KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RUIZ-JARABO COLOMER
ippreżentati fit-22 Mejju 2008 ( 1 )
Kawża C-240/07
Sony Music Entertainment (Germany) GmbH
vs
Falcon Neue Medien Vertrieb GmbH
“Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur — Drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi — Dritt ta’ riproduzzjoni — Dritt ta’ distribuzzjoni — Perijodu ta’ protezzjoni — Direttiva 2006/116/KE — Drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”
I — Introduzzjoni
|
1. |
L-artisti għandhom id-drawwa li jużaw psewdonomi u għalhekk il-pubbliku diffiċilment ikun jaf meta l-istilel perferiti tiegħu taċ-ċinema, tat-teatru, tal-pittura jew tal-mużika jużaw l-isem veru tagħhom jew jaħbu l-identità tagħhom wara laqam. Huma ftit dawk li l-identità fittizja tagħhom u dik vera jilħqu fama simili (jiġini f’moħħi biss ta’ malajr l-isem ta’ Marilyn Monroe/Norma Jeane Baker). |
|
2. |
B’hekk huwa probabbli li l-kantawtur fl-isfond ta’ dan il-każ kien jikseb fama f’ċirku iżgħar ta’ persuni li kieku uża ismu proprju: Shabtai Zisel ben Abraham, billi kien imnissel minn familja li ġejja minn Odessa ( 2 ). Nimmaġina li lanqas it-traduzzjoni tal-isem f’lingwa Ewropea (Robert Allen Zimmerman) ma kienet iġġiblu suċċess ikbar. Għall-kuntrarju, l-isem fittizju tiegħu huwa magħruf sew ma’ diversi ġenerazzjonijiet ta’ dawk li jħobbu l-mużika: Bob Dylan ( 3 ). |
|
3. |
Bħal Phil Collins ( 4 ) u Cliff Richard ( 5 ), ix-xogħol ta’ dan il-kantant, li huwa ammiratur tal-poeta minn Wales Dylan Thomas (1914 sa 1953) ( 6 ), li ssellef mingħandu ismu biex jużah bħala kunjomu, huwa popolari ħafna għar-reġistrazzjonijiet li jħallu qligħ kbir u dan jipprovoka riproduzzjonijiet bla rażan. |
|
4. |
Il-Bundesgerichtshof (Qorti Federali ta’ Kassazzjoni Ġermaniża) bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari dwar xi fonogrammi li fihom siltiet ta’ dan l-idolu awtentiku tar-rock, li kienu saru fil-bidu tas-Sittinijiet, u li l-protezzjoni tagħhom fil-Ġermanja hija s-suġġett ta’ kawża quddiem il-Qorti Għolja Ġermaniża li, fundamentalment, tiddubita jekk dawn il-fonogrammi jistgħux jiġu protetti taħt id-dritt Komunitarju, għaliex teskludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan. |
|
5. |
L-importanza ekonomika tal-kwistjoni mhijiex żgħira billi mill-eżitu tagħha ser jiddependi jekk ħafna xogħlijiet li saru qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1966, tal-liġi Ġermaniża dwar id-dritt ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati jibqgħux fid-dominju pubbliku, u b’hekk jistgħu jintużaw liberament, jew jekk, minflok humiex ikkunsidrati bħala protetti minn dawn id-drittijiet, bil-konsegwenza li l-użu tagħhom jiġi soġġettat għar-rieda tad-detenturi rispettivi tad-drittijiet. |
II — Il-kuntest ġuridiku
A — Id-dritt Komunitarju
|
6. |
L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-proprjetà intellettwali seħħet primarjament permezz tad-Direttiva 93/98/KE ( 7 ), li wara ġiet emendata ( 8 ) u abrogata bid-Direttiva 2006/116/KE ( 9 ), li tikkodifika d-Direttivi preċedenti. |
|
7. |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2006/116/KE bit-titolu “It-tul tal-perijodu ta’ validita’ ta’ drittijiet relatati” jipprovdi dan li ġej: “Id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar […] Madankollu, dan il-paragrafu m’għandux ikollu l-effett li jipproteġi mill-ġdid id-drittijiet ta’ produtturi ta’ fonogrammi li, minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta’ protezzjoni mogħtija lilhom skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/98/KEE fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bid-Direttiva 2001/29/KE, ma kienux aktar protetti fit-22 ta’ Diċembru 2002”. |
|
8. |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/116/KE bit-titolu “Protezzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi” fl-ewwel żewġ paragrafi jżid li: “1. Fejn il-pajjiż ta’ oriġini ta’ xogħol, fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna [ ( 10 )], ikun pajjiż terz, u l-awtur tax-xogħol ma jkunx ċittadin tal-Komunità, il-perijodu ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi fid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, iżda ma jistax jaqbeż il-perjodu stipulat fl-Artikolu 1. 2. Il-perijodi ta’ protezzjoni stipulati fl-Artikolu 3 għandhom japplikaw ukoll fil-każ fejn id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux ċittadini tal-Komunità, kemm-il darba l-Istati Membri jagħtuhom protezzjoni. Madankollu, mingħajr ħsara għall-obbligi internazzjonali ta’ l-Istati Membri, il-perjodu ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija fil-pajjiż li tiegħu d-detentur tad-drittijiet ikun ċittadin u ma jistax jeċċedi l-perijodu stipulat fl-Artikolu 3. […]”. |
|
9. |
L-Artikolu 10 (1), (2) u (3), intitolat “Applikazzjoni kronoloġika”, jistabblixxi li: “1. Fejn perijodu ta’ protezzjoni, li jkun itwal mill-perijodu li jikkorrispondi għall-perjodu previst f’din id-Direttiva, ikun diġà beda jiddekorri fi Stat Membru fl-1 ta' Lulju 1995, din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li tqassar dak il-perjodu f’dak l-Istat Membru. 2. Il-perijodi ta’ protezzjoni previsti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet u s-suġġetti kollha li jkunu protetti f’għall-inqas Stat Membru wieħed fid-data msemmija fil-paragrafu 1, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva [tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali]. 3. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijet meħtieġa biex jipproteġu b’mod partikolari drittijiet miksuba ta’ pajjiżi terzi. […]”. |
