European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2331

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2331 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0115/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2022 kien ta’ EUR 16 405 100, u dan jirrappreżenta żieda żgħira ta’ 1,81 % meta mqabbel mal-2021; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

C.

billi, fir-rigward tas-settur tal-akkwist tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata ebda kwistjoni li tirrikjedi azzjonijiet korrettivi għall-2022, u ma hemm ebda azzjoni korrettiva għaddejja jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 98,65 %, u dan jirrappreżenta żieda żgħira ta’ 1,39 % meta mqabbla mal-2021; jinnota wkoll li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 72,07 %, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 8,54 % meta mqabbla mal-2021;

2.

Jinnota li l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-Baġit tal-Unjoni u ammont żgħir mill-awtoritajiet lokali Spanjoli; jinnota wkoll li ż-żieda fil-baġit tal-Aġenzija fl-2022 hija dovuta għall-indiċjar;

3.

Jinnota li l-Aġenzija rriportat, mill-2022 għall-2023, tmien impenji proviżorji li jammontaw għal EUR 533 676. ifakkar li tali riporti huma permessi, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Finanzjarju ta’ EU-OSHA, meta fi tmiem is-sena jkun jeżisti impenn legali, bħal kuntratt iffirmat. jinnota li, madankollu, sal-31 ta’ Diċembru 2022, l-Aġenzija ma kienet iffirmat l-ebda kuntratt li jikkorrispondi għal EUR 109 256 ta’ dawn l-impenji proviżorji u għalhekk, dak l-ammont kellu jiġi diżimpenjat minflok riportat għall-2023;

Prestazzjoni

4.

Jinnota b’apprezzament li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-Aġenzija tal-programm ta’ ħidma tagħha fl-2022 kienet ta’ 98 % filwaqt li l-mira kienet ta’ 90 %;

5.

Jinnota l-prestazzjoni tal-Aġenzija fir-riċerka dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-sikurezza, is-saħħa, il-prevenzjoni, il-prattiki u l-politika okkupazzjonali, li se tkun il-bażi tal-għarfien għall-kampanja postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu fid-diġitalizzazzjoni li tibda fl-2023; josserva li l-istudju tal-Aġenzija dwar l-ekonomija ċirkolari daħal fl-istadju finali tiegħu fl-2022, li jidentifika effetti potenzjali differenti fuq is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jinnota wkoll li fl-2022 l-Aġenzija ffinalizzat il-kampanja tagħha ta’ tliet snin postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu dwar id-disturbi muskoloskeletali li indirizzat ukoll it-telexogħol li kiseb importanza sostanzjali matul il-pandemija;

6.

Jinnota li l-Aġenzija pprovdiet appoġġ għar-riċerka dwar l-appoġġ għall-konformità li teżamina kif fatturi esterni jinfluwenzaw il-prevenzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol; jiddikjara li l-Aġenzija żviluppat data u għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju bħall-barometru tal-OSH, bl-objettiv ewlieni li tipprovdi sors awtorevoli ta’ data Ewropea dwar saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u software tal-OiRA, biex tgħin lill-intrapriżi mikro u żgħar iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju; jinnota, barra minn hekk, l-istħarriġ tal-Aġenzija biex jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data: ESENER, l-Istħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema u l-OSH Pulse; jinnota wkoll li l-ħidma tal-Aġenzija fl-2022 ikkontribwiet għall-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027;

7.

Japprezza l-kontribut sinifikanti u kontinwu tal-Aġenzija, permezz ta’ diversi azzjonijiet li hija wettqet waħedha jew b’kollaborazzjoni ma’ oħrajn, favur postijiet tax-xogħol aktar sikuri u ħielsa mill-periklu għal kull ħaddiem fl-Unjoni irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija jew it-tip ta’ kuntratt wara l-kriżi globali tas-saħħa kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19; jifraħ lill-Aġenzija għar-riżultati tajbin miksuba u jilqa’ f’dak ir-rigward ir-riċerka tal-Aġenzija li tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq ir-riskji psikosoċjali u s-saħħa mentali; jinnota r-rwol prominenti li l-Aġenzija ngħatat fl-implimentazzjoni tal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-kisbiet tal-miri ta’ Porto;

8.

Ifaħħar lill-Aġenzija talli żgurat il-kontinwità tal-operat permezz ta’ riallokazzjoni tar-riżorsi, prijoritizzazzjoni mill-ġdid u riorganizzazzjoni fil-pront b’reazzjoni għad-dewmien fil-ħatra tad-direttur eżekuttiv ġdid tagħha;

Effiċjenza u titjib

9.

