|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4185 |
2.8.2024 |
P9_TA(2023)0484
Bank Ewropew tal-Idroġenu
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2023 dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu (2023/2123(INI))
(C/2024/4185)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-Ftehim ta’ Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu (COM(2023)0156), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2023 intitolata“Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti” (COM(2023)0062), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolata “Il-Pjan REPowerEU” (COM(2022)0230), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 intitolata “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima” (COM(2020)0301), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 intitolata “Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija” (COM(2020)0299), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 intitolata “Strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2023 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (COM(2021)0337), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (COM(2023)0335), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/0120 (Att dwar il-Materja Prima Kritika) (COM(2023)0160), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (COM(2023)0161), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), li bħalissa qed jiġi rivedut, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (2), li bħalissa qed tiġi riveduta, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (3) (Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (5), li bħalissa qed tiġi riveduta, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (6), li bħalissa qed jiġi rivedut, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (7), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (8), li bħalissa qed tiġi riveduta, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat u billi jispeċifika metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi għat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklat (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar Strateġija Ewropea għall-Idroġenu (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar Strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija (17), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (18), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2018 dwar il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu! (20), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2018 dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa (21), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu (22), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-30 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0379/2023), |
|
A. |
billi l-UE hija parti għall-Ftehim ta’ Pariġi u impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050; |
|
B. |
billi l-idroġenu jista’ jintuża bħala materja prima, fjuwil jew vettur tal-enerġija, u għandu l-potenzjal sinifikanti li jiddekarbonizza industriji diffiċli biex jitrażżnu u t-trasport tqil, li għalihom l-elettrifikazzjoni mhijiex teknikament possibbli jew kompetittiva; |
|
C. |
billi l-idroġenu jista’ jintuża wkoll għall-ħżin tal-aħħar istanza tal-enerġija biex jibbilanċja s-sistema tal-enerġija, u b’hekk jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija; |
|
D. |
billi l-idroġenu fih innifsu huwa gass serra indirett u hemm sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar l-impatti klimatiċi tiegħu, li għandhom jiġu indirizzati kif xieraq permezz ta’ miżuri ta’ monitoraġġ, prevenzjoni u mitigazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija; |
|
E. |
billi l-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu iffissat l-objettiv li jiġu installati mill-anqas 40 GW ta’ elettrolizzaturi tal-idroġenu rinnovabbli u li jiġu prodotti 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli fl-UE sal-2030 u l-pjan REPowerEU ippropona li jikkumplimenta dan l-objettiv billi jiġi importat l-istess ammont ta’ idroġenu rinnovabbli; |
|
F. |
billi l-investiment totali meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv huwa stmat għal EUR 335-471 biljun, u se jkun meħtieġ investiment addizzjonali ta’ EUR 500 biljun biex tiġi żgurata l-importazzjoni tal-ammont previst ta’ idroġenu rinnovabbli; |
|
G. |
billi l-industrija Ewropea tal-manifattura tal-elettrolizzaturi stabbiliet l-objettiv li tinstalla mill-inqas 25 GW ta’ kapaċità tal-manifattura sal-2025, li tirrappreżenta madwar 120 GW ta’ kapaċità installata fl-Ewropa; |