B — Id-dritt internazzjonali
|
10. |
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“WIPO”) ippatroċinat tliet konvenzjonijiet internazzjonali, speċifikament intiżi biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi u magħrufin bħala l-“Konvenzjoni ta’ Ruma” ( 11 ), il- “Konvenzjoni Fonogrammi” ( 12 ) u l-“WPPT” ( 13 ). Dan l-aħħar trattat ġie approvat mill-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2000/278/KE ( 14 ), fir-rigward tal-aspetti li huma fil-kompetenza tagħha. |
|
11. |
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-perijodu tal-validità tad-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi, jidher li hemm tendenza lejn l-estensjoni ta’ dan il-perijodu billi, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 15 ) u l-Konvenzjoni fuq il-fonogrammi ( 16 ) ffissaw limitu ta’ mill-inqas 20 sena, il-WPPT tawwal dan il-limitu minimu għal 50 sena ( 17 ). |
|
12. |
Barra minn hekk, biex ikun hemm armonizzazzjoni parzjali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minħabba l-impatt eventwali tagħhom fuq il-kummerċ internazzjonali, il-Ftehim TRIPs ( 18 ) fih sensiela ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għad-diversi tipi ta’ proprjetà intellettwali. Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet ser jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet li jolqtu r-reġistrazzjonijiet tal-ħoss u li huma rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. |
|
13. |
B’hekk, fost ir-regoli ġenerali tal-ftehim imsemmi, għandu jissemma’ l-Artikolu 3 li jistabbilixxi l-prinċipju tat-trattament nazzjonali: “1. Trattament nazzjonali 1. Kull Membru għandu jittratta lill-ċittadini ta’ Membri oħra b’mod mhux inqas favorevoli miċ-ċittadini tiegħu stess dwar il-protezzjoni ta’ Proprjetà Intellettwali, soġġetti għall-eċċezzjonijiet imsemmija fi, rispettivament, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi (1967), il-Konvenzjoni ta’ Berne (1971), Il-Konvenzjoni ta’ Ruma u t-Trattat dwar Proprjetà Intellettwali dwar ċirkwiti integrati. Dan l-obbligu japplika biss għad-drittijiet imsemmija taħt dan il-Ftehim, dwar performers, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir. […]”. |
|
14. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-Ftehim TRIPs isaħħaħ il-prinċipju tat-trattament tan-nazzjon l-iżjed favorit, fis-sens li l-vantaġġi, il-benefiċċji, il-privileġġi jew l-immunitajiet kollha mogħtija minn Membru liċ-ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor jingħataw minnufih u mingħajr kundizzjonijiet liċ-ċittadini tal-membri l-oħrajn kollha, u mbagħad jindika xi derogi għal dan l-obbligu li m’humiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
|
15. |
L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim TRIPs jirreferi għall-Konvenzjoni ta’ Berna u jistieden lill-Istati Kontraenti biex jikkonformaw ma’ l-Artikoli 1 sa 21 tagħha. |
|
16. |
B’referenza għad-drittijiet tal-produtturi ta’ reġistrazzjonijiet tal-ħoss, l-Artikolu 14 tal-Ftehim TRIPs jistabblixxi li: “1. Dwar l-iffissar tal-wirja tagħhom fuq fonogrammi, performers għandhom ikollhom il-possibbilità li ma jħallux l-atti li ġejjin meta jsiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom: l-iffissar tal-wirja mhux fissa tagħhom u r-riproduzzjonijiet ta’ dan l-iffissar […]. 2. Produtturi ta’ fonogrammi għandhom igawdu d-dritt għal awtorizzazzjoni jew projbizzjoni tar-riproduzzjonijiet diretti jew indiretti tal-fonogrammi tagħhom. […] 5. It-terminu ta’ protezzjoni disponibbli taħt dan il-Ftehim għal performers u l-produtturi tal-fonogrammi għandu jibqa’ mill-inqas sat-tmiem tal-perijodu ta’ ħamsin sena kalkolata mit-tmiem tas-sena kalendarja minn meta għamlu l-iffissar jew minn meta saret il-wirja […]. […]”. |
C — Id-dritt nazzjonali
|
17. |
Fil-Ġermanja, il-proprjetà intellettwali hija rregolata mill-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte ( 19 ) (Liġi Ġermaniża fuq id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati; iktar ’il quddiem l-“UrhG”). L-Artikolu 137(f) ta’ din il-liġi jservi ta’ dispożizzjoni tranżitorja sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi addattata għad-Direttiva 93/98/KE; din id-dispożizzjoni fil-paragrafi (2) u (3) tagħha tistabbilixxi: “[…] 2) Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, fil-verżjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995, japplikaw ukoll għal xogħlijiet li l-protezzjoni tagħhom skadiet, skont din l-istess liġi, qabel l-, imma tibqa’ teżisti f’dik id-data bis-saħħa tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Kontraenti tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea. L-ewwel fażi tapplika b’analoġija għad-drittijiet […] tal-produtturi ta’ fonogrammi (Artikolu 85) […]. 3) Jekk, skond il-paragrafu 2, tingħata protezzjoni lil xogħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-awtur jiġi reintegrat fid-drittijiet tiegħu. Madankollu, kull attività ta’ użu li tkun bdiet qabel l-1 ta’ Lulju 1995 tista’ tkompli sakemm l-użu jsir kif kien ġie oriġinarjament ippjanifikat. Għal dak li jirrigwarda l-użu mill- għandu jingħata kumpens adegwat. L-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza japplikaw b’analoġija għad-drittijiet relatati. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
III — Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
|
18. |
Il-kumpannija Falcon Neue Medien Vertrieb GmbH (aktar ’il quddiem “Falcon”) li hija konvenuta fil-kawża prinċipali u l-appellata fl-appell fil-kassazzjoni, tiddistribwixxi żewġ fonogrammi li fihom hemm reġistrati interpretazzjonijiet tal-artist Bob Dylan fuq compact disc jew “CD”. L-ewwel waħda ġġib l-isem “Bob Dylan — Blowin’ in the Wind” u t-tieni waħda “Bob Dylan — Gates of Eden”. |
|
19. |
Is-siltiet reġistrati fis-CDs imsemmijin kienu inklużi oriġinarjament fl-albums “Bob Dylan — Bringing It All Back Home”, “The Times They Are A-Changin’” u “Highway 61 Revisited”. |
|
20. |
Sony Music Entertainment (Germany) GmbH (aktar ’il quddiem “Sony”) li hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-appellanti fil-kassazzjoni, hija s-sussidjarja Ġermaniża tal-kumpannija multinazzjonali Ġappuniża famuża tal-istess isem; hija ssostni li s-siltiet kollha tar-repertorju taż-żewġ LPs kienu ġew ippubblikati fl-Istati Uniti qabel l-1 ta’ Jannar 1966, jiġifieri fl-1964 u fl-1965. |
|
21. |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ditta diskografika mill-Istati Uniti akkwistat id-drittijiet fuq il-fonogrammi oriġinali tal-albums ta’ Bob Dylan anki fit-territorju Ġermaniż; dawn id-drittijiet ġew ittrasferiti lil Sony u b’hekk permezz tar-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ dawn is-CDs, il-konvenuta qed tikser id-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali. |
|
22. |
Konsegwentement, Sony qed titlob li Falcon tiġi pprojbita milli tirriproduċi u tikkummerċjalizza, hija stess jew permezz ta’ terzi, is-CDs “Bob Dylan — Blowin’ in the Wind” u “Bob Dylan — Gates of Eden”. Hija titlob ukoll li l-konvenuta tiġi kkundannata tippreżenta xi informazzjoni u tħallas id-danni li kkawżat lil Sony. |
|
23. |
Madankollu Falcon targumenta li l-ordinament ġuridiku Ġermaniż ma jipproteġi ebda dritt ta’ ditta diskografika fuq fonogrammi ta’ Bon Dylan ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 1966. |
|
24. |
Fl-ewwel istanza, il-Landgericht ta’ Rostock (il-qorti ta’ l-ewwel istanza ta’ din il-belt Ġermaniża) ma laqgħetx l-argumenti ta’ Sony u ċaħdet ir-rikors. |
|
25. |
Fil-proċedimenti quddiem l-Oberlandesgericht (il-qorti ta’ l-appell) ta’ din il-belt tal-Baltiku, ir-rikorrenti rrinunzjat għall-azzjoni inibitorja biex tasal għal soluzzjoni ta’ kompromess, iżda żammet it-talbiet ta’ kundanna tal-konvenuta għall-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni u għall-ħlas tad-danni. |
|
26. |
Il-qorti ta’ l-appell ċaħdet ir-rikors ta’ Sony billi kkunsidrat li, abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, fis-seħħ fil-Ġermanja u fl-Istati Uniti, il-produtturi diskografiċi jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ protezzjoni stipulati fl-Artikolu 85 ta’ l-UrhG biss fuq servizzi ta’ wara l-1 ta’ Jannar 1966. Dik il-qorti ddikjarat ukoll li r-reġistrazzjonijiet ta’ qabel dik id-data lanqas ma kienu protetti taħt l-Artikolu 137f ta’ l-UrhG li hija dispożizzjoni tranżitorja għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/98/KE fil-liġi nazzjonali, billi l-paragrafu 2 tagħha ma japplikax għall-fonogrammi reġistati qabel l- peress li fil-Ġermanja qatt ma kien hemm protezzjoni f’dan is-sens. |
IV — Id-domandi preliminari u l-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
27. |
Din is-sentenza tal-appell ġiet appellata quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni; il-Bundesgerichtshof tosserva li l-eżitu tar-rikors li għandha quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/16/KE. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-domandi preliminari mibgħuta huma rilevanti abbażi tal-premessi li ġejjin. |
|
28. |
Minn naħa, il-qorti tar-rinviju teskludi li r-retroattività tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għandha portata usa’ mill-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, skond l-Artikolu 129(1) ta’ l-UrhG tillimita l-effett retroattiv tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-ditti diskografiċi bbażati fuq l-Artikolu 85 ta’ l-UrhG għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-istess UrhG, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1966. |
|
29. |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti lanqas ma hi tal-fehma li l-fonogrammi inkwistjoni huma protetti fit-territorju Ġermaniż permezz ta’ l-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikolu 137f(2) ta’ l-UrhG li hija dispożizzjoni li ġiet adottata ( 20 ) għall-iskop li tadatta d-dritt nazzjonali għad-Direttiva 93/98/KE, ħaġa li għandha twassal għal interpretazzjoni tagħha fid-dawl ta’ l-Artikolu 10(2) tal-istess Direttiva. Fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 137f(2) ta’ l-UrhG, li jistipula li l-protezzjoni terġa’ tingħata biss jekk tkun “skadiet” qabel l-1 ta’ Lulju 1995, il-qorti tar-rinviju taqbel mal-opinjoni tal-Oberlandesgericht ta’ Rostock li tgħid li l-fonogrammi reġistrati qabel l- mid-ditti diskografiċi li kellhom is-sede tagħhom f’pajjiżi terzi qatt ma gawdew minn protezzjoni fit-territorju Ġermaniż. Għaldaqstant, ma tistax tiġi stabbilita mill-ġdid protezzjoni li huma qatt ma gawdew minnha. |
|
30. |
