Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża C‑470/25

E. sp. z o.o.

vs

Dyrektor Podkarpackiego Oddziału Regionalnego Agencji Restrukturyzacji i Modernizacji Rolnictwa w Rzeszowie,

intervenjenti:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Prokuratura Krajowa

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 4(3) – Politika agrikola komuni – Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 60 – Klawżola ta’ evażjoni – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ ġew maħluqa artifiċjalment – Kunċett ta’ “vantaġġ” – Rifjut jew irtirar tal-ammont totali tal-appoġġ jew biss ta’ dak l-ammont li jirriżulta mill-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment)






I.      Introduzzjoni

1.        Jekk jinstab li bidwi jkun ħoloq kundizzjonijiet artifiċjali billi qasam azjenda agrikola waħda sabiex jikseb ammont ta’ appoġġ taħt il-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”) ogħla minn dak li l-bidwi kien ikun intitolat għalih skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli, għandu l-ammont kollu tal-appoġġ jiġi rrifjutat jew, għall-kuntrarju, għandu jiġi rrifjutat biss l-ammont li jirriżulta mill-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Amministrattiva Suprema”) f’din il-kawża. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “vantaġġ” fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (2) dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (3) dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK.

II.    Il-kuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi:

“1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

—      permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

—      bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.      L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-[Unjoni] applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4.      Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

4.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi:

“1.      L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

(a)      il-ħlas ta’ multa amministrattiva;

(b)      il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skond persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m’għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;

(ċ)      it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-[Unjoni], anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

(d)      l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;

(e)      l-irtirar temporanju ta’ l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent meħtieġ għall-parteċipazzjoni fi skema ta’ għajnuna tal-Komunità;

(f)      it-telf ta’ garanzija jew depożitu provdut għall-iskop tal-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati mir-regoli jew ir-riforniment ta’l-ammont tal-garanzija lliberata bla jedd;

(ġ)      penali oħra ta’ tip purament ekonomiku, ekwivalenti fin-natura u l-qasam ta’ applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-oqsma involuti u b’konformità mal-poteri ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m’humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il-penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.”

5.        Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Klawsola ta’ ċirkomvenzjoni”:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda vantaġġ previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali favur persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn inħolqu artifiċjalment, kuntrarju għall-objettivi ta’ dik il-leġislazzjoni.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.        E. hija kumpannija Pollakka (iktar ’il quddiem il-“kumpannija E.”), li għandha l-kwalità ta’ produttur agrikolu.

7.        Il-kumpannija E. applikat għal pagamenti fir-rigward ta’ biċċiet ta’ raba’ taħt l-iskemi ta’ appoġġ agrikolu tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2019. Dawn kienu jikkonċernaw: (1) pagamenti diretti, jiġifieri l-pagament uniku skont is-superfiċji, il-pagament għall-ekoloġizzazzjoni u l-pagament ridistributtiv, (2) il-pagamenti agroambjentali klimatiċi u (3) il-pagamenti għal superfiċji b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra.

8.        Dawn il-pagamenti kienu jaqgħu taħt il-perijodu ta’ finanzjament tal-PAK 2014–2020. Dawn kienu rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ dak iż-żmien, li kienet tinkludi r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (4) dwar il-pagamenti diretti, kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (5) dwar l-iżvilupp rurali. Ir-regoli komuni dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-appoġġ tal-PAK kienu rregolati mir-Regolament Nru 1306/2013, filwaqt li r-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-kontrolli, il-miżuri amministrattivi u l-penali fir-rigward tal-irregolaritajiet għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk ikopri l-PAK (6).

9.        Waqt kontroll amministrattiv, l-awtorità amministrattiva tal-ewwel istanza (7) kkonstatat li l-kumpannija E. kellha l-istess rappreżentant bħal B., kumpannija Pollakka (iktar ’il quddiem il-“kumpannija B.”), li kellha wkoll il-kwalità ta’ produttur agrikolu u li applikat għal pagamenti identiċi għal dawk li applikat għalihom il-kumpannija E. L-uniku azzjonist tal-kumpanniji E. u B. kien N., kumpannija Pollakka oħra (iktar ’il quddiem il-“kumpannija N.”).

10.      Matul il-proċedimenti, l-awtorità amministrattiva tal-ewwel istanza kkonstatat l-eżistenza ta’ rabtiet bejn dawn it-tliet kumpanniji u bejn il-persuni li kienu jifformawhom u li kienu relatati ma’ xulxin. Għall-kumpanniji E. u B., tali rabtiet kienu wkoll murija minn ċirkustanzi bħal metodi ta’ ġestjoni identiċi u l-użu ta’ servizzi tal-istess entitajiet (entitajiet li jwettqu trattamenti agrotekniċi, konsulenti agrikoli u avukati). Din l-awtorità kkonkludiet li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu relatati permezz ta’ persuni u ta’ kapital. Hija nnotat ukoll, b’mod partikolari, li dawn iż-żewġ kumpanniji nħolqu kważi fl-istess ħin u kkonkludew kuntratti ta’ kiri bejniethom, u li bdew jimplimentaw l-impenn agroambjentali u klimatiku fl‑2015, bħala parti mill-istess pakkett u għażla. Konsegwentement, din l-awtorità ħarġet deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jagħtu l-pagamenti lill-kumpannija E.

11.      Dan ġie kkonfermat fl-appell permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità amministrattiva tat-tieni istanza fit‑30 ta’ Novembru 2021 (8).

