni talbet lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jagħmlu l-modi kollha tat-trasport aktar sostenibbli u jippromwovu bidla għal modi aktar sostenibbli tat-trasport.

(5)

L-Artikolu 11 tat-Trattat jissottolinja l-impenn tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ambjent u għas-sostenibbiltà, filwaqt li jenfasizza l-integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet tagħha.

(6)

Abbażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat, ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni tat-trasport huma meqjusa li ma joħolqu l-ebda distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, dment li jissodisfaw ċerti kriterji ċari ta’ kompatibbiltà stabbiliti fuq il-bażi tal-prattika deċiżjonali estensiva.

(7)

Dan ir-Regolament japplika għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għall-operat u għall-investiment mogħtija fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art.

(8)

L-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi għall-kategoriji rilevanti ta’ għajnuna, jenħtieġ li tkun eżentata mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(9)

Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat mhux koperta minn dan ir-Regolament tibqa’ soġġetta għar-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà tal-Istati Membri li jinnotifikaw għajnuna li għandha objettivi li jikkorrispondu mal-objettivi koperti minn dan ir-Regolament.

(10)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għal għajnuna li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni tat-trasport. B’kuntrast ma’ dan, jenħtieġ li l-għajnuna għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fis-setturi tat-trasport fuq l-art tkompli tiġi regolata mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew, meta ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. L-impriżi li jipprovdu servizzi tat-trasport fdati b’kuntratt ta’ servizz pubbliku jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mogħtija skont dan ir-Regolament dment b’mod partikolari li jkun hemm konformità mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, u jiġi evitat kumpens żejjed.

(11)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti simplifikazzjoni akbar f’konformità mal-objettivi tal-Kummissjoni (5) u jżid it-trasparenza, kif ukoll l-evalwazzjoni effettiva u l-kontrolli tal-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni, filwaqt li jippreżerva s-setgħat istituzzjonali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Dan huwa f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (6) u mal-eżitu tal-kontroll tal-idoneità mwettaq mill-Kummissjoni fl-2020 (7) li jenfasizzaw il-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġi żgurat infiq pubbliku effiċjenti.

(12)

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ sett ta’ prinċipji komuni li jiżguraw li l-għajnuna: (i) ikollha l-għan ta’ koordinazzjoni tat-trasport; (ii) għandha effett ta’ inċentiv ċar; (iii) hija meħtieġa, xierqa u proporzjonata; (iv) tingħata bi trasparenza sħiħa u tkun soġġetta għal mekkaniżmu ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni regolari; u (v) ma taffettwax il-kompetizzjoni u l-kummerċ sa punt li jipperikola l-interessi ġenerali tal-Unjoni.

(13)

Biex jiġi żgurat li l-għajnuna hija meħtieġa u taġixxi bħala inċentiv biex l-attivitajiet jew il-proġetti jiġu żviluppati ulterjorment, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għall-għajnuna għal attivitajiet jew għal proġetti li fi kwalunkwe każ il-benefiċjarju jinvolvi ruħu fihom anke fin-nuqqas tal-għajnuna. L-għajnuna jenħtieġ li tkun eżentata biss min-notifika skont dan ir-Regolament jekk il-ħidma fuq il-proġett jew l-attività megħjuna jinbeda wara li l-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni bil-miktub għall-għajnuna. Ix-xiri ta’ art u xogħlijiet preparatorji bħalma huma l-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji ta’ fattibilità, mhumiex ikkunsidrati bħala l-bidu tax-xogħol fuq il-proġett li jkun irċieva għajnuna.

(14)

Fir-rigward ta’ kwalunkwe għajnuna għall-investiment ad hoc koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lil benefiċjarju li huwa intrapriża kbira, jenħtieġ li l-Istat Membru jiżgura li, minbarra li jikkonforma mal-kundizzjonijiet relatati mal-effett ta’ inċentiv li japplikaw għall-benefiċjarji li huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises), il-benefiċjarju jkun analizza, kif evidenzjat mid-dokumentazzjoni interna tiegħu, il-vijabbiltà tal-investiment megħjun bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istat Membru jivverifika li tali dokumentazzjoni tikkonferma li l-għajnuna se tirriżulta f’żieda materjali fl-ambitu tal-investiment appoġġat mill-għajnuna, f’żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq tali investiment, jew f’żieda materjali fil-ħeffa tat-tlestija tal-investiment.

(15)

L-iskemi ta’ għajnuna awtomatiċi fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kundizzjoni speċifika li tikkonċerna l-effett ta’ inċentiv, minħabba li l-għajnuna li tirriżulta minn tali skemi ta’ għajnuna tingħata b’mod awtomatiku. Dik il-kundizzjoni speċifika tfisser li jenħtieġ li dawk l-iskemi ta’ għajnuna jappoġġaw biss proġetti jew attivitajiet li fuqhom il-ħidma tibda wara li jidħlu fis-seħħ dawk l-iskemi. Madankollu, jenħtieġ li din il-kundizzjoni ma tapplikax fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna suċċessuri, dment li l-attività kienet diġà koperta mill-iskemi predeċessuri fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa. Meta wieħed jivvaluta l-effett ta’ inċentiv ta’ skemi ta’ għajnuna suċċessuri, jenħtieġ li l-mument kruċjali li għandu jitqies ikun meta l-miżura tat-taxxa tkun ġiet stabbilita għall-ewwel darba fl-iskema oriġinali.

(16)

L-għajnuna operatorja biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li titqies li għandha effett ta’ inċentiv jekk l-għajnuna tingħadda lill-utenti u għalhekk iżżid id-domanda għal servizzi tat-trasport sostenibbli u bidla modali. Il-pubbliċità għandha l-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-miżuri disponibbli biex jitnaqqas id-distakk fil-kompetittività bejn modi tat-trasport sostenibbli fuq l-art u modi tat-trasport bit-triq biss jew modi oħra ta’ trasport inqas sostenibbli li jikkompetu magħhom. B’hekk, il-pubbliċità titqies li tiżgura li l-għajnuna tkun riflessa fil-prezz li jintalbu jħallsu l-utenti.

(17)

Għall-finijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna li tista’ tiġi kkalkolata b’mod preċiż f’termini tal-ekwivalenti ta’ għotja gross tagħha ex ante mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Għal ċerti strumenti ta’ għajnuna bħal self, garanziji, miżuri tat-taxxa u, b’mod partikolari, ħlas lura ta’ self bil-quddiem, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jitqiesu trasparenti. Għajnuna li tikkonsisti minn garanziji jenħtieġ li titqies bħala trasparenti jekk l-ekwivalenti ta’ għotja gross tkun ġiet ikkalkolata fuq il-bażi ta’ primjums ta’ rifuġju stabbiliti għat-tip rispettiv ta’ impriża. Jenħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll bħala trasparenti jekk, qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, il-metodoloġija użata biex tiġi kkalkolata l-intensità tal-għajnuna tal-garanzija tal-Istat tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni u approvata minnha f’konformità ma’ avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (8). Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-għajnuna li tinvolvi valutazzjoni ekonomika kumplessa sabiex jiġi kkalkolat b’mod preċiż l-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-għajnuna ex ante (bħall-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital u miżuri tal-kapital tar-riskju) ma titqiesx bħala għajnuna trasparenti, sakemm l-ekwivalenti ta’ għotja gross ta’ tali għajnuna jitqies li jkun l-ammonti nominali ta’ tali investimenti.

(18)

Biex jiġi żgurat li l-għajnuna tkun proporzjonata u limitata għall-ammont meħtieġ, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ammonti massimi tal-għajnuna f’termini ta’ intensitajiet tal-għajnuna fir-rigward ta’ sett ta’ kostijiet eliġibbli. Abbażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-intensità tal-għajnuna tiġi stabbilita f’livell li jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ ikkawżati mill-attività megħjuna filwaqt li jindirizza b’mod xieraq il-fallimenti tas-suq jew ostakli oħra għall-koordinazzjoni tat-trasport.

(19)

Meta tiġi kkalkolata l-intensità tal-għajnuna, jenħtieġ li jiġu inklużi biss il-kostijiet eliġibbli. L-identifikazzjoni tal-kostijiet eliġibbli jenħtieġ li tiġi appoġġata minn evidenza dokumentarja ċara, speċifika u aġġornata. L-għajnuna li taqbeż l-intensità tal-għajnuna rilevanti jenħtieġ li ma tiġix eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika. L-ammonti kollha użati fil-kalkolu jenħtieġ li jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew imposta oħra. L-għajnuna pagabbli f’diversi pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Il-kostijiet eliġibbli jenħtieġ li jiġu skontati wkoll sal-valur tagħhom f’dak il-mument.

(20)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-għajnuna awtorizzata ma taffettwax il-kompetizzjoni u l-kummerċ sa punt li jipperikola l-interessi ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li għajnuna favur benefiċjarju li jiffaċċja ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna partikolari illegali u inkompatibbli mas-suq intern tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Għajnuniet għal impriżi f’diffikultà jenħtieġ li jkunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Tali għajnuna jenħtieġ li tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (9).

(22)

Dan ir-Regolament jikkonsolida l-esperjenza estensiva miksuba mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ għajnuna operatorja mfassla biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport. Tali għajnuna jenħtieġ li tiġi kkwantifikata fuq il-bażi tal-kostijiet esterni li jistgħu jiġu evitati billi tiġi adottata soluzzjoni aktar sostenibbli tat-trasport minflok mod tat-trasport kummerċjalment vijabbli, u li jikkompeti magħha, bħat-trasport bit-triq biss. L-għajnuna tista’ tieħu l-forma ta’ tnaqqis fl-imposti li l-operaturi ta’ trasport iħallsu għall-użu tal-infrastruttura. L-għajnuna operatorja biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport jenħtieġ li tkun koperta minn dan ir-Regolament biss meta distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u l-kummerċ ikunu limitati u soġġetti għal kundizzjonijiet definiti sew. Dan ikun il-każ meta l-kostijiet esterni evitati jiġu kkalkolati f’konformità mar-regoli u mal-metodoloġija stabbiliti fil-Manwal tal-Kummissjoni dwar il-kostijiet esterni tat-trasport (10), fejn l-intensità tal-għajnuna tibqa’ taħt ċerti livelli limitu, u fejn l-għajnuna tingħata biss għas-servizzi tat-trasport sostenibbli fuq l-art li fil-fatt jiġu pprovduti. Dan jiżgura li l-għajnuna tkun strettament limitata għall-kumpens għall-kostijiet esterni assoċjati mal-użu ta’ mod aktar sostenibbli tat-trasport.

(23)

Barra minn hekk, l-għajnuna operatorja biex jiġu appoġġati l-operaturi ta’ trasport jew l-organizzaturi tat-trasport meta jniedu konnessjonijiet kummerċjali ġodda tal-merkanzija bil-ferrovija jew tal-passaġġi fuq l-ilma interni jenħtieġ li tkun koperta biss minn dan ir-Regolament meta distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ikunu limitati u soġġetti għal kundizzjonijiet definiti sew. Dan huwa l-każ meta l-ammont tal-għajnuna jiġi kkalkolat fir-rigward tat-telf operatorju mġarrab mill-benefiċjarju matul l-ewwel ħames snin tal-operat tal-konnessjoni kummerċjali l-ġdida u l-intensità tal-għajnuna tibqa’ taħt ċertu livell limitu.

(24)

L-investiment f’faċilitajiet tas-servizzi ferrovjarji, f’faċilitajiet tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, f’faċilitajiet multimodali tat-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni u f’sidings privati madwar l-Unjoni, huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-konnettività, il-funzjonament sostenibbli tal-ekonomija u l-koeżjoni bejn l-Istati Membri. Tali investimenti jappoġġaw il-prijoritajiet tal-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobilità sostenibbli u intelliġenti tal-2020 (11), li tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ faċilitajiet multimodali tat-trasport. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji, faċilitajiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni, faċilitajiet multimodali tat-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni u sidings privati. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax għall-għajnuna għall-infrastruttura tal-portijiet (irmiġġi, pontijiet tal-imbark, eċċ.) u għall-għajnuna għall-infrastruttura tal-aċċess għall-portijiet li huma eliġibbli skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (12). Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-għajnuna għas-sovrastruttura tal-port (arranġamenti tas-superfiċe bħal għall-ħżin, faċilitajiet ta’ servizz bħal imħażen, kif ukoll tagħmir użat għall-operat tal-faċilitajiet), dment li s-sovrastruttura inkwistjoni tkun tinsab f’faċilità tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew f’faċilità multimodali tat-trasport b’konnessjoni bil-ferrovija jew b’passaġġi fuq l-ilma interni. Għal dik it-tip ta’ għajnuna, jenħtieġ li jitnaqqas il-piż amministrattiv ikkawżat min-notifika ta’ miżuri sempliċi ta’ għajnuna mill-Istat, li jippermetti wkoll lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-każijiet potenzjalment l-aktar distorsivi. Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-għajnuna għall-investiment għall-faċilitajiet tas-servizzi ferrovjarji, għall-faċilitajiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni, għall-faċilitajiet tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni u għal sidings privati mir-rekwiżit ta’ notifika jenħtieġ li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ li jimminaw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Distorsjonijiet fil-kummerċ u fil-kompetizzjoni huma limitati b’mod partikolari billi tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

(25)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri l-għajnuna għall-investiment għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni u ċerti kategoriji ta’ tagħmir strumentali għat-trasport multimodali sostenibbli (jiġifieri Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali u krejnijiet abbord bastimenti) biss meta d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ ikunu limitati. Għall-akkwiżizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli, dan hu l-każ għal skemi ta’ għajnuna li jkopru krejnijiet abbord bastimenti u parti mill-kostijiet tal-Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali u meta l-intensità tal-għajnuna tibqa’ taħt livelli limitu definiti sew. Għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, dan ikun il-każ meta l-għajnuna tieħu l-forma ta’ garanzija lix-xerrej tal-vettura soġġetta għal kundizzjonijiet definiti sew. Fis-settur ferrovjarju, l-SMEs u l-entranti l-ġodda għandhom diffikultajiet biex jirrinnovaw jew iżidu l-flotot tagħhom minħabba l-kostijiet għoljin ta’ investiment fl-akkwist ta’ vetturi ferrovjarji u minħabba diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzi. L-impriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (“SMCs”, small mid-cap undertakings) jiffaċċjaw sfidi simili. Fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni, il-maġġoranza tal-operaturi huma SMEs jew, fl-aħjar każ, SMCs. Dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jirrinovaw jew iżidu l-flotta tagħhom minħabba diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament mis-suq. Għalhekk, l-għajnuna għall-investiment fil-forma ta’ garanziji lill-entranti ġodda fis-settur ferrovjarju, lill-SMEs u lill-SMCs fis-settur ferrovjarju u f’dak tal-passaġġi fuq l-ilma interni, tippromwovi t-trasport sostenibbli mingħajr ma toħloq distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni u l-kummerċ.

(26)

F’konformità mal-politiki diġitali u mal-politiki dwar it-trasport tal-Unjoni, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex jippermettu l-komunikazzjoni bejn sistemi differenti ta’ informazzjoni dwar it-trasport kif ukoll il-koordinazzjoni tan-networks tat-trasport u l-kompetizzjoni transfruntiera, u biex ikun jista’ jsir titjib fuq is-sikurezza tat-trasport fl-Unjoni. Dan huwa meħtieġ minħabba l-istandards differenti tan-networks tat-trasport, in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni teknika, għodod u sistemi inkompatibbli għall-ġbir ta’ data, u tħassib dwar il-kondiviżjoni tad-data u s-sovranità tad-data. Barra minn hekk, l-esperjenza fil-valutazzjoni tal-miżuri għal appoġġ għall-interoperabbiltà notifikati skont il-Linji Gwida tal-2008 dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (13) wriet li jeżistu fallimenti akuti tas-suq minħabba fallimenti fil-koordinazzjoni u l-“iżvantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel”, meta l-benefiċċji b’rabta mal-introduzzjoni ta’ teknoloġija jew standard speċifiku jmorru lil hinn mill-interess kummerċjali tal-operaturi ta’ trasport.

