Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 343 TFUE – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni – Uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 12 – Nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxi nazzjonali – Taxxa fuq id-donazzjonijiet – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 – Issuġġettar għal din it-taxxa fl-Istat Membru ta’ residenza tal-uffiċjal li la huwa l-Istat ta’ oriġini u lanqas l-Istat li fih dan l-uffiċjal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu – Domiċilju fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑275/25 [Kolwager] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ April 2025, fil-proċedura
Finanzamt B
vs
A,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni (Relatur), A. Kumin, I. Ziemele u M. Bošnjak, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A, minn D. Salm, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u L. Hohenecker, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 266) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”).
2 Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn A, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u l-Finanzamt B (l-Awtorità tat-Taxxa, il-Ġermanja) dwar il-ħlas tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fil-Ġermanja.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat FUE
3 L-Artikolu 343 TFUE jipprovdi:
“L-Unjoni [Ewropea] għandha tgawdi fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skond il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll tat‑8 ta’April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea. L-istess għandu japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment.”
Il-Protokoll Nru 7
4 Il-Protokoll Nru 7 jinkludi premessa waħda fformulata kif ġej:
“Filwaqt li kkunsidraw li, skond l-Artikolu 343 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (KEEA), l-Unjoni Ewropea u l-KEEA għandhom igawdu fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħhom.”
5 Skont l-Artikolu 12 ta’ dan il-protokoll:
“L-uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta’ l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet konċernati.
Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.”
6 L-Artikolu 13 tal-imsemmi protokoll jipprovdi:
“Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri ta’ l-Unjoni, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni li, unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta’ l-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz ta’ l-Unjoni, jiġu kunsidrati, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom sew fil-pajjiż tad-domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż basta li dan ikun membru ta’ l-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-konjuġi, safejn il-konjuġi ma jkollux jew ma jkollhiex separatament xi okkupazzjoni bi qligħ, u għal ulied dipendenti fuq u taħt ir-responsabbiltà tal-persuni msemmija f’dan l-Artikolu.
Il-proprjetà mobbli, li tappartjeni lil persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti u li tkun tinsab fit-territorju tal-pajjiż fejn dawn ikunu qegħdin joqgħodu, tkun eżenti minn kull taxxa tas-suċċessjoni f’dak il-pajjiż; dik il-proprjetà għandha, għall-kalkolu ta’ dik it-taxxa, tiġi meqjusa bħala li tinsab fil-pajjiż ta’ domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ pajjiżi terzi u għall-applikazzjoni possibbli ta’ provvedimenti ta’ konvenzjonijiet internazzjonali fuq it-tassazzjoni doppja.
Kull domiċilju miksub unikament minħabba l-qadi ta’ dmirijiet fis-servizz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra m’għandux jitqies fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”
7 L-Artikolu 17 tal-istess protokoll huwa fformulat kif ġej:
“Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni.
[...]”
8 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Protokoll Nru 7 jipprevedi:
“Dan il-Protokoll japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, għall-membri ta’ l-organi tiegħu, għall-persunal u r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu [...]”.
Id‑dritt Ġermaniż
Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Wirt u fuq id-Donazzjonijiet
9 L-Erbschaft- und Schenkungsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Wirt u fuq id-Donazzjonijiet), kif ippubblikata fis‑27 ta’ Frar 1997 (BGBl I, 1997, p. 378), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Avvenimenti taxxabbli”:
“(1) It-taxxa fuq il-wirt (taxxa fuq id-donazzjonijiet) tapplika għal:
1. trasferimenti causa mortis;
2. donazzjonijiet inter vivos;
[...]
(2) Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar it-trasferiment ta’ beni causa mortis għandhom japplikaw ukoll għad-donazzjonijiet u għad-donazzjonijiet bi skop speċifiku [...]”.
10 L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, intitolat “Obbligu fiskali personali”, jipprevedi:
“(1) L-obbligu fiskali japplika
1. fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 fuq il-beni ttrasferiti kollha (obbligu fiskali illimitat) meta d-decujus, fid-data tal-mewt, id-donatur, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, jew il-benefiċjarju, fid-data ta’ meta jseħħ l-att li jagħti lok għat-taxxa (Artikolu 9), huma persuni residenti (‘Inländer’). Jitqiesu li huma residenti:
a) il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju nazzjonali [...]”
