|
9.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 377/1 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-23 ta’ Settembru 2020
dwar proposti għal regolamenti li jemendaw il-qafas għat-titolizzazzjoni tal-Unjoni b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(CON/2020/22)
(2020/C 377/01)
Introduzzjoni u bażi legali
Fis-27 ta’ Awwissu 2020 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar (a) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost dwar it-titolizzazzjoni”); u (b) proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (2) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost li jemenda s-CRR”) (flimkien minn hawn ’il quddiem ir-“regolamenti proposti”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regolamenti proposti fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw: (a) il-kontribuzzjoni tas-SEBĊ għat-twettiq bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema tas-suq finanzjarju skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat; u (b) il-kompiti mogħtija lill-BĊE skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat rigward politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Osservazzjonijiet ġenerali
1. Għanijiet tar-regolamenti proposti
L-implikazzjonijiet mingħajr preċedent tal-kriżi globali kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus (COVID-19) wasslu biex l-awtoritajiet pubbliċi madwar id-dinja jieħdu azzjoni rapida u deċisiva mmirata biex tiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jibqgħu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali u jkunu kapaċi jappoġġaw l-irkupru ekonomiku, minkejja t-telf dejjem jiżdied li aktarx se jkollhom jiffaċċjaw minħabba l-kriżi.
Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti madwar l-Unjoni, inkluż il-BĊE, ipprovdew kapital u għajnuna operazzjonali temporanji b'reazzjoni għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, il-korpi leġiżlattivi tal-Unjoni reċentement adottaw ir-Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li fih emendi mmirati għall-qafas regolatorju prudenzjali tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex tiġi mmassimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jsellfu u jassorbu t-telf relatat mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom (4).
F'dan l-isfond, il-BĊE jilqa’ b’mod ġenerali r-regolamenti proposti tal-Kummissjoni, li fihom emendi mmirati għall-qafas tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni bl-għan li jiffaċilitaw l-użu tat-titolizzazzjoni fl-irkupru tal-Unjoni permezz ta’ żewġ miżuri. L-ewwel miżura hija l-introduzzjoni ta’ qafas għat-titolizzazzjoni sintetika sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) fil-karta tal-bilanċ sabiex jiġi ffaċilitat is-self mill-istituzzjonjiet ta’ kreditu lill-ekonomija reali. It-tieni miżura hija t-tneħħija ta’ ostakli regolatorji għat-titolizzazzjoni ta’ skoperturi improduttivi (NPEs), sabiex tinżamm il-kapaċità ta' self tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, minħabba li tista’ tkun mistennija żieda fl-NPEs ikkawżata mill-COVID-19. Hija bbażata fuq standards abbozzati proposti mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u ppubblikati għall-konsultazzjoni f’Ġunju 2020 (minn hawn ’il quddiem l-“istandards abbozzati tal-BCBS”) (5).
2. Kjarifika tal-kompetenza superviżorja tal-BĊE
Il-BĊE jixtieq ifakkar il-fehma tiegħu espressa fl-Opinjoni preċedenti tal-BĊE dwar il-qafas għat-titolizzazzjoni tal-Unjoni (CON/2016/11) (6) rigward il-kompetenzi superviżorji tal-BĊE fir-rigward tat-titolizzazzjoni (7). Kif innotat hemmhekk, l-Artikolu 127(6) tat-Trattat jippermetti biss l-għoti ta' kompiti lill-BĊE f'oqsma tal-politika dwar is-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (8) jagħti lill-BĊE, għall-finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompitu li jiżgura l-konformità minn istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti mad-dritt rilevanti tal-Unjoni Ewropea li jimponi rekwiżiti prudenzjali fil-qasam tat-titolizzazzjoni.
B’mod partikolari, f’konformità mal-Opinjoni preċedenti tal-BĊE, il-BĊE jibqa’ tal-fehma li l-iżgurar dirett tal-konformità ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti li jaġixxu bħala oriġinaturi, sponsors jew mutwanti oriġinali b’regoli ta’ ritenzjoni tar-riskju (l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)) u rekwiżiti ta’ trasparenza (l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/2402) għandu jitqies bħala primarjament relatat mas-superviżjoni tas-swieq tal-prodotti. Dan japplika wkoll għar-regoli relatati mal-projbizzjoni fuq ir-rititolizzazzjoni (l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/2402). L-objettiv primarju ta’ dawn ir-regoli ma huwiex is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawn ir-regoli jiżguraw minflok l-allinjament tal-interessi bejn l-oriġinaturi, l-isponsors jew il-mutwanti oriġinali u l-investituri u jippermettu lill-investituri jifhmu, jevalwaw u jqabblu t-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni. Għaldaqstant, il-BĊE iqis li dawn il-kompiti ma jistgħux jingħataw lill-BĊE.
F'dan l-isfond, il-BĊE huwa mħasseb li l-premessa (21) tar-regolament propost dwar it-titolizzazzjoni tassenja indebitament karattru prudenzjali lill-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament (UE) 2017/2402 billi tirreferi għal dawn ir-rekwiżiti bħala obbligi prudenzjali u tafda speċifikament il-kompetenza biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali, mingħajr ma tagħti ebda raġuni għaliex dawn ir-regoli huma meqjusa prudenzjali. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota wkoll li l-premessa (21) tidher li tikkontradixxi l-objettivi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament (UE) 2017/2402, kif espressi fil-premessi (8) u (10) sa (13) ta’ dak ir-Regolament, li jirreferu għall-għan li jiġu ppreżervati u protetti l-interessi tal-investituri.