(27)

Dan huwa l-każ, pereżempju, tas-sistemi ta’ kontroll tal-ferroviji u tat-traffiku bħall-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Railway Traffic Management System). L-ERTMS hija sistema unika Ewropea ta’ sinjalar u kontroll tal-veloċità li tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali, tnaqqas l-kostijiet tax-xiri u tal-manutenzjoni tas-sistemi ta’ sinjalar u żżid il-veloċità tal-ferroviji, il-kapaċità tal-infrastruttura u l-livell ta’ sikurezza fit-trasport bil-ferrovija. L-ERTMS tikkonsisti mis-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS, European Train Control System), jiġifieri sistema ta’ sinjalar bil-kejbil li tinkorpora l-protezzjoni awtomatika tal-ferrovija, ir-Radju Mobbli Ferrovjarju (RMR, Railway Mobile Radio) u t-Tħaddim Awtomatiku tal-Ferroviji (ATO, Automated Train Operation). Is-sistema tal-RMR li bħalissa tintuża għall-operazzjonijiet ferrovjarji, jiġifieri s-Sistema Globali għall-Komunikazzjonijiet Mobbli – il-Ferroviji (GSM-R, Global System for Mobile Communications – Rail), hija bbażata fuq speċifikazzjonijiet iffinalizzati 20 sena ilu. Minħabba l-obsolexxenza teknoloġika, l-appoġġ industrijali għall-GSM-R x’aktarx li ma jiġix żgurat wara l-2031. Minħabba l-effetti negattivi limitati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ li l-għajnuna għall-interoperabbiltà għandha, u meta titqies l-esperjenza miksuba, tali għajnuna jenħtieġ li tkun koperta minn dan ir-Regolament taħt kundizzjonijiet definiti sew.

(28)

Biex titrawwem il-kompetittività tat-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, huwa meħtieġ ukoll li jiġu promossi adattament u modernizzazzjoni tekniċi fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art. L-appoġġ għal tali investimenti jenħtieġ li jkun soġġett għal kundizzjonijiet li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ li jimminaw kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ tali għajnuna mir-rekwiżiti ta’ notifika jiżguraw in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna u jinkludu salvagwardji dwar it-tip ta’ għajnuna u l-kostijiet eliġibbli.

(29)

L-għajnuna lill-impriżi biex jadattaw għall-istandards futuri tal-Unjoni tista’ tirriżulta fil-kisba aktar bikri ta’ livell għoli ta’ armonizzazzjoni u standardizzazzjoni. L-għajnuna jenħtieġ li ma tkunx eżentata mir-rekwiżiti tan-notifika meta l-investimenti jġibu lill-impriżi f’konformità mal-istandards tal-Unjoni li jkunu diġà ġew adottati. Madankollu, f’każijiet li fihom l-istandard rilevanti tal-Unjoni jkun diġà ġie adottat iżda jkun għadu ma daħalx fis-seħħ, l-għajnuna jista’ jkollha effett ta’ inċentiv jekk tinċentiva l-investiment li għandu jiġi implimentat u finalizzat mill-inqas 12-il xahar qabel ma jidħol fis-seħħ l-istandard, dment li ma japplikax b’mod retroattiv l-istandard. Sabiex l-Istati Membri ma jiġux skoraġġuti milli jistabbilixxu standards nazzjonali obbligatorji li jkunu aktar stretti jew ambizzjużi mill-istandards korrispondenti tal-Unjoni, il-miżuri ta’ għajnuna jista’ jkollhom effett ta’ inċentiv irrispettivament mill-preżenza ta’ tali standards nazzjonali. L-istess jgħodd għall-għajnuna mogħtija fil-preżenza ta’ standards nazzjonali obbligatorji adottati fin-nuqqas ta’ standards tal-Unjoni.

(30)

Ċerti kategoriji ta’ għajnuna li jkopru ammonti għoljin ta’ għajnuna mogħtija għal kull proġett jenħtieġ li jiġu valutati mill-Kummissjoni man-notifika minħabba r-riskju ogħla ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Kwalunkwe għajnuna mogħtija ’l fuq minn ċerti livelli limitu jenħtieġ li għalhekk tibqa’ soġġetta għar-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-livelli limitu ma jiġux evitati billi l-proġetti jinqasmu b’mod artifiċjali f’diversi proġetti b’karatteristiċi, objettivi jew benefiċjarji simili.

(31)

Bil-ħsieb tal-impatt potenzjali akbar ta’ skemi kbar ta’ għajnuna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, jenħtieġ li, fil-prinċipju, skemi ta’ għajnuna b’baġit li jaqbeż ċertu livell limitu fi kwalunkwe sena partikolari jew b’kollox abbażi ta’ valur assolut ikunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. L-evalwazzjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tivverifika: (i) jekk ġewx ikkonfermati s-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema; u (ii) l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha. Din jenħtieġ li tindika wkoll l-impatt tal-iskema fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Biex jiġi żgurat trattament ugwali, jenħtieġ li evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat titwettaq fuq il-bażi ta’ pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni. Filwaqt li tali pjan normalment jenħtieġ li jitfassal meta l-iskema tkun imfassla, u jenħtieġ li jiġi approvat fil-ħin biex l-iskema tidħol fis-seħħ, dan jista’ ma jkunx possibbli fil-każijiet kollha. Għalhekk, sabiex ma jkunx hemm dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-iskemi ta’ għajnuna, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal tali skemi għal perjodu massimu inizjali ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ testendi dan il-perjodu ladarba jiġi approvat il-pjan ta’ evalwazzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-pjan ta’ evalwazzjoni jiġi notifikat lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-iskema. Il-Kummissjoni jenħtieġ li eċċezzjonalment ikollha wkoll il-possibbiltà li ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ.

(32)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li teħtieġ biex tivvaluta l-pjan ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha wkoll il-possibbiltà li titlob informazzjoni addizzjonali mingħajr dewmien żejjed, jekk meħtieġ. L-alterazzjonijiet tal-iskemi soġġetti għal evalwazzjoni, ħlief modifiki li ma jistgħux jaffettwaw il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew li ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Alterazzjonijiet bħal modifiki purament formali jew modifiki amministrattivi, inklużi dawk imwettqa skont il-miżuri ta’ kofinanzjament tal-Unjoni, jenħtieġ li, fil-prinċipju, ma jitqisux li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat.

(33)

Biex jiġi determinat jekk ġewx irrispettati l-livelli limitu ta’ notifika u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jitqies l-ammont totali ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-attività jew għall-proġett megħjun. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jiġu akkumulati kategoriji differenti ta’ għajnuna. L-għajnuna li hija eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna kompatibbli oħra eżentata skont regolamenti oħra jew kwalunkwe għajnuna oħra li hija approvata mill-Kummissjoni sakemm dawk il-miżuri jikkonċernaw kostijiet eliġibbli identifikabbli differenti. Meta sorsi differenti tal-għajnuna jkunu relatati mal-istess kostijiet eliġibbli identifikabbli – li jikkoinċidu parzjalment jew kompletament, – jenħtieġ li tkun permessa akkumulazzjoni sal-ogħla intensità tal-għajnuna jew sal-ogħla ammont tal-għajnuna applikabbli għal dik l-għajnuna skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll regoli speċjali għall-akkumulazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna bil-kostijiet eliġibbli identifikabbli u mingħajrhom, u għall-akkumulazzjoni ma’ għajnuna de minimis. L-għajnuna de minimis ħafna drabi ma tingħatax għall-kostijiet eliġibbli identifikabbli speċifiċi jew attribwita lilhom. F’tali każijiet, jenħtieġ li jkun possibbli li l-għajnuna de minimis tiġi akkumulata b’mod liberu mal-għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-Regolament. Madankollu, meta, l-għajnuna de minimis tingħata għall-istess kostijiet eliġibbli identifikabbli bħala għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-akkumulazzjoni tkun permessa biss sal-intensità ta’ għajnuna massima kif stabbilita fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament.

(34)

Il-finanzjament ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji, mill-impriżi konġunti jew minn korpi oħrajn tal-Unjoni, li mhuwiex direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri, ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat. Meta tali finanzjament jiġi kkombinat ma’ għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li l-għajnuna mill-Istat biss titqies meta jiġi determinat jekk ġewx irrispettati l-livelli limitu ta’ notifika u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jew l-ammonti massimi tal-għajnuna. Dan jenħtieġ li japplika dment li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli ma jaqbiżx l-aktar rata ta’ finanzjament favorevoli stabbilita fir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

(35)

It-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat hija essenzjali għall-applikazzjoni korretta tar-regoli tat-Trattat u twassal għal konformità aħjar, akkontabilità akbar, rieżamijiet bejn il-pari u, fl-aħħar mill-aħħar, infiq pubbliku aktar effettiv. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu siti web komprensivi, fil-livell reġjonali jew nazzjonali, b’informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament. Alternattivament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippubblikaw l-informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata fil-modulu tal-għoti tat-trasparenza tal-Kummissjoni. Skont il-prattika standard għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jenħtieġ li jintuża format standard. Jenħtieġ li dak il-format jippermetti li l-informazzjoni titfittex, titniżżel u tiġi ppubblikata faċilment fuq l-Internet. Il-links għas-siti web tal-għajnuna mill-Istat tal-Istati Membri kollha jenħtieġ li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni. F’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2022/2586, jenħtieġ li l-informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

(36)

L-infurzar tal-għajnuna mill-Istat jiddependi ħafna mill-kooperazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-konformità tal-għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha.

(37)

Biex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-miżuri ta’ għajnuna f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2586, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward ir-rapportar mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ għajnuna li ġew eżentati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rekords li jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu dwar l-għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament fid-dawl tal-perjodu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (15).

(38)

Biex issaħħaħ l-effettività tal-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għall-futur f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk il-kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tirrestrinġi dak l-irtirar għal ċerti tipi ta’ għajnuna, ċerti benefiċjarji jew miżuri ta’ għajnuna adottati minn ċerti awtoritajiet meta n-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jaffettwa biss grupp limitat ta’ miżuri jew ċerti awtoritajiet. Tali rtirar immirat jenħtieġ li jipprovdi rimedju proporzjonat marbut direttament man-nuqqas ta’ konformità identifikat. Meta miżura ta’ għajnuna ma tiġix notifikata u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-eżenzjoni min-notifika, din tikkostitwixxi għajnuna illegali, li l-Kummissjoni għandha teżamina skont il-proċedura rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2015/1589 għal għajnuna mhux notifikata. Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għall-futur jenħtieġ li ma jaffettwax il-fatt li kwalunkwe miżura preċedenti li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament kienet eżentata bħala kategorija.

(39)

Biex jiġu eliminati d-differenzi li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ u biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti nazzjonali u tal-Unjoni li jikkonċernaw l-SMEs, kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċarezza amministrattiva u ċertezza legali, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ SME skont it-tifsira tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament tkun ibbażata fuq id-definizzjoni fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (16).

(40)

Il-politika dwar l-għajnuna mill-Istat jenħtieġ li tiġi riveduta perjodikament fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jirregolaw it-trattament ta’ skemi ta’ għajnuna eżentati minn tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali regoli jenħtieġ li jagħtu żmien lill-Istati Membri jadattaw għal kwalunkwe reġim futur,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:

(a)

skemi ta’ għajnuna operatorja biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport;

(b)

skemi ta’ għajnuna operatorja biex jitnedew konnessjonijiet kummerċjali ġodda tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni;

(c)

skemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji, ta’ faċilitajiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni, u ta’ faċilitajiet multimodali ta’ trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluża s-sovrastruttura tal-port, dment li s-sovrastruttura inkwistjoni tinsab f’faċilità tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew f’faċilità multimodali ta’ trasport b’konnessjoni ferrovjarja jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni;

(d)

għajnuna għall-investiment ad hoc u skemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ terminals tal-merkanzija bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni;

(e)

skemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ sidings privati;

(f)

skemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni;

(g)

skemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-akkwist ta’ Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali u krejnijiet abbord bastimenti;

(h)

skemi ta’ għajnuna għall-interoperabbiltà fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art;

(i)

skemi ta’ għajnuna għall-investiment għal adattament u modernizzazzjoni fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art.

2.   Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:

(a)

skemi ta’ għajnuna li ma jeskludux b’mod espliċitu l-ħlas ta’ għajnuna individwali favur impriża li tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna partikolari mogħtija mill-istess Stat Membru illegali u inkompatibbli mas-suq intern;

(b)

għajnuna ad hoc favur impriża li tkun soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna partikolari mogħtija mill-istess Stat Membru illegali u inkompatibbli mas-suq intern;

(c)

għajnuna li tiddependi fuq l-użu ta’ merkanzija domestika minflok merkanzija importata;

(d)

għajnuna lil impriżi f’diffikultà;

(e)

miżuri ta’ għajnuna li jinvolvu fihom infushom il-kundizzjonijiet relatati magħhom jew il-metodu ta’ finanzjament tagħhom, ksur inseparabbli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

(i)

miżuri ta’ għajnuna li fihom l-għoti tal-għajnuna jkun soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju jkollu l-kwartieri ġenerali tiegħu fl-Istat Membru rilevanti jew li jkun stabbilit b’mod predominanti f’dak l-Istat Membru. Madankollu, huwa permess ir-rekwiżit li jkun hemm stabbiliment jew fergħa fl-Istat Membru li tagħti l-għajnuna fil-mument tal-ħlas tal-għajnuna;

(ii)

għajnuna li tingħata li tkun soġġett għall-obbligu fuq il-benefiċjarju biex juża merkanzija prodotti nazzjonalment jew servizzi nazzjonali;

(f)

għajnuna għat-twettiq ta’ obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija;

(g)

għajnuna għall-infrastruttura tal-portijiet u għall-infrastruttura tal-aċċess għall-portijiet li hija vvalutata mill-Kummissjoni direttament skont l-Artikolu 107(3)(c), tat-Trattat, jew li tkun koperta mir-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(h)

skemi ta’ għajnuna msemmija fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jekk jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, mill-iskadenza ta’ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħhom jew minn tali data aktar tard kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament;

(i)

kwalunkwe tibdil fl-iskemi msemmija fil-punt (h) minbarra l-modifiki li ma jaffettwawx il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna skont dan ir-Regolament jew li ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art” tfisser is-settur ferrovjarju, is-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport multimodali sostenibbli fis-settur tat-trasport fuq l-art;

(b)

“kostijiet esterni tat-trasport” tfisser kostijiet iġġenerati mill-utenti tat-trasport u mhux imġarrba minnhom iżda mis-soċjetà kollha kemm hi, b’mod partikolari relatati mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, it-tniġġis tal-arja, il-korrimenti u l-imwiet, l-istorbju u l-konġestjoni;

(c)

“skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt, u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil impriża waħda jew lil ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

(d)

“konnessjoni kummerċjali ġdida tal-merkanzija bil-ferrovija” tfisser konnessjoni kummerċjali li tikkonċerna operazzjonijiet skedati ġodda tal-merkanzija bil-ferrovija bejn mill-inqas żewġ terminali tal-merkanzija li ma ġewx konnessi direttament b’servizzi skedati tal-merkanzija bil-ferrovija għal mill-inqas tliet snin qabel il-bidu tal-operazzjonijiet fuq il-konnessjoni partikolari;

