Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

15 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva (UE) 2015/2366 – Tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Artikolu 73 – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas – Artikolu 74 – Responsabbiltà tal-pagatur – Obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas – Portata – Distribuzzjoni tar-responsabbiltà bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-pagatur – Artikolu 69 – Obbligi tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas – Negliġenza serja – Rifjut tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jirrimborsa mingħajr dewmien lil pagatur tal-ammont ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata minħabba li dan il-pagatur kien irrenda possibbli din it-tranżazzjoni minħabba negliġenza serja”

Fil-Kawża C‑70/25 [Tukowiecka] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Koszalinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Koszalin, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Frar 2025, fil-proċedura

N.O.

vs

PKO BP S.A.,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PKO BP S.A., minn M. Trepka u M. Wurm, avukati, kif ukoll minn Ł. Hejmej u A. Szczęśniak, avukati,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn G. Iappelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 73(1) u tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, u rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/2366”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn N.O., persuna fiżika, u PKO BP S.A., bank, dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrimborsa l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata minn N.O.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal‑Unjoni

 Id‑Direttiva 2007/64/KE

3        L-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5), intitolat “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.”

 Id‑Direttiva 2015/2366

4        Il-premessi 6 u 71 tad-Direttiva 2015/2366 huma b’hekk ifformulati:

“(6)      Għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda sabiex jingħalqu l-lakuni regolatorji filwaqt li fl-istess ħin tiġi pprovduta aktar ċarezza legali u tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas leġiżlattiv madwar l-Unjoni [Ewropea]. Għandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet operattivi ekwivalenti, għal sistemi eżistenti u għal atturi ġodda fis-suq, li jippermettu l-ilħuq ta’ suq usa’ permezz ta’ mezzi ġodda ta’ pagament u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-użu ta’ dawn is-servizzi ta’ pagament madwar l-Unjoni kollha. Dan għandu jiġġenera effiċjenzi fis-sistema ta’ pagament inġenerali u jwassal għal aktar għażla u aktar trasparenza fis-servizzi ta’ pagament filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi f’suq tal-pagamenti armonizzat.

[...]

(71)      Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu immedjatament jirrifondi l-ammont ta’ dik it-tranżazzjoni lill-pagatur. Madankollu, fejn ikun hemm suspett kbir ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata li tirriżulta minn imġiba frodulenti tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament u fejn dak is-suspett hu bbażat fuq raġunijiet oġġettivi li huma kkomunikati lill-awtorità nazzjonali rilevanti, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jkun jista’ jwettaq, fi żmien raġonevoli, investigazzjoni qabel ma jirrifondi lill-pagatur. Sabiex il-pagatur ikun protett kontra kwalunkwe żvantaġġ, id-data tal-valur tal-kreditu ta’ rifużjoni ma għandhiex tkun aktar tard mid-data meta l-ammont ikun ġie debitat. Biex jiġi pprovdut inċentiv għall-utent ta’ servizzi ta’ pagament biex jinnotifika, mingħajr dewmien bla bżonn, il-fornitur tas-servizz ta’ pagament ta’ kwalunkwe serq jew telf ta’ strument ta’ pagament u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mhux awtorizzati, l-utent għandu jkun responsabbli biss għal ammont limitat ħafna, ħlief jekk l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ikun aġixxa b’mod frodulenti jew b’negliġenza serja. F’dan il-kuntest ammont ta’ [50 Euro] jidher li hu adegwat sabiex tiġi żgurata protezzjoni armonizzata u ta’ livell għoli tal-utenti fi ħdan l-Unjoni. Ma għandu jkun hemm l-ebda responsabbiltà f’każ li l-pagatur ma jkunx f’pożizzjoni li jsir jaf bit-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ pagament. Barra minn hekk, ladarba l-utenti jkunu nnotifikaw lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li l-istrument ta’ pagament tagħhom seta’ ġie kompromess, l-utenti ta’ servizz ta’ pagament ma għandhomx ikunu meħtieġa jkopru telf ulterjuri li jirriżulta minn użu mhux awtorizzat ta’ dak l-istrument. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għas-sigurtà teknika tal-prodotti tagħhom stess.”