Billi l-Bundesgerichtshof taqbel mal-affermazzjoni ta’ Sony li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tkopri wkoll fonogrammi prodotti qabel l-1 ta’ Jannar 1966 u l-fonogrammi tal-produtturi ta’ l-Istati Uniti li nħarġu hemmhekk, hija għandha dubji fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116/KE. |
|
31. |
F’dan il-kuntest il-Qorti Suprema Ġermaniża ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
32. |
Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2007; il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet matul il-fażi bil-miktub. |
|
33. |
Fis-seduta tal-15 ta’ April 2008 kienu preżenti, biex jittrattaw oralment, ir-rappreżentanti ta’ Sony, ta’ Falcon u tal-Kummissjoni. |
V — Analiżi tad-domandi preliminari
A — Fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-protezzjoni
|
34. |
Bl-ewwel domanda, l-Bundesgerichtshof trid tiċċara jekk il-protezzjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116/KE tistax tiġi estiża għas-suġġetti li qatt ma gawdew minn din il-protezzjoni fl-Istat Membru fejn qed tintalab il-protezzjoni, li jfisser applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali lil hinn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
|
35. |
Dan id-dubju huwa ġustifikat għaliex fil-Ġermanja l-fonogrammi ma kinux protetti ex lege sal-promulgazzjoni tal-UrhG, fid-9 ta’ Settembru 1965, u, kif ġie spjegat fil-ġabra fil-qosor tal-fatti tal-kawża, ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni saru fl-1964 u fl-1965, jiġifieri qabel dik id-data. |
|
36. |
Barra minn dan, l-estensjoni retroattiva tal-protezzjoni tad-drittijiet inkwistjoni tikser xi prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt l-Artikolu 18(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ma jippermettix li xogħol, ikkreat f’pajjiż wieħed imma li jkun daħal fid-dominju pubbliku fi Stat ieħor ta’ l-Unjoni ( 21 ), fejn tintalab il-protezzjoni tiegħu, jiġi reintegrat fl-isfera tad-dritt privat u jibbenefika mill-Konvenzjoni, fundamentalment minħabba d-drittijiet miksubin minn terzi matul il-perijodu ta’ użu liberu ( 22 ). |
|
37. |
Fil-kuntest tad-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi, in-nuqqas ta’ retroattività huwa prinċipju ta’ gwida fit-trattati internazzjonali rilevanti kollha, jiġifieri, fil-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 23 ), fil-Konvenzjoni fuq il-fonogrammi ( 24 ) u fil-WPPT ( 25 ). |
|
38. |
Minkejja dan, fil-kuntest Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li eżaminat l-Artikolu 10 tad-Direttiva 93/98/KEE, qablet mal-argument li din, minn naħa, tippermetti li jiġu riattivati d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati li jkunu skadew minħabba r-regoli applikabbli qabel id-data tal-implementazzjoni tagħha, bla ħsara għall-atti ta’ użu mwettqa qabel dik id-data u, min-naħa l-oħra, tħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jadottaw miżuri intiżi biex jipproteġu d-drittijiet miksubin minn terzi bis-saħħa ta’ dawn l-atti ( 26 ). |
|
39. |
Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni b’mod integrattiv billi ppreċiżat li din il-konklużjoni kienet tirriżulta mir-rieda espressa tal-leġiżlatur Komunitarju peress li filwaqt li l-proposta inizjali tad-Direttiva 93/98/KEE ppreżentata mill-Kummissjoni kienet tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu japplikaw “għad-drittijiet li ma skadewx fil-31 ta’ Diċembru 1994”, il-Parlament Ewropew emenda dik il-proposta billi introduċa formulazzjoni ġdida li ġiet adottata, fl-elementi essenzjali tagħha, fil-verżjoni finali tad-Direttiva ( 27 ); il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad żiedet tgħid li din is-soluzzjoni kellha l-għan li tilħaq kemm jista’ jkun malajr l-iskop tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati biex jiġi evitat li d-drittijiet skaduti f’uħud mill-Istati Membri jibqgħu jiġu protetti f’oħrajn ( 28 ). |
|
40. |
Ix-xewqa li jiġu approssimati malajr l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kienet kibret wara s-sentenza magħrufa bħala “Patricia” ( 29 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, quddiem in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, ippermettiet restrizzjonijiet tal-kummerċ li rriżultaw mid-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali f’dan ir-rigward ( 30 ). |
|
41. |
Għalhekk, mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva, jista’ jiġi dedott li l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ protezzjoni stabbiliti tista’ toħloq il-possibbilità li jerġgħu jiġu protetti xogħlijiet jew suġġetti li kienu daħlu fid-dominju pubbliku ( 31 ). |
|
42. |
Madankollu, mhuwiex ċar jekk dawn l-ispjegazzjonijiet, li jwieġbu l-mistoqsija dwar il-validità tar-riattivazzjoni tad-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur li qabel kienu protetti, jistgħux jeliminaw l-inċertezza li hemm fuq id-drittijiet li qatt ma kienu protetti. |
|
43. |
Madankollu, jiena inklinat biex nipproponi l-istess trattament għaż-żewġ ipoteżijiet, għar-raġunijiet li ser nesponi hawnhekk. |
|
44. |
Minn naħa, l-argument dwar l-armonizzazzjoni mgħaġġla jibqa’ validu fil-kuntest tad-drittijiet relatati li mhumiex protetti. Min-naħa l-oħra, hija rilevanti l-preċiżazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116/KE fir-rigward tar-regoli fuq id-drittijiet relatati, kemm jekk ikunu nazzjonali kif ukoll jekk jirriżultaw mid-Direttiva 92/100/KEE ( 32 ), meta s-suġġetti jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