(e)

“konnessjoni kummerċjali ġdida tal-merkanzija bil-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser konnessjoni kummerċjali li tikkonċerna operazzjonijiet skedati ġodda tal-merkanzija fil-passaġġi fuq l-ilma interni bejn mill-inqas żewġ terminali tal-merkanzija li ma ġewx konnessi direttament b’servizzi skedati tal-merkanzija bil-passaġġi fuq l-ilma interni għal mill-inqas tliet snin qabel il-bidu tal-operazzjonijiet fuq il-konnessjoni partikolari;

(f)

“terminal tal-merkanzija” tfisser struttura mgħammra għat-trażbord u għall-ħżin temporanju tal-merkanzija;

(g)

“faċilità ta’ servizzi ferrovjarji” tfisser kwalunkwe faċilità ta’ servizz (pereżempju, terminali tal-merkanzija bil-ferrovija, jew faċilità ta’ manutenzjoni jew ta’ ħżin) u l-infrastruttura tal-aċċess tagħha (inkluż it-tagħmir fiżiku jew diġitali meħtieġ għall-funzjonament tagħha) li tinsab fl-Unjoni u msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), bl-eċċezzjoni tal-faċilitajiet jew tat-tagħmir relatat mas-segwitu ta’ attivitajiet mhux tat-trasport;

(h)

“infrastruttura tal-aċċess” tfisser kwalunkwe tip ta’ infrastruttura meħtieġa biex jiġi żgurat l-aċċess u d-dħul mill-art jew mill-baħar u mix-xmajjar mill-utenti għal faċilità tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew għal ferroviji unimodali jew għal faċilità tal-passaġġi fuq l-ilma interni, bħat-toroq, il-binarji ferrovjarji, il-kanali u l-imgħalaq;

(i)

“faċilità tal-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser kwalunkwe faċilità ta’ servizz (pereżempju, terminal tal-merkanzija, jew faċilità ta’ manutenzjoni jew ta’ ħżin) u l-infrastruttura tal-aċċess tagħha (inkluż it-tagħmir fiżiku jew diġitali meħtieġ għall-funzjonament tagħha) li tinsab fl-Unjoni u użata biex jitwettaq trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bl-eċċezzjoni tal-faċilitajiet jew tat-tagħmir relatat mas-segwitu ta’ attivitajiet mhux tat-trasport;

(j)

“sovrastruttura tal-port” tfisser arranġamenti tas-superfiċe (bħal għall-ħżin), tagħmir fiss (bħal imħażen u bini tat-terminali) u tagħmir mobbli (bħal krejnijiet) li jinsabu f’port biex jipprovdu servizzi tal-port relatati mat-trasport, sakemm is-sovrastruttura inkwistjoni tkun tinsab f’faċilità tat-trasport multimodali b’konnessjoni bil-ferrovija jew b’passaġġi fuq l-ilma interni;

(k)

“faċilità tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser faċilità ta’ servizz, inklużi sovrastruttura tal-port u terminals tal-merkanzija bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, u l-infrastruttura tal-aċċess tagħha (inkluż it-tagħmir fiżiku jew diġitali meħtieġ għall-funzjonament tagħha) li tinsab fl-Unjoni u hija meħtieġa biex tipprovdi trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni flimkien ma’ modi oħra tat-trasport, bl-eċċezzjoni tal-faċilitajiet jew tat-tagħmir relatat mas-segwitu ta’ attivitajiet mhux tat-trasport;

(l)

“trasport multimodali” tfisser il-ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri mill-inqas b’żewġ modi differenti tat-trasport;

(m)

“għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna;

(n)

“siding privat” tfisser biċċa infrastruttura ferrovjarja privata u operata privatament (inklużi binarji ferrovjarji u kwalunkwe installazzjoni jew tagħmir ieħor meħtieġ biex issir funzjonali), li tikkonnettja man-network ferrovjarju pubbliku faċilitajiet tat-tagħbija li ma jikkwalifikawx bħala faċilitajiet ta’ servizz skont l-Anness II tad-Direttiva 2012/34/UE, kif ukoll kwalunkwe infrastruttura ddedikata li tkun ta’ servizz għal biċċa infrastruttura ferrovjarja privata u operata privatament;

(o)

“infrastruttura dedikata” tfisser infrastruttura li tinbena għal impriża/i identifikabbli ex ante u mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom;

(p)

“vettura għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser:

(i)

vetturi ferrovjarji; jew

(ii)

bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

(q)

“vetturi ferrovjarji” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

lokomottivi għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, u vetturi ferrovjarji tal-passiġġieri, inklużi unitajiet tat-trazzjoni termali jew elettriċi, ferroviji tal-passiġġieri b’awtopropulsjoni termali jew elettriċi, u coaches tal-passiġġieri;

(ii)

vaguni tal-merkanzija, inklużi vetturi baxxi ddisinjati għan-network kollu u vetturi ddisinjati biex iġorru t-trakkijiet;

(r)

“bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser bastiment għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija maħsub biss jew prinċipalment għan-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni jew fl-ilmijiet ġewwa, jew maġenb, ilmijiet imkennija, inklużi bastimenti mibnija apposta għall-propulsjoni ta’ konvoj imbuttat;

(s)

“impriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja” jew “SMC” tfisser impriża li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta’ għajnuna involuta fi prodotti finanzjarji appoġġati mill-programm InvestEU taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni għas-snin 2021 sa 2027 (18), “impriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja” jew “SMC” tfisser impriża li mhijiex SME u li timpjega sa 499 impjegat;

(t)

“Unità ta’ Tagħbija Intermodali” tfisser kontejner, kaxxa skambjabbli jew semitrejler/vettura tat-triq bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi użati għat-trasport intermodali;

(u)

“trasport intermodali” tfisser il-moviment tal-merkanzija fl-istess unità ta’ tagħbija intermodali b’modi suċċessivi tat-trasport mingħajr il-maniġġar tal-merkanzija nnifisha meta jinbidlu l-modi;

(v)

“bastiment tal-baħar” tfisser bastiment għajr dak li jbaħħar biss jew prinċipalment fuq passaġġi fuq l-ilma interni jew f’ilmijiet imkennija jew li jmiss mill-qrib magħhom;

(w)

“impriża f’diffikultà” tfisser impriża f’diffikultà kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (18), tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

(x)

“tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli” tfisser tagħmir strumentali għat-trasport multimodali sostenibbli, bħal semitrejlers li jistgħu jinqabdu bi krejn, bl-eċċezzjoni ta’ tagħmir użat għall-faċilitajiet;

(y)

“għajnuna individwali” tfisser (i) għajnuna ad hoc; u (ii) għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna;

(z)

“terminal tal-merkanzija bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser terminal tal-merkanzija bejn żewġ sistemi ferrovjarji differenti jew bejn mill-inqas żewġ modi tat-trasport, li wieħed minnhom huwa l-ferrovija jew il-passaġġi fuq l-ilma interni, u l-infrastruttura tal-aċċess (inkluż it-tagħmir fiżiku jew diġitali meħtieġ għall-funzjonament tiegħu), u li jinsab fl-Unjoni, bħal terminali tal-merkanzija fil-portijiet interni jew marittimi, tul il-passaġġi fuq l-ilma interni jew fl-ajruporti jew fil-pjattaformi loġistiċi multimodali, bl-eċċezzjoni ta’ faċilitajiet jew tagħmir relatat mas-segwitu ta’ attivitajiet mhux tat-trasport;

(aa)

“investiment fl-ekwità” tfisser id-dispożizzjoni ta’ kapital lil impriża, investiti direttament jew indirettament bi skambju għas-sjieda ta’ sehem korrispondenti ta’ dik l-impriża;

(bb)

“investiment ta’ kważi ekwità” tfisser tip ta’ finanzjament li jikkwalifika bejn ekwità u dejn, li għandu riskju ogħla minn dejn superjuri u anqas riskju minn ekwità komuni u li l-qligħ tiegħu lid-detentur ikun ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq il-profitti jew it-telf tal-intrapriża fil-mira sottostanti u li mhumiex żgurati f’każ ta’ inadempjenza. L-investimenti ta’ kważi ekwità jistgħu jiġu strutturati bħala dejn mhux assigurat u subordinat, inkluż id-dejn intermedjarju, u f’xi każijiet konvertibbli f’ekwità, jew bħala ekwità ta’ preferenza;

(cc)

“bidu tax-xogħlijiet” tfisser l-ewwel waħda minn jew il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-investiment jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti biex jiġi ordnat it-tagħmir jew, fil-każ ta’ akkwisti, il-mument ta’ akkwist tal-assi direttament marbuta mal-istabbiliment akkwistat;

(dd)

“skemi tas-suċċessur fiskali” tfisser skema fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa li tikkostitwixxi verżjoni emendata ta’ skema li qabel kienet teżisti fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa u li tissostitwixxiha;

(ee)

“intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont gross tal-għajnuna espress bħala perċentwal tal-kostijiet eliġibbli, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ imposti oħra;

(ff)

“operatur ta’ trasport” tfisser impriża li ġġorr passiġġieri jew merkanzija fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art;

(gg)

“organizzatur tat-trasport” tfisser impriża li torganizza t-trasport ta’ merkanzija u b’hekk tagħmel l-għażla bejn modi tat-trasport;

(hh)

“trasport sostenibbli fuq l-art” tfisser il-ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bi trasport multimodali sostenibbli;

(ii)

“trasport fuq l-art” tfisser il-ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bit-trasport fuq l-art;

(jj)

“trasport marittimu fuq distanzi qosra” tfisser il-moviment ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar bejn portijiet li jinsabu fl-ilmijiet ġeografiċi ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi Stati Membri jew bejn port li jinsab fl-ilmijiet tal-Istati Membri u port li jinsab fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz kontigwu li jkollu kosta fuq l-ibħra li jmissu mal-ilmijiet ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi Stati Membri (19);

(kk)

“trasport multimodali sostenibbli” tfisser il-ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri b’mill-inqas żewġ modi differenti tat-trasport meta mill-inqas wieħed mill-modi tat-trasport użati jkun bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, jew meta t-trasport multimodali jikkombina t-trasport fuq l-art mat-trasport marittimu fuq distanzi qosra;

(ll)

“attivitajiet mhux tat-trasport” tfisser servizzi kummerċjali mhux relatati mat-trasport sostenibbli fuq l-art, inklużi servizzi anċillari għall-passiġġieri, l-ispedizjonieri jew fornituri oħra tas-servizzi, bħall-kiri ta’ uffiċċji, ħwienet, u lukandi;

(mm)

“TEN-T” tfisser in-network kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2024/1679;

(nn)

“impriża ferrovjarja” tfisser impriża ferrovjarja kif definita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/34/UE;

(oo)

“entrant ġdid” tfisser impriża ferrovjarja kif definita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/34/UE li tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

tkun irċeviet liċenzja skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2012/34/UE għas-segment tas-suq rilevanti inqas minn 20 sena qabel ma tingħata l-għajnuna;

(ii)

mhijiex marbuta, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ma’ impriża ferrovjarja li tkun irċeviet liċenzja skont l-Artikolu 3(14) tad-Direttiva 2012/34/UE qabel l-1 ta’ Jannar 2010;

(pp)

“intrapriża żgħira u ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(qq)

“Ambjent Ewropew tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”, river information services)” tfisser pjattaforma elettronika b’punt ta’ aċċess uniku bbażata fuq informazzjoni nazzjonali tax-xmajjar li tipprovdi servizzi tekniċi u operazzjonali għall-utenti tar-RIS u fiha links għar-rapportar elettroniku skont il-prinċipju ta’ “darba biss”, li tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jipprovdu data lill-amministrazzjonijiet pubbliċi darba biss;

(rr)

“applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija” tfisser applikazzjonijiet bħas-sistemi ta’ informazzjoni (monitoraġġ f’ħin reali tal-merkanzija u tal-ferroviji), sistemi ta’ marshalling u allokazzjoni, sistemi ta’ prenotazzjoni, ħlas u fatturazzjoni, u applikazzjonijiet li jiġġestixxu konnessjonijiet ma’ modi oħra tat-trasport u li jipproduċu dokumenti elettroniċi ta’ akkumpanjament;

(ss)

“reġistru Ewropew tal-vetturi” tfisser reġistru skont l-Artikoli 22(1) u 47(5) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

Artikolu 3

kundizzjonijiet għal eżenzjoni

Skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna u għajnuna ad hoc għandhom jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dment li tali għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali kollha stabbiliti fil-Kapitolu I u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta’ għajnuna stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Livelli limitu ta’ notifika

Dan ir-Regolament ma għandux japplika meta jinqabżu l-livelli limitu li ġejjin espressi f’termini ta’ ammonti massimi ta’ għajnuna:

(a)

għal għajnuna operatorja individwali għat-tnedija ta’ konnessjonijiet kummerċjali ġodda mogħtija taħt skema: EUR 15-il miljun għal kull konnessjoni;

(b)

għal għajnuna individwali għall-investiment mogħtija taħt skema għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji, faċilitajiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni u faċilitajiet tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni: EUR 30 miljun għal kull proġett;

(c)

għal għajnuna ad hoc għall-investiment għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ terminals tal-merkanzija bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni: EUR 10 miljun għal kull proġett;

(d)

għal għajnuna individwali għall-investiment mogħtija taħt skema għal sidings privati: EUR 4 miljun għal kull proġett.

Artikolu 5

Trasparenza tal-għajnuna

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna li tista’ tiġi kkalkolata preċiżament f’termini tal-ekwivalenti ta’ għotja gross tagħha ex ante mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

2.   Il-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin għandhom jitqiesu li huma għajnuna trasparenti:

(a)

għajnuna li tikkonsisti minn għotjiet u sussidji fuq ir-rati tal-imgħax;

(b)

għajnuna li tikkonsisti minn self fejn l-ekwivalenti ta’ għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza prevalenti fiż-żmien tal-għotja, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (21);

(c)

għajnuna fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa u imposti mnaqqsa meta l-miżura tipprevedi limitu massimu li jiżgura li ma jinqabiżx il-livell limitu applikabbli;

(d)

għajnuna fil-forma ta’ investimenti ta’ ekwità u investimenti ta’ kważi ekwità fejn l-ekwivalenti ta’ għotja gross jitqies li jkun l-ammont nominali ta’ tali investimenti;

(e)

għajnuna li tikkonsisti minn garanziji jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ekwivalenti ta’ għotja gross ikun ġie kkalkolat fuq il-bażi ta’ primjums ta’ rifuġju stabbiliti f’avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji;

(ii)

qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-garanzija tkun ġiet aċċettata fuq il-bażi ta’ Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji, wara n-notifika ta’ dik il-metodoloġija lill-Kummissjoni, u l-metodoloġija approvata tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti involuta fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(iii)

l-għajnuna tingħata għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-forma ta’ garanziji f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Effett ta’ inċentiv

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna li għandha effett ta’ inċentiv.

2.   L-għajnuna għandha titqies li għandha effett ta’ inċentiv jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni bil-miktub għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma jibda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività. L-applikazzjoni għall-għajnuna għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u d-daqs tal-impriża;

(b)

deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħha;

(c)

il-post tal-proġett jew tal-attività;

(d)

lista tal-kostijiet tal-proġett jew tal-attività;

(e)

tip ta’ għajnuna (għotja, self, garanzija, self bil-quddiem li jitħallas lura jew għajnuna oħra) u l-ammont ta’ finanzjament pubbliku meħtieġ għall-proġett jew għall-attività.