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 2(b) tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw:

[...]

(b)      id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, b’rabta mal-għoti ta’ servizzi ta’ pagament bħala xogħol regolari jew attività ta’ negozju.”

6        L-Artikolu 69 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward tal-istrumenti ta’ pagament u tal-kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà”, jipprovdi:

“(1)      L-utent ta’ servizzi ta’ pagament intitolat juża strument ta’ pagament għandu:

(a)      juża l-istrument ta’ pagament skont it-termini li jirregolaw il-ħruġ u l-użu tal-istrument ta’ pagament, li jridu jkunu oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati;

(b)      jgħarraf lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, jew lill-entità speċifikata minn dan tal-aħħar, mingħajr dewmien żejjed wara li jinduna bit-telf, serq, miżapproprjazzjoni jew użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ pagament.

(2)      Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-utent tas-servizz ta’ pagament, b’mod partikolari, hekk kif jirċievi strument ta’ pagament, għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha biex iżomm il-kredenzjali personalizzati sikuri.”

7        L-Artikolu 71 tal-istess direttiva, intitolat “Notifika u rettifika ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mhux awtorizzati jew esegwiti skorrettament”, huwe hekk redatt, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-utent ta’ sevizzi ta’ pagament għandu jikseb rettifika ta’ tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata jew esegwita skorrettament mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament biss jekk l-utent ta’ servizzi ta’ pagament jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ tali tranżazzjoni li tirriżulta fi pretensjoni, inkluża dik taħt l-Artikolu 89, u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu.

[...]”

8        L-Artikolu 72 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Evidenza tal-awtentiċità u l-esekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta utent ta’ servizzi ta’ pagament jiċħad li jkun awtorizza tranżazzjoni ta’ pagament li tkun ġiet esegwita, l-użu ta’ strument ta’ pagament irreġistrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, inkluż il-fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament kif xieraq, ma għandux fih innifsu jkun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-tranżazzjoni ta’ pagament kienet awtorizzata mill-pagatur jew li l-pagatur ikun aġixxa b’mod frodulenti jew naqas b’intenzjoni jew negliġenza serja milli jissodisfa wieħed jew aktar mill-obbligi skont l-Artikolu 69. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, inkluż, fejn xieraq, il-fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, għandu jipprovdi evidenza ta’ sostenn biex jagħti prova ta’ frodi jew negliġenza kbira min-naħa tal-utent ta’ servizz ta’ pagament.”

9        L-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, intitolat “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għal tranżazzjonijiet ta’ pagament mhux awtorizzati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 71, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur iħallas lura lill-pagatur l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ negozju li jmiss, wara li jkun ħa nota jew ġie notifikat tat-tranżazzjoni, minbarra meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur ikollu raġunijiet raġonevoli biex jissuspetta frodi u jikkomunika dawk ir-raġunijiet bil-miktub lill-awtorità nazzjonali rilevanti. Fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizz ta’ pagament tal-pagatur għandu jerġa’ jġib il-kont ta’ pagament iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħitx it-tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata. Dan għandu jiżgura wkoll li d-data ta’ valur tal-kreditu għall-kont ta’ pagament tal-pagatur ma għandhiex tkun aktar tard mid-data li fiha l-ammont kien ġie debitat.”

10      L-Artikolu 74 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Responsabbiltà tal-pagatur għal tranżazzjonijiet ta’ pagament mhux awtorizzati”, huwa b’hekk ifformulat, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’deroga mill-Artikolu 73, il-pagatur jista’ jkun obbligat iġorr it-telf relatat ma’ kwalunkwe tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata, sa massimu ta’ [50 Euro], li jirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ pagament mitluf jew misruq jew mill-miżapproprjazzjoni ta’ strument ta’ pagament.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk:

(a)      it-telf, is-serq jew il-miżapproprijazzjoni ta’ strument ta’ pagament ma setgħux jiġu identifikati mill-pagatur qabel pagament, għajr meta l-pagatur ikun aġixxa b’mod frodulenti; jew

(b)      it-telf kien ikkawżat minn atti jew nuqqas ta’ azzjoni ta’ impjegat, aġent jew fergħa ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ta’ xi entità li liha jkunu ġew esternalizzati l-attivitajiet.