11 L-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi, intitolat “Donazzjonijiet inter vivos”, jipprovdi:
“(1) Għandhom jitqiesu bħala donazzjonijiet inter vivos
1. kull rigal mogħti inter vivos, sakemm dan jarrikkixxi lir-riċevitur bi spejjeż għad-donatur; [...]”
12 L-Artikolu 9 tal-istess liġi, intitolat “Att li jagħti lok għat-taxxa”, huwa fformulat kif ġej:
“(1) It-taxxa hija dovuta
1. fil-każ ta’ trasferimenti causa mortis, fid-data tal-mewt tad-decujus, [...]
2) fil-każ ta’ donazzjoni inter vivos, fid-data ta’ eżekuzzjoni tad-donazzjoni; [...]”
Il-Kodiċi Fiskali
13 L-Abgabenordnung (il-Kodiċi Fiskali), kif ippubblikat fl‑1 ta’ Ottubru 2002 (BGBl I, 2002, p. 3866, irrettifikat minn BGBl I, 2003, p. 61), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 8 tiegħu, intitolat “Domiċilju”:
“Persuna għandha d-domiċilju tagħha fil-post fejn hija tokkupa akkomodazzjoni f’ċirkustanzi li minnhom jippermetti li jiġi konkluż li din il-persuna ser iżżomm u tuża din l-akkomodazzjoni.”
14 L-Artikolu 9 ta’ dan il-kodiċi, intitolat, “Residenza Abitwali”, jipprevedi:
“Persuna għandha r-residenza abitwali tagħha fil-post fejn tirrisjedi f’ċirkustanzi li juru li ma huwiex biss temporanjament li din il-persuna toqgħod f’dan il-post jew f’dan ir-reġjun. Hija dejjem ikkunsidrata bħala residenza abitwali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, u dan mill-bidu, residenza kontinwa ta’ tul ta’ iktar minn sitt xhur; l-interruzzjonijiet għal żmien qasir ma jittiħdux inkunsiderazzjoni. It-tieni sentenza ma tapplikax jekk ir-residenza ssir esklużivament għal finijiet ta’ żjara, ta’ mistrieħ, ta’ kura jew għal finijiet privati simili u ma jdumx iktar minn sena.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 A huwa membru tal-persunal tal-BEI sa mill‑1995, meta huwa biddel ir-residenza tiegħu mill-Awstrija għal-Lussemburgu sabiex jibda l-funzjonijiet tiegħu ma’ dan il-korp. Wara ż-żwieġ tiegħu fl‑2010, huwa reġa’ biddel ir-residenza tiegħu sabiex jgħix ma’ martu fil-Ġermanja. Fl-istess ħin, huwa kompla juża l-appartament tiegħu fil-Lussemburgu.
16 Fl‑2013, huwa rċieva mingħand ħuh, residenti fl-Awstrija, donazzjoni fl-ammont ta’ EUR 300 000.
17 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2017, l-awtorità tat-taxxa Ġermaniża ffissat l-ammont tat-taxxa dovuta minn A fuq din id-donazzjoni għal EUR 56 000.
18 L-ilment imressaq minn A kontra dik id-deċiżjoni, li fiha invoka l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 u sostna li huwa kellu jiġi ttrattat daqslikieku d-domiċilju fiskali tiegħu kien jinsab esklużivament fl-Awstrija, ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2019. Din l-awtorità qieset li A kien stabbilixxa domiċilju fiskali addizzjonali fil-Ġermanja, b’mod parallel mad-domiċilju fiskali tiegħu fl-Awstrija, li dan l-aħħar domiċilju kien fittizju u li A kien għalhekk suġġett b’mod illimitat għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fil-Ġermanja.
19 Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, il-Finanzgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn A, minħabba li l-kriterju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, dwar ir-raġuni tal-istabbiliment tar-residenza f’pajjiż differenti minn dak tad-domiċilju fiskali, kellu jiġi evalwat fid-data tad-dħul ta’ A fis-servizz tal-Unjoni. Skont dik il-qorti, bidliet ulterjuri, b’mod partikolari bidliet ta’ residenza għal raġunijiet personali, huma irrilevanti sakemm il-membru tal-persunal jibqa’ impjegat fis-servizz tal-Unjoni u sakemm ir-residenza effettiva tiegħu tippreżenta rabta ġeografika mal-post ta’ fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.