3.   Għajnuna ad hoc mogħtija lil intrapriżi kbar għandha titqies li għandha effett ta’ inċentiv jekk, minbarra li tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel ma jagħti l-għajnuna kkonċernata, li d-dokumentazzjoni mħejjija mill-benefiċjarju tistabbilixxi li l-għajnuna se tirriżulta f’waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

żieda materjali fl-ambitu tal-proġett jew tal-attività;

(b)

żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett jew l-attività;

(c)

żieda materjali fil-ħeffa tat-tlestija tal-proġett jew tal-attività.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 2 u 3, il-miżuri fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa għandhom jitqiesu li għandhom effett ta’ inċentiv jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-miżura tistabbilixxi dritt għall-għajnuna f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru;

(b)

il-miżura tkun ġiet adottata u tkun fis-seħħ qabel ma jkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna, ħlief fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna suċċessuri dment li l-proġett jew l-attività kienet diġà koperta mill-iskemi predeċessuri fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa.

5.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4, l-għajnuna biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport għandha titqies li għandha effett ta’ inċentiv meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10.

Artikolu 7

Intensità tal-għajnuna u kostijiet eliġibbli

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u tal-kostijiet eliġibbli, għandhom jittieħdu ċ-ċifri kollha użati qabel kwalunkwe tnaqqis tat-taxxa jew ta’ imposti oħrajn. Madankollu, it-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq l-ispejjeż jew in-nefqa eliġibbli li hija rimborżabbli skont il-liġi nazzjonali tat-taxxa applikabbli ma għandhiex titqies għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u tal-ispejjeż eliġibbli. Il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu appoġġati minn evidenza dokumentarja li għandha tkun ċara, speċifika u kontemporanja. L-ammonti tal-kostijiet eliġibbli jistgħu jiġu kkalkolati f’konformità mal-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati, dment li operazzjoni tkun tal-inqas iffinanzjata parzjalment permezz ta’ fond tal-Unjoni li jippermetti li jintużaw l-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati u li l-kategorija ta’ kostijiet tkun eliġibbli skont id-dispożizzjonijiet rilevanti. F’tali każijiet, għandhom japplikaw l-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati previsti fir-regoli rilevanti li jirregolaw il-fond tal-Unjoni.

2.   Għall-proġetti implimentati f’konformità mal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza approvati mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), l-ammonti tal-kostijiet eliġibbli jistgħu jiġu kkalkolati wkoll f’konformità mal-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) jew fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

3.   Meta l-għajnuna tingħata f’forma oħra għajr għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-għajnuna.

4.   L-għajnuna pagabbli fil-futur, inkluża għajnuna pagabbli f’diversi pagamenti parzjali, għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu skontati għall-valur tagħhom fil-mument li tingħata l-għajnuna. Ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża għal finijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ skontar applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (25).

Artikolu 8

Kumulazzjoni

1.   Meta jiġi ddeterminat jekk humiex rispettati l-livelli limitu ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna fil-Kapitolu II, għandu jitqies l-ammont totali ta’ għajnuna għall-attività jew il-proġett jew l-impriża megħjuna, kif applikabbli skont it-tip ta’ għajnuna.

2.   Meta l-finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni li ma jkunx direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru jiġi kkombinat ma’ għajnuna mill-Istat, l-għajnuna mill-Istat biss għandha titqies biex tiddetermina jekk humiex rispettati l-livelli limitu ta’ notifika u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jew l-ammonti massimi tal-għajnuna, dment li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata ta’ finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita fid-dritt tal-Unjoni.

3.   L-għajnuna eżentata minn dan ir-Regolament b’kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’:

(a)

kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, dment li dik l-għajnuna tikkonċerna kostijiet eliġibbli identifikabbli differenti mill-għajnuna eżentata minn dan ir-Regolament;

(b)

kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli, li jikkoinċidu parzjalment jew kompletament, dment li tali akkumulazzjoni ma twassalx biex tinqabeż l-ogħla intensità tal-għajnuna jew ammont tal-għajnuna applikabbli skont dan ir-Regolament;

(c)

kwalunkwe għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli bħall-għajnuna eżentata minn dan ir-Regolament, dment li tali akkumulazzjoni ma twassalx biex tinqabeż l-ogħla intensità tal-għajnuna jew ammont tal-għajnuna applikabbli skont dan ir-Regolament;

(d)

kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli, b’mod partikolari kwalunkwe għajnuna mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli eżentata mir-Regolament (UE) Nru 651/2014 jew kwalunkwe għajnuna de minimis mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli.

Artikolu 9

Pubblikazzjoni u informazzjoni

1.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura l-pubblikazzjoni, fil-modulu tal-għoti tat-trasparenza tal-Kummissjoni (26) jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, tal-aspetti li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni fil-qosor imsemmija fl-Artikolu 19 fil-format standardizzat stabbilit fl-Anness II jew link li tipprovdi aċċess għaliha;

(b)

it-test sħiħ ta’ kull miżura ta’ għajnuna, kif imsemmi fl-Artikolu 19, jew link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ;

(c)

l-informazzjoni msemmija fl-Anness III dwar kull għotja ta’ għajnuna individwali li taqbeż il-EUR 100 000.

2.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw is-siti web komprensivi tagħhom dwar l-għajnuna mill-Istat b’tali mod li jippermettu aċċess faċli għall-informazzjoni, kif imsemmi fl-Anness III.

3.   Għal skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li ġew issodisfati jekk l-Istati Membri jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar l-ammonti ta’ għajnuna individwali fil-meded li ġejjin f’miljuni ta’ EUR:

 

0,1 –0,5;

 

0,5 –1;

 

1 sa 2;

 

2 sa 5;

 

5 sa 10;

 

10 sa 20;

 

20 sa 50;

 

50 u aktar.

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), b’mod organizzat, aċċessibbli u standardizzat kif stabbilit fl-Anness III, u għandhom jipprovdu funzjonijiet effettivi ta’ tfittxija u tniżżil. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw dik l-informazzjoni fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna jew, għall-għajnuna fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa, fi żmien sena mid-data li fiha tkun dovuta d-dikjarazzjoni tat-taxxa. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli għal mill-inqas għaxar snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha:

(a)

il-links għas-siti web dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

l-informazzjoni fil-qosor imsemmija fl-Artikolu 19.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAL KATEGORIJI DIFFERENTI TA’ GĦAJNUNA

TAQSIMA 1

Għajnuna operatorja

Artikolu 10

Għajnuna biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport

1.   L-iskemi ta’ għajnuna operatorja biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   Operazzjonijiet tat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew multimodali sostenibbli ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija għandu jkunu eliġibbli għall-għajnuna. L-għajnuna trid tingħata lill-operaturi ta’ trasport jew lill-organizzaturi tat-trasport li jagħżlu soluzzjonijiet tat-trasport sostenibbli fuq l-art.

3.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-parti tal-kostijiet esterni tat-trasport li huma evitati bl-użu tat-trasport bil-ferroviji, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bit-trasport marittimu fuq distanzi qosra, użat fil-kuntest tat-trasport multimodali sostenibbli minflok modi inqas sostenibbli tat-trasport li jikkompetu miegħu. Il-kostijiet esterni evitati għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-regoli u l-metodoloġija stabbiliti fil-Manwal tal-Kummissjoni dwar il-kostijiet esterni tat-trasport, kif emendati jew sostitwiti (27).

4.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu kkalkolati billi jiġu multiplikati (i) id-differenza fil-kostijiet esterni għal kull passiġġier-kilometru, tunnellata-kilometru jew vettura-kilometru (jew unitajiet oħra tat-trasport ipprovduti fil-Manwal tal-Kummissjoni) bejn il-mod tat-trasport appoġġat u l-alternattiva inqas sostenibbli (ii) bil-volum totali ta’ dik l-istess unità realizzat mill-benefiċjarji matul il-perjodu li fih ikunu ġġarrbu l-kostijiet eliġibbli. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-metodoloġija tal-kostijiet esterni biex ikopru kwalunkwe kost operatorja, inklużi l-kostijiet operatorji relatati mal-użu tal-infrastruttura.

5.   L-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż is-60 % tal-kostijiet eliġibbli.

6.   L-għajnuna trid tingħata fuq il-bażi tal-unitajiet effettivi tas-servizz tat-trasport ipprovdut, espressi f’vettura-kilometru, f’passiġġier-kilometru għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, f’tunnellati-kilometru għal servizzi tat-trasport tal-merkanzija, jew f’unitajiet oħra tat-trasport ipprovduti fil-Manwal tal-Kummissjoni, u mhux fuq bażi ta’ somma f’daqqa.

7.   L-għajnuna mogħtija lill-operaturi ta’ trasport u lill-organizzaturi tat-trasport irid ikollha l-effett li tipprevjeni tnaqqis fil-bidla lejn modi tat-trasport sostenibbli fuq l-art jew li żżidha. Għal dan l-għan, il-benefiċjarji għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-awtorità tal-għoti;

(b)

id-data meta ngħatat l-għajnuna;

(c)

l-ammonti tal-għajnuna rċevuti;

(d)

il-perjodu u l-operazzjonijiet koperti mill-għajnuna.

Artikolu 11

Għajnuna biex jitnedew konnessjonijiet kummerċjali ġodda tal-merkanzija bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni

1.   L-iskemi ta’ għajnuna biex jitnedew konnessjonijiet kummerċjali ġodda tal-merkanzija bil-ferrovija u konnessjonijiet kummerċjali ġodda tal-merkanzija bil-passaġġi fuq l-ilma interni għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   L-għajnuna trid tingħata lill-operaturi ta’ trasport jew lill-organizzaturi tat-trasport li jiġbru d-domanda u li jorganizzaw operazzjonijiet skedati tal-merkanzija bejn terminals tal-merkanzija bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni biex jitnedew konnessjonijiet kummerċjali ġodda tal-merkanzija bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

3.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu t-telf operatorju mġarrab fir-rigward tal-konnessjoni kkonċernata, għal massimu ta’ ħames snin mid-data meta l-benefiċjarju jibda jopera l-konnessjoni kummerċjali l-ġdida.

4.   Il-kostijiet operatorji relatati mat-tnedija potenzjali tal-konnessjoni l-ġdida u qabilha, bħal studji preparatorji jew ta’ fattibbiltà, għandhom ikunu eliġibbli wkoll. Jekk titnieda l-konnessjoni kummerċjali l-ġdida, tali kostijiet operatorji għandhom jiġu inklużi fil-kostijiet eliġibbli għall-ewwel sena tal-operat tal-konnessjoni kummerċjali l-ġdida. Jekk ma titnediex il-konnessjoni kummerċjali l-ġdida, tali kostijiet operatorji għandhom jitqiesu eliġibbli għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena mid-data li fiha jkunu ġġarrbu għall-ewwel darba.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “telf operatorju” tfisser differenza negattiva bejn id-dħul u l-kostijiet operatorji mġarrba fir-rigward tal-konnessjoni kkonċernata, kif ukoll il-kostijiet operatorji tax-xogħlijiet relatati mat-tnedija tal-konnessjoni kummerċjali l-ġdida u qabilha. Il-kostijiet eliġibbli allokati għall-konnessjoni kummerċjali l-ġdida għandhom ikopru l-kostijiet operatorji diretti kollha mġarrba fl-operat tal-konnessjoni kummerċjali l-ġdida u kontribuzzjoni xierqa għall-kostijiet operatorji komuni kemm għall-konnessjoni kummerċjali l-ġdida kif ukoll għal attivitajiet oħra. Id-dħul li għandu jitqies għandu jinkludi d-dħul kollu miksub mill-konnessjoni kummerċjali l-ġdida, inkluża kwalunkwe għajnuna operatorja riċevuta biex jitnaqqsu l-kostijiet esterni tat-trasport.

6.   L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli fl-ewwel sena, is-70 % tal-kostijiet eliġibbli fit-tieni sena, is-60 % tal-kostijiet eliġibbli fit-tielet sena, il-50 % tal-kostijiet eliġibbli fir-raba’ sena u l-40 % tal-kostijiet eliġibbli fil-ħames sena.

7.   L-għajnuna tista’ titħallas bil-quddiem biss jekk titħallas kull sena, jiġifieri fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ sena. Meta l-għajnuna titħallas bil-quddiem, il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu stmati ex ante fuq il-bażi ta’ projezzjonijiet raġonevoli, u għandhom jiġu skontati għall-valur tagħhom fil-mument li tingħata l-għoti.

8.   L-Istati Membri jridu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ rkupru biex jiġi żgurat li l-għajnuna ma taqbiżx l-intensità tal-għajnuna permessa kif imsemmi fil-paragrafu 6.

TAQSIMA 2

Għajnuna għall-investiment

Subtaqsima A

Għajnuna għall-investiment għall-faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji u bil-passaġġi fuq l-ilma interni unimodali u multimodali u għal sidings privati

Artikolu 12

Għajnuna għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji u bil-passaġġi fuq l-ilma interni unimodali u multimodali

1.   L-għajnuna għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni (inkluża s-sostituzzjoni) ta’ faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji, faċilitajiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni u faċilitajiet tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   L-għajnuna trid tingħata lis-sidien jew lill-operaturi ta’ faċilità ta’ servizz ferrovjarju, ta’ faċilità tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew ta’ faċilità tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni li jibnu, jimmodernizzaw jew iġeddu tali faċilità fuq il-bażi tal-iskemi, ħlief għal għajnuna għall-kostruzzjoni, għall-modernizzazzjoni u għar-rinnovazzjoni ta’ terminals tal-merkanzija bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, li tista’ tingħata wkoll bħala għajnuna ad hoc. Meta tingħata l-għajnuna ad hoc, id-domanda potenzjali stmata ex ante għall-kapaċità, mill-inqas fit-terminu medju, trid taqbeż il-kapaċità kombinata tal-faċilità megħjuna u ta’ faċilitajiet eżistenti jew diġà ppjanati oħra li jistgħu jservu b’mod raġonevoli bħala alternattivi għall-faċilità megħjuna.

3.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-kostijiet tal-investiment f’assi tanġibbli (fissi u mobbli) u intanġibbli relatati direttament mal-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni jew ir-rinnovazzjoni tal-faċilità rilevanti. Il-kostijiet tal-investiment għandhom jinkludu arranġamenti tas-superfiċe (bħal dawk għall-ħżin), tagħmir fiss (bħal imħażen u bini terminali), u tagħmir użat għall-operat tal-faċilità (bħal reach stackers) li jinsabu fil-faċilità u tagħmir diġitali u tal-IT u s-software għall-forniment tas-servizzi relatati mat-trasport. Il-kostijiet li jirriżultaw minn studji topoloġiċi u tal-fattibbiltà, kif ukoll il-kostijiet tal-ippjanar u tal-installazzjoni, għandhom ikunu eliġibbli wkoll.

4.   Il-kostijiet relatati ma’ attivitajiet mhux tat-trasport ma għandhomx ikunu eliġibbli.

5.   L-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż l-aktar livell limitu baxx minn dawn li ġejjin:

(a)

id-differenza bejn, minn naħa waħda, il-kostijiet eliġibbli u, min-naħa l-oħra, is-somma tal-profitt operatorju skontat tal-investiment tul il-ħajja ekonomika tiegħu u l-valur terminali skontat ta’ dak l-investiment (valur residwu fi tmiem il-ħajja ekonomika tal-investiment). Il-profitt operatorju skontat għandu jinkludi wkoll il-profitti netti operatorji inkrementali ġġenerati minn attivitajiet mhux tat-trasport konnessi mal-attivitajiet tat-trasport li għandhom jitwettqu fil-faċilità kkonċernata (bħall-kiri ta’ spazji kummerċjali li jinsabu fil-faċilità). Il-profitt operatorju skontat u l-valur terminali għandhom jitnaqqsu mill-kostijiet eliġibbli ex ante, fuq il-bażi ta’ projezzjonijiet raġonevoli, jew ex post permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru. L-ammont tal-għajnuna jista’ jippermetti li jsir profitt raġonevoli. Il-profitt raġonevoli għandu jiġu determinat fir-rigward tal-profitt tipiku għas-settur u t-tip ta’ proġett ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, rata ta’ redditu fuq il-kapital li ma taqbiżx ir-rata ta’ swap relevanti flimkien ma’ primjum ta’ 100 punt bażi għandha titqies raġonevoli;

(b)

50 % tal-kostijiet eliġibbli.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 5, għal għajnuna li ma taqbiżx il-EUR 5 miljun għal kull proġett, l-għajnuna trid tingħata sa intensità massima tal-għajnuna ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

7.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied sa għaxar punti perċentwali għall-faċilitajiet li jinsabu tul it-TEN-T.