|
H. |
billi l-kost tal-elettrolizzaturi diġà tnaqqas b’60 % f’dawn l-aħħar 10 snin u huwa mistenni, skont il-Kummissjoni, li jonqos bin-nofs fl-2030 minħabba l-ekonomiji ta’ skala; |
|
I. |
billi ċ-ċelloli tal-fjuwil u l-elettrolizzaturi jirrikjedu komponenti teknoloġikament intensivi u diversi materji prima kritiċi, b’mod partikolari metalli tal-grupp platinu, li l-produtturi ewlenin tagħhom jinsabu barra mill-UE, spiss f’pajjiżi fejn l-estrazzjoni hija marbuta ma’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, deterjorament tal-governanza, kunflitti u degradazzjoni ambjentali, filwaqt li l-produtturi li jinsabu fl-UE jiffaċċjaw kundizzjonijiet operattivi mhux kompetittivi; |
|
J. |
billi għad irid jinbena suq għall-idroġenu rinnovabbli u dan ser jirrikjedi protezzjoni xierqa tal-konsumatur u investimenti sinifikanti ħalli d-dekarbonizzazzjoni tinkiseb fis-setturi kollha li huma diffiċli li jitrażżnu; |
|
K. |
billi d-domanda għall-użu finali għall-idroġenu rinnovabbli jeħtieġ li tiġi inċentivata fis-setturi kollha, inklużi dawk li jistgħu jużaw l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija dekarbonizzata; |
|
L. |
billi l-identifikazzjoni tal-prezzijiet hija kruċjali għall-konsolidazzjoni tal-pedamenti tas-suq tal-idroġenu, biex jiġi indirizzat l-appoġġ finanzjarju pubbliku u jkun hemm sorveljanza regolatorja effettiva u monitoraġġ pubbliku; |
|
M. |
billi l-Kummissjoni tistma li l-prezz tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE huwa bejn EUR 2,5 u EUR 5,5 għal kull kg, li huwa xprunat mill-prezz tal-elettriku rinnovabbli u tal-elettrolizzaturi, filwaqt li l-prezz tal-idroġenu bbażat fuq il-fjuwils fossili huwa madwar EUR 1,5 għal kull kg; |
|
N. |
billi s-sħab ekonomiċi globali u l-kompetituri, inklużi l-Istati Uniti u ċ-Ċina, qed jipprovdu appoġġ finanzjarju qawwi għall-produzzjoni domestika tagħhom tal-idroġenu rinnovabbli, inkluż l-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni li jippromwovi l-idroġenu rinnovabbli bi kreditu ta’ taxxa sa USD 3 għal kull kg; |
1.
Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Bank Ewropew tal-Idroġenu (EHB); jinnota li l-isem “Bank Ewropew tal-Idroġenu” jista’ jkun qarrieqi, peress li dan ma jikkonsistix f’bank iżda f’inizjattiva li għandha l-għan li taġixxi bħala punt ta’ kuntatt uniku li jkun effiċjenti u simplifikat għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet u l-finanzjament insostenn tal-proġetti ta’ idroġenu rinnovabbli tul il-katina kollha ta’ provvista;
2.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar finanzjament u viżabbiltà għall-inizjattiva, peress li se tirrappreżenta pass importanti biex jingħata spinta lis-suq Ewropew tal-idroġenu; iqis li l-EHB għandu jkun responsabbli b’mod ċar għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi f’din ir-riżoluzzjoni;
3.
Ifakkar li l-unika forma sostenibbli ta’ idroġenu hija l-idroġenu rinnovabbli; jinnota li l-eletrolizzaturi jammontaw għal inqas minn 4 % tal-produzzjoni totali tal-idroġenu fl-UE; jinnota li l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ser ikollu rwol matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti u ż-żieda rapida tas-suq tal-idroġenu;
4.
Jirrikonoxxi li l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli tikkonsma ħafna enerġija; jinnota li l-ilħuq tal-miri għall-idroġenu rinnovabbli se jirrikjedi żieda fil-manifattura tal-elettrolizzaturi li fihom materja prima kritika; jinnota li dan ikun jeħtieġ espansjoni sinifikanti tal-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli u titjib tal-grilja tal-enerġija;
5.
Ifakkar li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tistma li 32 % tal-kapaċità globali tal-elettrolizzaturi ser tkun tinsab fl-Ewropa sal-2030 jekk il-proġetti ppjanati kollha jsiru realtà; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinżamm u tissaħħaħ it-tmexxija globali tal-Unjoni fil-qasam tal-idroġenu billi jiġi żviluppat suq innovattiv u effiċjenti li jikkonnettja il-produtturi mal-konsumaturi bl-użu ta’ infrastrutturi adegwati;
6.
Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, Att dwar il-Materja Prima Kritika u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli li jikkontribwixxu għal ktajjen tal-valur siguri, kompetittivi u reżiljenti li jservu d-domanda aktar għal idroġenu rinnovabbli u elettrolizzaturi prodotti fl-UE; jisħaq li l-EHB għandu jaġixxi bħala komplement għall-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti;
7.