20 L-awtorità tat-taxxa Ġermaniża ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi invokat ksur tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7. Dik l-awtorità ssostni li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet u ma hijiex, fi kwalunkwe każ, rilevanti fl-ipoteżi, bħal dik f’dan il-każ, fejn, wara d-dħul fis-servizz tiegħu, il-membru tal-persunal tal-Unjoni jistabbilixxi residenza addizzjonali fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet personali.
21 Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, filwaqt li għandha dubji f’dan ir-rigward.
22 Skont dik il-qorti, jekk din id-dispożizzjoni kellha tapplika għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, ikun jista’ jitqies li A ma għandux domiċilju fiskali fil-Ġermanja għall-finijiet ta’ din it-taxxa. Dan ikun il-każ jekk din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li, minbarra d-domiċilju fiskali tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini, f’dan il-każ l-Awstrija, uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni ma jista’ jkollu ebda domiċilju fiskali ieħor. Madankollu, l-imsemmija qorti toqgħod lura milli tadotta tali interpretazzjoni, meta, matul il-karriera, uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni jistabbilixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru, f’dan il-każ fil-Ġermanja, differenti minn dak fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, f’dan il-każ il-Lussemburgu, filwaqt li jżomm domiċilju de facto f’dan l-aħħar Stat Membru.
23 Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li jiġi ċċarat jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 tapplikax għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet.
24 Dik il-qorti tosserva li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet ma tissemmiex espressament f’din id-dispożizzjoni, kuntrarjament għat-taxxa fuq id-dħul kif ukoll fuq il-kapital u t-taxxa fuq il-wirt. Hija tirrileva wkoll li d-dritt Ġermaniż jikkunsidra t-taxxa fuq id-donazzjonijiet bħala tip ta’ taxxa indipendenti li barra minn hekk tippreżenta wkoll flimkien mat-taxxa fuq id-dħul, mat-taxxa fuq il-kapital u mat-taxxa fuq il-wirt differenzi li jimmilitaw kontra l-inklużjoni tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7.
25 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tammetti li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet tista’ tiġi assimilata mat-taxxa fuq id-dħul, li tinsab fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, peress li din tintaxxa l-arrikkiment tar-riċevitur tad-donazzjoni. Skont dik il-qorti, ċerti Stati Membri, bħar-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Ċeka, japplikaw it-taxxa fuq id-dħul għad-donazzjonijiet.
26 Il-qorti tar-rinviju tqis li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet tista’ wkoll tiġi assimilata mat-taxxa fuq il-wirt, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7. Fil-fatt, din it-taxxa tikkostitwixxi l-komplement neċessarju tat-taxxa fuq il-wirt, peress li jkun faċli li din it-taxxa tiġi evitata permezz ta’ donazzjoni. Fid-dritt Ġermaniż, skont l-idea ta’ “wirt antiċipat”, it-taxxa fuq id-donazzjonijiet tinġabar essenzjalment skont l-istess regoli ġuridiċi bħat-taxxa fuq il-wirt. Stati Membri oħra, bħar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Polonja, jipproċedu bl-istess mod.
27 Fil-każ li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 tapplika għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li uffiċjal tal-Unjoni li, unikament minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, ikun stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jkun jista’ jkollu domiċilju fiskali fi Stat Membru differenti minn dak fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, għall-finijiet tal-issuġġettar għal tali taxxa.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll [Nru 7] tapplika għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet?
2) Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: din id-dispożizzjoni teskludi li uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal tal-Unjoni Ewropea, li jkun stabbilixxa ruħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak ta’ oriġini tiegħu esklużivament sabiex jeżerċita kariga fis-servizz tal-Unjoni, jista’ jkollu residenza fiskali oħra fi Stat Membru differenti minn dak fejn jeżerċita l-kariga tiegħu meta fl-istess ħin ikun żamm residenza effettiva fl-Istat Membru fejn jeżerċita l-kariga?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
29 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal taxxa li tirrigwarda d-donazzjonijiet.
30 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).