12.      Bħala prova addizzjonali, din l-awtorità ppreżentat simulazzjoni ta’ kalkoli għal kull wieħed mill-pagamenti li l-kumpanniji E., B. u N. kienu jiksbu li kieku kienu applikaw bħala entità unika. Sussegwentement, hija pparagunatha mal-ammont tal-pagamenti jekk it-tliet kumpanniji kienu applikaw għalihom separatament. Id-differenza bejn iż-żewġ ammonti kienet ta’ PLN 69 916,37 (madwar EUR 16 445). Dawn il-kalkoli tqiesu minn din l-awtorità bħala li jindikaw l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment sabiex jinkiseb pagament żejjed.

13.      Konsegwentement, skont din l-awtorità, il-kumpanniji E., B. u N. kienu fasslu l-istruttura tagħhom b’mod artifiċjali billi qasmu azjenda agrikola waħda sabiex jimmassimizzaw il-pagamenti rċevuti taħt l-iskemi ta’ appoġġ agrikolu tal-Unjoni sabiex tiġi evitata d-digressività tal-pagamenti bbażati fuq is-superfiċji.

14.      Il-kumpannija E. ippreżentat rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità amministrattiva tat-tieni istanza quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Rzeszowie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Rzeszów, il-Polonja).

15.      Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ April 2022, dik il-qorti ċaħdet dawk ir-rikorsi. Fil-fehma tagħha, il-kumpannija E. kienet ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet li jippermettu li jinkisbu l-aħjar vantaġġi possibbli permezz tas-sussidji tal-Unjoni. Dik il-qorti applikat din il-konstatazzjoni għall-pagamenti kollha mitluba mill-kumpannija E.

16.      Il-kumpannija E. appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema, li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

17.      Insostenn ta’ dan l-appell, il-kumpannija E. targumenta, b’mod partikolari, li hija ma kinitx ħolqot kundizzjonijiet artifiċjali u, sussidjarjament, li d-dritt tal-Unjoni applikabbli kien ġie interpretat b’mod żbaljat sa fejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali kellu jwassal biss għal tnaqqis tal-pagamenti tal-ammont li jirriżulta mill-kundizzjonijiet artifiċjali, u mhux għar-rifjut tal-pagamenti fl-intier tagħhom.

18.      Il-qorti tar-rinviju tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment (9), iżda ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha indikazzjonijiet dwar dan l-aspett tal-kawża. Hija tistaqsi biss dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni li applikant ħoloq kundizzjonijiet artifiċjalment. L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jippreċiża li l-konsegwenza tal-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet hija “[iż]-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew [l]-irtirar tiegħu”, filwaqt li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 jippreċiża li “ma għandu jingħata ebda vantaġġ” lill-entitajiet li jkunu ħolqu kundizzjonijiet b’mod artifiċjali. Il-punt kontenzjuż bejn il-partijiet huwa l-mod kif għandhom jiġu interpretati dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-kunċett ta’ “vantaġġ”.

19.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm l-inklużjoni tal-espressjoni “ebda vantaġġ” fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 tista’ tissuġġerixxi li l-pagament tal-ammont sħiħ jista’ jiġi rrifjutat, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2988/95, li jindika li l-miżuri ma għandhomx jitqiesu bħala sanzjonijiet, jimplika li r-rifjut ta’ ħlas għandu japplika biss għall-ammonti miksuba f’kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment, u mhux għall-ammont kollu tal-appoġġ.

20.      Barra minn hekk, dik il-qorti tirrileva li huwa possibbli li jiġi adottat jew approċċ li jikkonsisti f’li ma jingħatawx il-vantaġġi li jirriżultaw mill-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet, jew approċċ li jikkonsisti f’li ma jingħata ebda appoġġ totali. Hija tenfasizza li jeżistu approċċi diverġenti fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Membri, uħud minnhom, bħal dawk tal-Polonja, li jadottaw it-tieni approċċ, imsejjaħ “interpretazzjoni punittiva”, li jwassal għall-esklużjoni totali ta’ persuna mill-iskema ta’ sussidji jekk jiġi kkonstatat li kundizzjonijiet ġew maħluqa artifiċjalment, filwaqt li oħrajn, bħal dawk fil-Ġermanja li jiffavorixxu l-ewwel approċċ, imsejjaħ “interpretazzjoni korrettiva”, skont liema hija biss il-parti tal-pagament li tirriżulta mill-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali li hija rrifjutata. Din id-diverġenza fl-interpretazzjoni jista’ jkollha konsegwenzi dannużi għall-bdiewa Pollakki u tikkomprometti l-effettività u l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-kelma ‘vantaġġ’, fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament [Nru 2988/95] kif ukoll fl-Artikolu 60 tar-Regolament [Nru 1306/2013], għandha tiġi interpretata fis-sens li tfisser in-nuqqas ta’ għoti jew l-irtirar tal-ħlas kollu li jirriżulta mir-regolamentazzjoni agrikola settorjali, jew tfisser esklużivament dik il-parti tal-ħlas li tirriżulta mill-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali?”

22.      Il-kumpannija E., ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Inżammet seduta fl‑4 ta’ Ġunju 2026 li fiha l-kumpannija E., ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja), il-Polonja, ir-Renju tad-Danimarka, il-Portugall u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

24.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju ma hijiex ikkostitwita b’mod korrett. Din it-talba tressqet minn kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema, li wieħed minnhom inħatar imħallef ta’ dik il-qorti fil-kuntest ta’ proċedura li tinvolvi l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu (10). Il-Polonja tinvoka, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (11). Hija tqis li, peress li l-pożizzjoni istituzzjonali tal-Qorti Amministrattiva Suprema hija analoga għal dik tal-Qorti Suprema, l-istess rekwiżiti japplikaw għall-evalwazzjoni tar-regolarità tal-kompożizzjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema.