Il-pagatur għandu jbati t-telf kollu marbut ma’ kwalunkwe tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata jekk huma jkunu ġġarrbu mill-pagatur billi aġixxa b’mod frodulenti jew ikun naqas milli jissodisfa xi obbligu jew obbligi fl-Artikolu 69 b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. F’tali każijiet, l-ammont massimu msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika.

Fejn il-pagatur la jkun aġixxa b’mod frodulenti u lanqas ma jkun naqas intenzjonalment milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 69, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà msemmija f’dan il-paragrafu, billi jqisu, b’mod partikolari, in-natura tal-kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom ikun intilef, insteraq jew ġie miżapproprjat l-istrument ta’ pagament.”

11      L-Artikolu 102 tal-istess direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ ADR”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ ADR adegwati, indipendenti, imparzjali, trasparenti u effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ lmenti bejn l-utenti tas-servizzi ta’ pagament u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw taħt it-Titoli III u IV ta’ din id-Direttiva, skont il-liġi rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni [...] bl-użu ta’ korpi kompetenti eżistenti fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ta' ADR ikunu applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.”

12      L-Artikolu 107 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Armonizzazzjoni sħiħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 32, l-Artikolu 38(2), l-Artikolu 42(2), l-Artikolu 55(6), l-Artikolu 57(3), l-Artikolu 58(3), l-Artikolu 61(2) u (3), l-Artikolu 62(5), l-Artikolu 63(2) u (3), ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 74(1) u l-Artikolu 86, sa fejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

 Id-dritt Pollakk

13      L-Artikolu 46 tal-ustawa o usługach płatniczych (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas), tad‑19 ta’ Awwissu 2011 (Dz. U. Nru 199, intestatura 1175), kif emendata (Dz. U. tal‑2024, intestatura 30), li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Pollakk l-Artikoli 73 u 74 tad-Direttiva 2015/2366, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1)      Bla ħsara għall-Artikolu 44(2), fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur [ta’ servizzi ta’ ħlas] tal-persuna li tħallas għandu jirrimborsa lill-persuna li tħallas l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata immedjatament, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn tmiem l-ewwel jum tax-xogħol wara l-konstatazzjoni tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata ddebitata mill-kont tal-persuna li tħallas jew wara r-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni ad hoc, ħlief meta l-fornitur [ta’ servizzi ta’ ħlas] tal-persuna li tħallas ikollu raġunijiet tajba, debitament iddokumentati, sabiex jissuspetta frodi u meta jinforma b’dan bil-miktub lill-awtoritajiet kriminali.
Fil-każ li l-persuna li tħallas tuża kont ta’ ħlas, il-fornitur [ta’ servizzi ta’ ħlas] tal-persuna li tħallas għandu jistabbilixxi mill-ġdid il-kont ta’ ħlas iddebitat fl-istat li kien ikun fih li kieku t-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata ma kinitx seħħet. Id-data ta’ valur li fiha l-kont ta’ ħlas tal-persuna li tħallas jiġi kkreditat ma għandhiex tkun iktar tard mid-data li fiha kien ġie ddebitat. [...]

(3)      Il-persuna li tħallas għandha tkun kompletament responsabbli għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk hija tkun ikkawżathom intenzjonalment jew b’riżultat ta’ ksur intenzjonali jew b’negliġenza gravi, ta’ wieħed jew iktar mill-obbligi previsti fl-Artikolu 42.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet kuntratt dwar iż-żamma ta’ kont kurrenti ma’ PKO BP, bank stabbilit fil-Polonja.