Jappoġġja bil-qawwa proċeduri ta’ għoti ta’ permessi simplifikati u aktar rapidi tul il-katina tal-valur kollha sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u titrawwem l-innovazzjoni; jinsisti li jinżamm il-livell għoli attwali ta’ protezzjoni ambjentali meta jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-permessi, filwaqt li jiġu ssimplifikati ċerti aspetti relatati mal-ambjent tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi u tal-proċessi amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli;
8.
Iqis li, biex tiġi żgurata s-sovranità industrijali tal-UE f’kuntest ta’ awtonomija strateġika miftuħa, l-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni tal-EHB għandha tipprijoritizza bis-sħiħ iż-żieda fil-produzzjoni domestika, filwaqt li l-fażijiet sussegwenti jistgħu jiġu estiżi biex jippermettu ż-żieda ta’ importazzjonijiet kompetittivi tal-idroġenu rinnovabbli; ifakkar li l-appoġġ kemm għall-produzzjoni domestika kif ukoll għall-importazzjonijiet għandu jidħol fil-kompetenza tal-EHB;
9.
Jilqa’ r-rwol tal-EHB fiż-żieda tat-trasparenza dwar il-flussi, it-tranżazzjonijiet u l-prezzijiet fis-suq emerġenti tal-idroġenu; jissottolinja li din il-funzjoni hija kruċjali biex tiżdied il-fiduċja fis-suq, jissaħħu s-sorveljanza regolatorja u l-monitoraġġ pubbliku, u tiġi provduta informazzjoni għall-ippjanar integrat tal-infrastruttura tal-enerġija;
10.
Jenfasizza li l-finanzjament privat ser ikun strumentali fil-bini ta’ suq Ewropew għall-idroġenu rinnovabbli u li suq effiċjenti, ladarba jiġi żviluppat, m’għandux ikun dipendenti fuq is-sussidji pubbliċi;
11.
Jinnota li qafas regolatorju robust tas-suq tal-UE għall-idroġenu jista’ jgħin biex jiġi stabbilit suq li jiffunzjona kif suppost; jemmen li perkors ta’ prezzijiet prevedibbli u inqas volatili huwa meħtieġ biex tinħoloq ċertezza tal-investiment għal investimenti indispensabbli fil-produzzjoni tal-idroġenu u fl-infrastruttura tal-idroġenu;
12.
Iqis li l-atti delegati dwar il-fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika żiedu l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza għall-investituri; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett tas-suq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat; jinsisti fuq il-provvista ta’ ambjent regolatorju koerenti u stabbli għall-industrija;
13.
Jenfasizza li, skont l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, il-produzzjoni tal-idroġenu permezz tal-elettroliżi tirrikjedi ħafna ilma u tikkonsma bejn 18 u 24 kg ta’ ilma għal kull kg ta’ idroġenu; jissottolinja li l-konsum tal-ilma huwa saħansitra ogħla meta titqies il-katina tal-valur upstream; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika lill-effiċjenza fir-riżorsi u lid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (23), b’mod partikolari għal reġjuni li jinsabu f’riskju ta’ nixfa; jappella għal aktar riċerka dwar teknoloġiji għad-desalinizzazzjoni tal-ilma li jimminimizzaw il-konsum tal-enerġija u l-impatti ambjentali, b’mod partikolari dak tat-tniġġis bis-salmura;
14.