25.      Fil-fehma tiegħi, l-oġġezzjoni tal-Polonja għandha tiġi miċħuda.

26.      Kif spjegajt reċentement fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Naski (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li mħallef inħatar abbażi ta’ proposta mill-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-rekwiżiti inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta ma ġewx osservati. Għall-kuntrarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat. Barra minn hekk, mhux kwalunkwe irregolarità fil-proċedura tal-ħatra twassal għall-invalidazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ qorti; huma biss dawk l-irregolaritajiet li huma tant ta’ natura fundamentali li jistgħu jqajmu, f’moħħ l-individwi, dubji serji u leġittimi li dik il-qorti ma hijiex ħielsa minn influwenza esterna, b’mod partikolari minn fergħat oħra tal-Gvern.

27.      Kif iddettaljat ukoll fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Naski (13), ċerta ġurisprudenza invokata mill-Polonja (14) tirrigwarda ċirkustanzi partikolari li jinvolvu persuni maħtura bħala mħallfin ta’ ċerti awli tal-Qorti Suprema, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li l-preżunzjoni li qorti nazzjonali tissodisfa r-rekwiżiti ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ġiet ikkonfutata (15).

28.      F’dan il-każ, il-Polonja ma ressqet ebda element speċifiku jew konkret sabiex tistabbilixxi li xi wieħed mill-imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju nħatar fi proċedura paragunabbli maċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza. Il-Polonja lanqas ma ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja xi ċirkustanzi speċifiċi fir-rigward tal-imħallef ikkonċernat, iżda bbażat ruħha biss fuq il-kwistjoni li l-imħallef inħatar abbażi ta’ proposta mill-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

29.      Konsegwentement, inqis li l-preżunzjoni li d-domanda hija magħmula minn “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ma hijiex ikkonfutata f’dan il-każ u li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

30.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “vantaġġ” kif użat fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95 u fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013. Din l-interpretazzjoni hija neċessarja sabiex dik il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi jekk, f’ċirkustanzi li fihom jiġi stabbilit li persuna tkun ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet li jippermettu li jinkisbu pagamenti skont il-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni, għandux jiġi rrifjutat jew irtirat l-ammont kollu tal-appoġġ jew, għall-kuntrarju, għandux jiġi rtirat biss l-ammont li jirriżulta mill-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment.

31.      Għandu jitfakkar li din id-domanda tikkonċerna biss il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment, u mhux l-evalwazzjoni ta’ jekk tabilħaqq hemmx kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment, minkejja li l-kumpannija E. tikkontesta wkoll din l-aħħar konstatazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk ibbażata fuq is-suppożizzjoni li ġew stabbiliti kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment.

32.      Il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jadottaw żewġ pożizzjonijiet differenti dwar din il-kwistjoni. Essenzjalment, il-kumpannija E., l-Ombudsman, id-Danimarka, ir-Rumanija u l-Kummissjoni jsostnu li l-kunċett ta’ “vantaġġ” jirreferi biss għal dan l-ammont li jirriżulta mill-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment. Ser nirreferi għal approċċ bħal dan bħala “interpretazzjoni korrettiva”. Min-naħa l-oħra, il-Polonja, l-Italja u l-Portugall isostnu li dan il-kunċett jirreferi għall-ammont kollu tal-appoġġ, li ser nirreferi għaliha bħala “interpretazzjoni punittiva”.

33.      Kemm dawk li jsostnu interpretazzjoni korrettiva kif ukoll dawk li jsostnu interpretazzjoni punittiva jibbażaw ruħhom fuq il-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet tal-istess dispożizzjonijiet, iżda jaslu għal konklużjonijiet opposti.

34.      F’dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel ser nippreżenta l-argumenti opposti tal-partijiet, billi nissistematizzahom skont il-metodi normali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex nuri li ż-żewġ interpretazzjonijiet huma possibbli. Imbagħad ser nagħmel għażla u nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni korrettiva hija iktar adattata, b’mod partikolari fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tar-reegoli tal-Unjoni inkwistjoni.

1.      Sunt tal-argumenti prinċipali tal-partijiet

a)      Formulazzjoni

35.      Il-kumpannija E. tissottometti li l-espressjoni “vantaġġi bħal dawn” (16) fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 tindika li għandu jkun hemm rabta diretta bejn il-vantaġġ u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali, b’tali mod li parti biss mill-pagament għandha tiġi rrifjutata jew irtirata.

36.      B’kuntrast ma’ dan, il-Polonja u l-Portugall jargumentaw li t-terminu “ebda vantaġġ” (17) fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 jeskludi l-possibbiltà li ssir referenza biss għall-parti tal-pagament li tirriżulta mill-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment. Din il-formulazzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ “vantaġġ” li jaqa’ taħt il-kategorija usa’ ta’ “vantaġġi previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali”. Hija tiddefinixxi l-għajnuna li tista’ tinkiseb u, għaldaqstant, il-“vantaġġ” għandu jiġi assimilat mal-ammont tal-għajnuna mitluba mill-persuna li ħolqot il-kundizzjonijiet artifiċjali.

37.      Il-Polonja ssostni wkoll li, abbażi ta’ analiżi litterali tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-użu tal-kelma “vantaġġ” fis-singular jindika li tirreferi għall-benefiċċju kollu kemm hu; il-kelma “vantaġġ” hija terminu ġeneriku li jinkludi kwalunkwe pagament u, għalhekk, li dan il-kunċett jiġi redott għal eċċess ikun jikkostitwixxi interpretazzjoni contra legem.