15      Hija kienet vittma ta’ frodi permezz ta’ phishing imwettqa minn awtur mhux identifikat li, billi ppreżenta ruħu bħala interessat fix-xiri ta’ oġġett offrut għall-bejgħ minnha fuq portal ta’ bejgħ bl-irkant online, bagħtilha link ta’ natura li twassalha sabiex temmen li dan kien ġej minn dan il-portal u li kellu l-għan li jikkonferma l-bejgħ. Wara li segwiet din il-link, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali aċċessat sit internet li jirriproduċi l-apparenza ta’ dak tal-bank tagħha u daħħlet fih id-data ta’ konnessjoni tagħha mas-servizz bankarju online. Id-data hekk miksuba ppermettiet lil dan l-awtur jittrasferixxi, mill-kont tar-rikorrenti lejn kont li huwa kellu, is-somma ta’ 3 000 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 705). Din it-tranżazzjoni ta’ ħlas ġiet awtorizzata mill-awtur tal-frodi permezz ta’ kodiċi ta’ konferma trażmess minn SMS u miksub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba dan il-qerq.

16      L-għada, din tal-aħħar saret taf bil-frodi u immedjatament informat lil PKO BP u lill-pulizija bit-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. L-awtur ta’ din il-frodi ma ġiex identifikat.

17      PKO BP irrifjutat li tirrimborsa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata minħabba, b’mod partikolari, li d-dannu mġarrab minnha kien jirriżulta mill-fatt li hija kienet, wara negliġenza serja, naqset mill-obbligu tagħha li żżomm b’diliġenza l-istrument ta’ ħlas inkwistjoni u li ma tqegħidhiex għad-dispożizzjoni ta’ persuni mhux awtorizzati.

18      Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lis-Sąd Rejonowy w Koszalinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Koszalin, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża li PKO BP tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ PLN 3 000 (madwar EUR 705).

19      Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li PKO BP, fil-kwalità tagħha ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, kienet obbligata tirrimborsaha mingħajr dewmien l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet raġonevoli sabiex tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ frodi mwettqa mill-pagatur.

20      PKO BP issostni, min-naħa tagħha, li n-nuqqas ta’ pagatur, wara negliġenza serja, tal-obbligi tiegħu, jikkostitwixxi wkoll raġuni li teżenta lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mill-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija tista’ tevalwa b’mod indipendenti l-kundizzjonijiet kollha tar-responsabbiltà tagħha għal tali tranżazzjoni u li hija eżentata minn dan l-obbligu ta’ rimbors peress li hija tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali negliġenza min-naħa tal-pagatur.

21      Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Direttiva 2015/2366 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku Pollakk jistabbilixxu l-prinċipju ġenerali li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas isostni b’mod sħiħ ir-riskju marbut mat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. Fil-fehma tagħha, huwa dan il-fornitur, fil-kwalità tiegħu ta’ kummerċjant speċjalizzat, li għandu jiżgura s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kontra r-riskji ta’ frodi kif ukoll il-protezzjoni tal-fondi fdati lilu.

22      Din il-qorti tirrileva, barra minn hekk, li kemm din id-direttiva kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali jagħtu lil pagatur dritt għar-rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, li jimplika dritt għall-irkupru mingħajr dewmien tal-fondi hekk mitlufa. Dan id-dritt ikun limitat biss meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ frodi mwettqa mill-pagatur u tali frodi tiġi rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

23      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-qrati Pollakki ma ġewx aditi b’azzjonijiet imressqa minn banek intiżi li jiksbu l-kundanna ta’ konsumatur għar-rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati minħabba li dan tal-aħħar wettaq negliġenza serja. Min-naħa l-oħra, huma ġew aditi b’diversi azzjonijiet imressqa minn konsumaturi kontra stabbilimenti bankarji minħabba r-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jirrimborsaw l-ammont ta’ tali tranżazzjonijiet.

24      Skont il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni turi li l-applikazzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, tal-eċċezzjonijiet għad-dritt għar-rimbors saret ir-regola għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. Dawn ġeneralment ma jwettqux ir-rimbors tal-ammont ta’ tali tranżazzjonijiet, b’tali mod li jkunu l-pagaturi, b’mod partikolari l-konsumaturi, li jkunu obbligati jinvokaw id-dritt tagħhom għar-rimbors quddiem il-qrati nazzjonali.