45. |
Għal dak li jirrigwarda l-ispinta għall-armonizzazzjoni, wieħed jinnota li l-leġiżlatur Komunitarju adotta t-triq tan-nofs bejn in-negazzjoni tal-effett retroattiv u l-aċċettazzjoni assoluta tiegħu u pprefera soluzzjoni ta’ kompromess li abbażi tagħha huwa biżżejjed li xogħol ikun protett fi Stat Membru wieħed fid-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/98/KEE, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 1995 ( 33 ), biex jiġi applikat għalih il-perijodu fis-seħħ fil-Komunità kollha ( 34 ). |
|
46. |
Konsegwentement, fl-Istati Membri fejn dawn ix-xogħlijiet jew suġġetti kienu saru ta’ dominju pubbliku, il-protezzjoni legali reġgħet ġiet attivata, ħlief fil-każijiet fejn saru ta’ dominju pubbliku fil-pajjiżi kollha tal-Komunità. Huwa mifhum li l-perijodu l-ġdid tal-protezzjoni stabbilit mid-Direttiva jkopri wkoll is-suġġetti kollha protetti mid-drittijiet relatati ( 35 ). |
|
47. |
Barra minn hekk, is-sentenza ċċitata Phil Collins et, mogħtija kważi fl-istess żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 93/98/KEE stabbiliet l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni anki fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi kif ukoll tad-drittijiet relatati billi ddeterminat de facto r-retroattività sħiħa u eżiġiet li d-drittijiet kollha tal-awtur u d-drittijiet relatati għandhom jirċievu dejjem, fil-pajjiżi kollha trattament identiku għal dak rikonoxxut favur iċ-ċittadini nazzjonali ( 36 ). |
|
48. |
Dan l-atteġġament ma jinbidilx fir-rigward tad-drittiijiet li qatt ma ġew protetti fil-pajjiż fejn jiġu invokati (fil-Ġermanja fil-kawża prinċipali), billi, altrimenti, l-isforz għall-armonizzazzjoni jispiċċa fix-xejn. Ir-regoli Komunitarji huma bbażati fuq il-premessa li, għat-tħaddim korrett tas-suq intern, hija meħtieġa l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, b’mod li l-perijodu ta’ protezzjoni jkun l-istess fil-Komunità kollha ( 37 ). |
|
49. |
Għalhekk hemm it-tentattiv li l-perijodu ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u d-data li fiha jerġgħu jidħlu fid-dominju pubbliku jkunu uniformi. Għaldaqstant, ikun kontra l-ispirtu tad-Direttiva li xogħlijiet u drittijiet relatati jitħallew mingħajr protezzjoni minħabba l-fatt li ma kinux protetti qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq id-drittijiet tal-awtur. |
|
50. |
Tikkonferma din l-idea r-referenza espliċita fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116/KE għad-Direttiva 92/100/KEE, li kienet introduċiet f’xi Stati Membri drittijiet relatati ġodda u li biha l-applikazzjoni tal-perijodu ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva 2006/116/KE ġiet estiża għad-drittijiet imħarsin mid-Direttiva 92/100/KEE, anki meta ma jkunux ġew inkorporati fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ( 38 ). Dan ifisser li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Bundesgerichtshof meta tinterpreta litteralment l-UrhG, jidher li mhuwiex korrett li ssir referenza biss għal-“riativazzjoni” tal-protezzjoni ( 39 ). |
|
51. |
Madankollu, apparti l-eventwalità li xogħol ikun fid-dominju pubbliku fil-pajjiżi kollha tal-Komunità, jeżisti limitu ulterjuri għall-ispinta lejn l-unifikazzjoni Ewropea tad-direttivi ċċitati, li, għalkemm ma jaffettwax is-soluzzjoni tad-domanda għal deċiżjoni preliminari, ikun tajjeb jissemma’ biex ir-risposta tkun sħiħa: dan il-limitu jikkonsisti fid-drittijiet relatati msemmijin fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2006/116/KE li r-regolamentazzjoni tagħhom hija fakoltattivi għall-Istati Membri. |
|
52. |
Skond il-Premessa 19 ta’ din l-aħħar direttiva, l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-fakultà li jżommu u jintroduċu drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ pubblikazzjonijiet ta’ kritika jew xjentifiċi ta’ xogħlijiet li saru ta’ dominju pubbliku ( 40 ), kif ukoll fir-rigward ta’ ritratti li mhumiex xogħlijiet oriġinali ( 41 ), imma m’hemm ebda obbligu fuq l-Istati Membri li dawn id-drittijiet jiġu protetti fil-Komunità kollha, u għal din ir-raġuni kull pretensjoni biex dawn l-istess drittijiet jiġu protetti fl-Istati Membri li, fl-eżerċizzju tal-poter tagħhom, ma jirrikonoxxuhomx, ma tirnexxix ( 42 ). |
|
53. |
Fl-aħħar, anki l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2006/16/KE jikkorrobora l-argument tar-retroattività, billi jgħid li “[d]in id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1”, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 1995, id-data meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 93/98/KEE li ġiet qabilha; għalhekk dik id-dispożizzjoni tippreżupponi l-validità retroattiva tad-drittijiet li tirreferi għalihom; madankollu, biex tipproteġi d-drittijiet akkwistati minn terzi bil-bona fide, tillimita l-effetti fuq is-sitwazzjonijiet li ġraw qabel ma daħlet fis-seħħ. Fi kliem ieħor, li kieku l-Artikolu 10(2) iċċitat ma kienx jistabbilixxi r-retroattività, il-paragrafu ta’ wara kien ikun illoġiku. |
|
54. |
Fi ftit kliem, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-ewwel domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof Ġermaniż għandha tingħata risposta affermattiva, fis-sens li l-perijodu ta’ protezzjoni previst bid-Direttiva 2006/116/KE japplika, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2), anki meta s-suġġett inkwistjoni qatt ma kien protett fl-Istat Membru li fih tintalab il-protezzjoni, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(3). |