Jenfasizza li l-Widien tal-Idroġenu u l-infrastrutturi relatati jiżvolġu rwol importanti bħala strumenti biex tiġi sostnuta d-dekarbonizzazzjoni fid-distretti industrijali, tiġi promossa l-innovazzjoni u jingħata kontribut lill-ekonomija lokali; jinnota li l-Widien tal-Idroġenu jipprovdu raggruppamenti siguri tal-provvista u d-domanda tal-idroġenu fl-Ewropa; jinnota għalhekk li l-EHB għandu r-responsabbiltà li jikkoordina u jappoġġja ċ-ċentri ta’ konsum rilevanti kollha fil-Widien tal-Idroġenu u jsaħħaħ il-proġetti ewlenin tal-idroġenu fuq skala kbira;
Appoġġ finanzjarju għall-produzzjoni domestika tal-idroġenu rinnovabbli
|
15. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-ewwel irkant pilota bbażat fuq il-prezzijiet biex jiġi appoġġjat l-idroġenu rinnovabbli; jieħu nota tal-baġit ta’ EUR 800 miljun fuq 10 snin insostenn tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli ; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha malajr fil-valutazzjoni ta’ dan l-irkant pilota fir-rigward tal-effikaċja u l-konsegwenzi makroekonomiċi u industrijali tiegħu; |
|
16. |
Jirrikonoxxi l-għażla tal-Kummissjoni li tipprovdi appoġġ fil-forma ta’ primjum fiss fl-ewwel irkant pilota, peress li d-differenza bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-idroġenu ser tkun għolja, tal-inqas fil-bidu; jinsisti li jiġi stabbilit primjum fiss għall-irkanti futuri ekwivalenti għal jew ogħla minn dak propost mill-Istati Uniti fl-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mekkaniżmi kumplimentari bħal għotjiet, kuntratti għad-differenza u kuntratti għad-differenza għall-karbonju; iqis li dawn il-mekkaniżmi komplementari jistgħu jappoġġjaw mhux biss il-produzzjoni iżda wkoll id-domanda għall-idroġenu rinnovabbli; |
|
17. |
Itenni l-importanza tal-bilanċ ġeografiku u settorjali biex jippermetti l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-UE kollha u l-użu tiegħu minn setturi li diffiċli jitrażżnu; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi evitat aktar aggravar tad-diverġenzi reġjonali li diġà jeżistu minħabba l-firxa varjabbli tal-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa rkanti reġjonali u, għal dak l-għan, tiddefinixxi reġjuni li jkunu kbar biżżejjed biex jiżguraw kompetizzjoni adegwata filwaqt li jiżguraw bilanċ ġeografiku; jitlob li l-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent tal-allokazzjoni bl-għan li tappoġġja żvilupp reġjonali uniformi tas-suq Ewropew tal-idroġenu; |
|
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri b’livell baxx ta’ parteċipazzjoni kif previst fl-aħħar reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (24); jisħaq li tali appoġġ għandu jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-applikanti mill-Istati Membri kollha fl-irkanti organizzati fil-qafas tal-EHB; |
|
19. |
Jenfasizza li l-EHB għandu jkollu wkoll l-għan li jattira wkoll proġetti iżgħar fil-fażi ta’ żvilupp; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni taġġusta xi elementi tal-organizzazzjoni tal-irkanti, b’mod partikolari r-rekwiżit għall-kapaċità minima installata tal-elettrolizzaturi u r-restrizzjoni fuq l-offerta ta’ volum massimu, u li tikkunsidra l-possibbiltà tar-raggruppament tal-applikazzjonijiet, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); |
|
20. |
Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid u tiċċara r-regoli dwar il-kompatibbiltà bejn l-appoġġ finanzjarju pubbliku u l-finanzjament ipprovdut fil-qafas tal-EHB, filwaqt li tqis li ma għandu jkun hemm l-ebda akkumulazzjoni għall-istess spejjeż, bl-għan li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta bejn l-applikanti kollha; |
|
21. |
Jisħaq li l-organizzazzjoni ta’ irkanti futuri għandha tipprijoritizza bis-sħiħ il-bejgħ tal-idroġenu rinnovabbli lil industriji diffiċli biex jitrażżnu u lit-trasport tqil, b’mod partikolari l-avjazzjoni u t-tbaħħir; jemmen, f’dan ir-rigward, li ċerti restrizzjonijiet għandhom jiġu inklużi fil-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-irkanti; |
|
22. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex mhux biss tqis il-prezz, iżda li tinkludi wkoll sistema ċara ta’ punti bonus għall-klassifikazzjoni tal-offerti; jinnota li tali sistema għandha tippremja l-offerti li jilħqu l-ogħla livell ta’ sostenibbiltà, li jwasslu għal ħolqien sinifikani ta’ impjiegi u li jippromwovu traineeships u apprendistati ta’ kwalità għolja u t-tiġdid jew it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema; |
|
23. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li tiżdied il-produzzjoni tal-elettrolizzaturi fl-UE; jipproponi li ssir differenza bejn nefqa operattiva u nefqa kapitali; iqis li appoġġ potenzjali għal nefqa kapitali fuq idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandu jkun dirett biss lejn investimenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli f’fażi aktar tard, b’mod partikolari x-xiri ta’ elettrolizzaturi, u m’għandux ikopri n-nefqa operattiva fuq l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; |
Appoġġ mhux finanzjarju għall-ekosistema tal-idroġenu tal-UE
|
24. |
Jilqa’ l-idea tal-Kummissjoni li tniedi l-kunċett ta’ “irkanti bħala servizz”; iqis li dan jista’ jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-Istati Membri u jippromwovi perkors ġenwinament Ewropew għat-tranżizzjoni tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa dan il-kunċett u tesplora l-iżvilupp ulterjuri tiegħu għal teknoloġiji oħra tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-piżijiet amministrattivi fil-proċess ta’ applikazzjoni għandhom jitnaqqsu, kemm jista’ jkun, sabiex il-proċessi tal-għoti jkunu jistgħu jiġu ttrattati wkoll mill-SMEs; |
|
25. |
Jissuġġerixxi li l-EHB għandu jkun jista’ jipprovdi konsulenza speċifika għall-atturi privati dwar l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-UE; jemmen li servizz bħal dan għandu jkun indipendenti minn jekk applikant ikunx irċieva finanzjament mill-EHB jew le; jissuġġerixxi li servizz ta’ konsulenza bħal dan jagħmel użu mill-għarfien espert tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); jipproponi li l-attivitajiet tal-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif jiġu inklużi fl-ambitu tal-EHB biex jinħoloq forum fiżiku fejn il-produtturi u l-konsumaturi tal-idroġenu jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jirċievu konsulenza u jiskambjaw l-aħjar prattiki; |
|
26. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiġi limitata l-frammentazzjoni tal-entitajiet tal-UE li jittrattaw l-idroġenu; jipproponi li jiġu inklużi l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif, u speċjalment l-Osservatorju tal-Idroġenu taċ-Ċelloli tal-Fjuwil, fil-qafas tal-EHB; jinsisti li tali inklużjoni m’għandhiex tnaqqas l-investiment pubbliku għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; |
|
27. |
Jemmen li mekkaniżmu volontarju ta’ xiri konġunt għall-idroġenu jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq domestiku tal-idroġenu u għall-iżgurar tal-importazzjonijiet fil-qafas tal-EHB; jisħaq li x-xiri konġunt jiffaċilita wkoll l-investimenti fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, jiżgura l-provvista tal-idroġenu rinnovabbli bi prezzijiet affordabbli, u jipprevjeni lill-konsumaturi Ewropej milli jagħmlu offerti kontra xulxin; |
|
28. |
Jinnota li AggregateEU jista’ jaħdem bħala proġett pilota għall-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu fil-qafas tal-EHB; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu għall-aggregazzjoni volontarja tad-domanda u x-xiri konġunt tal-idroġenu u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva għal dak l-għan; jemmen li din il-valutazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq analiżi fil-fond tal-mudelli adegwati ta’ kooperazzjoni tal-kumpaniji u fuq il-possibbiltà li jinħolqu skemi ta’ garanzija li jippermettu l-involviment effettiv ta’ kumpaniji iżgħar u SMEs; |
|
29. |
Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-akkwist pubbliku ekoloġiku sabiex jiffavorixxu prodotti prodotti bl-idroġenu rinnovabbli, bħall-azzar użat fil-kostruzzjoni ta’ bini u infrastruttura pubbliċi; |
Importazzjonijiet ta’ idroġenu rinnovabbli
|
30. |