8.   L-aċċess għall-faċilità megħjuna jrid ikun miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju u jridu jiġi pprovdut lill-utenti interessati kollha f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali, inkluża d-Direttiva 2012/34/UE.

9.   Kwalunkwe konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex tibni, timmodernizza, topera jew tikri l-faċilità megħjuna trid tiġi assenjata fuq bażi kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u mingħajr kundizzjonijiet.

10.   Meta s-sid, l-operatur u kwalunkwe utent finali proġettat tal-faċilità tat-trasport megħjuna jkun parti mill-istess intrapriża jew ikun intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-Anness I, l-operat tal-faċilità jrid jingħata abbażi ta’ proċedura miftuħa, kompetittiva, trasparenti u mhux diskriminatorja, li fiha l-intrapriżi assoċjati, jekk ikun hemm, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji, tal-faċilitajiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni u għall-faċilitajiet multimodali tat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, meta l-kostijiet tal-investiment tal-modernizzazzjoni matul perjodu ta’ mill-inqas ħames snin ma jaqbżux l-10 % tal-valur tal-investiment inizjali.

Artikolu 13

Għajnuna għall-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ sidings privati

1.   L-iskemi ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni jew ir-rinnovazzjoni (inkluża s-sostituzzjoni) ta’ sidings privati għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   L-għajnuna trid tingħata lis-sid jew lill-operatur ta’ siding privat li jibni, jimmodernizza jew iġedded siding privat.

3.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-kostijiet tal-investiment fl-assi kollha tanġibbli relatati direttament mal-kostruzzjoni, mal-modernizzazzjoni u mar-rinnovazzjoni ta’ siding privat. L-istudji topoloġiċi u ta’ fattibbiltà u l-kostijiet tal-ippjanar u tal-installazzjoni għandhom ikunu eliġibbli wkoll. Il-kostijiet tal-pjattaformi tat-tagħbija/tal-ħatt u tat-tagħmir strumentali għall-operazzjonijiet ferrovjarji fuq is-siding privat għandhom ikunu eliġibbli wkoll dment li dawk il-pjattaformi u t-tagħmir jiġu akkwistati għat-tagħbija u għall-ħatt tal-ferroviji fuq is-sidings privati.

4.   L-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż l-aktar livell limitu baxx minn dawn li ġejjin:

(a)

id-differenza bejn, minn naħa waħda, il-kostijiet eliġibbli u, min-naħa l-oħra, is-somma tal-profitt operatorju skontat tal-investiment tul il-ħajja ekonomika tiegħu u l-valur terminali skontat ta’ dak l-investiment (valur residwu fi tmiem il-ħajja ekonomika tal-investiment). Il-profitt operatorju skontat u l-valur terminali għandhom jitnaqqsu mill-kostijiet eliġibbli ex ante, fuq il-bażi ta’ projezzjonijiet raġonevoli, jew ex post permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru. L-ammont tal-għajnuna jista’ jippermetti li jsir profitt raġonevoli. Il-profitt raġonevoli għandu jiġu determinat fir-rigward tal-profitt tipiku għas-settur u t-tip ta’ proġett ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, rata ta’ redditu fuq il-kapital li ma taqbiżx ir-rata ta’ swap relevanti flimkien ma’ primjum ta’ 100 punt bażi għandha titqies raġonevoli;

(b)

50 % tal-kostijiet eliġibbli.

5.   Permezz ta’deroga mill-paragrafu 4, għal għajnuna li ma taqbiżx iż-EUR 2,5 miljun għal kull proġett, l-għajnuna trid tingħata sa intensità massima tal-għajnuna ta’ 50 % tal-kostijiet eliġibbli.

Subtaqsima B –

Għajnuna għall-investiment għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni u ta’ tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli

Artikolu 14

Għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni

1.   L-iskemi ta’ għajnuna għall-investiment li jappoġġaw l-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-kostijiet kollha tal-investiment marbuta mal-akkwist ta’ vetturi ġodda jew użati għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, netti minn kwalunkwe għajnuna oħra riċevuta. Tali kostijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-prezz tal-vettura u l-kostijiet tal-konsenja. Il-kostijiet ta’ studji tad-disinn, konsulenza jew inġinerija għandhom ikunu eliġibbli dment li jkunu marbuta mal-investimenti msemmija f’dan l-Artikolu, u huma parti minnhom. Il-bastimenti tal-irmonk mibnija b’mod speċjali biex iwettqu operazzjonijiet ta’ rmonk (laneċ) ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ.

3.   L-għajnuna trid tingħata lil:

(a)

parteċipanti ġodda fis-settur ferrovjarju; jew

(b)

impriżi ferrovjarji, operaturi ta’ trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew impriżi tal-lokazzjoni fis-setturi tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dment li dawk l-impriżi u l-operaturi jikkwalifikaw bħala SMEs jew SMCs.

4.   L-għajnuna trid tieħu l-forma ta’ garanzija għax-xerrej tal-vettura għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-garanziji jridu jiġu pprovduti direttament lill-benefiċjarji finali jew lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħala intermedjarji finanzjarji, sakemm il-benefiċjarju jżomm l-għażla libera tal-intermedjarju finanzjarju. L-intermedjarju finanzjarju jrid ikun kapaċi juri li jopera mekkaniżmu li jiżgura li l-vantaġġi jingħaddew kemm jista’ jkun lill-benefiċjarji finali fil-forma ta’ volumi ogħla ta’ finanzjament, portafolli aktar riskjużi, rekwiżiti aktar baxxi ta’ kollateral, jew rati tal-imgħax aktar baxxi milli mingħajr tali garanziji pubbliċi.

5.   Il-garanzija trid tiġi pprovduta fuq self individwali ġdid għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni. L-ammont nominali tas-self sottostanti ma jridx jaqbeż il-kostijiet eliġibbli. Il-kopertura tal-garanzija ma tridx taqbeż it-80 % tas-self sottostanti. Garanziji pubbliċi jridu jiġu pprovduti b’tariffa ta’ mill-inqas 50 punt bażi jekk il-klassifikazzjoni sovrana tal-kreditu tal-Istat Membru tal-għoti tkun ugwali għal AAA-A.

6.   Id-durata tal-garanzija trid tkun limitat għal massimu ta’ 15-il sena.

7.   L-għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna għall-interoperabbiltà jew ma’ għajnuna għall-adattament tekniku u l-modernizzazzjoni jekk il-kostijiet addizzjonali netti għall-interoperabbiltà, kif imsemmija fl-Artikolu 16(6) ta’ dan ir-Regolament, jew l-investimenti ta’ modernizzazzjoni u adattament tekniku, kif imsemmija fl-Artikolu 17(6) ta’ dan ir-Regolament, jiġu esklużi mill-kostijiet eliġibbli stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 15

Għajnuna għall-akkwist ta’ Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali jew krejnijiet abbord bastimenti

1.   L-iskemi ta’ għajnuna għall-investiment għall-akkwist ta’ Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali ġodda jew krejnijiet abbord bastimenti ġodda jew użati għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   L-għajnuna trid tingħata lil impriżi li jakkwistaw Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali u krejnijiet abbord il-bastimenti.

3.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

għal Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali: id-differenza fil-kostijiet bejn unitajiet tat-trasport użati esklużivament għat-trasport bit-triq u Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali li jistgħu jiġu trasbordati għall-finijiet ta’ trasport multimodali sostenibbli;

(b)

għal krejnijiet abbord il-bastimenti: il-prezz sħiħ tal-akkwist.

4.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom jinkludu studji ta’ fattibbiltà u kostijiet tal-ippjanar u tal-installazzjoni.

5.   L-ammont tal-għajnuna ma jridx jaqbeż intensità tal-għajnuna ta’ 40 % tal-kostijiet eliġibbli fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a), u 20 % tal-kostijiet eliġibbli fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b).

Subtaqsima C –

Għajnuna għall-investiment għall-interoperabbiltà u l-adattament tekniku u l-modernizzazzjoni

Artikolu 16

Għajnuna għall-interoperabbiltà

1.   Skemi ta’ għajnuna għall-investiment li jappoġġaw investimenti f’assi li jikkontribwixxu għal flussi tat-traffiku mingħajr interruzzjoni bejn networks jew modi tat-trasport nazzjonali għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-għajnuna trid tingħata lis-sidien tal-vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, lill-operaturi ta’ trasport u lill-organizzaturi tat-trasport bil-għan li jwettqu l-investimenti msemmija fil-paragrafu 3 fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art.

3.   Il-proġetti ta’ investiment eliġibbli għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

Is-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS, European Train Control System), is-Sistema ta’ Komunikazzjoni Mobbli Ferrovjarja Futura (FRMCS, Future Railway Mobile Communication System), inkluż meta kkombinata mas-Sistema Globali għall-Komunikazzjonijiet Mobbli – il-Ferroviji (GSM-R, Global System for Mobile Communications – Railway), u t-Tħaddim Awtomatiku tal-Ferroviji (ATO, Automated Train Operation) bħala parti mis-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Railway Traffic Management System), kif deskritt fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni (28);

(b)

akkoppjament awtomatiku diġitali (DAC, digital automatic coupling) (29);

(c)

Tagħmir tal-GSM-R fuq bażi awtonoma;

(d)

l-adattament tal-vetturi ferrovjarji għal sistemi elettriċi differenti;

(e)

l-adattament tal-vetturi ferrovjarji għal gauges tal-binarji ferrovjarji differenti;

(f)

l-adattament ta’ bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni biex jaqdu portijiet tal-baħar u ta’ bastimenti tal-baħar biex jaqdu portijiet interni;

(g)

l-adattament tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni għall-kundizzjonijiet ta’ navigabbiltà li jinbidlu, inklużi kundizzjonijiet ta’ ilma baxx;

(h)

l-awtomatizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji u tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

(i)

l-adattament tal-vetturi għat-trasport ta’ Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali;

(j)

teknoloġiji ewlenin meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ambjent Ewropew tal-RIS, bħall-pjattaforma RIS, is-Sistema Elettronika ta’ Viżwalizzazzjoni ta’ Mapep u ta’ Informazzjoni għan-Navigazzjoni Interna, l-avviżi lill-kaptani, is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika għan-Navigazzjoni Interna u r-Rapportaġġ Elettroniku Internazzjonali;

(k)

applikazzjonijiet telematiċi tal-merkanzija u software ieħor tal-merkanzija, sa fejn dawn jikkontribwixxu għal flussi tat-traffiku mingħajr interruzzjoni bejn modi differenti tat-trasport, b’mod partikolari sistemi multimodali ta’ identifikazzjoni, traċċar u traċċabbiltà, u pjattaformi multimodali għall-iskambju tad-data, bl-eċċezzjoni ta’ investimenti f’applikazzjonijiet għal servizzi tal-passiġġieri bħal sistemi li jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni qabel u matul il-vjaġġ, sistemi ta’ prenotazzjoni u pagament tal-passiġġieri, ġestjoni tal-bagalji u ġestjoni tal-konnessjonijiet bejn ferroviji tal-passiġġieri u ma’ modi oħra tat-trasport tal-passiġġieri.

4.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-kostijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 3. Tali kostijiet għandhom jinkludu l-kostijiet meħtieġa għax-xiri u l-installazzjoni tat-teknoloġija rilevanti, il-kostijiet tal-ġestjoni tal-proġetti, u l-kostijiet tal-konsenja. Il-kostijiet relatati mal-istudji, mal-ittestjar u mal-approvazzjoni, u l-installazzjonijiet pilota u ta’ prototipi għall-implimentazzjoni tat-teknoloġija rilevanti fil-Livell 9 ta’ Tħejjija Teknoloġika (30) għandhom ikunu eliġibbli wkoll. Il-kostijiet tal-manutenzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli. L-assi ffinanzjati bl-għajnuna għandhom ikunu ġodda jew użati. Fir-rigward tal-investimenti fl-interoperabbiltà relatati mal-ERTMS, għandhom ikunu eliġibbli l-kostijiet relatati mal-integrazzjoni tal-funzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea (EGNSS, European Global Navigation Satellite System) fl-ERTMS. Il-kostijiet relatati mat-tagħmir tal-GSM-R flimkien mat-tagħmir tal-FRMCS għandhom ikunu eliġibbli wkoll għall-appoġġ. Il-kostijiet relatati mal-investimenti f’tagħmir awtonomu tal-GSM-R għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ biss jekk jiġġarrbu sal-31 ta’ Diċembru 2031.

5.   L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż:

(a)

id-90 % tal-kostijiet eliġibbli għall-proġetti ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b);

(b)

il-50 % tal-kostijiet eliġibbli għall-proġetti ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (c) sa (k).

6.   Fir-rigward tal-investimenti fl-interoperabbiltà f’vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew f’Unità ta’ Tagħbija Intermodali jew krejn abbord il-bastimenti li l-akkwist tagħhom huwa ppjanat, il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-kostijiet żejda netti għall-interoperabbiltà, dment li tali kostijiet ma jkunux diġà koperti minn xi forma oħra ta’ għajnuna, b’mod partikolari għajnuna skont l-Artikoli 14 u 15. Il-kostijiet addizzjonali netti għall-interoperabbiltà għandhom jiġu kkalkolati bħala d-differenza bejn, minn naħa waħda, il-kost totali tax-xiri tal-vettura għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew l-Unità ta’ Tagħbija Intermodali jew il-krejn abbord bastimenti li hemm ippjanat l-akkwist tiegħu u li huwa mgħammar b’tali investimenti, u, min-naħa l-oħra, il-kost totali tax-xiri tal-istess vettura jew Unità ta’ Tagħbija Intermodali jew krejn abbord bastimenti jew wieħed simili mingħajr investimenti fl-interoperabbiltà fix-xenarju kontrofattwali.

7.   Għal mill-inqas ħames snin wara l-għoti tal-għajnuna, l-arranġamenti kuntrattwali għat-trasferiment jew għall-użu bi ħlas (bħal lokazzjoni) ta’ assi ffinanzjati b’għajnuna għall-interoperabbiltà jridu jinkludu klawżola li tispeċifika li l-investiment li jikkontribwixxi għall-interoperabbiltà tal-assi kkonċernat kien iffinanzjat bl-għajnuna mill-Istat. L-arranġamenti kuntrattwali jridu jispeċifikaw ukoll l-obbligi korrispondenti stabbiliti fil-paragrafu 9, fejn applikabbli, u jridu jindikaw l-ammont tal-għajnuna.

8.   L-investiment għandu jiġi implimentat u ffinalizzat mill-inqas sena qabel id-data li fiha l-investiment megħjun isir obbligatorju fil-livell tal-UE.

9.   Il-biċċiet ta’ vetturi ferrovjarji li jibbenefikaw mill-investiment appoġġat iridu jżommu status ta’ reġistrazzjoni validu, muri mill-kodiċi 00 kif definit fl-Appendiċi 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (31), fir-reġistru Ewropew tal-vetturi għal mill-inqas ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-investiment.