B — Fuq il-protezzjoni mogħtija lid-detenturi ta’ drittijiet li mhumiex ċittadini ta’ Stati Membri tal-Komunità (it-tieni domanda)
|
55. |
Biż-żewġ domandi li tinqasam fihom it-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-fatt li d-detentur tad-drittijiet li tagħhom qed tintalab il-protezzjoni jkun ċittadin ta’ Stat terz jinfluwenzax l-interpretazzjoni taż-żewġ alternattivi li fuqhom tista’ tkun ibbażata l-protezzjoni ta’ suġġett skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116/KE. |
|
56. |
B’hekk, din il-qorti qed tistaqsi jekk il-kliem “dispożizzjonijiet nazzjonali” skont l-Artikolu 10(2) imsemmi jinkludux ir-regoli fuq il-protezzjoni favur iċ-ċittadini ta’ pajjiżi extra-Komunitarji [it-tieni domanda preliminari, ittra (a)] u, jekk id-detentur tad-drittijiet inkwistjoni hu ċittadin ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi, il-perijodu ta’ protezzjoni msemmi fl-istess Artikolu 10, japplikax għas-suġġetti li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni stabbiliti mid-Direttiva 92/100/KEE [it-tieni domanda, ittra (b)]. |
|
57. |
Nemmen li ż-żewġ domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien, iżda kull waħda għandha tirċievi risposta separata, għalkemm, billi qed nitkellmu fuq Bob Dylan, kont nippreferi nkanta “the answer is blowing in the wind” ( 43 ). |
|
58. |
Mingħajr dubju influwenzati miċ-ċittadinanza tad-detentur tad-drittijiet oriġinali ta’ produzzjoni tal-fonogrammi inkwistjoni, il-partijiet kollha li ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri sostnew li kumplessivament, it-tieni domanda preliminari ssib ir-risposta tagħha fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/116/KE, li huwa intitolat, “Protezzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi”. |
|
59. |
L-ewwel nett, naqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae. |
|
60. |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/116/KE jistabbilixxi l-prinċipju tal-ipparagunar tal-perijodi ta’ protezzjoni. Għal dak li jirrigwarda x-xogħlijiet li joriġinaw minn pajjiż terz skond il-Konvenzjoni ta’ Berna, li l-awtur tagħhom ma jkunx ċittadin Komunitarju (paragrafu 1), il-perijodu ta’ protezzjoni jispiċċa b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, iżda qatt ma jista’ jaqbeż il-perijodu stabbilit mid-direttiva stess. |
|
61. |
Il-paragrafu (2) ta’ din l-istess dispożizzjoni jirreferi għad-drittijiet relatati, billi jistabbilixxi prinċipju simili għal dak fil-paragrafu preċedenti ( 44 ). Billi jirreferi għal “detenturi tad-drittijiet [li] ma jkunux ċittadini tal-Komunità” huwa jaqa’ taħt il-kamp tar-regoli ratione personae tad-Direttiva 2006/116/KE. Madankollu, billi jissuġġetta l-applikazzjoni tal-perijodu ta’ protezzjoni stabbilit għall-għoti ta’ l-istess protezzjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri, jassumi rilevanza d-dritt internazzjonali bilaterali u multilaterali, li jivvinkola lill-Istat Membru fejn tintalab il-protezzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Konvenzjoni fuq il-fonogrammi, il-WPPT u l-Ftehim TRIPs ( 45 ). |
|
62. |
Għaldaqstant, f’kull każ konkret, hija l-qorti nazzjonali tal-Istat Membru fejn hu mixtieq li jiġu eżerċitati d-drittijiet relatati li għandha tiddeċiedi fuq il-protezzjoni tal-barranin, kif ukoll fuq il-kalkolu tal-perijodu u dan skont it-trattati internazzjonali li jkun iffirma dak l-Istat Membru. |
|
63. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10, minbarra li jirreferi għall-applikazzjoni temporali tad-Direttiva 2006/116/KE, fih deskrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ratione materiae. |
|
64. |
Kif tindika l-Kummissjoni, għalkemm l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/116/KE jinsab taħt it-titolu “Applikazzjoni kronoloġika”, id-dispożizzjonijiet tiegħu jiffukaw fuq is-suġġett tal-protezzjoni u mhux fuq iċ-ċittadinanza tad-detentur tad-drittijiet u jkopru x-“xogħlijiet u s-suġġetti” li fl-1 ta’ Lulju 1995 kienu protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’, mill-inqas, Stat Membru wieħed fuq id-drittijiet tal-awtur [għal dak li jirrigwarda d-domanda fis-subparagrafu a)] jew mid-Direttiva 92/100/KEE [għal dak li jirrigwarda d-domanda fis-subparagrafu b)]. |
|
65. |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2), jidher li [it-tieni domanda, ittra a)] dan jirreferi għad-dispożizzjonijiet kollha materjali li huma koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti fuq id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bil-partikolaritajiet tagħhom, inklużi t-trattati internazzjonali, multilaterali jew bilaterali rilevanti ( 46 ). Għalhekk hija l-qorti nazzjonali li trid tara jekk suġġett speċifiku, f’dan il-każ, ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni ta’ Bob Dylan, jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jekk dan is-suġġett huwa kopert mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, il-qorti tal-Istat fejn intalbet il-protezzjoni għandha teżamina l-ordinament ġuridiku barrani skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali dwar il-prova tal-liġi barranija. Għalhekk, l-ewwel alternattiva li hemm fl-Artikolu 10(2) ma tirriferixxix għar-regoli nazzjonali fuq il-protezzjoni ta’ barranin extra-Komunitarji. |