31 Fl-ewwel lok, skont il-kliem tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, “[f]l-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri ta’ l-Unjoni, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni li, unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta’ l-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz ta’ l-Unjoni, jiġu kunsidrati, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom sew fil-pajjiż tad-domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż basta li dan ikun membru ta’ l-Unjoni.”
32 Mill-formulazzjoni tagħha jsegwi li din id-dispożizzjoni tiddistingwi, minn naħa, id-domiċilju fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, li dawn tal-aħħar jitqiesu li żammew fl-Istat Membru fejn dan id-domiċilju kien stabbilit fil-mument tad-dħul tagħhom fis-servizz tal-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ oriġini”), u, min-naħa l-oħra, ir-residenza effettiva li dawn l-uffiċjali u membri tal-persunal l-oħra jistabbilixxu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom (iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ residenza”), unikament minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni.
33 L-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi għalhekk li, minkejja l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li stabbilixxew ruħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor unikament minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni jżommu d-domiċilju fiskali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom għall-applikazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll tat-taxxa fuq il-wirt.
34 Għandu jiġi kkonstatat li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet ma tissemmiex fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, li tirreferi espliċitament għal tliet kategoriji biss ta’ taxxi, jiġifieri t-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll it-taxxa fuq il-wirt, mingħajr ma tiddefinixxihom.
35 F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kunċetti ta’ taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll ta’ taxxa fuq il-wirt għandhom jiġu ddefiniti b’riferiment għad-dritt nazzjonali.
36 Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-taxxa fuq id-dħul li kienet dovuta, fl-Istat ta’ oriġini ta’ uffiċjal, minħabba l-valur lokattiv tal-akkomodazzjoni li kien proprjetarju tagħha fl-Istat ta’ residenza, kellha tiġi ddeterminata skont il-kriterji tad-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 1993, Kristoffersen, C‑263/91, EU:C:1993:207, punti 11 sa 13). Madankollu, il-fatt li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 tistabbilixxi regola li tiddetermina d-domiċilju fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ taxxi nazzjonali ma jimplikax li l-kategoriji ta’ taxxi li għalihom tapplika din ir-regola jikkorrispondu għad-definizzjonijiet mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.
37 Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun inkompatibbli man-neċessità li tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi tas-sistema fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li hija stabbilita mill-Protokoll Nru 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1993, X, C‑88/92, EU:C:1993:246, punt 14).
38 Minn naħa, dan ikun iwassal sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 ikun jiddependi mid-definizzjonijiet partikolari tad-diversi kategoriji ta’ taxxi adottati mid-dritt nazzjonali. Skont jekk il-kunċetti ta’ taxxa fuq id-dħul kif ukoll fuq il-kapital u t-taxxa fuq il-wirt jinkludux jew le, skont id-dritt nazzjonali, it-taxxa fuq id-donazzjonijiet, id-domiċilju fiskali tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni għall-finijiet tal-ġbir ta’ din l-aħħar taxxa ma jibqax jiddependi minn din id-dispożizzjoni tal-Protokoll Nru 7 iżda mill-għażliet magħmula mill-Istati Membri.
39 Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni tkun tintroduċi, fl-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, inċertezza li tista’ toħloq kunflitti ta’ kompetenza fiskali, billi tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti ta’ taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll ta’ taxxa fuq il-wirt għandhomx jinftiehmu skont id-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ oriġini jew dak tal-Istat ta’ residenza. Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ fejn l-ordinament ġuridiku ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati jkun jiddefinixxi t-taxxa fuq id-donazzjonijiet bħala tip ta’ taxxa fuq id-dħul, filwaqt li l-ordinament ġuridiku tal-Istat l-ieħor ikun jikkunsidraha bħala taxxa kompletament distinta mill-kategoriji msemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, din id-dispożizzjoni tkun applikabbli jew le skont id-dritt nazzjonali li għalih isir riferiment.
40 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċetti ta’ taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll ta’ taxxa fuq il-wirt, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Finanzamt Saarbrücken, C‑288/19, EU:C:2021:32, punt 39).