Artikolu 17

Għajnuna għal adattament tekniku u l-modernizzazzjoni fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art

1.   Skemi ta’ għajnuna għall-investiment li jappoġġaw l-investiment f’assi li jikkontribwixxu għal adattament tekniku u l-modernizzazzjoni fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 93 tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   L-għajnuna trid tingħata lis-sidien tal-vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, lill-operaturi ta’ trasport u lill-organizzaturi tat-trasport bil-għan li jwettqu l-investimenti msemmija fil-paragrafu 3 fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art.

3.   Il-proġetti ta’ investiment eliġibbli għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-modifika retroattiva jew ir-rinnovazzjoni tal-vetturi ferrovjarji;

(b)

il-modifika retroattiva jew ir-rinnovazzjoni ta’ bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, pereżempju biex jittejbu l-idrodinamika u l-effiċjenza;

(c)

il-modifika retroattiva jew ir-rinnovazzjoni ta’ tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli;

(d)

l-adattament tekniku tal-vetturi ferrovjarji u tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni għal tipi ġodda ta’ merkanzija;

(e)

applikazzjonijiet telematiċi tal-merkanzija u software ieħor tal-merkanzija fis-setturi ferrovjarji u tal-passaġġi fuq l-ilma interni li ma jaqgħux skont l-Artikolu 16, bħal sistemi li jipprovdu informazzjoni esklużivament f’mod tat-trasport wieħed jew sistemi diġitali ta’ prenotazzjoni u pagament li ma jikkontribwixxux għal flussi tat-traffiku mingħajr interruzzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ investimenti f’applikazzjonijiet għal servizzi tal-passiġġieri bħal sistemi li jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni qabel u matul il-vjaġġ, sistemi ta’ prenotazzjoni u ta’ pagament tal-passiġġieri, ġestjoni tal-bagalji u ġestjoni ta’ konnessjonijiet bejn ferroviji tal-passiġġieri u ma’ modi oħra tat-trasport tal-passiġġieri;

(f)

software għat-tbassir tat-traffiku (stima tal-ħin tat-tluq/ħin stmat tal-wasla) u software għall-ottimizzazzjoni tar-rotta;

(g)

sistemi diġitali li jimmonitorjaw il-ħin tax-xogħol u l-perjodi ta’ mistrieħ fl-operazzjonijiet tat-trasport bil-ferrovija.

4.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-kostijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-investimenti. Tali kostijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-kostijiet meħtieġa għax-xiri u l-installazzjoni tat-teknoloġija rilevanti, il-kostijiet relatati mal-aġġornamenti ta’ teknoloġija installata eżistenti, il-kostijiet tal-ġestjoni tal-proġetti u il-kostijiet tal-konsenja. Il-kostijiet relatati mal-istudji, mal-ittestjar u mal-approvazzjoni, u mal-installazzjonijiet pilota u ta’ prototip għall-implimentazzjoni tat-teknoloġija rilevanti fil-Livell 9 ta’ Tħejjija Teknoloġika (32) għandhom ikunu eliġibbli wkoll. Il-kostijiet tal-manutenzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli. L-assi ffinanzjati bl-għajnuna għandhom ikunu ġodda jew użati.

5.   L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż it-30 % tal-kostijiet eliġibbli.

6.   Fir-rigward ta’ investimenti f’vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew f’tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli li jkun ippjanat l-akkwist tiegħu, il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-kostijiet żejda netti għall-adattament tekniku u l-modernizzazzjoni, dment li tali kostijiet ma jkunux diġà koperti minn xi forma oħra ta’ għajnuna, b’mod partikolari għajnuna skont l-Artikoli 14 u 15. Il-kostijiet żejda netti għall-adattament tekniku u l-modernizzazzjoni għandhom jiġu kkalkolati bħala d-differenza bejn, minn naħa waħda, il-kost totali tax-xiri tal-vettura għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew għat-tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli li l-akkwist tiegħu huwa ppjanat u li huwa mgħammar b’tali investimenti, u, min-naħa l-oħra, il-kost totali tax-xiri tal-istess vettura jew waħda simili li teħtieġ adattament tekniku u modernizzazzjoni fix-xenarju kontrofattwali.

7.   Għal mill-inqas ħames snin wara li tingħata l-għajnuna, l-arranġamenti kuntrattwali għat-trasferiment jew għall-użu bi ħlas ta’ assi ffinanzjati bl-għajnuna għall-adattament tekniku u l-modernizzazzjoni ta’ vetturi u tagħmir għal trasport multimodali sostenibbli jridu jinkludu klawżola li tiddikjara li l-adattament jew l-modernizzazzjoni tal-assi kkonċernat ġiet iffinanzjata bl-għajnuna mill-Istat u li jrid jiġi speċifikat l-ammont tal-għajnuna.

8.   L-investiment irid jiġi implimentat u ffinalizzat mill-inqas sena qabel id-data li fiha l-investiment appoġġat isir obbligatorju fil-livell tal-Unjoni.

KAPITOLU III –

MONITORAĠĠ

Artikolu 18

Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija

Meta Stat Membru jagħti għajnuna li hija allegatament eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika skont dan ir-Regolament mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli I sa II, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ipprovdiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-possibbiltà li jesprimi l-fehmiet tiegħu, tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri ta’ għajnuna futuri kollha jew uħud minnhom adottati mill-Istat Membru kkonċernat, li altrimenti jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-miżuri li għandhom jiġu notifikati jistgħu jkunu limitati għal miżuri li jagħtu ċerti tipi ta’ għajnuna jew li jkunu favur ċerti benefiċjarji jew miżuri ta’ għajnuna adottati minn ċerti awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 19

Rapportar

L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika tal-Kummissjoni, l-informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament fil-format standardizzat stabbilit fl-Anness II, flimkien ma’ link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna, inklużi l-emendi tagħha, fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura ta’ għajnuna;

(b)

f’forma elettronika, rapport annwali, kif imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (33), dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jkun fih l-informazzjoni indikata fir-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward ta’ kull sena sħiħa jew ta’ kull parti tas-sena li matulha japplika dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Evalwazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-iskemi ta’ għajnuna li huma soġġetti għal evalwazzjoni ex post f’konformità mal-paragrafu 2, għal perjodu sa sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħhom, jew għal tali perjodu itwal li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wara li tkun ivvalutat il-pjan ta’ evalwazzjoni mfassal għal skema partikolari, kif imsemmi fil-paragrafu (8).

2.   L-iskemi ta’ għajnuna għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ex post jekk ikollhom baġit għall-għajnuna mill-Istat jew nefqa kontabbilizzata ta’ aktar minn EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew ta’ EUR 750 miljun tul id-durata totali tagħhom. Id-durata totali għandha tkun id-durata kkombinata tal-iskema u ta’ kwalunkwe skema ta’ predeċessur li tkopri objettiv u żona ġeografika simili li tibda mit-30 ta’ Marzu 2026. Evalwazzjonijiet ex post għandhom ikunu meħtieġa biss għal skemi ta’ għajnuna li d-durata totali tagħhom taqbeż it-tliet snin li jibdew mit-30 ta’ Marzu 2026.

3.   Ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post jista’ jiġi eżentat għal skemi ta’ għajnuna li huma suċċessur immedjat ta’ skema li tkopri objettiv u żona ġeografika simili li kienet soġġetta għal evalwazzjoni u li għaliha kien tfassal rapport ta’ evalwazzjoni finali f’konformità ma’ pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni u li ma jkun fiha l-ebda sejba negattiva. Meta r-rapport ta’ evalwazzjoni finali ta’ skema ma jkunx konformi mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat, dik l-iskema għandha tiġi sospiża b’effett immedjat. Kwalunkwe suċċessur ta’ tali skema ta’ għajnuna sospiża ma għandux ikun eżentat bħala kategorija.

4.   Il-pjan ta’ evalwazzjoni għandu jkun fih mill-inqas l-elementi li ġejjin: (i) l-objettivi tal-iskema ta’ għajnuna li għandhom jiġu evalwati; (ii) il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni; (iii) l-indikaturi tar-riżultati; (iv) il-metodoloġija prevista biex titwettaq l-evalwazzjoni; (v) ir-rekwiżiti tal-ġbir ta’ data; (vi) it-twaqqit propost tal-evalwazzjoni (inkluża d-data tal-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni interim u finali); (vii) id-deskrizzjoni tal-korp indipendenti li jkun se jwettaq l-evalwazzjoni jew il-kriterji li jkunu se jintużaw għall-għażla tiegħu; u (viii) il-modalitajiet biex tiġi żgurata l-pubbliċità tal-evalwazzjoni.

5.   L-għan tal-evalwazzjoni ex post għandu jkun li jiġi verifikat jekk ġewx ikkonfermati s-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema, b’mod partikolari n-neċessità u l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha. L-evalwazzjoni ex post għandha tivvaluta wkoll l-impatt tal-iskema fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

6.   L-evalwazzjoni ex post għandha titwettaq fuq il-bażi ta’ pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni abbozz ta’ pjan ta’ evalwazzjoni għal skemi ta’ għajnuna soġġetti għar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni skont il-paragrafu 2:

(a)

fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-dħul fis-seħħ tal-iskema jekk il-baġit tal-għajnuna mill-Istat tal-iskema jaqbeż il-EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew is-EUR 750 miljun tul iż-żmien totali tagħha;

(b)

fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara bidla sinifikanti li permezz tagħha l-baġit tal-iskema jiżdied għal aktar minn EUR 150 miljun f’xi sena partikolari jew EUR 750 miljun tul iż-żmien kollu tal-iskema;

(c)

fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara r-reġistrazzjoni tan-nefqa fil-kontijiet uffiċjali taħt l-iskema li taqbeż il-EUR 150 miljun f’xi sena partikolari.

8.   L-abbozz tal-pjan ta’ evalwazzjoni għandu jkun f’konformità mal-metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li testendi l-perjodu massimu inizjali ta’ sitt xhur fid-deċiżjoni li tapprova l-pjan ta’ evalwazzjoni. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni.

9.   L-evalwazzjoni ex post għandha titwettaq minn espert indipendenti mill-awtorità tal-għoti tal-għajnuna fuq il-bażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni. Kull evalwazzjoni għandha tinkludi mill-inqas rapport wieħed ta’ evalwazzjoni interim u wieħed finali. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw iż-żewġ rapporti.

10.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel l-iskadenza tal-iskema. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal skemi li jiskattaw ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni fl-aħħar sentejn tal-implimentazzjoni tagħhom. L-ambitu preċiż u l-arranġamenti għal kull evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-pjan ta’ evalwazzjoni. In-notifika ta’ kwalunkwe miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili għandha tiddeskrivi b’liema mod ikunu tqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni.

Artikolu 21

Monitoraġġ

1.   Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-għajnuna eżentata min-notifika skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iżommu rekords dettaljati bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa biex jiddeterminaw li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament. Tali rekords għandhom jinżammu għal għaxar snin mid-data minn meta tkun ingħatat l-għajnuna ad hoc jew minn meta tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt l-iskema.

2.   Fil-każ ta’ skemi li taħthom tingħata b’mod awtomatiku l-għajnuna fiskali, bħal dawk ibbażati fuq dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-benefiċjarji, u meta ma jkun hemm l-ebda verifika ex ante li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha ta’ kompatibbiltà għal kull benefiċjarju, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw b’mod regolari, mill-inqas ex post u fuq bażi ta’ kampjun, li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha ta’ kompatibbiltà, u jisiltu l-konklużjonijiet meħtieġa. L-Istati Membri għandhom iżommu rekords dettaljati ta’ dawk il-verifiki għal mill-inqas għaxar snin mid-data tal-verifiki.

3.   Il-Kummissjoni tista’ titlob mingħand kull Stat Membru l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba u bid-dokumenti ta’ sostenn fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba, jew fi skadenza itwal jekk tali skadenza tiġi prevista fit-talba.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu meta l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.

2.   Kwalunkwe għajnuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ notifika stabbilit f’dan ir-Regolament għandha tiġi valutata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti adottati mill-Kummissjoni.

3.   Fi tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika skont dan ir-Regolament għandha tibqa’ eżentata għal perjodu ta’ sitt xhur.

Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jkomplu japplikaw wara l-perjodu ta’ validità tiegħu għall-għajnuna mogħtija taħt il-fondi tal-Unjoni implimentati taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2028-2034.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2026.

Dan għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2034.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 338, 30.12.2022, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2586/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020) 789 final).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1370/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Ewropa aktar sempliċi u rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni, (COM(2025) 47 final).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)” (COM(2012) 209 final).

(7)  Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2020, Il-Kontroll tal-Idoneità tal-pakkett ta’ modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-2012, il-linji gwida ferrovjarji u l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq terminu qasir (SWD(2020) 257 final).

(8)   ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(9)   ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.

(10)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport, Essen, H., Fiorello, D., El Beyrouty, K. et al., Handbook on the external costs of transport – Verżjoni 2019 – 1.1, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2832/51388.

(11)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020) 789 final).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/651/oj).

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56. ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1024/oj).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj).

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).

(17)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/34/oj).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj).

(19)  L-Artikolu 3, il-punt (25), tar-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj).

(21)   ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(22)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1303/oj).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(25)   ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(26)  Tiftix Pubbliku dwar it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat, disponibbli fuq: https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=mt.

(27)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport, Essen, H., Fiorello, D., El Beyrouty, K.et al., Handbook on the external costs of transport – Verżjoni 2019 – 1.1, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2832/51388.

(28)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1695/oj).

(29)  Id-DAC huwa komponent interoperabbli biex awtomatikament jiġi akkoppjat u diżakkoppjat il-vetturi ferrovjarji f’ferrovija tal-merkanzija kemm fiżikament (eż. konnessjoni mekkanika u linja tal-arja għall-ibbrejkjar) kif ukoll b’mod diġitali (eż. potenza elettrika u konnessjoni tad-data). Id-DAC huwa faċilitatur għall-ħolqien ta’ trasport bil-ferrovija Ewropew tal-merkanzija modern u diġitali. Dan mhux biss iżid l-effiċjenza bis-saħħa tal-proċessi ta’ awtomatizzazzjoni, iżda se jiżgura wkoll provvista suffiċjenti tal-enerġija għall-applikazzjonijiet telematiċi, kif ukoll komunikazzjoni tad-data sikura fil-ferrovija kollha kemm hi.

(30)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 414, 28.10.2022, p. 1), in-nota 60 f’qiegħ il-paġna. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi (COM(2012) 341 final).

(31)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1614/oj).

(32)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 414, 28.10.2022, p. 1), in-nota 60 f’qiegħ il-paġna. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi (COM(2012) 341 final).

(33)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/794/oj).


ANNESS I

Definizzjoni ta’ SME

Artikolu 1

Intrapriża

Intrapriża hija meqjusa bħala kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha. Din tinkludi, b’mod partikolari, persuni li jaħdmu għal rashom u negozji tal-familja involuti fi snajja’ jew attivitajiet oħra, u sħubijiet jew assoċjazzjonijiet involuti b’mod regolari f’attività ekonomika.

Artikolu 2

Għadd tal-persunal u livelli limitu finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji tal-intrapriżi

1.   Il-kategorija ta’ mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”) hija magħmula minn intrapriżi li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 50 miljun u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ ta’ mhux aktar minn EUR 43 miljun.

2.   Fil-kategorija tal-SMEs, intrapriża żgħira hija definita bħala intrapriża li timpjega inqas minn 50 persuna u li għandha fatturat annwali u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ ta’ mhux aktar minn EUR 10 miljun.