Jinnota li, minkejja żieda fil-produzzjoni domestika tal-idroġenu rinnovabbli, żieda fit-talba tista’ tirrikjedi importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-EHB għandu jisfrutta s-sinerġiji dwar l-aċċellerazzjoni tal-importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli, filwaqt li jindirizza d-domanda dejjem akbar tas-suq Ewropew; |
|
31. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġu promossi l-kurituri tal-infrastruttura identifikati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan REPowerEU, sabiex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni ta’ sa 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli filwaqt li tiġi appoġġjata d-dekarbonizzazzjoni fil-pajjiżi sħab; |
|
32. |
Ifakkar li l-tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) ser japplika għall-idroġenu; jenfasizza r-rwol importanti tal-UE fid-definizzjoni tal-istandards fil-livell globali u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi skema ta’ ċertifikazzjoni robusta sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’konformità mad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli, ekwivalenti għar-regoli li japplikaw għall-produzzjoni domestika, sabiex jiġu żguarti kundizzjonijiet ekwivalenti għal sħab internazzjonali affidabbli; |
|
33. |
Jinsisti li l-investiment fl-idroġenu rinnovabbli minn pajjiżi terzi għandu jkun soġġett għal prinċipji ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, inkluż, fost oħrajn, il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju; |
|
34. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji linji gwida bi kriterji ċari u trasparenti fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-appoġġ tal-UE għall-produtturi minn pajjiżi mhux tal-UE, abbażi tar-riskji ġeopolitiċi u t-tnaqqis potenzjali ta’ dawn permezz tal-kooperazzjoni, id-disponibbiltà tar-riżorsi għat-tranżizzjoni tal-enerġija domestika tagħhom, l-allinjament tagħhom mal-valuri tal-EU u mal-istandards amjentali u soċjali, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet indiġeni; |
|
35. |
Jisħaq li ċerti reġjuni tad-dinja għandhom kundizzjonijiet ħafna aħjar għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli minħabba abbundanza ta’ spazju u elettriku rinnovabbli; ifakkar li jisħaq li d-diplomazija tal-UE fil-qasam tal-enerġija u l-idroġenu għandha tippromwovi l-iżvilupp ta’ swieq tal-idroġenu globali, ibbażati fuq regoli, trasparenti u bla distorsjoni u għandha tippermetti lill-pajjiżi sħab, fil-livell globalment u b’mod partikolari fil-viċinat tal-UE, jiksbu t-tranżizzjonijiet tal-enerġija tagħhom u jtejbu l-istandards ambjentali, soċjali u demokratiċi tagħhom; |
|
36. |
Jissottolinja l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-fornituri u taż-żamma ta’ kondizzjonijiet globali ekwivalenti ġusti fl-għoti tal-appoġġ għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli f’pajjiżi mhux tal-UE; jipproponi li jintalab l-użu tal-euro għal importazzjonijiet ta’ idroġenu rinnovabbli li jirċievi appoġġ mill-UE, sabiex issir il-munita ta’ riferiment fil-livell globali għall-iskambji tal-idroġenu madwar id-dinja; |
Appoġġ finanzjarju għat-trasportazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli
|
37. |
Jenfasizza li għal aċċellerazzjoni b’suċċess tas-suq tal-idroġenu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat investiment suffiċjenti biex tiġi żviluppata infrastruttura adegwata tal-idroġenu mhux biss biex jiġu konnessi l-provvista u d-domanda, iżda wkoll biex l-idroġenu jinħażen u jiġi ttrasportat madwar l-UE (pereżempju, is-Sinsla Ewropea tal-Idroġenu); jinsisti li l-konġestjonijiet u l-konnessjonijiet neqsin għandhom jiġu evitati ħalli l-idroġenu jkun jista’ jilħaq l-industriji li l-aktar għandhom bżonnu; jisħaq li l-iżvilupp ta’ sistema tal-idroġenu għandu jagħti prijorità, fejn possibbli, lill-kolokazzjoni tal-produzzjoni u l-użu, u jippermetti l-akbar sinerġiji possibbli mal-infrastruttura eżistenti għat-trasport tal-gass naturali; |
|