25      F’dan il-kuntest, din il-qorti tqis li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/2366 difiża minn PKO BP ma tippermettix li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-pagatur imfittex mill-obbligu, stabbilit mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ta’ rimbors mingħajr dewmien tal-ammont ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. Hija tqis, għaldaqstant, li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-possibbiltà għal fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jirrifjuta li jirrimborsa mingħajr dewmien l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata minħabba li d-dannu mġarrab mill-pagatur minħabba din it-tranżazzjoni jkun imputabbli għal negliġenza serja ta’ dan tal-aħħar.

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni jkollha l-effett li timponi fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fil-kwalità tiegħu ta’ kummerċjant, iktar milli fuq il-pagatur, li ta’ spiss ikun konsumatur, il-piż marbut mal-kontestazzjoni tar-responsabbiltà tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-introduzzjoni tal-proċedura, l-ispejjeż legali, il-produzzjoni tal-prova u l-preparazzjoni tal-atti proċedurali.

27      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy w Koszalinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Koszalin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva [2015/2366], għandhom jiġu interpretati fis-sens li fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jirrifjuta li jirrimborsa mingħajr dewmien lill-pagatur l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata jekk il-pagatur iġarrab telf marbut mat-tranżazzjoni ta’ pagament mhux awtorizzata minħabba li jkun wettaq negliġenza serja tal-obbligi ddefiniti fl-Artikolu 69 [ta’ din id-direttiva]?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 73(1) u l-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2015/2366 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jirrifjuta li jirrimborsa mingħajr dewmien lill-pagatur l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, minħabba li dan il-pagatur irrenda possibbli din it-tranżazzjoni permezz ta’ negliġenza serja, bi ksur tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Veracash, C‑665/23, EU:C:2025:598, punt 34). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31).

30      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 73 u 74 tad-Direttiva 2015/2366 jirregolaw, rispettivament, ir-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u dik tal-pagatur fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati.

31      Għalhekk, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 73(1) ta’ fin id-direttiva jirriżulta li, bħala prinċipju, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-pagatur jirrimborsa lil dan l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata mingħajr dewmien wara li jkun sar jaf bit-tranżazzjoni jew wara li jkun ġie informat biha, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mit-tmiem tal-ewwel jum ta’ xogħol segwenti.

32      Dan l-obbligu ta’ rimbors japplika “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 71” tal-imsemmija direttiva, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jikseb mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas il-korrezzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament biss jekk dan jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien żejjed.

33      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 73(1) tal-istess direttiva tipprovdi biss eċċezzjoni waħda għall-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien, jiġifieri l-każ fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu raġunijiet tajba sabiex jissuspetta frodi u jekk huwa jikkomunika dawn ir-raġunijiet bil-miktub lill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

34      Minn dan isegwi li l-Artikolu 73(1) tad-Direttiva 2015/2366 ma jipprovdi ebda eċċezzjoni għall-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien fil-każ ta’ suspett li l-pagatur għamel possibbli tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata minn negliġenza serja, bi ksur tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva.

35      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2015/2366, l-ewwel żewġ subparagrafi tiegħu jippermettu lill-Istati Membri, b’deroga, li jimponu fuq il-pagatur, sa massimu ta’ [50 Euro], it-telf marbut ma’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata wara t-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni ta’ strument ta’ ħlas, ħlief jekk dan l-aġir ma setax jiġi skopert mill-pagatur qabel il-ħlas. It-tielet subparagrafu tiegħu jipprovdi li l-pagatur għandu jbati t-telf kollu marbut ma’ kwalunkwe tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jekk huma jkunu ġġarrbu mill-pagatur billi aġixxa b’mod frodulenti jew ikun naqas milli jissodisfa xi obbligu jew obbligi tiegħu skont l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. Fost dawn l-obbligi hemm, b’mod partikolari, dak, imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 69, li jikkonsisti fit-teħid ta’ kull miżura raġonevoli sabiex tinżamm is-sigurtà tal-kredenzjali ta’ sigurtà tiegħu.

