02020R0460 — MT — 31.03.2020 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

REGOLAMENT (UE) 2020/460 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom fir-rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus)

▼B

(ĠU L 099 31.3.2020, p. 5)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 221, 10.7.2020, p.  164 (2020/460)




▼B

▼C1

REGOLAMENT (UE) 2020/460 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom fir-rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus)

▼B



Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1301/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 huwa emendat kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Barra minn hekk, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-finanzjament tal-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għal kriżi tas‐saħħa pubblika.”;

(2) 

fl-Artikolu 5, il-punt 1(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) 

il-promozzjoni tal-investiment fin-negozju fl-R&I, l-iżvilupp ta’ rabtiet u sinerġiji bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp u s-settur tal-edukazzjoni superjuri, partikolarment il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, it‐trasferiment tat-teknoloġija, l-innovazzjoni soċjali, l-ekoinnovazzjoni, l‐applikazzjonijiet tas-servizz pubbliku, l-istimulu tad-domanda, in-netwerking, ir‐raggruppamenti u l-innovazzjoni miftuħa permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-appoġġ għar-riċerka teknoloġika u applikata, il-linji pilota, l‐azzjonijiet ta’ validazzjoni bikrija tal-prodotti, il-kapaċitajiet ta’ manifattura avvanzati u l-ewwel produzzjoni, b’mod partikolari fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali u t-tixrid ta’ teknoloġiji għal għanijiet ġenerali kif ukoll it-trawwim tal‐investiment meħtieġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fis‐servizzi tas-saħħa;”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 30, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.  B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE, l-Istat Membru jista’ jittrasferixxi matul il-perijodu ta’ programmazzjoni ammont sa 8 % tal-allokazzjoni mill-1 ta’ Frar 2020 ta’ prijorità u mhux aktar minn 4 % tal-baġit tal-programm għal prijorità oħra tal-istess Fond tal‐istess programm.

Tali trasferimenti ma għandhomx jaffettwaw snin preċedenti. Dawn għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjali u ma għandhomx jirrikjedu deċiżjoni tal‐Kummissjoni li temenda l-programm. Madankollu, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji kollha u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-kumitat ta’ monitoraġġ. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill‐Kummissjoni.”;

(2) 

fl-Artikolu 37(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Strumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju lill‐SMEs, jekk meħtieġ bħala miżura temporanja, biex jipprovdu rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika.”;

(3) 

fl-Artikolu 65(10), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-paragrafu 9, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim ta’ kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fil-kuntest tat-tifqigħa ta’ COVID-19 għandha tkun eliġibbli mill‐1 ta’ Frar 2020.”;

(4) 

fl-Artikolu 96, il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(5), il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tapprova l-elementi kollha, inkluż kwalunkwe emenda futura tagħha, tal-programm operazzjonali li jaqa’ taħt dan l‐Artikolu, minbarra dawk li jaqgħu taħt il-punti (b)(vi), (c)(v) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-paragrafi 4 u 5, u l-punti (a) u (c) tal-paragrafu 6 u l‐paragrafu 7, li jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri”;

(5) 

fl-Artikolu 139(7), jiżdiedu s-sottoparagrafi li ġejjin:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ ordni ta’ rkupru għall-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mill-Istat Membru għall-kontijiet ippreżentati fl‐2020. L-ammonti mhux irkuprati għandhom jintużaw biex jiġu aċċellerati l-investimenti relatati mat-tifqigħa COVID-19 u li jkunu eliġibbli skont dan ir-Regolament u regoli speċifiċi għall-Fond.

L-ammonti mhux irkuprati għandhom jiġu rilaxxati jew irkuprati fil-mument tal-għeluq.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1) 

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a) 

it-titolu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fondi reċiproċi għal kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi u inċidenti ambjentali”;

(b) 

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.  Il-FEMS jista’ jikkontribwixxi għal fondi reċiproċi li jħallsu kumpens finanzjarju lil sajjieda għal telf ekonomiku kkawżat minn kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi jew minn inċidenti ambjentali jew għall-kostijiet ta’ salvataġġ tas-sajjieda u tal-bastimenti tas-sajd f’każ li jkun hemm inċidenti fuq il-baħar matul l-attivitajiet tas-sajd tagħhom.”;

(c) 

il-paragrafi 5 u 6 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“5.  L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-fondi reċiproċi, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens u l-eliġibbiltà tas-sajjieda għal tali kumpens f’każ ta’ kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar kif imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l‐arranġamenti relatati mal-fondi jipprevedu pieni fil-każ ta’ negliġenza min‐naħa tas-sajjied.

6.  Kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk rikonoxxuti formalment li seħħew mill-awtorità kompetenti tal‐Istat Membru kkonċernat.”;

(d) 

il-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8.  Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw biss biex jiġi kopert it-telf ikkawżat minn kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar li jammontaw għal iktar minn 30 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkolat abbażi tal-medja tal-fatturatta’ dak in-negozju matul it-tliet snin kalendarji preċedenti.”.

(2) 

fl-Artikolu 57(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(e) 

kriżijiet tas-saħħa pubblika.”.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.