41 Ċertament, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 ma tinkludi ebda definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti. Madankollu, mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, isegwi li taxxa fuq id-donazzjonijiet taqsam ċerti karatteristiċi essenzjali kemm mat-taxxa fuq il-wirt kif ukoll mat-taxxa fuq id-dħul, espressament imsemmija f’din il-formulazzjoni, sa fejn tolqot it-trasferiment mingħajr ħlas ta’ patrimonju jew l-arrikkiment li jirriżulta minn tali trasferiment. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi komuni, id-donazzjonijiet jaqgħu fil-parti l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri jew taħt it-taxxa fuq il-wirt, jew taħt it-taxxa fuq id-dħul.
42 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li tidħol fih din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet imfittxija mill-Protokoll Nru 7, isegwi, l-ewwel nett, mill-Artikolu 343 TFUE, imfakkar fil-premessa unika ta’ dan il-protokoll, li l-imsemmi protokoll jagħti lill-Unjoni “il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha”.
43 Minn dan isegwi li l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens l-iktar favorevoli għat-twettiq minn din tal-aħħar tal-kompiti tagħha.
44 F’dan ir-rigward, huwa fl-interess tal-Unjoni, sabiex id-dħul fis-servizz tagħha jsir attraenti għal uffiċjali u membri tal-persunal oħra, li regoli ċari jippermettu li jiġu indirizzati d-diffikultajiet amministrattivi inerenti għall-mobbiltà bejn l-Istati Membri li jinvolvi, ħafna drabi, ir-reklutaġġ minn istituzzjoni tal-Unjoni. F’din il-perspettiva, iż-żamma tad-domiċilju fiskali preeżistenti, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, tevita lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni l-inċertezzi u l-passi li jimplikaw, fl-assenza ta’ din ir-regola, it-trasferiment tad-domiċilju fiskali tagħhom lejn Stat Membru ieħor.
45 L-esklużjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 twassal sabiex l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li telqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom sabiex jidħlu fis-servizz tal-Unjoni jkollhom żewġ domiċilji fiskali: l-ewwel wieħed, f’dan l-Istat, għall-applikazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll tat-taxxa fuq il-wirt u, it-tieni wieħed, fl-Istat Membru fejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal l-ieħor tal-Unjoni għandu r-residenza effettiva tiegħu, għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet.
46 Barra minn hekk, id-determinazzjoni ta’ dan it-tieni domiċilju fiskali tista’ tkun iktar kumplessa. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, iż-żamma tad-domiċilju fiskali tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal l-ieħor tal-Unjoni fl-Istat ta’ oriġini tiegħu tapplika mhux biss għall-applikazzjoni tat-taxxi msemmija f’dan l-artikolu, iżda wkoll “fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri ta’ l-Unjoni”. Konsegwentement, fil-każ li konvenzjoni fiskali bilaterali bejn l-Istat ta’ oriġini u l-Istat ta’ residenza tiġi interpretata bħala li hija applikabbli għat-taxxa tad-donazzjonijiet, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-domiċilju fiskali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, huwiex iddeterminat mill-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 u, għaldaqstant, jibqa’ dak tal-Istat ta’ oriġini.
47 Interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 daqstant kumplessa u inċerta fir-riżultat tagħha, u li ma hijiex, barra minn hekk, sostnuta mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, tkun tmur kontra l-għan imfittex, fl-interess tal-Unjoni, mill-imsemmija dispożizzjoni, intiż li jippermetti li tiġi ddeterminata b’mod sempliċi u prevedibbli s-sitwazzjoni fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni għat-taxxi li għalihom hija tapplika, sabiex tiġi ffavorita l-attraenza tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni.
48 It-tieni, mill-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 isegwi li “[p]rivileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni”.
49 Minn dan l-artikolu jirriżulta li l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet previsti minn dan il-protokoll, peress li la jingħataw fl-interess tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni u lanqas f’dak tal-Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma newtrali fir-rigward tal-interessi ta’ wieħed jew tal-ieħor.
50 Konsegwentement, ir-regola li tistabbilixxi l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 la tagħti vantaġġ fiskali, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, lill-uffiċjali u lill-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni, u lanqas lill-Istati Membri li fihom jistabbilixxu ruħhom sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, peress li, għall-applikazzjoni tat-taxxi msemmija f’din id-dispożizzjoni, dawn l-uffiċjali u membri tal-persunal l-oħra jżommu d-domiċilju fiskali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom. Għall-kuntrarju, hija tiggarantixxi li l-Istat ta’ oriġini ma jiġix imċaħħad indebitament mis-setgħa tiegħu li jintaxxa lill-persuni li, altrimenti, kienu jżommu r-residenza fiskali tagħhom f’dan l-Istat.