36      Barra minn hekk, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2015/2366 jawtorizza lill-Istati Membri jillimitaw ir-responsabbiltà tal-pagatur meta dan ma jkunx aġixxa b’mod frawdolenti u lanqas ma jkun naqas intenzjonalment milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva. Madankollu, ebda element tad-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja għamlet użu minn din il-possibbiltà.

37      Billi jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, l-Artikoli 73 u 74 tal-imsemmija direttiva b’hekk iwettqu tqassim tar-riskju bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-pagatur.

38      Fir-rigward tar-rabta bejn l-obbligi previsti, rispettivament, fl-Artikoli 73 u 74 tad-Direttiva 2015/2366, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 74(1) ta’ din id-direttiva ma tippermettix li tiġi ddeterminata b’mod inekwivoku l-portata tad-deroga prevista fih. Skont l-ewwel interpretazzjoni, hija taffettwa l-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien, previst fl-Artikolu 73(1) tal-imsemmija direttiva, fil-każ fejn il-pagatur ikun naqas, wara negliġenza serja, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 tagħha. Skont it-tieni interpretazzjoni, din id-deroga tirrigwarda biss in-natura definittiva tar-rimbors, peress li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huwa obbligat iwettaq, fl-ewwel lok, dan ir-rimbors mingħajr dewmien qabel ma jkun jista’, jekk ikun il-każ, sussegwentement, jitlob mingħand il-pagatur ir-rimbors tat-telf marbut ma’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati mir-rimedji legali previsti għal dan l-għan.

39      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikoli 73 u 74 tad-Direttiva 2015/2366, għandu, minn naħa, jiġi enfasizzat li l-premessa 71 tagħha tirrigwarda l-każ li fih il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu raġunijiet raġonevoli sabiex jissuspetta l-eżistenza ta’ frodi mwettqa mill-utent tas-servizzi ta’ ħlas u jikkomunika, bil-miktub, ir-raġunijiet oġġettivi li fuqhom huma bbażati dawn is-suspetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti. Din il-premessa 71 tidher li ssostni l-interpretazzjoni li l-unika eċċezzjoni għall-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien hija dik espressament prevista fl-Artikolu 73(1) ta’ din id-direttiva.

40      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-oneru tal-prova, l-Artikolu 72(2) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas il-prova tan-negliġenza serja tal-pagatur. Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jirrifletti l-istruttura ġenerali tas-sistema stabbilita mill-Artikoli 73 u 74 tal-istess direttiva, li tikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni mogħtija lill-pagatur fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati.

41      Fil-fatt, tali regola tikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-koerenza bejn is-sistema stabbilita fl-Artikolu 73(1) tad-Direttiva 2015/2366 u r-regoli proċedurali intiżi li jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tagħha.

42      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżami tal-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 73 u 74 ta’ din id-direttiva jikkorrobora l-interpretazzjoni li dawn l-artikoli 73 u 74 jirregolaw aspetti distinti tal-proċedura ta’ rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati fis-sens li l-Artikolu 73 tal-imsemmija direttiva jimponi fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien ta’ dan l-ammont, filwaqt li l-Artikolu 74 tagħha jirregola t-tqassim tar-responsabbiltà bejn dan il-fornitur u l-pagatur fi stadju ulterjuri, kif jirriżulta mill-mekkaniżmu deskritt fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

43      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/2366, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2)(b) tagħha, din għandha b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fil-kuntest tal-provvista ta’ tali servizzi bħala attività abitwali jew professjonali.