38.      L-Italja ssostni li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-vantaġġ parzjali u totali miksub, b’differenza minn dispożizzjonijiet oħra, bħall-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 4(2) tiegħu (18). Għalhekk, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu l-intenzjoni li jirreferi biss għal parti mill-vantaġġ miksub illegalment, huwa jagħmel dan espressament. Barra minn hekk, billi taqra l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 b’mod sistematiku, l-Italja tikkonkludi li r-restrizzjoni tal-irtirar tal-vantaġġ għal dak li nkiseb indebitament hija prevista biss fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li min-naħa tiegħu jirreferi biss għall-paragrafu 1, b’tali mod li t-terminu “vantaġġ” fil-paragrafu 3 jirreferi għall-ammont totali tal-appoġġ irċevut.

b)      Kuntest

39.      F’dak li jirrigwarda l-kuntest immedjat, jiġifieri dispożizzjonijiet oħra tal-atti tal-Unjoni li fihom jinsabu d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, il-partijiet, indipendentement minn jekk isostnux interpretazzjoni korrettiva jew punittiva, jibbażaw ruħhom fuq id-distinzjoni bejn il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet, iżda jisiltu konklużjonijiet differenti minn tali distinzjoni.

40.      Dawk li jsostnu interpretazzjoni korrettiva jenfasizzaw li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li jikkonċerna l-miżuri amministrattivi, u l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, li jimplimenta din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-PAK, ineħħu l-ammonti mħallsa indebitament u jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet tkun teżisti fl-assenza ta’ kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “vantaġġ” f’dawn id-dispożizzjonijiet ikopri biss il-parti tal-appoġġ li bidwi jirċievi permezz ta’ kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment, u mhux l-appoġġ li l-bidwi għandu dritt għalih fl-assenza ta’ tali kundizzjonijiet, peress li dan ikun iwassal sabiex din il-persuna tiġi ppenalizzata.

41.      Kif enfasizzaw il-kumpannija E. u l-Ombudsman waqt is-seduta, dawn id-dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw miżuri amministrattivi, ma jistgħux fihom innifishom iservu bħala bażi legali li tippermetti lill-Istati Membri jimponu sanzjonijiet fuq il-bdiewa. Skont il-Kummissjoni, jekk, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, ma hemm ebda dispożizzjoni li tirregola l-kwistjoni tas-sanzjonijiet, din l-ommissjoni ma tistax tiġi rrimedjata billi tiġi estiża l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013. Għad-Danimarka u l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jmorru lil hinn u jimponu sanzjonijiet, jista’ jkun hemm differenzi bejniethom f’dak l-istadju.

42.      Min-naħa l-oħra, dawk li jsostnu interpretazzjoni punittiva ma jarawx ir-rifjut jew l-irtirar tal-ammont sħiħ tal-appoġġ bħala sanzjoni. F’dan ir-rigward, “interpretazzjoni punittiva” tista’ fil-fatt tkun terminu żbaljat għal dan l-approċċ; madankollu, peress li tintuża mill-partijiet kollha f’din il-kawża, ser inżommu.

43.      Għall-Polonja, id-distinzjoni bejn miżuri amministrattivi u sanzjonijiet fir-Regolament Nru 2988/95 fil-fatt tindika li l-esklużjoni totali ma hijiex miżura punittiva kontra l-benefiċjarju, iżda att biex terġa’ tiġi stabbilita l-legalità; hija s-sempliċi kanċellazzjoni tal-effetti ekonomiċi tal-pagament indebitu. Barra minn hekk, l-Istati Membri xorta jistgħu jimponu sanzjonijiet.

44.      Madankollu, għall-Italja, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali jikkostitwixxi mġiba intenzjonali kkaratterizzata minn qerq u għalhekk jikkostitwixxi irregolarità intenzjonata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, li hija implimentata fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013. Il-fatt li l-aġir tal-applikant huwa ħażin ma jistax jinqasam f’termini kwantitattivi, għaliex kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment jimminaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtorità li tagħti l-vantaġġ u l-persuna li tirċevih. Għalhekk, l-ammont sħiħ tal-appoġġ għandu jiġi rrifjutat jew irtirat.

c)      Għanijiet

45.      Il-kumpanija E., id-Danimarka, ir-Rumanija u l-Kummissjoni jargumentaw li interpretazzjoni korrettiva hija konformi mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, filwaqt li l-Polonja u l-Portugall jargumentaw li interpretazzjoni punittiva hija konformi ma’ dawn l-għanijiet.

46.      F’dan ir-rigward, il-kumpannija E. issostni li għan tal-PAK huwa li jiġu sostnuti l-bdiewa li jeżerċitaw attività agrikola reali. F’konformità ma’ dan l-għan, jekk parti biss mill-appoġġ relatat mal-kundizzjonijiet artifiċjali tiġi rrifjutata jew irtirata, il-bdiewa jirċievu l-appoġġ li huma intitolati għalih; fil-każ kuntrarju, bidwi ma jirċievi ebda appoġġ minkejja li fil-fatt ikun jeżerċita attività agrikola. Barra minn hekk, hija tinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet bħala bbażati fuq ir-restituzzjoni tneħħi r-riskju li miżura punittiva tiġi applikata darbtejn kontra l-istess entità, u l-esklużjoni mill-iskemi ta’ pagament irrispettivament mill-ammont tal-vantaġġ miksub hija sproporzjonata u ta’ detriment għall-bdiewa.

47.      Il-Kummissjoni tinvoka l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħala għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Dawn l-interessi huma protetti billi jitnaqqas l-ammont mogħti billi jitnaqqas dak li huwa indebitu.