|
66. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għas-subparagrafu a) tat-tieni domanda tkun li l-kliem “dispożizzjonijiet nazzjonali”, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116/KE ma jinkludix ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità. |
|
67. |
Għal dak li jirrigwarda s-subparagrafu b) tat-tieni domanda, għandu jiġi mfakkar li, f’din is-sitwazzjoni, id-dritt tad-Direttiva 92/100/CEE japplika biss meta l-kontenut tiegħu ma jkunx ġie traspost fil-liġi nazzjonali fid-data indikata ( 47 ). Il-qorti tal-Istat fejn tintalab il-protezzjoni għandha teżamina jekk il-liġi nazzjonali jew dik ta’ Stat Membru ieħor tipproteġix dawn id-drittijiet u, jekk ma jkunx hekk, għandha tiddetermina jekk huwiex xieraq li l-applikazjoni tal-protezzjoni tiġi estiża fid-dawl tad-Direttiva 92/100/KEE. |
|
68. |
Madankollu, biex jiġi kkjarifikat kif din il-protezzjoni tapplika għal ċittadin ta’ pajjiż extra-Komunitarju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/116/KE kif ġie interpretat. |
|
69. |
F’dan il-kuntest indikajt il-korrelazzjoni neċessarja bejn id-dritt Komunitarju u t-trattati internazzjonali. Fosthom kollha, għandu jissemma’ partikolarment il-Ftehim TRIPs u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(2) tiegħu moqri flimkien mal-paragrafu (5) li jiggarantixxi għad-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi protezzjoni ta’, mill-anqas, 50 sena. Minħabba li jixbah l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati sistematikament ( 48 ). |
|
70. |
Il-qorti nazzjonali għandha tiġi mwissija wkoll dwar il-konkomitanzi kumplessi bejn id-diversi trattati internazzjonali u d-dispożizzjonijiet tagħhom li jidħlu f’xulxin; b’hekk, bħala eżempju, l-Artikolu 2(2) tal-Ftehim TRIPs jiddikjara li “Xejn fil-Partijiet I sa IV ta’ dan il-Ftehim m’għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti li l-Membri għandhom ikollhom lejn xulxin [bis-saħħa] tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-Konvenzjoni ta’ Berne, il-Konvenzjoni ta’ Ruma […]” u dan ifisser iż-żamma fis-seħħ ta’ l-obbligi internazzjonali li d-diversi Stati kontraenti kkuntrattaw bejniethom jew ma’ pajjiżi terzi skond trattati oħrajn ( 49 ). |
|
71. |
Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, skont ġurisprudenza reċenti ħafna ( 50 ), m’hemmx dubju li l-Ftehim TRIPs japplika għad-drittijiet relatati, billi l-Komunità għandha, f’dan il-qasam, kompetenzi li eżerċitat, kif jixhdu d-Direttivi 2001/29/KE u 92/100/KEE ċċitati. |
|
72. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li s-subparagrafu b) tat-tieni domanda preliminari, għandu jingħata risposta fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/116/KE u t-trattati internazzjonali vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tagħha, jekk il-perijodu ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 10(2) ta’ dik id-Direttiva fir-rigward ta’ suġġetti li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-Direttiva 92/100/KEE japplikax għad-detenturi ta’ drittijiet li ma jkunux ċittadini tal-Komunità. |
VI — Konklużjoni
|
73. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari magħmulin mill-Bundesgerichtshof billi tiddikjara li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) L-informazzjoni bijografika tinsab fi F.J. Satué, ¡Más madera! Una historia del Rock, Ed. Belacqva, Barċellona, 2004, p. 397 et seq.
( 3 ) Dan l-aħħar jidher li qed ikollu udjenza kbira l-programm tiegħu tar-radju ta’ kull ġimgħa “Theme time radio hour”, li jixxandar fuq XM Satellite Radio (EL PAÍS, It-Tlieta, 25 ta’ Marzu 2008, p. 48). Barra minn hekk, il-ħajja tiegħu ġiet irrakkontata fil-film I'm Not There (2007), omaġġ tad-direttur Todd Haynes għal dan il-mużiċist.
( 4 ) Batterista u kantant tal-grupp tal-mużika pop/rock “Genesis”, imbagħad kantant solista, ta lok għas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (Kawżi magħquda C-92/92 u C-326/92, Ġabra p. I-5145).
( 5 ) Ismu veru huwa Harry Roger Webb, l-ex leader tax-Shadows (http://www.cliffrichard.org/).
( 6 ) Mhuwiex magħruf jekk l-ammirazzjoni għal dan il-poeta hijiex limitata għall-poeżija jew testendix għall-istil ta’ ħajja tal-kittieb li ddefinixxa lilu nnifsu bħala “l-akbar sakranazz fid-dinja” u boemjan inkorreġġibbli, tal-inqas fiż-żgħożija, kif wieħed jinduna mill-qari tax-xogħol tiegħu Retrato del artista cachorro (titolu oriġinali: Portrait of the artist as a young dog), traduzzjoni bl-Ispanjol ta’ Juan Ángel Cotta, Ed. Seix Barral, Barcelona, 1985, p. 99, meta jikteb: “iż-żagħżugħ Mr Thomas kien bla xogħol dak iż-żmien, imma dalwaqt kien ser jitlaq lejn Londra biex jipprova jibni karriera f’Chelsea bħala ġurnalist; ma kellux sold fuqu u kien jispera li b’xi mod jgħix minn fuq dahar in-nisa” [Traduzzjoni libera].
( 7 ) Direttiva tal-Kunsill 93/98/KE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU L 290, p. 9).
( 8 ) B’mod partikolari, bid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10).
( 9 ) Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perijodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12).
( 10 ) Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Att ta’ Pariġi ta’ l-24 ta’ Lulju 1971, emendat fit- (tista’ tiġi kkonsultata fis-sit http://www.wipo.int/treaties/es/ip/berne/index.html).