Jenfasizza li l-Aġenzija sostniet il-kollaborazzjoni mill-qrib tagħha ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni fl-2022, jiġifieri l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol dwar metodoloġiji ta’ stħarriġ u dwar ir-riskji psikosoċjali u d-diġitalizzazzjoni, u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-istħarriġ dwar l-esponiment tal-ħaddiema; jinnota wkoll li l-Aġenzija fformalizzat il-kollaborazzjoni tagħha mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u pparteċipat fil-pjattaforma tagħha dwar ix-xogħol mhux iddikjarat u appoġġjat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fl-iżvilupp ta’ gwida għas-saħħa u s-sikurezza f’azzjonijiet ta’ tneħħija ta’ tixrid ta’ żejt; jinnota l-parteċipazzjoni tal-Aġenzija f’rapport konġunt dwar l-ittestjar u d-detezzjoni tal-infezzjonijiet tal-virus tal-influwenza żoonotika fil-bnedmin u miżuri tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal dawk esposti fuq il-post tax-xogħol maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għall-marda ta’ Newcastle;

10.

Jissottolinja l-fatt li l-Aġenzija ilha tikkondividi s-servizzi kontabilistiċi mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ permezz ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz minn Lulju 2021;

11.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija implimentat proċess mingħajr karti għat-tranżazzjonijiet kollha tagħha u li l-attivitajiet finanzjarji u ta’ reklutaġġ kollha relatati mar-riżorsi umani ġew diġitalizzati; josserva l-prestazzjoni tal-Aġenzija dwar il-produzzjoni ta’ dashboards ambjentali regolari li jirrapportaw, fost l-oħrajn, dwar l-emissjonijiet tas-CO2; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija implimentat bis-sħiħ l-istrateġija ta’ effiċjenza tagħha biex tikkonsolida l-funzjonijiet ta’ finanzjament u dawk ta’ akkwist taħt l-istess unità bl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi, l-armonizzazzjoni tal-proċessi, u d-definizzjoni aħjar tar-rwoli u r-responsabbiltajiet biex jinkiseb titjib fl-effiċjenza;

12.

Ifaħħar lill-Aġenzija talli stabbiliet pjan korporattiv biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-operazzjonijiet tagħha;

Politika dwar il-persunal

13.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal kienet implimentata sa 97,5 %, l-istess bħal fl-2021, b’39 pożizzjoni ta’ aġent temporanju mimlija mill-40 pożizzjoni ta’ aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni;

14.

Jinnota r-rappurtar dwar id-distribuzzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri għall-2022, fil-livell tal-maniġment superjuri bi tlett irġiel u mara waħda, fil-livell tal-bord tat-tmexxija b’61 raġel u 38 mara, u għall-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’21 raġel u 44 mara; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri u jistieden lill-Aġenzija tqis dan l-aspett fir-rigward ta’ reklutaġġi ta’ persunal u ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment superjuri u medju tagħha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija; jieħu nota li l-Aġenzija qiegħda fil-proċess li tadotta l-“karta dwar id-diversità u l-inklużjoni” li għandha l-għan li tippromwovi t-trattament u l-opportunitajiet indaqs, irrispettivament minn kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; ifakkar lill-Aġenzija fl-assigurazzjoni u l-impenn tagħha li tagħmel l-offerta ta’ impjieg lill-kandidat li l-ġeneru tiegħu huwa sottorappreżentat fl-Aġenzija, f’każ ta’ merti ugwali bejn kandidati ta’ ġeneru differenti;

15.

Jinnota li mill-31 ta’ Diċembru 2022, l-Aġenzija impjegat 65 membru tal-persunal (inklużi żewġ membri tal-persunal kuntrattwali b’kuntratti għal żmien qasir għat-tpaċija ta’ ekwivalenti mnaqqsa għall-full time) minn 15-il Stat Membru; jinnota bi tħassib is-sottorappreżentanza tal-persunal mit-12-il Stat Membru li jifdal; ifakkar fl-importanza tal-bilanċ ġeografiku u jħeġġeġ lill-Aġenzija tqis il-bilanċ ġeografiku bl-akbar prijorità fil-proċedura ta’ reklutaġġ tagħha u jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

16.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija, f’termini ta’ miżuri marbuta ma’ persuni b’diżabilità, stabbiliet koordinatur tad-diżabilità (membru tar-riżorsi umani) bħala punt ta’ kuntatt għal kwalunkwe ħtieġa relatata tal-persunal;

17.

Jinnota li l-Aġenzija ilha timplimenta bosta politiki tar-riżorsi umani li jippromwovu l-benesseri tal-persunal fuq il-post tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħal ħinijiet tax-xogħol flessibbli, telexogħol, liv tal-ġenituri u sessjonijiet ta’ appoġġ psikoloġiku;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

18.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota li l-membri tal-bord tat-tmexxija huma mitluba jipprovdu dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-interessi; jilqa’ l-fatt li ż-żewġ dikjarazzjonijiet huma disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija; jilqa’ l-fatt li fl-2022 ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess, ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta jew ta’ “revolving doors”;

19.