48.      Skont id-Danimarka, li jiġi rrifjutat jew irtirat l-appoġġ biss li l-bidwi jkun irċieva minħabba kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment hija soluzzjoni li tikseb bilanċ ġust bejn l-għanijiet tal-PAK u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

49.      Min-naħa tagħha, il-Polonja taqbel li l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-PAK u li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Madankollu, dawn l-għanijiet ma jintlaħqux jekk jiġi aċċettat li, minkejja l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali, tista’ tinkiseb parti mill-appoġġ, peress li dan ma jkunx jinkoraġġixxi l-użu korrett u effettiv tal-fondi tal-Unjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdu li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw skemi ta’ appoġġ u jieħdu miżuri konkreti sabiex jiġġieldu kontra l-abbużi.

50.      Barra minn hekk, skont il-Polonja, ir-rifjut jew l-irtirar tal-ammont sħiħ tal-appoġġ ma jistax jinftiehem bħala li jċaħħad lill-bidwi minn dritt. Id-dritt għall-appoġġ qatt ma eżista, peress li applikant li kiseb l-appoġġ abbażi ta’ kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi, b’tali mod li l-pagament kollu kien pagament indebitu. F’dan is-sens, ir-rifjut jew l-irtirar tal-pagament kollu huwa proporzjonat, peress li jinnewtralizza kompletament l-effetti tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali; huwa xieraq għaliex jelimina direttament l-effett tal-ħolqien ta’ tali kundizzjonijiet; u ma hemm l-ebda miżura inqas severa li tkun effettiva bl-istess mod, peress li l-irkupru tal-pagament żejjed biss iħalli parti mill-effetti tal-evażjoni intatta.

51.      Għall-Portugall, l-esklużjoni totali tal-appoġġ hija konformi mal-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ dissważjoni li għandu jkollhom il-miżuri amministrattivi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

d)      Storja leġiżlattiva

52.      Hija biss ir-Repubblika tal-Polonja li tressaq argumenti li jikkonċernaw l-istorja leġiżlattiva. Hija tenfasizza li klawżoli ta’ evażjoni simili għall-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienu inklużi fir-regolamenti preċedenti tal-Unjoni dwar il-PAK, li diġà kienu jipprovdu li ma kellu jingħata l-ebda vantaġġ lil dawk il-persuni li jkunu nstabu li ħolqu kundizzjonijiet artifiċjalment. Għalkemm l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jirreferix direttament għan-nuqqas li jinkisbu jew jiġu rtirati pagamenti, l-istorja leġiżlattiva ma tindika ebda ħtieġa li din is-soluzzjoni tiġi eskluża. Għalhekk huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jillimita l-applikazzjoni tal-esklużjoni totali tal-appoġġ f’każ ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

53.      Fil-fehma tiegħi, l-argument tal-Polonja bbażat fuq l-istorja leġiżlattiva la jsostni interpretazzjoni punittiva u lanqas interpretazzjoni korrettiva, peress li ma hemm xejn li jindika li dispożizzjonijiet preċedenti simili għall-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhom jiġu interpretati skont soluzzjoni waħda jew oħra (19). Fi kliem ieħor, dawn kienu ambigwi daqs l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 (20).

2.      L-interpretazzjoni proposta

54.      Fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni tal-kunċett ta’ “vantaġġ” jew fir-Regolament Nru 2988/95 jew fir-Regolament Nru 1306/2013, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż, abbażi biss tal-formulazzjoni, jekk dan il-kunċett jirreferix għall-ammont totali tal-appoġġ jew, għall-kuntrarju, għal dak l-ammont biss li jirriżulta mill-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment.

55.      Fil-fatt, jekk wieħed jieħu l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod iżolat, wieħed ikun jista’ jaċċetta interpretazzjoni korrettiva jew interpretazzjoni punittiva. Bħalma indikajt f’konklużjonijiet preċedenti, fil-maġġoranza tal-każijiet, ma huwiex possibbli li t-tifsira tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tinftiehem sempliċement billi jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini użati. F’każijiet bħal dawn, il-formulazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet ma tistax tiġi sseparata mill-kuntest u mill-għanijiet tagħhom (21).

56.      Infakkar li din il-kawża tikkonċerna appoġġ taħt il-PAK. Kif ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija titlaq mill-pożizzjoni li l-impriżi agrikoli tal-kumpanniji E., B. u N. ġew diviżi artifiċjalment sabiex jinkiseb pagament ogħla minn dak li kienu jkunu intitolati għalih li kieku applikaw bħala entità unika. Madankollu, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li huwa kkontestat f’dan il-każ li l-kumpannija E. Kienet teżerċita attività agrikola matul il-perijodu li għalih kellu jingħata l-appoġġ. Għalhekk jidher li l-kumpannija E. tkun intitolata għal appoġġ, iżda li l-ammont tal-appoġġ ikun inqas minħabba s-sistema ta’ pagamenti digressivi stabbilita sabiex tiffavorixxi l-azjendi agrikoli żgħar.

57.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni direttament rilevanti li abbażi tagħha l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi jekk l-ammont totali jew l-eċċess biss għandu jiġi rrifjutat hija l-klawżola ta’ evażjoni li tinsab fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013. Sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha tifhem is-sens tal-kunċett ta’ “vantaġġ” f’din id-dispożizzjoni.

58.      L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 jagħmel parti mit-Titolu V tiegħu, intitolat “Sistemi ta’ Kontroll u Pieni”. Bħalma huwa ċar mill-Artikolu 58, l-ewwel dispożizzjoni ta’ dan it-titolu, dawn is-sistemi ta’ kontroll u dawn is-sanzjonijiet, li għandhom jiġu introdotti mill-Istati Membri, huma intiżi li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-kuntest rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu huwa għalhekk ir-Regolament Nru 2988/95, li huwa leġiżlazzjoni ġenerali intiża li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-oqsma kollha li fihom huwa involut il-baġit tal-Unjoni, inkluża l-PAK.