51 Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 fis-sens li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet hija eskluża mill-kategoriji ta’ taxxi li għalihom dan l-artikolu jipprevedi ż-żamma tad-domiċilju fiskali fl-Istat ta’ oriġini tkun tmur kontra l-għan ta’ newtralità msemmi fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.
52 Fil-fatt, minn naħa, it-trasferiment tad-domiċilju fiskali għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fl-Istat ta’ residenza jkun fiskalment vantaġġuż għal ċerti uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-Unjoni u jkun żvantaġġuż għal oħrajn, skont is-sistemi ta’ tassazzjoni tad-donazzjonijiet rispettivament applikabbli fl-Istat ta’ oriġini u fl-Istat ta’ residenza. Min-naħa l-oħra, dan it-trasferiment ikun jiffavorixxi fiskalment lill-Istati Membri fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom is-sede tagħhom u fejn, għaldaqstant, jinsabu ġeneralment il-postijiet ta’ assenjazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħra tal-Unjoni, u jkun jiżvantaġġa lill-Istati Membri l-oħra.
53 It-tielet, l-effettività tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 tiġi parzjalment kompromessa jekk din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet. Fil-fatt, skont din l-interpretazzjoni, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li ttrasferixxew ir-residenza tagħhom lejn Stat Membru ieħor fid-data tar-reklutaġġ tagħhom sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ikollhom domiċilji fiskali fi Stati Membri distinti għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-wirt u għal dik tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, u għalhekk ikunu jaqgħu taħt sistemi fiskali nazzjonali differenti għal dawn iż-żewġ taxxi.
54 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun jeżisti riskju ta’ evażjoni tat-taxxa fuq il-wirt permezz ta’ donazzjoni, fil-każ fejn it-taxxa applikabbli għal din tal-aħħar fl-Istat ta’ residenza tkun iktar vantaġġuża mit-taxxa fuq il-wirt applikabbli fl-Istat ta’ oriġini.
55 Din il-possibbiltà tkun tikkomprometti l-effett utli tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 sa fejn din id-dispożizzjoni żżomm fl-Istat ta’ oriġini d-domiċilju fiskali għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-wirt.
56 Bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 fis-sens li żżomm ukoll id-domiċilju fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fl-Istat ta’ oriġini tippermetti, għall-kuntrarju, li jiġu suġġetti kemm id-donazzjonijiet kif ukoll il-wirt li dawn l-uffiċjali u membri tal-persunal l-oħra jibbenefikaw minnhom għal sistema fiskali koerenti, fid-dawl tax-xebh li għandhom dawn iż-żewġ tipi ta’ trasferiment, kif ġeneralment huwa l-każ fid-dritt fiskali tal-Istati Membri.
57 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal taxxa fuq id-donazzjonijiet.
Fuq it-tieni domanda
58 Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 teskludix “li uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal tal-Unjoni Ewropea, li jkun stabbilixxa ruħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak ta’ oriġini tiegħu esklużivament sabiex jeżerċita kariga fis-servizz tal-Unjoni, jista’ jkollu residenza fiskali oħra fi Stat Membru differenti minn dak fejn jeżerċita l-kariga tiegħu meta fl-istess ħin ikun żamm residenza effettiva fl-Istat Membru fejn jeżerċita l-kariga”.
59 Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tkun tippermettilha taqta’ t-tilwima li tkun adita biha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2026, AEDT u État du Grand-Duché de Luxembourg, C‑158/25, EU:C:2026:591, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tar-rinviju tinvoka l-possibbiltà, fit-tieni domanda tagħha, li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 jista’ jkollu, minbarra d-domiċilju fiskali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini, “domiċilju fiskali ieħor” fi Stat Membru differenti minn dak fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.
61 Madankollu, bħalma jsegwi mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, li tuża t-terminu ta’ domiċilju fiskali fis-singular, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li, minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, jitilqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom sabiex jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jitqiesu li jżommu domiċilju fiskali wieħed biss, li jinsab fl-Istat ta’ oriġini tagħhom. Dan il-qari huwa kkorroborat mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni, imfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li huwa li jippermetti li tiġi ddeterminata b’mod sempliċi u prevedibbli s-sitwazzjoni fiskali tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni għat-taxxi li tapplika għalihom.