44      Għalhekk, din id-direttiva hija intiża, kif tistabbilixxi l-premessa 6 tagħha, li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank, C‑287/19, EU:C:2020:897, punt 102, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Eurobank Bulgaria, C‑409/22, EU:C:2024:600, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2015/2366 fis-sens li jeżenta lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mill-obbligu tiegħu li jwettaq ir-rimbors mingħajr dewmien, kif previst fl-Artikolu 73(1) ta’ din id-direttiva, meta l-pagatur ikun naqas, wara negliġenza serja, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 tagħha, ikollha l-konsegwenza mhux biss li ċċaħħad mill-effett utli l-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien lill-pagatur, iżda wkoll li ġġiegħel lill-utent jieħu l-inizjattiva li jinvoka d-dritt tiegħu, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati kompetenti u li jbati l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minnu, b’mod partikolari l-eventwali spejjeż proċedurali. Issa, tali tqassim tar-responsabbiltajiet u tar-riskji għad-detriment tal-pagatur huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kif imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

46      Għall-kuntrarju, interpretazzjoni tal-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2015/2366 fis-sens li ma jeżentax lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mill-obbligu tiegħu li jwettaq ir-rimbors mingħajr dewmien hija konformi mal-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Din l-interpretazzjoni ma tipprekludix li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jitlob sussegwentement mingħand il-pagatur, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 74(1) ta’ din id-direttiva, ir-rimbors tat-telf marbut ma’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati meta dan jirriżulta minn nuqqas, wara negliġenza serja tal-pagatur, tal-obbligi tal-pagatur skont l-Artikolu 69 tal-imsemmija direttiva.

47      Minn dan isegwi li l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/2366 jikkorroboraw l-interpretazzjoni li l-fatt li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas iqis li min iħallas naqas, wara negliġenza serja, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva ma jistax ikollu l-effett li jeżentah mill-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien previst fl-Artikolu 73(1) tagħha.

48      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-oriġini tad-Direttiva 2015/2366, għandu jiġi rrilevat li s-sistema stabbilita fl-Artikolu 73(1) ta’ din id-direttiva hija sostanzjalment differenti minn dik stabbilita preċedentement mid-Direttiva 2007/64 f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien.

49      Fil-fatt, l-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64, li kien jirregola r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, ma kien jipprovdi ebda eċċezzjoni espliċita għal dan l-obbligu. L-istess kien veru għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea, li bdiet il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2366 [COM(2013) 547 final]. Huwa biss matul dan il-proċess li l-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa eċċezzjoni speċifika għall-obbligu ta’ rimbors mingħajr dewmien meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikollu raġunijiet raġonevoli sabiex jissuspetta l-eżistenza ta’ frodi, mingħajr ma jippermetti lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ jew jintroduċu dispożizzjonijiet differenti minn dawk li jinsabu fid-Direttiva 2015/2366, kif jirriżulta mill-Artikolu 107(1) tagħha.

50      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ċek u dak Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 47 ta’ din is-sentenza ma għandhiex l-effett li tevita l-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim imsemmi fl-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2015/2366.

51      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li dan il-mekkaniżmu ma huwiex limitat għas-soluzzjoni tat-tilwim li jirrigwarda r-rimbors immedjat previst fl-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, iżda jestendi għal kull tip ta’ tilwima li taqa’ taħt it-Titoli III u IV tagħha. Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu ma tistax tinftiehem bħala li tikkostitwixxi l-komplement neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni waħda tal-imsemmija direttiva, jiġifieri tal-Artikolu 73 tagħha u lanqas, għaldaqstant, bħala ekwivalenti għal mekkaniżmu ta’ verifika obbligatorja tal-osservanza tal-obbligi previsti fl-Artikolu 69 tal-istess direttiva.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 73(1) u l-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2015/2366 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jirrifjuta li jirrimborsa mingħajr dewmien lill-pagatur l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, minħabba li dan il-pagatur irrenda possibbli din it-tranżazzjoni permezz ta’ negliġenza serja, bi ksur tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 73(1) u l-Artikolu 74(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jirrifjuta li jirrimborsa mingħajr dewmien lill-pagatur l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, minħabba li dan il-pagatur irrenda possibbli din it-tranżazzjoni permezz ta’ negliġenza serja, bi ksur tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 69 tad-Direttiva 2015/2366.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.