( 11 ) Konvenzjoni fuq il-protezzjoni ta’ artisti, tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961.
( 12 ) Konvenzjoni tad-29 ta’ Ottubru 1971 għall-protezzjoni tal-produtturi ta’ fonogrammi mir-riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-fonogrammi tagħhom.
( 13 ) Trattat tal-WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi, approvat f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996; it-testi tal-konvenzjonijiet huma disponibbli fis-sit http://www.wipo.int/treaties/en/.
( 14 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU L 89, p. 6).
( 15 ) Ara l-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 14.
( 16 ) Ara l-Artikolu 4 tagħha.
( 17 ) Ara l-Artikolu 17 (2).
( 18 ) Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs) — Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat, għal dak li jirrigwarda l-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali tal-Uruguay Round (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1; il-Ftehim TRIPs jinsab fil-paġna 213).
( 19 ) Liġi kif emendata l-aħħar mill-ħames liġi ta’ riforma tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Fünften Gesetzes zur Änderung des Urheberrechtsgesetzes) tal-10 ta’ Novembru 2006 (BGBl. I. p. 2587).
( 20 ) Permezz tan-Nru 26 tal-Artikolu 1 tat-tielet liġi ta’ riforma tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Drittes Gesetzes zur Änderung des Urheberrechtsgesetzes), tat-23 ta’ Ġunju 1995 BGBl. 1995 I. p. 842)].
( 21 ) “Unjoni” fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li jipprovdi “[i]l-pajjiżi li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni jikkostitwixxu Unjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awturi fix-xogħlijiet letterarji u artistiċi tagħhom”.
( 22 ) WIPO, Guide de la Convention de Berne pour la protection des œuvres littéraires et artistiques (Acte de Paris 1971), ippubblikata mill-istess WIPO, Ġenève, 1978, p. 117.
( 23 ) Artikolu 20 intitolat “Nuqqas ta’ retroattività tal-Konvenzjoni”.
( 24 ) Artikolu 7(3), “L-ebda Stat Kontraenti ma huwa obbigat japplika d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għal fonogrammi rreġistrati qabel ma din ta’ l-aħħar daħlet fis-seħħ fil-konfront ta’ l-Istat kkonċernat”.
( 25 ) Artikolu 22 (“Applikazzjoni fiż-żmien”), fejn il-paragrafu (1) tiegħu jirreferi għall-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Berna.
( 26 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music (C-60/98, Ġabra p. I-3939, punt 23).
( 27 ) Ara s-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).
( 28 ) Ara s-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20).
( 29 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1989, EMI Electrola (341/87, Ġabra p. 79).
( 30 ) F’dan il-każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ttollerat l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li kienet tippermetti li produttur ta’ reġistrazzjonijiet tal-ħoss isostni d-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni jew ta’ xandir li tagħhom huwa kien detentur, biex jiġi pprojbit il-bejgħ, fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, ta’ fonogrammi oħrajn li fihom l-istess xogħlijiet mużikali; dawn il-fonogrammi kienu ġew importati minn Stat Membru ieħor fejn kienu ġew ikkummerċjalizzati b’mod regolari, imma mingħajr il-kunsens tad-detentur jew ta’ min kellu l-liċenzja, billi kienu skadew it-termini tal-protezzjoni invokata minn dan il-produttur ta’ reġistrazzjonijiet tal-ħoss (ara s-sentenza Patricia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).
( 31 ) Ara s-sentenza Butterfly Music, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).
( 32 ) Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61).
( 33 ) Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva.
( 34 ) Dietz, A., “Die Schutzdauer Richtlinie der EU”, fi GRUR Int., Nru 8/9, 1995, p. 682.
( 35 ) Ara P. Maier, “L’harmonisation de la durée de protection du droit d’auteur et de certains droits voisins”, Revue du Marché Unique Européen, Nru 2/1994, p. 77.
( 36 ) A. Dietz, op.cit. p. 683.
( 37 ) Ara l-Premessa 2 tad-Direttiva 93/98 u l-Premessa 3 tad-Direttiva 2006/116/KE.
( 38 ) P. Katzenberger, “§ 64 — Schutzdauer — Allgemeines”, fi Schricker, G. (Coordinador), Urheberrecht Kommentar, it-Tieni Ed., Monaco, 1999, p. 1024; M. Walter “Schutzdauer-RL — Art. 10”, fi M. Walter (Coordinador), Europäisches Urheberrecht Kommentar, Vjenna, 2001, p. 635.
( 39 ) Walter, M., op. cit., p. 631.
( 40 ) Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/116.
( 41 ) Għar-ritratti “semplici”, ara t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116.
( 42 ) Ara, ukoll, Katzemberger, P., op. cit., p. 1025.
( 43 ) “Blowin’ in the wind” (© 1962 Warner Bros. Inc.) hija żgur waħda mill-kanzunetti l-aktar famużi ta’ dan il-kantawtur, li tat, ukoll, l-isem lill-LP inkluż fil-fonogrammi inkwistjoni.
( 44 ) P. Mayer, op. cit., p. 75.
( 45 ) M. Walter op. cit., p. 608.
( 46 ) M. Walter, op. cit. p. 632.
( 47 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) J.T. Füller, “Artikel 14 — Ausübende Künstler”, fi Busche, J./Stoll, J.-T. (Coordinadores), TRIPs — Internationales und europäisches Rechts des geistigen Eigentums, Cologne, 2007, p. 271.
( 49 ) H. Wager, “Substantive Copyright Law in TRIPS”, fi H. Cohen Jehoram/P. Keuchenius, /L.M. Brownlee (Edituri), Trade-related Aspects of Copyright, Kluwer, Deventer, 1996, p. 36.
( 50 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos (C-431/05, Ġabra p. I-7001, punti 32 sa 39).