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-investiment privat, u, fejn neċessarju, jiżguraw il-finanzjament pubbliku għal installazzjonijiet ġodda għall-idroġenu u għall-għoti ta’ skop ġdid lil dawk użati bħalissa għall-gass naturali; iqis li kemm l-għotjiet kif ukoll il-kuntratti għad-differenza (għall-karbonju) b’komponent marbut mal-kost tat-trasport jistgħu ikunu strumenti xierqa biex jappoġġjaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-idroġenu; jisħaq, mill-istess perspettiva, li għandhom jiġu allokati riżorsi addizzjonali għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, sabiex jissaħħaħ il-finanzjament tal-infrastruttura rilevanti, u li għandu jiġi mobilizzat finanzjament alternattiv tal-UE fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; |
|
39. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinkariga lill-EHB jikkoordina l-ġbir tad-data rilevanti kollha, maħruġa mill-Kummissjoni, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali jew mill-industrija, fir-rigward tal-produzzjoni, il-ħżin, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-idroġenu; jinnota li dik id-data għandha ssir disponibbli għall-pubbliku, kull meta jkun possibbli, u tista’ tintuża fil-proċess deċiżjonali għall-approvazzjoni ta’ infrastruttura relatata mal-idroġenu skont ir-Regolament dwar in-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija rivedut (25); |
Simplifikazzjoni tal-istrumenti u mekkaniżmi finanzjarji tal-UE
|
40. |
Jesprimi tħassib li l-industriji bħalissa qed jittrattaw ma’ taħlita ta’ strumenti differenti ta’ appoġġ finanzjarju għall-produzzjoni tal-idroġenu; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-EHB punt uniku ta’ kuntatt għall-finanzjament tal-idroġenu; |
|
41. |
Jieħu nota tal-baġit totali ta’ EUR 3 biljun għall-EHB li kien imħabbar fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-baġit annwali disponibbli għall-ħames snin li ġejjin taħt kull pilastru tal-EHB u tħejji pjan direzzjonali għall-irkanti ppjanati; jinsisti li l-irkanti futuri għandhom jitħabbru mill-inqas 12-il xahar minn qabel sabiex jipprovdu prevedibbiltà għall-industrija; |
|
42. |
Jesprimi tħassib qawwi dwar il-baġit ġenerali tal-EHB meta mqabbel mas-sussidji, l-inċentivi u l-qafas ta’ investiment aktar attraenti f’reġjuni oħra tad-dinja, b’mod partikolari ċ-Ċina u l-Istati Uniti; jemmen li l-pakkett attwali ta’ EUR 800 miljun għall-ewwel irkant pilota huwa limitat wisq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi baġit xieraq għall-EHB billi żżidu b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin b’riżorsi ġodda; |
|
43. |
Jilqa’ r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) fejn il-Kummissjoni pproponiet EUR 5 biljun addizzjonali għall-Fond għall-Innovazzjoni; jitlob li parti sinifikanti minn din iż-żieda tiġi allokata għall-EHB, sabiex il-Fond għall-Innovazzjoni jkun jista’ jappoġġja aktar proġetti; jenfasizza li, minbarra l-Fond għall-Innovazzjoni, għandu jiġi esplorat finanzjament alternattiv sabiex l-EHB ikun indipendenti mill-varjazzjonijiet fil-prezz tal-karbonju; |
|
44. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-indiċjar tal-inflazzjoni għall-primjum fiss, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà u jiġu protetti l-produtturi – speċjalment dawk żgħar u ta’ daqs medju – minn żidiet futuri potenzjali fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-materja prima u tal-ħidma operattiva; |
|
45. |
Jinnota li l-Kummissjoni s’issa għadha ma ħarġitx bi strument finanzjarju biex tappoġġja l-importazzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-EHB u l-programmi stabbiliti mill-Istati Membri fil-każ ta’ importazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel proposta leġiżlattiva għal strument finanzjarju intiż għall-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE fil-qafas tal-EHB, fejn xieraq u kompatibbli mas-CBAM; |
|
46. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ persunal speċjalizzat biex iwettaq l-operazzjonijiet tal-EHB u jitlob finanzjament adegwat f’dan ir-rigward; jissuġġerixxi li tiġi stabbilita taskforce għall-EHB b’persunal mis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni; |
|
47. |
Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissimplifika l-użu tal-finanzjament tal-UE għall-proġetti tal-idroġenu, kif ukoll il-proposta leġiżlattiva għal Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), fejn l-idroġenu rinnovabbli huwa identifikat bħala teknoloġija nadifa kritika li teħtieġ appoġġ ulterjuri; jitlob l-ogħla livell ta’ sinerġija bejn l-STEP u l-EHB; |