3.   Fil-kategorija tal-SMEs, mikrointrapriża hija definita bħala intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li għandha fatturat annwali u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ ma jaqbiżx iż-EUR 2 miljun.

Artikolu 3

Tipi ta’ intrapriżi meqjusa fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati u tal-ammonti finanzjarji

1.   “Intrapriża awtonoma” hija kwalunkwe intrapriża li mhijiex ikklassifikata bħala intrapriża sieħba skont it-tifsira tal-paragrafu 2 jew bħala intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-paragrafu 3.

2.   “Intrapriżi sħab” huma l-intrapriżi kollha li mhumiex ikklassifikati bħala intrapriżi assoċjati skont it-tifsira tal-paragrafu 3 u li bejniethom hemm ir-relazzjoni li ġejja: intrapriża (intrapriża upstream) ikollha, weħidha jew flimkien ma’ intrapriża assoċjata waħda oħra jew aktar, skont it-tifsira tal-paragrafu 3, 25 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ intrapriża oħra (intrapriża downstream).

Madankollu, intrapriża tista’ tiġi kklassifikata bħala awtonoma, u b’hekk li ma jkollha l-ebda intrapriża sieħba, anke jekk il-livell limitu ta’ 25 % jintlaħaq jew jinqabeż mill-investituri segwenti, dment li dawk l-investituri ma jkunux assoċjati, skont it-tifsira tal-paragrafu 3, individwalment jew flimkien mal-intrapriża inkwistjoni:

(a)

korporazzjonijiet ta’ investiment pubbliku, kumpaniji tal-kapital tar-riskju, individwi jew gruppi ta’ individwi b’attività regolari ta’ investiment fil-kapital tar-riskju li jinvestu l-kapital tal-ekwità f’negozji mhux ikkwotati (investituri informali), diment li l-investiment totali ta’ dawk l-investituri informali fl-istess intrapriża jkun inqas minn EUR 1 250 000;

(b)

universitajiet jew ċentri tar-riċerka mingħajr skop ta’ qligħ;

(c)

investituri istituzzjonali, inklużi fondi għall-iżvilupp reġjonali;

(d)

awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u b’inqas minn 5 000 abitant.

3.    “Intrapriżi assoċjati” huma intrapriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

(a)

intrapriża jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

(b)

intrapriża jkollha d-dritt li taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ intrapriża oħra;

(c)

intrapriża jkollha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih ma’ dik l-intrapriża jew dispożizzjoni fil-memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża, li tkun azzjonista jew membru ta’ intrapriża oħra, tikkontrolla weħidha, skont ftehim ma’ azzjonisti jew membri oħra ta’ dik l-intrapriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-intrapriża.

Il-preżunzjoni hija li ma teżisti l-ebda influwenza dominanti jekk l-investituri elenkati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ma jkunux qed jinvolvu ruħhom direttament jew indirettament fil-ġestjoni tal-intrapriża inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti.

Intrapriżi li jkollhom xi waħda mir-relazzjonijiet deskritti fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar, jew kwalunkwe wieħed mill-investituri msemmija fil-paragrafu 2, huma meqjusa wkoll bħala assoċjati.

L-intrapriżi li jkollhom waħda jew oħra mit-tali relazzjonijiet permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien huma meqjusa wkoll bħala intrapriżi assoċjati jekk jinvolvu ruħhom fl-attività tagħhom jew f’parti mill-attività tagħhom fl-istess suq rilevanti jew fi swieq qrib.

“Suq qrib” huwa meqjus bħala s-suq għal prodott jew servizz li jinsab direttament upstream jew downstream mis-suq rilevanti.

4.   Barra mill-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, impriża ma tistax tkun ikkunsidrata bħala SME jekk 25 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot tagħha huma direttament jew indirettament kontrollati, konġuntivament jew individwalment, minn korp pubbliku jew korp kollettiv pubbliku wieħed jew aktar.

5.   L-intrapriżi jistgħu jiddikjaraw status bħala intrapriża awtonoma, intrapriża sieħba jew intrapriża assoċjata, inkluża d-data rigward il-livelli limitu stabbiliti fl-Artikolu 2. Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir anke jekk il-kapital ikun mifrux b’tali mod li ma jkunx jista’ jiġi stabbilit eżattament f’idejn min jinsab, f’liema każ l-intrapriża tista’ tiddikjara f’bona fide li tista’ tippreżumi b’mod leġittimu li 25 % jew aktar tal-kapital tagħha mhumiex il-proprjetà ta’ intrapriża waħda, jew mhuwiex proprjetà konġunta ta’ intrapriżi assoċjati ma’ xulxin. Tali dikjarazzjonijiet isiru mingħajr preġudizzju għall-kontrolli u l-investigazzjonijiet previsti mir-regoli nazzjonali jew tal-UE.

Artikolu 4

Data użata għall-għadd tal-persunal u l-ammonti finanzjarji u l-perjodu ta’ referenza

1.   Id-data li tapplika għall-għadd tal-persunal u tal-ammonti finanzjarji hija dik relatata mal-aħħar perjodu kontabilistiku approvat, u din tiġi kkalkolata fuq bażi annwali. Din titqies mid-data tal-għeluq tal-kontijiet. L-ammont magħżul għall-fatturat jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT, value added tax) u taxxi indiretti oħra.

2.   Meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt l-għadd tal-persunal jew il-livell limitu finanzjarji dikjarati fl-Artikolu 2, dan ma jirriżultax fit-telf jew fl-akkwiżizzjoni tal-istatus ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, sakemm dawk il-livelli limitu ma jinqabżux fuq żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi.

3.   Fil-każ ta’ intrapriżi li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti u li l-kontijiet tagħhom ikunu għadhom ma ġewx approvati, id-data li tapplika għandha tinkiseb minn stima bona fide matul is-sena finanzjarja.

Artikolu 5

Għadd tal-persunal

L-għadd tal-persunal jikkorrispondi għall-għadd ta’ unitajiet tax-xogħol annwali (AWU, annual work units), jiġifieri l-għadd ta’ persuni li ħadmu full-time fl-intrapriża inkwistjoni jew f’isimha matul is-sena ta’ referenza sħiħa taħt kunsiderazzjoni. Ix-xogħol tal-persuni li ma jkunux ħadmu s-sena sħiħa, ix-xogħol ta’ dawk li jkunu ħadmu part-time, irrispettivament mid-durata, u x-xogħol tal-ħaddiema staġjonali jingħaddu bħala frazzjonijiet tal-AWU. Il-persunal jikkonsisti minn:

(a)

impjegati;

(b)

persuni li jaħdmu għall-intrapriża li jaqgħu taħtha u li jitqiesu bħala impjegati skont il-liġi nazzjonali;

(c)

sidien li huma wkoll maniġers;

(d)

sħab involuti f’attività regolari fl-intrapriża u li jibbenefikaw minn vantaġġi finanzjarji mill-intrapriża.

Apprendisti jew studenti involuti f’taħriġ vokazzjonali b’kuntratt ta’ apprendistat jew ta’ taħriġ vokazzjonali mhumiex inklużi bħala persunal. Id-durata tal-liv tal-maternità jew tal-ġenituri ma jingħaddx.

Artikolu 6

Stabbiliment tad-data ta’ intrapriża

1.   Fil-każ ta’ intrapriża awtonoma, id-data, inkluż l-għadd tal-persunal, tiġi determinata esklużivament fuq il-bażi tal-kontijiet ta’ dik l-intrapriża.

2.   Id-data, inkluż l-għadd tal-persunal, ta’ intrapriża li għandha intrapriżi sħab jew intrapriżi assoċjati, tiġi determinata fuq il-bażi tal-kontijiet u ta’ data oħra tal-intrapriża jew, meta jkunu jeżistu, il-kontijiet konsolidati tal-intrapriża, jew il-kontijiet konsolidati li fihom l-intrapriża tkun inkluża permezz ta’ konsolidazzjoni.

Mad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tiżdied id-data ta’ kwalunkwe intrapriża sieħba mal-intrapriża inkwistjoni li tinsab immedjatament upstream jew downstream minnha. L-aggregazzjoni hija proporzjonata mal-perċentwal tal-parteċipazzjoni fil-kapital jew fid-drittijiet tal-vot (skont liema minnhom ikun l-akbar). Fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet inkroċjati, japplika l-akbar perċentwal.

Mad-data msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tiżdied 100 % tad-data ta’ kwalunkwe intrapriża li tkun assoċjata direttament jew indirettament mal-intrapriża inkwistjoni, meta d-data ma tkunx ġiet inkluża diġà permezz ta’ konsolidazzjoni fil-kontijiet.

3.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, id-data tal-intrapriżi sħab tal-intrapriża inkwistjoni tiġi derivata mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk din tkun teżisti. Ma’ din id-data tiżdied 100 % tad-data tal-intrapriżi li jkunu assoċjati ma’ dawn l-intrapriżi sieħba, sakemm id-data tal-kontijiet tagħhom ma tkunx ġiet inkluża diġà permezz ta’ konsolidazzjoni.

Għall-applikazzjoni tal-istess paragrafu 2, id-data tal-intrapriżi li jkunu assoċjati mal-intrapriża kkonċernata għandha tittieħed mill-kontijiet u mid-data l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk din tkun teżisti. Ma’ din id-data tiżdied, pro rata, id-data ta’ kwalunkwe intrapriża sieħba possibbli ta’ dik l-intrapriża assoċjata, li tkun tinsab immedjatament upstream jew downstream minnha, sakemm ma tkunx ġiet inkluża diġà fil-kontijiet konsolidati b’perċentwal li jkun mill-inqas proporzjonat għall-perċentwal identifikat taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

4.   Meta fil-kontijiet konsolidati ma tidher l-ebda data dwar il-persunal għal intrapriża partikolari, iċ-ċifri tal-persunal jiġu kalkolati billi tiġi aggregata proporzjonalment mad-data mill-intrapriżi sħab tagħha u billi tiżdied id-data mill-intrapriżi li magħhom tkun assoċjata l-intrapriża inkwistjoni.


ANNESS II

INFORMAZZJONI RIGWARD GĦAJNUNA MILL-ISTAT EŻENTATA SKONT IL-KUNDIZZJONIJIET TA’ DAN IR-REGOLAMENT

PARTI I — li għandha tiġi pprovduta permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika stabbilita tal-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 19

Referenza għall-għajnuna

(Għandha timtela mill-Kummissjoni)

Stat Membru

…

Numru ta’ referenza tal-Istat Membru

…

Reġjun

Isem ir-Reġjun(i) (NUTS) (1)

…

…

Status tal-għajnuna reġjonali (2)

…

…

Awtorità tal-għoti

Isem

…

Indirizz postali

Indirizz tal-web

…

…

Titolu tal-miżura ta’ għajnuna

…

Il-bażi legali nazzjonali (Referenza għall-pubblikazzjoni uffiċjali nazzjonali rilevanti)

…

Il-ħolqa tal-Internet għat-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna

…

Tip ta’ miżura

☐

Skema

 

☐

Għajnuna ad hoc

Isem il-benefiċjarju u l-grupp (3) li għalih jappartjeni …

Emenda ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jew għajnuna ad hoc

 

Referenza għall-għajnuna tal-Kummissjoni

SA. …

☐

Estensjoni

 

☐

Modifika

 

Durata (4)

☐

Skema

jj/xx/ssss sa jj/xx/ssss

Data tal-għotja

☐

Għajnuna ad hoc

jj/xx/ssss

Is-settur(i) ekonomiku/ekonomiċi kkonċernat(i)

☐

Is-setturi kollha ekonomiċi eliġibbli biex jirċievu l-għajnuna

 

☐

Limitat għal ċerti setturi: Speċifika fil-livell tal-grupp NACE (5)

…

Tip ta’ benefiċjarju

☐

SME

 

☐

Impriżi Żgħar b’Kapitalizzazzjoni Medja

 

☐

Impriżi kbar

 

Stima tal-għadd ta’ benefiċjarji:

☐

sa 10

☐

minn 11 sa 50

☐

minn 51 sa 100

☐

minn 101 sa 500

☐

minn 501 sa 1 000

☐

aktar minn 1 000

 

Baġit

Ammont annwali totali tal-baġit ippjanat taħt l-iskema (6)

Munita nazzjonali …(ammonti sħaħ)

…

Ammont globali tal-għajnuna ad hoc mogħtija lill-impriża (7)

Munita nazzjonali … (ammonti sħaħ)

…

Strument ta’ għajnuna

☐

Għotja/Sussidju tar-rata tal-imgħax

☐

Self/Ħlasijiet bil-quddiem ripagabbli

☐

Garanzija (fejn ikun xieraq b’referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni) (8)

Referenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni: SA …

☐

Il-vantaġġ tat-taxxa jew eżenzjoni mit-taxxa

☐

Investiment ta’ ekwità jew kważi ekwità

☐

Oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

…

Indika f’liema kategorija wiesgħa minn hawn taħt, toqgħod l-aktar f’termini tal-effett/funzjoni tagħha:

☐

Għotja

☐

Self

☐

Garanzija

☐

Vantaġġ tat-taxxa

☐

Investiment ta’ ekwità jew kważi ekwità

☐

Jekk kofinanzjat minn fond(i) tal-UE

Isem il-fond(i) tal-UE:

…

Ammont ta’ fondi

…

…

Munita nazzjonali …(ammonti sħaħ)

…

…

Parti II — li għandha tiġi pprovduta permezz tas-sistema ta’ notifika elettronika stabbilita tal-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 19

Indika taħt liema dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi implimentata l-miżura ta’ għajnuna.

Għan primarju

Intensità massima tal-għajnuna f’% tal-ispejjeż eliġibbli

Ammont massimu tal-għajnuna fil-munita nazzjonali (f’ammonti sħaħ)

Skema ta’ għajnuna operatorja biex jitnaqqsu l-ispejjeż esterni tat-trasport (l-Artikolu 10)

…

(għal kull skema fis-sena)

….

Skema ta’ għajnuna operatorja biex jitnedew konnessjonijiet kummerċjali ġodda tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (l-Artikolu 11)

L-ewwel sena ta’ operat

…

…

It-tieni sena ta’ operat

…

It-tielet sena ta’ operat

…

Ir-raba’ sena ta’ operat

…

Il-ħames sena ta’ operat

…

Skema ta’ għajnuna għall-investiment li tikkonċerna faċilitajiet ta’ servizzi ferrovjarji, faċilitajiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni u faċilitajiet tat-trasport multimodali bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni (l-Artikolu 12)

…

(għal kull proġett)

…

Għajnuna għall-investiment ad hoc li tikkonċerna terminali ferrovjarji jew tal-passaġġi fuq l-ilma interni tal-merkanzija (l-Artikolu 12)

…

(għal kull proġett)

…

Skema ta’ għajnuna għall-investiment li tikkonċerna sidings privati (l-Artikolu 13)

…

(għal kull proġett)

…

Skema ta’ għajnuna għall-investiment għall-akkwiżizzjoni ta’ vetturi għat-trasport bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni (l-Artikolu 14)

…

(tas-self sottostanti)

…

Skema ta’ għajnuna għall-investiment għall-akkwiżizzjoni ta’ Unitajiet ta’ Tagħbija Intermodali jew krejnijiet abbord il-bastimenti (l-Artikolu 15)

Unità ta’ Tagħbija Intermodali

…

…

 

Krejnijiet abbord il-bastimenti

…

Skema ta’ għajnuna għall-investiment għall-interoperabbiltà (l-Artikolu 16)

Il-proġetti ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b)

…

…

 

Il-proġetti ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (c) sa (j)

…

Skema ta’ għajnuna għall-investiment għall-adattament tekniku u l-modernizzazzjoni fis-setturi tat-trasport sostenibbli fuq l-art (l-Artikolu 17)

…

….