59.      Dan huwa kkonfermat mill-premessa 39 tar-Regolament Nru 1306/2013, li tiddikjara li: “Biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni, għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri biex huma stess ikunu sodisfatti li transazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi jitwettqu verament u jiġu esegwiti korrettament. L-Istati Membri għandhom wkoll jipprevjenu, jikxfu u jitrattaw b’mod effettiv u mingħajr irregolaritajiet jew nuqqas ta’ konformità mal-obbligi mwettqin minn benefiċjarji. Għal dan il-għan, għandu japplika r-[Regolament Nru 2988/95]. [...] (22)

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 bħala li jinkludi miżuri amministrattivi li l-għan tagħhom huwa li jipproteġu d-dħul u l-infiq tal-baġit tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet. Tali konklużjoni tabilħaqq tirriżulta mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2988/95, skont liema “[il]-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali”.

61.      Dan huwa kkonfermat fil-ġurisprudenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li “l-obbligu ta’ ħlas lura ma huwiex sanzjoni li għaliha tkun neċessarja bażi legali ċara u mhux ambigwa, iżda sempliċement il-konsegwenza ta’ konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb il-vantaġġ miksub mir-regoli [tal-Unjoni] ġew maħluqa b’mod artifiċjali, li jirrendi l-ħlasijiet lura mogħtija, pagamenti indebiti, u li għalhekk jiġġustifika l-obbligu li jitħallsu lura” (23).

62.      Fuq din il-bażi, fis-sentenza Cimmino et (24), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li operatur li kien qiegħed lilu nnifsu artifiċjalment f’sitwazzjoni li tippermettilu jikseb illegalment il-benefiċċju tat-tariffa preferenzjali tad-dazju għall-importazzjoni tal-banana kien obbligat iħallas id-dazji fuq il-merkanzija kkonċernata, bla ħsara, fejn xieraq, għas-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

63.      Fil-qosor, ir-Regolament Nru 2988/95 jagħmel għalhekk distinzjoni bejn miżuri amministrattivi u sanzjonijiet, fejn dawk tal-ewwel huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tiegħu u dawk tat-tieni fl-Artikolu 5 tiegħu, u mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżuri amministrattivi għandhom l-għan li jipproteġu l-baġit tal-Unjoni, u mhux li jikkastigaw lill-persuni li jevadu r-regoli tal-Unjoni. Biex nikkwota lill-Avukata Ġenerali Sharpston, “dawk il-miżuri huma essenzjalment dwar l-irkupru ta’ diversi flejjes speċifiċi li kien imisshom tħallsu, iżda ma kinux, għall-budget tal-UE; jew li kienu tħallsu ħażin minn dak il-budget” (25) jew, bħal f’din il-kawża, li ma għandhomx jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni.

64.      Il-partijiet kollha f’din il-proċedura, minbarra l-Italja (26), jaqblu li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda miżura amministrattiva, u b’hekk jimplimenta l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 fil-kuntest tal-PAK.

65.      Kif indikat essenzjalment il-Kummissjoni, l-istruttura tar-Regolament Nru 1306/2013, li jinkludi regoli dwar il-miżuri amministrattivi fl-Artikolu 60 u fl-Artikolu 63 (parzjalment) u regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi fl-Artikolu 63 (parzjalment) u fl-Artikolu 64, tirrifletti d-distinzjoni li teżisti fir-Regolament Nru 2988/95 bejn l-Artikoli 4 u 5 tiegħu.

66.      Għall-kuntrarju ta’ dawk li jsostnu interpretazzjoni korrettiva, il-Polonja, li taqbel li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 jikkonċerna miżuri amministrattivi u mhux sanzjonijiet, ma tqisx li r-rifjut jew l-irtirar tal-ammont sħiħ tal-appoġġ ikun jikkostitwixxi sanzjoni. Dan l-Istat Membru, flimkien mal-Portugall, isostnu li, jekk jiġi rrifjutat jew irtirat biss l-eċċess tal-appoġġ, dan ineħħi kull effett dissważiv ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun ta’ natura li jdgħajjef is-sistema ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

67.      Madankollu, dan l-argument ibbażat fuq id-deterrenza jikkonċerna sanzjonijiet u mhux miżuri amministrattivi. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Portugall, il-fatt li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistipula li l-“verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali” għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi” ma jinvalidax dan, peress li din il-formulazzjoni tesprimi prinċipji ġenerali tal-iskema introdotta minn dan ir-regolament fit-Titolu I, filwaqt li d-distinzjoni bejn il-miżuri u l-penali hija introdotta iktar tard fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament.

68.      Jista’ jingħad ukoll li l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2021/2116, li minn dak iż-żmien issostitwixxa l-Artikolu 60 tar-Regolament 1306/2013, jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri effettivi u proporzjonati biex jevitaw li jkun hemm ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u biex jiżguraw, b’mod partikolari, li l-ebda vantaġġ previst fil-leġiżlazzjoni agrikola ma jingħata lil persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jinkisbu t-tali vantaġġi jkunu nħolqu b’mod artifiċjali, għall-kuntrarju tal-għanijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni.” (27)

69.      Peress li din id-dispożizzjoni l-ġdida tuża l-konġunzjoni “u”, tidher li tikkonferma li l-miżuri preventivi huma effettivament neċessarji, iżda li huma differenti mill-miżuri amministrattivi li għandhom l-għan li jeliminaw il-konsegwenzi tal-abbuż jekk ikun il-każ.