62 Minn dan isegwi li, konformement mal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, ma jistax jiġi previst li A għandu, minbarra d-domiċilju fiskali li huwa għandu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, domiċilju fiskali addizzjonali fl-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ fil-Ġermanja.
63 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal uffiċjal jew għal membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat ta’ oriġini tiegħu “unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta’ l-Unjoni”. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, peress li A, membru tal-persunal tal-BEI assenjat fis-sede ta’ dan il-korp, li jinsab fil-Lussemburgu, ittrasferixxa r-residenza tiegħu lejn il-Ġermanja għal raġunijiet personali, anki jekk żamm akkomodazzjoni li huwa juża fil-Lussemburgu, fejn għalhekk għandu domiċilju de facto.
64 Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, it-tieni domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.
65 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni li, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tiegħu iżda li sussegwentement ittrasferixxa, għal raġunijiet personali, ir-residenza tiegħu lejn Stat Membru differenti minn dak li fih jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, iżomm id-domiċilju fiskali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu.
66 Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li risposta ċerta u inekwivoka għat-tieni domanda ma tistax tiġi dedotta mill-formulazzjoni biss tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7. Għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament li l-istabbiliment fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini għandu jkollu bħala raġuni esklużiva l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fis-servizz tal-Unjoni Ewropea, il-formulazzjoni tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ żewġ interpretazzjonijiet differenti.
67 Skont l-ewwel interpretazzjoni, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 tista’ tinqara bħala applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni bil-kundizzjoni li jistabbilixxu l-post ta’ residenza tagħhom biss fl-Istat Membru li fih jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. L-indikazzjoni tal-istabbiliment tar-residenza tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal l-ieħor fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom “unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta’ l-Unjoni” tkun timponi tali qari. Din ir-raġuni għall-istabbiliment tar-residenza tista’ tkun is-suġġett ta’ sfumatura, li l-Avukat Ġenerali ppropona li tingħata fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-istabbiliment tar-residenza fi Stat Membru ieħor għandu jkun marbut mhux biss unikament iżda b’mod determinanti mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fis-servizz tal-Unjoni. Interpretata b’dan il-mod, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 ma hijiex applikabbli, meta l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal l-ieħor jistabbilixxi, għal raġunijiet personali, ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.
68 Skont it-tieni interpretazzjoni, ir-raġuni għall-istabbiliment fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, tirrigwarda biss id-deċiżjoni tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal l-ieħor li jittrasferixxi r-residenza tiegħu lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tiegħu, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ, f’tali qari, li l-Istat ta’ residenza jkun neċessarjament dak tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet. Interpretata b’dan il-mod, din id-dispożizzjoni ma teskludix, fiha nnifisha, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ żżomm id-domiċilju fiskali tagħha fl-Istat ta’ oriġini tagħha, minkejja li hija tistabbilixxi ruħha, għal raġunijiet personali, fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li fih hija teżerċita l-funzjonijiet tagħha.
69 Sa fejn il-formulazzjoni nnifisha tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 ma tipprovdix indikazzjonijiet favur interpretazzjoni jew oħra imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni.
70 F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 isegwi, minn naħa, li r-regoli tiegħu huma stabbiliti fl-interess esklużiv tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 12 u 13 tal-Protokoll Nru 7 jistabbilixxu tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Unjoni, l-Istat fejn l-uffiċjal kellu d-domiċilju fiskali tiegħu qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni u l-Istat fejn l-istess uffiċjal stabbilixxa ruħu minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 kellu jiġi interpretat fis-sens li d-determinazzjoni tad-domiċilju fiskali tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal l-ieħor tal-Unjoni ma tistax tiddependi mir-rieda tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1993, X, C‑88/92, EU:C:1993:246, punti 10, 11 u 13).
71 Issa, dan ikun il-każ jekk l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal l-ieħor ikun jista’, għal raġunijiet personali, jittrasferixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni u jistabbilixxi hemmhekk id-domiċilju fiskali tiegħu, u b’hekk jagħżel domiċilju fiskali differenti minn dak tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, minkejja li dawn il-funzjonijiet ma jkunux waqfu.
