21.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2515

tal-15 ta’ Diċembru 2022

dwar l-għoti ta’ aċċess illimitat mingħajr dazju fl-Unjoni għall-2023 għal ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti koperti bir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 2 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta’ Mejju 1973 (3) (“il-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja”) u l-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) (4) kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 140/2001 tal-23 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Protokolli 2 u 3 tal-Ftehim ŻEE, dwar prodotti agrikoli pproċessati u prodotti agrikoli oħra (5), jiddeterminaw l-arranġamenti kummerċjali bejn l-Unjoni u r-Renju tan-Norveġja għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli proċessati.

(2)

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ŻEE jistipula dazju b’rata żero għall-ilmijiet li fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 2202 10 00, u għal xarbiet mhux alkoħoliċi oħrajn li ma fihomx il-prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub mill-prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 2202 90 10.

(3)

Fl-1 ta’ Jannar 2017, il-kodiċi NM 2202 90 ġie sostitwit bil-kodiċijiet NM 2202 91 00 u 2202 99, li ġew sostitwiti bil-kodiċi NM 2202 10 00. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri l-prodotti tal-kodiċi NM 2202 10 00, ex 2202 91 00 u ex 2202 99.

(4)

Il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll Nru 2 għall-Ftehim bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (6) (“il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”) temporanjament jissospendi r-reġim mingħajr dazju applikat skont il-Protokoll 2 għal oġġetti kklassifikati taħt il-kodiċi NM 2202 10 00 (ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u l-ilmijiet aerati, li fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin) u ex 2202 90 10 (xarbiet mhux alkoħoliċi oħrajn li fihom iz-zokkor), sostitwit bil-kodiċi NM ex 2202 10 00, ex 2202 91 00 u ex 2202 99. F’konformità mal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, l-importazzjonijiet mingħajr dazju fuq dawk l-oġġetti, li joriġinaw min-Norveġja, jiġu permessi biss fil-limiti ta’ kwota mingħajr dazju. Jitħallas dazju fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-kwota mingħajr dazju.

(5)

Barra minn hekk, il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri jirrikjedi li l-prodotti kkonċernati jingħataw aċċess illimitat mingħajr dazju fl-Unjoni jekk il-kwota tariffarja ma tkunx ġiet eżawrita sal-31 ta’ Ottubru tas-sena preċedenti.

(6)

Skont id-data mogħtija lill-Kummissjoni, il-kwota annwali għall-2022 għall-prodotti inkwistjoni miftuħa bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2154 (7), ma ġietx eżawrita sal-31 ta’ Ottubru 2022. Għalhekk, il-prodotti kkonċernati jenħtieġ li jingħataw aċċess illimitat mingħajr dazju fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(7)

Għalhekk, is-sospensjoni temporanja tar-reġim mingħajr dazju applikat skont il-Protokoll 2 għall-Ftehim bilaterali ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja jenħtieġ li ma tiġix applikata għas-sena 2023.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2023, oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja li huma elenkati fl-Anness għandhom jingħataw aċċess illimitat mingħajr dazju għall-Unjoni.

2.   Ir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 3 tal-Ftehim Bilaterali ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja għandhom japplikaw għall-oġġetti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(2)   ĠU L 370, 17.12.2004, p. 70.

(3)   ĠU L 171, 27.6.1973, p. 2.

(4)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(5)   ĠU L 22, 24.1.2002, p. 34.

(6)   ĠU L 370, 17.12.2004, p. 72.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2154 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2020 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta’ ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 66).


ANNESS

Oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li għandhom jingħataw aċċess illimitat mingħajr dazju lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2023

Nru tal-Ordni

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tat-TARIC

Deskrizzjoni tal-oġġetti

09.0709

2202 10 00

 

—

Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, li fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin

ex 2202 91 00

10

—

Birra mhux alkoħolika li fiha z-zokkor

ex 2202 99 11

11

19

—

Xarbiet ibbażati fuq is-sojja b’kontenut ta’ proteini ta’ 2,8 % jew aktar skont il-piż, li fihom iz-zokkor (sukrożju jew zokkor invertit)

ex 2202 99 15

11

19

—

Xarbiet ibbażati fuq is-sojja b’kontenut ta’ proteini ta’ inqas minn 2,8 % skont il-piż; xarbiet ibbażati fuq il-ġewż tal-Kapitolu 8 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, iċ-ċereali tal-Kapitolu 10 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jew iż-żerriegħa tal-Kapitolu 12 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li fihom iz-zokkor (is-sukrożju jew iz-zokkor invertit)

ex 2202 99 19

11

19

—

Xarbiet oħrajn mhux alkoħoliċi li ma fihomx prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub mill-prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404 , li fihom zokkor (sukrożju jew zokkor invertit)