|
48. |
Jinsisti li l-EHB isir l-uniku punt ta’ kuntatt għal għoti ta’ informazzjoni dwar finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali biex jiġu appoġġjati proġetti ta’ idroġenu rinnovabbli; jipproponi li l-Kumpass ta’ Finanzjament Pubbliku tal-Idroġenu jingħaqad mal-EHB u li tiġi inkluża informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha, inkluż, fost oħrajn, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont Ewropa u l-Fond għall-Innovazzjoni, b’aġġornamenti regolari; |
|
49. |
Jissuġġerixxi li l-EHB jistabbilixxi għodda online li tippermetti lill-industrija u, b’mod partikolari, lill-SMEs jivvalutaw malajr l-eliġibbiltà possibbli ta’ proġett relatat mal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-finanzjament tal-UE, li għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali u m’għandhiex tirrikjedi l-għoti ta’ xi informazzjoni kunfidenzjali; |
|
50. |
Jistieden lill-BEI jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal proġetti tal-idroġenu rinnovabbli; jitlob lill-BEI jipprovdi self b’rata żero jew garantit, filwaqt li jassisti fl-iżgurar ta’ finanzjament fit-tul u jippermetti investimenti azzjonarji u investimenti ta' tip ieħor fi proġetti rilevanti; |
|
51. |
Jappoġġja l-introduzzjoni ta’ prezz massimu għall-primjum fiss kif propost mill-Kummissjoni sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed ta’ applikanti li jipparteċipaw b’suċċess fl-irkanti; jinsisti li l-appoġġ tal-UE għandu jieqaf ladarba l-prezz tas-suq tal-idroġenu rinnovabbli jsir kompetittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament il-kost tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq għall-idroġenu rinnovabbli u tivvaluta mill-ġdid il-primjum fiss mogħti lill-proġetti rebbieħa fi tmiem kull arranġament kuntrattwali bejn il-produtturi u l-konsumaturi, jew mill-inqas kull ħames snin; |
It-trasparenza, ir-responsabbiltà u r-rapportar
|
52. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ rapport annwali mill-Kummissjoni li jivvaluta l-progress fl-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li jivvaluta l-attivitajiet tal-EHB; jitlob li dan ir-rapport jivvaluta wkoll it-tqassim ġeografiku tal-finanzjament, l-għadd ta’ impjiegi maħluqa, it-tibdil fil-provvista u fid-domanda, il-kost tal-idroġenu rinnovabbli meta mqabbel ma’ forom oħrajn tal-idroġenu u l-iżvilupp ta’ infrastrutturi speċifiċi tal-idroġenu; |
|
53. |
Jitlob li l-Kummissjoni tressaq valutazzjoni komprensiva tal-EHB qabel il-proposta tagħha għal QFP ġdid;
° ° ° |
|
54. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri. |
(1) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.
(2) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
(3) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(4) ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1.
(5) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.
(6) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.
(7) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(8) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(9) ĠU L 335, 29.12.2022, p. 1.
(10) ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17.
(11) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.
(12) ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11.
(13) ĠU L 157, 20.6.2023, p. 20.
(14) ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6.
(15) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 56.
(16) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 45.
(17) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 58.
(18) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(19) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 116.
(20) ĠU C 345, 16.10.2020, p. 80.
(21) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 10.
(22) ĠU C 293, 18.08.2023, p. 127.
(23) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(24) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(25) Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4185/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)