72 Konsegwentement, il-kuntest tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jippermetti li jitqies li r-raġuni għall-istabbiliment tar-residenza fi Stat Membru differenti mill-Istat ta’ oriġini, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li għandha l-konsegwenza li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor, sakemm ikun fis-servizz tal-Unjoni, ikun eżentat mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi jittrasferixxi r-residenza tiegħu lejn Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.
73 Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, imfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li huwa li jippermetti li tiġi ddeterminata b’mod sempliċi u prevedibbli s-sitwazzjoni fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni għat-taxxi li tapplika għalihom, fl-interess tal-attraenza tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni.
74 Ikun kuntrarju għal dan l-għan li r-raġuni għall-istabbiliment tar-residenza fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini, ibbażata fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fis-servizz tal-Unjoni, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, tiġi interpretata fis-sens li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li jkunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.
75 Fil-fatt, l-għażla ta’ residenza tirriżulta ġeneralment minn diversi kunsiderazzjonijiet, li ma humiex biss professjonali, iżda wkoll ekonomiċi, personali u familjari, u li jirriflettu sensiela ta’ preferenzi u ta’ restrizzjonijiet.
76 Issa, għalkemm l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal l-oħra, meta jitilqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom sabiex jidħlu fis-servizz tal-Unjoni, ħafna drabi jirrisjedu fl-Istat Membru li fih jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, huma jistgħu wkoll ikunu mġiegħla jew jagħmlu l-għażla li jistabbilixxu jew li jittrasferixxu ċ-ċentru tal-interessi familjari tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.
77 Anki jekk jitqies li l-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 tippermetti l-isfumatura msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fis-servizz tal-Unjoni jkun biss il-kriterju determinanti, u mhux esklużiv, tal-għażla tar-residenza, tali interpretazzjoni tkun tirrendi inċerta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi tissuġġettaha għall-evalwazzjoni tal-motivazzjonijiet suġġettivi li ddeterminaw l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni waqt din l-għażla.
78 Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7, li tgħid li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li jittrasferixxu r-residenza tagħhom lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom unikament minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni, inkluż meta jirrisjedu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, bil-konsegwenza li dawn l-uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-Unjoni jżommu d-domiċilju fiskali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, tippermetti li jiġi ddeterminat b’mod ċar u prevedibbli d-domiċilju fiskali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, mingħajr ma tqajjem diffikultajiet ta’ applikazzjoni.
79 Skont din l-interpretazzjoni, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni jżommu d-domiċilju fiskali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, indipendentement mill-għażla possibbli tagħhom li jistabbilixxu jew li jittrasferixxu sussegwentement ir-residenza tagħhom lejn Stat Membru li ma huwiex dak fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, tali għażla ma tbiddilx id-domiċilju fiskali kif iddeterminat skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7.
80 Madankollu, għandu jitfakkar, għal kull fini utli, li l-għażla tar-residenza tagħhom mill-uffiċjali u mill-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni hija rregolata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jeżiġi li l-uffiċjal tal-Unjoni “jgħix jew fil-post fejn huwa mpjegat jew f’distanza
mhux aktar il-bogħod milli huwa kompatibbli mal-qadi sew ta’ dmirijietu”. Bl-istess mod, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, adottati fl‑20 ta’ April 1960 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal A, jipprevedu, fl-Artikolu 10 tagħhom, li “[s]akemm ma jkunx hemm awtorizzazzjoni speċjali, il-membri tal-persunal huma obbligati jirrisjedu fil-post fejn huma impjegati jew fil-viċinanzi tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
81 Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll Nru 7 għandha tiġi interpretata fis-sens li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni li, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tiegħu iżda li sussegwentement ittrasferixxa, għal raġunijiet personali, ir-residenza tiegħu lejn Stat Membru li ma huwiex dak li fih jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, iżomm id-domiċilju fiskali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
82 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal taxxa fuq id-donazzjonijiet.
2) L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu iżda li sussegwentement ittrasferixxa, għal raġunijiet personali, ir-residenza tiegħu lejn Stat Membru li ma huwiex dak li fih jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, iżomm id-domiċilju fiskali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.