70.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-argumenti ppreżentati mill-Polonja, sabiex jintlaħaq l-għan tal-miżuri amministrattivi, ma huwiex neċessarju li jiġi rrifjutat jew irtirat l-ammont sħiħ tal-għajnuna, iżda biss l-ammont li ma għandux jitħallas, jew li tħallas indebitament, mill-baġit tal-Unjoni.

71.      Jekk Stat Membru jixtieq imur lil hinn u jneħħi xi ħaġa oħra, huwa għandu jagħmel dan taħt bażi legali separata, u ma jistax jinvoka l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2988/95 jew l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013.

72.      Fin-nuqqas ta’ bażi legali daqshekk ċara għal sanzjoni, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ legalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rifjut jew l-irtirar ta’ ħlas indebitu, kif irċevut abbażi ta’ abbuż tar-regoli tal-Unjoni, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ legalità (28). Madankollu, ir-rifjut tal-ammont sħiħ, anki jekk bidwi kellu dritt għal xi appoġġ taħt il-PAK, iwassal sabiex jippenalizza lil dan il-bidwi.

73.      F’dan ir-rigward, jidher li hemm differenza importanti bejn is-sitwazzjoni kif teżisti fil-Portugall u fil-Polonja. Matul is-seduta, il-Portugall indika li ġiet adottata leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan l-Istat Membru, li tipprevedi espressament li ebda pagament ma għandu jingħata lill-benefiċjarji jekk ikunu artifiċjalment ħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jiksbu vantaġġi. Madankollu, kif enfasizzat mill-Ombudsman u kkonfermat mill-Polonja, tali leġiżlazzjoni ma teżistix fil-Polonja.

74.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 bħala li tippermetti lil Stat Membru, fih innifsu, jirrifjuta l-ammont totali tal-appoġġ tmur kontra l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, peress li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet teħtieġ bażi legali ċara li tinforma lid-destinatarji minn qabel li ċerta mġiba ser twassal għal sanzjoni.

75.      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri amministrattivi, li għandhom bħala għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u mhux li jissanzjonaw l-abbużi. L-interessi finanzjarji tal-Unjoni diġà huma protetti billi jiġi rrifjutat jew irtirat biss l-ammont ta’ appoġġ marbut mal-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment.

76.      Barra minn hekk, kif indikat mid-Danimarka, is-soluzzjoni proposta hija konformi wkoll mal-għanijiet tal-PAK. Wieħed minn dawn l-għanijiet huwa li jingħata appoġġ lill-bdiewa li jeżerċitaw attività agrikola ġenwina. L-evalwazzjoni ta’ jekk dan huwiex il-każ tiddependi, kif indikat mill-kumpannija E., mid-Danimarka u mir-Rumanija, miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Jekk bidwi li rċieva appoġġ ma kienx jeżerċita attività agrikola, dan ikun jiġġustifika r-rifjut jew l-irtirar tal-ammont sħiħ tal-għajnuna. Madankollu, jekk bidwi kien jeżerċita l-attivitajiet li għalihom ingħata l-appoġġ, ikun kuntrarju għal dan l-għan tal-PAK li jiġi mċaħħad mill-appoġġ għal dawn l-attivitajiet.

77.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “vantaġġ” li jinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95 u fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 fis-sens li dan jeżiġi biss ir-rifjut jew l-irtirar tal-ammont tal-appoġġ li ma kienx dovut peress li kien jirriżulta mill-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment, u mhux tal-ammont totali tal-appoġġ, sakemm l-attività agrikola tkun ġiet eżerċitata. Din l-interpretazzjoni tippermetti li l-għanijiet tal-PAK jiġu rrikonċiljati bl-aħjar mod mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

78.      Jibqa’ li neżamina ċerti argumenti prattiċi mqajma minn dawk li jsostnu interpretazzjoni punittiva.

79.      Il-Polonja targumenta li interpretazzjoni skont liema l-pagament żejjed biss għandu jiġi rrifjutat jew irtirat twassal għal arbitrarjetà u imprevedibbiltà, peress li l-awtoritajiet ikollhom jibnu xenarji ipotetiċi biex jikkalkulaw l-ammont li bidwi kien ikun intitolat għalih u liema ammont għandu jiġi rrifjutat jew irtirat. Dan l-Istat Membru enfasizza matul is-seduta li tali evalwazzjonijiet jippreżentaw diffikultajiet kunsiderevoli.

80.      Il-Portugall jargumenta li l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment twassal għal spejjeż amministrattivi għoljin, peress li tirrikjedi li l-awtoritajiet jissostitwixxu applikazzjoni għall-appoġġ skorretta b’applikazzjoni korretta.

81.      Anki jekk inqis li dawn l-argumenti huma rilevanti, tali diffikultajiet prattiċi ma jidhrux li ma jistgħux jiġu megħluba. Din il-kawża turi li huwa possibbli li jsiru l-kalkoli neċessarji (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

82.      Barra minn hekk, kif indikat mill-Kummissjoni, il-piż potenzjali fuq l-awtoritajiet ma jkunx eċċessiv jekk jintalbu biss sforzi raġonevoli. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet rilevanti huma ġeneralment diġà mwettqa fil-kuntest tal-istħarriġ dwar il-kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment.

83.      Madankollu, f’sitwazzjonijiet fejn huwa impossibbli li jsiru l-kalkoli neċessarji, il-ġurisprudenza tidher li ssostni l-argument li r-rifjut jew l-irtirar tal-ammont kollu tal-appoġġ huwa ġġustifikat (29).

84.      Konsegwentement, l-argumenti bbażati fuq diffikultajiet prattiċi ma jidhrux li huma raġunijiet suffiċjenti li jipprekludu l-interpretazzjoni proposta.

