|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3706 |
17.9.2025 |
P9_TA(2024)0369
L-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2024 dwar l-Ażerbajġan, b’mod partikolari r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-każijiet ta’ Dr Gubad Ibadoghlu u Ilhamiz Guliyev (2024/2698(RSP))
(C/2025/3706)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Ażerbajġan intensifika r-repressjoni tiegħu tas-soċjetà ċivili, l-attivisti u l-media indipendenti li fadal, bħal Abzas Media, permezz ta’ detenzjonijiet u vessazzjoni ġudizzjarja; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalissa jelenkaw kważi 300 priġunier politiku fl-Ażerbajġan; billi l-indiċi Dinji tal-Libertà għall-2024 ta’ Freedom House jikklassifika lill-Ażerbajġan fost il-pajjiżi l-inqas ħielsa fid-dinja, taħt ir-Russja u l-Belarussja; |
|
B. |
billi Gubad Ibadoghlu, ekonomista politiku u figura tal-oppożizzjoni, ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan f’Lulju 2023 u baqa’ f’detenzjoni sat-22 ta’ April 2024, meta ġie ttrasferit għal detenzjoni domiċiljari; billi saħħtu ddeterjorat b’mod sinifikanti minn mindu ġie arrestat, bħala riżultat ta’ tortura, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani u rifjut ta’ kura medika adegwata, li b’hekk poġġew ħajtu f’periklu; |
|
C. |
billi Ilhamiz Guliyev, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ġie arrestat arbitrarjament fl-4 ta’ Diċembru 2023 fuq akkużi dubjużi ta’ traffikar tad-droga wara li xehed bħala informatur dwar it-tbagħbis mill-pulizija tal-evidenza kontra l-kritiċi tal-gvern; billi hu qed jiffaċċja sa 12-il sena ħabs; |
|
1. |
Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Ilhamiz Guliyev; jinnota li Gubad Ibadoghlu nħeles u tqiegħed taħt detezjoni domiċiljari u jistieden lill-awtoritajiet ineħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih; jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura b’mod urġenti li Gubad Ibadoghlu jirċievi eżami mediku indipendenti minn tabib tal-għażla tiegħu stess u li jitħalla jirċievi trattament barra mill-pajjiż; |
|
2. |
Iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi l-oħra kollha, inklużi Tofig Yagublu, Akif Gurbanov, Bakhtiyar Hajiyev, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti Ulvi Hasanli, Sevinj Vagifgizi, Nargiz Absalamova, Hafiz Babali, Elnara Gasimova, Aziz Orujov, Rufat Muradli, Avaz Zeynalli, Elnur Shukurov, Alasgar Mammadli, Farid Ismayilov, kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE u lil ċittadini oħra; |
|
3. |
Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan dwar l-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jistedinhom jirrevokaw leġiżlazzjoni ripressiva li twassal lill-organizzazzjonijiet indipendenti mhux governattivi u lill-media f’sitwazzjonijiet fil-marġini tal-liġi; |
|
4. |
Iqis li l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan huwa inkompatibbli mat-tħejjijiet tal-pajjiż biex jospita l-COP29; jitlob li l-organizzaturi jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili jkunu kompletament minquxa u garantiti fil-Ftehim dwar il-Pajjiż Ospitanti; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tissospendi s-sħubija strateġika mal-Ażerbajġan fil-qasam tal-enerġija; jinsisti li kwalunkwe ftehim ta’ sħubija futur ikun dipendenti fuq il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u t-titjib tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; |
|
6. |
Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jitlob laqgħat mal-priġunieri politiċi fl-Ażerbajġan; |
|
7. |
Itenni t-talba tiegħu li s-sanzjonijiet tal-UE fl-ambitu tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem jiġu imposti fuq uffiċjali tal-Ażerbajġan li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
8. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ażerbajġan. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3706/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)