Jinnota li l-Aġenzija abbozzat u ffinalizzat l-istrateġija ta’ EU-OSHA kontra l-frodi 2022-2026 li tiffoka fuq il-konsolidazzjoni tal-qafas eżistenti tal-Aġenzija kontra l-frodi; jinnota wkoll li f’Ġunju 2022 il-bord tat-tmexxija qabel dwar nota dwar “prattiki tajbin għall-bord tat-tmexxija u l-Membri tiegħu”, li tiddefinixxi, fost affarijiet oħra, il-prinċipji u l-prattiki bażiċi għas-segretezza professjonali u l-kunfidenzjalità;

20.

Josserva li l-impenn tal-Aġenzija favur it-trasparenza huwa rifless fil-pubblikazzjoni ta’ dokumenti ewlenin fuq is-sit web tagħha, inklużi l-istrateġija tal-Aġenzija, id-dokumenti uniċi ta’ programmazzjoni (SPDs) u r-rapporti annwali kkonsolidati tal-attività (CAARs), ir-riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni u l-prestazzjoni, il-minuti, u d-deliberazzjonijiet tal-bord tat-tmexxija u tal-bord eżekuttiv;

Kontroll intern

21.

Jinnota li l-Aġenzija dejjem tistinka biex iżżomm u ttejjeb il-kontroll u l-ġestjoni interni permezz ta’ awditi regolari mwettqa mis-servizz tal-awditjar intern; jinnota wkoll li fl-2022 s-servizz tal-awditjar intern ikkonkluda l-awditu tiegħu dwar ir-riżorsi umani u l-etika skont il-pjan mingħajr ebda sejba kritika, u ġew miftiehma għadd ta’ azzjonijiet mal-Aġenzija biex tkompli ttejjeb l-oqsma tagħha tar-riżorsi umani u l-etika;

22.

Ifakkar li l-qafas ta’ kontroll intern ġie adottat mill-bord tat-tmexxija fl-2019, abbażi tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni; jinnota li l-valutazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern għas-sena ta’ rapportar 2022 ikkonkludiet il-funzjonament adegwat tal-komponenti kollha ta’ kontroll intern;

23.

Jinnota li r-reġistru tar-riskju korporattiv tal-Aġenzija huwa marbut mal-qafas ta’ kontroll intern u li t-tnejn huma soġġetti għal rieżamijiet regolari mill-maniġment superjuri; jinnota li tliet riskji mmonitorjati matul l-2022 ġew ikkategorizzati bħala relatati mal-“ambjent estern”, erba’ riskji ġew ikkategorizzati bħala relatati mal-“ambjent intern” u l-ebda wieħed minnhom ma ġie kklassifikat bħala theddida potenzjali għar-reputazzjoni jew il-kisba strateġika tal-Aġenzija;

24.

Jinnota li fl-2022 l-istrateġija l-ġdida tal-Aġenzija kontra l-frodi 2022-2026 ġiet implimentata mill-bord tat-tmexxija b’monitoraġġ regolari tal-pjan ta’ azzjoni; jinnota wkoll li din l-istrateġija l-ġdida tqis li diversi miżuri kontra l-frodi ġew stabbiliti f’dawn l-aħħar snin u għandha l-għan li tikkonsolida l-miżuri eżistenti;

Kummenti oħra

25.

Jinnota l-isforz tal-Aġenzija biex iżżid il-protezzjoni taċ-ċibersigurtà tagħha permezz ta’ miżuri differenti bħas-sistema ta’ awtentikazzjoni b’diversi fatturi; jinnota wkoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Aġenzija ma’ CERT-UE sabiex jiġi implimentat servizz ġdid b’appoġġ għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni;

26.

Josserva li l-Aġenzija ma bdietx l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni EMAS minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi; jinnota wkoll, madankollu, l-impenn tal-Aġenzija li tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ambjent;

27.

Jilqa’ l-involviment tal-Aġenzija f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fl-ambitu tal-kampanji tal-Aġenzija postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu, li żviluppat b’suċċess diversi attivitajiet bħall-kampanja ħaffef il-piż, il-films animati Napo u l-barometru tal-OSH; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija qed tikkollabora b’mod attiv ma’ aġenziji oħra, ma’ istituzzjonijiet oħra u mal-Kummissjoni f’azzjonijiet ta’ promozzjoni konġunta għal suġġetti ta’ interess komuni, permezz tas-siti web, il-pubblikazzjonijiet konġunti u l-mezzi tal-media soċjali tagħhom;

28.

Jirreferi, rigward kummenti oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 38, 31.1.2023, p. 29.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2331/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)