(1)  NUTS – Nomenklatura ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika. Tipikament, ir-reġjun ikun speċifikat fil-livell 2.

(2)  L-Artikolu 107(3)(a) TFUE (status “A”), l-Artikolu 107(3)(c) TFUE (status “C”), żoni mhux megħjuna jiġifieri żoni mhux eliġibbli għall-għajnuna reġjonali (status “N”).

(3)  Għall-finijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fit-Trattat u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, impriża hija kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tkun iffinanzjata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-entitajiet li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew fuq bażi de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża waħda.

(4)  Il-perjodu li matulu l-awtorità tal-għoti tista’ timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna.

(5)  NACE Rev 2.1 - Klassifikazzjoni statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea. Tipikament, is-settur għandu jiġi speċifikat fil-livell tal-grupp.

(6)  F’każ ta’ skema ta’ għajnuna: Indika l-ammont globali annwali tal-baġit ippjanat skont l-iskema jew it-telf ta’ taxxa stmat fis-sena għall-istrumenti kollha ta’ għajnuna inklużi fl-iskema.

(7)  Fil-każ ta’ għotja ta’ għajnuna ad hoc: Indika l-ammont globali ta’ għajnuna/it-telf ta’ taxxa.

(8)  Fejn xieraq, referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ekwivalenti gross tal-għotja, f’konformità mal-Artikolu 5(2), il-punt (d), ta’ dan ir-Regolament.


ANNESS III

Dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1, il-punt (c) u l-paragrafu 2

L-informazzjoni li ġejja dwar għotjiet individwali kif stabbilita fl-Artikolu 9(1), il-punt (c), għandha tiġi ppubblikata:

(a)

L-isem tal-benefiċjarju;

(b)

L-identifikatur tal-benefiċjarju;

(c)

Tip ta’ intrapriża (intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME, small and medium-sized enterprise)/intrapriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja (SMC, small mid-cap company)/kbira) fil-ħin tal-għoti tal-għajnuna;

(d)

Ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju, fil-livell NUTS II (1);

(e)

Is-settur ta’ attività fil-livell tal-grupp NACE (2);

(f)

L-element tal-għajnuna, espress bħala ammont sħiħ fil-munita nazzjonali (3);

(g)

Strument għall-għajnuna (4) (Għotja/Sussidju tar-rata tal-imgħax, Self/Self bil-quddiem li jitħallas lura/Għotja rimborsabbli, Garanzija, Vantaġġ tat-taxxa jew eżenzjoni mit-taxxa, Investiment ta’ Ekwità jew ta’ kważi-ekwità, Oħrajn [speċifika]);

(h)

Data tal-għoti tal-għajnuna;

(i)

Objettiv tal-għajnuna;

(j)

Awtorità tal-għoti;

(k)

Referenza tal-miżura ta’ għajnuna (5).

Kif stabbilit fl-Artikolu 9(2), meta l-Istati Membri jorganizzaw is-siti web komprensivi tagħhom dwar l-għajnuna mill-Istat biex jippermettu aċċess faċli għall-informazzjoni, l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’format ta’ spreadsheet tad-data, li jippermetti li d-data tiġi mfittxija, estratta u ppubblikata faċilment fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML. L-aċċess għas-sit web għandu jingħata lil kwalunkwe parti interessata mingħajr restrizzjonijiet. Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda reġistrazzjoni minn qabel tal-utenti biex jiġi aċċessat is-sit web.


(1)  NUTS – Nomenklatura ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika. Tipikament, ir-reġjun ikun speċifikat fil-livell 2.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).

(3)  Għall-għajnuna operatorja, l-ammont annwali ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju. Għall-għajnuna għall-investiment, l-ammont tal-investiment. Għal miżuri skont l-Artikolu 14, l-ekwivalenti ta’ għotja gross.

(4)  Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ diversi strumenti għall-għajnuna, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi pprovdut skont l-istrument.

(5)  Kif previst mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament.


ANNESS IV

Definizzjoni ta’ SMC

Definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja

1.   Intrapriża

Intrapriża hija meqjusa bħala kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha. Din tinkludi s-sħubijiet jew l-assoċjazzjonijiet involuti regolarment f’attività ekonomika.

2.   L-għadd tal-persunal u l-limiti finanzjarji massimi

Il-kategorija ta’ intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja hija magħmula minn intrapriżi li mhumiex żgħar jew medji f’konformità mal-Anness I, iħaddmu anqas minn 750 persuna u għandhom fatturat annwali sa EUR 150 miljun jew total annwali fil-karta tal-bilanċ tagħhom sa EUR 129 miljun.

3.   Tipi ta’ intrapriżi meqjusin fil-kalkolu tal-għadd tal-persunal u tal-ammonti finanzjarji

3.1.

“Intrapriża awtonoma” hija kwalunkwe intrapriża li mhijiex ikklassifikata bħala intrapriża msieħba skont it-tifsira tal-punt 3.2 jew bħala intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-punt 3.5.

3.2.

“Intrapriżi sħab” huma l-intrapriżi kollha li mhumiex ikklassifikati bħala intrapriżi assoċjati skont it-tifsira tal-punt 3.4, u fejn intrapriża waħda (intrapriża upstream) ikollha, waħedha jew b’mod konġunt ma’ intrapriża assoċjata waħda oħra jew aktar, skont it-tifsira tal-punt 3.5, 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot ta’ intrapriża oħra (intrapriża downstream).

3.3.

Ħlief fil-każijiet stabbiliti fil-punt 3.4, intrapriża ma titqiesx bħala intrapriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja jekk 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tagħha huma kkontrollati direttament jew indirettament, b’mod konġunt jew individwalment, minn korp pubbliku wieħed jew aktar.

3.4.

B’deroga mill-punt 3.2, intrapriża tista’ tiġi kklassifikata bħala awtonoma, jiġifieri li ma għandhiex intrapriżi sħab, anke jekk 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tagħha jkunu miżmuma minn dawn l-investituri li ġejjin, diment li dawk l-investituri ma jkunux assoċjati individwalment jew b’mod konġunt skont it-tifsira tal-punt 3.5 mal-intrapriża inkwistjoni:

(a)

korporazzjonijiet ta’ investiment pubbliku, fondi tal-kapital tar-riskju jew fondi tal-ekwità privati, individwi jew gruppi ta’ individwi b’attività regolari ta’ investiment fil-kapital tar-riskju li jinvestu l-kapital tal-ekwità f’negozji mhux ikkwotati (l-hekk imsejħa “business angels”), diment li l-investiment totali ta’ dawk l-investituri informali fl-istess intrapriża jkun inqas minn EUR 5 000 000;

(b)

universitajiet jew ċentri tar-riċerka mingħajr skop ta’ qligħ;

(c)

investituri istituzzjonali, inklużi fondi għall-iżvilupp reġjonali;

(d)

awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u b’inqas minn 5 000 abitant.

3.5.

“Intrapriżi assoċjati” huma intrapriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

(a)

intrapriża jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

(b)

intrapriża jkollha d-dritt li taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ intrapriża oħra;

(c)

intrapriża jkollha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih ma’ dik l-intrapriża jew dispożizzjoni fil-memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża li tkun azzjonista jew membru f’intrapriża oħra, u li waħedha tikkontrolla, skont ftehim mal-azzjonisti l-oħra jew mal-membri l-oħra f’dik l-intrapriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-intrapriża.

Hemm preżunzjoni li ma jkun hemm l-ebda influwenza dominanti jekk l-investituri msemmijin fil-punt 3.4 ma jkunux huma stess involuti direttament jew indirettament fit-tmexxija tal-impriża kkonċernata, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti.

3.5.1.

Anke l-intrapriżi li jkollhom xi waħda mir-relazzjonijiet imsemmijin fil-punt 3.5 permezz ta’ intrapriża oħra, waħda jew aktar, jew xi wieħed mill-investituri msemmija fil-punt 3.4, jitqiesu assoċjati.

3.5.2.

Anke l-intrapriżi li għandhom xi waħda jew aktar minn dawn ir-relazzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.5 hawn fuq permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien jitqiesu intrapriżi assoċjati jekk iwettqu l-attività tagħhom jew parti minnha fl-istess suq rilevanti jew fi swieq qrib. Għall-fini ta’ dan il-punt, “suq qrib” tfisser is-suq ta’ prodott jew servizz li jkun jinsab direttament upstream jew downstream tas-suq rilevanti.

3.5.3.

Meta fond ta’ investiment alternattiv kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ikun investa f’intrapriża, dan li ġej ma għandux jitqies bħala “intrapriżi assoċjati” għall-finijiet tal-punt 3.5:

(a)

dik l-intrapriża u dak il-fond ta’ investiment alternattiv;

(b)

dik l-intrapriża u l-maniġer ta’ dak il-fond ta’ investiment alternattiv;

(c)

dik l-intrapriża u intrapriża oħra li fiha jkun investa dak il-fond ta’ investiment alternattiv.

L-ewwel subparagrafu japplika diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-fond ta’ investiment alternattiv u l-maniġer tiegħu, u l-intrapriżi kkonċernati jkunu jżommu rekords kontabilistiċi separati;

(b)

il-fond ta’ investiment alternattiv u l-maniġer tiegħu jkollhom strateġija ta’ investiment definita minn qabel biex joħorġu mill-intrapriża/i kkonċernati, inkluż billi jirrealizzaw il-valur tagħhom bil-bejgħ tal-intrapriża jew b’mezzi oħra.

3.6.

L-intrapriżi jistgħu jiddikjaraw l-istatus tagħhom bħala intrapriża awtonoma, intrapriża sieħba jew intrapriża assoċjata, inkluż data dwar il-limiti massimi stabbiliti fil-punt 2. Id-dikjarazzjoni tista’ ssir anke jekk il-kapital ikun mifrux b’tali mod li ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit eżattament f’idejn min jinsab, f’liema każ l-intrapriża tista’ tiddikjara b’bona fide li hija tista’ leġittimament tippreżumi li mhuwiex taħt sjieda, fir-rigward ta’ 25 % jew aktar, ta’ intrapriża waħda, jew b’mod konġunt minn intrapriżi assoċjati ma’ xulxin. Tali dikjarazzjonijiet isiru mingħajr preġudizzju għall-kontrolli u għall-investigazzjonijiet previsti mir-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni.

4.   Data użata għall-għadd tal-persunal u l-ammonti finanzjarji u l-perjodu ta’ referenza.

4.1.

Id-data li trid tintuża fil-kalkolu tal-għadd tal-persunal u tal-ammonti finanzjarji hija dik dwar l-aħħar perjodu kontabilistiku approvat u tiġi kkalkulata fuq bażi annwali. Din titqies mid-data tal-għeluq tal-kontijiet. L-ammont magħżul għall-fatturat huwa kkalkulat mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi indiretti oħra.

4.2.

Meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, l-intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt il-limiti tal-għadd tal-impjegati jew il-limiti finanzjarji massimi msemmija fil-punt 2, dan ma jwassalx għat-telf jew għall-kisba tal-istatus ta’ intrapriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja, dment li dawk il-limiti massimi ma jinqabżux f’żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi.

4.3.

Fil-każ ta’ intrapriża ġdida li l-kontijiet tagħha jkunu għadhom ma ġewx approvati, id-data li trid tintuża għandha tittieħed minn stima b’bona fide li tkun saret tul is-sena finanzjarja.

5.   Għadd tal-persunal

5.1.

L-għadd tal-impjegati jikkorrispondi mal-għadd ta’ persuni li ħadmu full-time fl-intrapriża inkwistjoni jew f’isimha tul is-sena ta’ referenza kollha li tkun qed titqies (“unitajiet tax-xogħol annwali”). Ix-xogħol tal-persuni li ma jkunux ħadmu s-sena sħiħa, ix-xogħol ta’ dawk li jkunu ħadmu part-time, irrispettivament mid-durata, u x-xogħol tal-ħaddiema staġjonali jingħaddu bħala frazzjonijiet tal-unitajiet tax-xogħol annwali. Il-persunal jikkonsisti f’dan li ġej:

(a)

impjegati;

(b)

persuni li jaħdmu għall-intrapriża li jaqgħu taħtha u li jitqiesu bħala impjegati skont il-liġi nazzjonali;

(c)

sidien li huma wkoll maniġers;

(d)

sħab involuti f’attività regolari fl-intrapriża u li jibbenefikaw minn vantaġġi finanzjarji mill-intrapriża.

5.2.

Apprendisti jew studenti involuti f’taħriġ vokazzjonali b’kuntratt ta’ apprendistat jew ta’ taħriġ vokazzjonali mhumiex inklużi bħala persunal. Id-durata tal-liv tal-maternità jew tal-ġenituri ma jingħaddx.

6.   Stabbiliment tad-data ta’ intrapriża

6.1.

Fil-każ ta’ intrapriża awtonoma, id-data, inkluż l-għadd tal-persunal, tiġi determinata esklużivament fuq il-bażi tal-kontijiet ta’ dik l-intrapriża.

6.2.

Id-data, inkluż l-għadd tal-persunal, ta’ intrapriża li għandha intrapriżi sħab jew intrapriżi assoċjati magħha kif hemm referenza għal dan fil-punt 3, tiġi stabbilita abbażi tal-kontijiet jew ta’ data oħra tal-intrapriża jew, meta jeżistu, abbażi tal-kontijiet ikkonsolidati tal-intrapriża, jew tal-kontijiet ikkonsolidati li fihom l-intrapriża tkun inkluża b’konsolidament.

Mad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tiżdied id-data ta’ kwalunkwe intrapriża sieħba mal-intrapriża inkwistjoni li tinsab immedjatament upstream jew downstream minnha. L-aggregazzjoni ssir b’mod proporzjonat mal-perċentwal tal-parteċipazzjoni fil-kapital jew fid-drittijiet tal-vot, skont liema minnhom ikun l-akbar. Fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet inkroċjati, għandu japplika l-akbar perċentwal minn fosthom.

Mad-data msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tiżdied 100 % tad-data ta’ kwalunkwe intrapriża li tkun assoċjata direttament jew indirettament mal-intrapriża inkwistjoni, meta d-data ma tkunx diġà ġiet inkluża fil-kontijiet permezz tal-konsolidazzjoni.

6.3.

Għall-applikazzjoni tal-punt 6.2, id-data tal-intrapriżi sħab tal-intrapriża inkwistjoni tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk tkun teżisti. Ma’ din tiżdied 100 % tad-data tal-intrapriżi assoċjati ta’ dawn l-intrapriżi sħab, dment li d-data tal-kontijiet tagħhom ma tkunx diġà ġiet inkluża fil-kontijiet permezz tal-konsolidament.

Biex jiġi applikat il-punt 6.2, id-data tal-intrapriżi assoċjati tal-intrapriża inkwistjoni tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk tkun teżisti. Ma’ din id-data tiżdied, pro rata, id-data ta’ kull intrapriża sieħba possibbli ta’ dik l-intrapriża assoċjata, li tkun immedjatament upstream jew downstream minnha, diment li ma tkunx diġà ġiet inkluża fil-kontijiet ikkonsolidati b’perċentwal imqar proporzjonat għall-perċentwal identifikat fil-punt 6.2, it-tieni paragrafu.

6.4.

Meta fil-kontijiet ikkonsolidati ma tkun tidher l-ebda data dwar il-persunal ta’ intrapriża partikolari, din tiġi kkalkulata b’aggregazzjoni proporzjonata tad-data mingħand l-intrapriżi sħab tagħha u tiżdied id-data mingħand l-intrapriżi li magħhom tkun assoċjata l-intrapriża inkwistjoni.

(1)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/61/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/562/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)