V.      Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) kif ġej:

Il-kelma “vantaġġ” użata fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008

għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss l-ammont tal-appoġġ li jirriżulta mill-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali li għandu jiġi rrifjutat jew irtirat.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83). Dan ġie ssostitwit permezz tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifiki fil-ĠU 2022, L 29, p. 45, u fil-ĠU L, 2026/90452).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7). Huwa ġie ssostitwit permezz tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 181, p. 35, fil-ĠU 2022, L 227, p. 136, u fil-ĠU L, 2026/90588).


5      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487). Dan ġie wkoll issostitwit bir-Regolament 2021/2115.


6      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) kif ukoll it-tielet, id-disa’ u t-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 2988/95.


7      Kierownik Biura Powiatowego Agencji Restrukturyzacji i Modernizacji Rolnictwa (il-Kap tal-Uffiċċju Distrettwali tal-Aġenzija għar-Ristrutturar u l-Modernizzazzjoni tal-Agrikoltura, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva tal-ewwel istanza”).


8      Dyrektor Podkarpackiego Oddziału Regionalnego Agencji Restrukturyzacji i Modernizacji Rolnictwa w Rzeszowie (id-Direttur tal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Podkarpackie tal-Aġenzija għar-Ristrutturar u l-Modernizzazzjoni tal-Agrikoltura, Rzeszów, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva tat-tieni istanza”).


9      Il-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema prassi abbużiva teħtieġ żewġ elementi kostituttivi: l-ewwel, taħlita ta’ ċirkustanzi oġġettivi li fihom, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli rilevanti, l-iskop ta’ dawn ir-regoli ma ntlaħaqx; u, it-tieni, element suġġettiv li jikkonsisti fl-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ mir-regoli tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex jinkiseb. Hija ssemmi, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2013, Slancheva sila (C‑434/12, EU:C:2013:546), u tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑176/20, EU:C:2022:274).


10      Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”).


11      Il-Polonja tirreferi għas-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ funzjoni ġudizzjarja) (C‑718/21, EU:C:2023:1015), u tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW “T” (C‑225/22, EU:C:2025:649), kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819).


12      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Naski (C‑273/24, EU:C:2026:609, b’mod partikolari l-punti 36 sa 38), li jagħmlu riferiment għas-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja) (C‑521/21, EU:C:2026:242). Ara wkoll, iktar reċenti, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2026, Gekus (C‑748/23, EU:C:2026:594, b’mod partikolari l-punti 35 sa 37), u tas‑16 ta’ Lulju 2026, Rzecznik Dyscyplinarny Sądu Najwyższego (C‑96/24, C‑103/24 u C‑112/24, EU:C:2026:595, b’mod partikolari l-punti 52 sa 54).


13      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Naski (C‑273/24, EU:C:2026:609, b’mod partikolari l-punti 39 sa 42).


14      B’mod partikolari s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ funzjoni ġudizzjarja) (C‑718/21, EU:C:2023:1015), u l-Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819).


15      Dawn iċ-ċirkustanzi kienu jinkludu l-ħatra ta’ persuni bħala mħallfin fil-Qorti Suprema mill-President tar-Repubblika minkejja d-deċiżjoni tal-qorti Pollakka kompetenti li tissospendi r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KRS, u l-fatt li l-Qorti EDB u l-Qorti Amministrattiva Suprema qiesu li l-proċeduri partikolari ta’ ħatra li jinvolvu ċerti persuni kienu jmorru kontra r-rekwiżiti ta’ indipendenza.


16      Enfasi miżjuda minni.


17      Enfasi miżjuda minni.


18      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni bil-lingwa Taljana tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2988/95 hija differenti mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, sa fejn tirreferi għall-irtirar tal-“vantaġġ miksub illegalment”, filwaqt li verżjonijiet lingwistiċi oħra jirreferu għall-“vantaġġ miksub”.


19      Il-Polonja tirreferi, essenzjalment, f’dan ir-rigward: (1) għall-Artikolu 193 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4); (2) għall-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, u rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7); (3) għall-Artikolu 4(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas‑27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011, L 25, p. 8, u rettifika fil-ĠU 2011, L 201, p. 20); u (4) għall-Artikolu 145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1).


20      Dan huwa wkoll il-każ f’atti oħra tal-Unjoni. Ara, pereżempju, l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424); jew l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).


21      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:453, punt 43), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża G.K. et (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) (C‑281/22, EU:C:2023:510, punt 33).


22      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhom jiġu interpretati b’mod li jkun konsistenti mar-regoli ġenerali tar-Regolament 2988/95. Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet) (C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 51).


23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dan għall-ewwel darba fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 56) (enfasi miżjuda minni), li kienet tikkonċerna prattiki abbużivi fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fil-kuntest tal-PAK, iżda li fiha l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ma kienx applikabbli ratione temporis. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet l-istess preċiżazzjoni f’kawżi sussegwenti li fihom dan ir-regolament kien applikabbli. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pometon (C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 28); tad‑9 ta’ Lulju 2015, Cimmino et, C‑607/13, EU:C:2015:448, punt 73); u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs PB  (C‑721/22 P, EU:C:2024:836, punt 46).


24      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑607/13, EU:C:2015:448, punt 75).


25      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Cimmino et (C‑607/13, EU:C:2015:67, punt 112).


26      L-Italja ssostni li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 jimplimenta l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95. Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Enfasi miżjuda minni.


28      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pometon (C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer (C‑670/11, EU:C:2012:807), dwar l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet nazzjonali setgħu jeżiġu l-ħlas lura sħiħ għaliex parti mill-vantaġġ ma setgħetx tiġi identifikata separatament.