Interpretazzjoni bħal dik issuġġerita mill-premessa (21) timplika li l-BĊE għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament (UE) 2017/2402, li primarjament huma relatati mas-swieq tal-prodotti u l-protezzjoni tal-investituri. Dik l-interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u ma tistax tiġi segwita. Premessa ma tistax taffettwa r-rekwiżit li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi interpretata skont it-Trattat.
Għaldaqstant, il-premessa (21) tar-regolament propost dwar it-titolizzazzjoni għandu jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-kompetenza tal-BĊE skont ir-regolament propost dwar it-titolizzazzjoni tirrifletti l-kompiti mogħtija lilu mill-Artikolu 127(6) tat-Trattat u mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
Osservazzjonijiet speċifiċi
3. Titolizzazzjonijiet sintetiċi STS
|
3.1. |
Il-Kummissjoni tipproponi, bi qbil mar-rakkomandazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fir-rapport tagħha tas-6 ta’ Mejju 2020 (EBA/OP/2020/07) (10), li tintroduċi qafas speċifiku għat-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS fil-karta tal-bilanċ, simili għall-qafas STS eżistenti għat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali. Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi wkoll trattament tal-piż tar-riskju preferenzjali għas-segmenti superjuri ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi STS miżmuma mill-oriġinatur. Il-BĊE jinnota li din il-proposta ma hijiex konformi mal-istandards tal-BCBS, peress li l-istandards tal-BCBS ma jipprevedux qafas STS għat-titolizzazzjonijiet sintetiċi. |
|
3.2. |
Il-BĊE jilqa’ l-proposta li jiġi standardizzat is-suq tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi permezz tal-introduzzjoni ta’ kriterji STS, li aktarx ikollhom effett ta’ gwida pożittiva. Il-BĊE jirrikonoxxi wkoll li l-analiżi tal-EBA (11) turi l-prestazzjoni tajba ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ f’dawn l-aħħar għaxar snin. Madankollu, bħalma tirrikonoxxi l-EBA fir-rapport imsemmi aktar ’il fuq, hemm limitazzjonijiet fid-data u t-tranżazzjonijiet użati f’din l-analiżi. |
|
3.3. |
Minkejja dan, il-BĊE jirrakkomanda li jiġi stabbilit monitoraġġ dettaljat tas-suq tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi STS. It-trattament tal-piż tar-riskju preferenzjali jista’ jkun inċentiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex iżidu d-dipendenza tagħhom fuq it-titolizzazzjoni sintetika għall-ġestjoni kapitali. Xokk sistemiku futur jista’ potenzjalment jikkawża l-falliment fl-istess ħin ta’ diversi strutturi ta’ titolizzazzjoni sintetika, u b’hekk tinħoloq pressjoni fuq il-pożizzjonijiet kapitali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tonqos il-kapaċità tagħhom ta’ self lill-ekonomija reali. Il-monitoraġġ tar-riskju ta’ tali avveniment ikun prudenti. |
4. It-titolizzazzjoni tal-NPEs
|
4.1. |
Il-BĊE jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li taġġusta t-trattament prudenzjali tat-titolizzazzjonijiet ta’ NPEs, f’konformità mal-konsultazzjoni reċenti mill-BCBS, u jirrakkomanda li l-istandards abbozzati tal-BCBS ikunu riflessi fedelment sakemm ma jkunx hemm raġuni b’saħħitha biex tiddevja minnhom. F'dak ir-rigward, il-BĊE jirrakkomanda li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tkun aġġustata, jekk meħtieġ, biex tirrifletti l-istandards finali tal-BCBS. It-titolizzazzjonijiet tal-NPEs huma għodda utli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex inaqqsu l-proporzjonijiet ta’ NPEs, filwaqt li jittrasferixxu r-riskju lil hinn mis-sistema bankarja. Il-qafas regolatorju għandu jiffaċilita dan il-proċess, filwaqt li jiżgura li jinżamm kapital adegwat għal pożizzjonijiet f’titolizzazzjonijiet tal-NPEs li jibqgħu fis-sistema bankarja. |
|
4.2. |
Ir-regoli attwali għall-komputazzjoni tal-piżijiet tar-riskju għal pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, jekk jiġu applikati b’mod strett, jistgħu jwasslu għal piżijiet ta’ riskju għoljin iżżejjed għal pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjonijiet tal-NPEs. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis tal-NPEs mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, element importanti huwa li jiġi żgurat li l-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni li jirriżultaw ikunu soġġetti għal piżijiet xierqa tar-riskju. L-istandards abbozzati tal-BCBS jilħqu kompromess tajjeb bejn is-sensittività għar-riskju u s-sempliċità billi jiddefinixxu piż tar-riskju fiss ta’ 100 % għas-segmenti superjuri ta’ titolizzazzjonijiet tal-NPEs kwalifikanti. |
|
4.3. |
Id-definizzjoni ta’ titolizzazzjonijiet tal-NPEs fir-regolament propost dwar it-titolizzazzjoni tiddevja mid-definizzjoni proposta fl-istandards abbozzati tal-BCBS. Filwaqt li l-istandards abbozzati tal-BCBS jiddefinixxu t-titolizzazzjonijiet tal-NPEs bħala dawk fejn il-parametru W (definit fl-Artikolu 261(2) tas-CRR) huwa akbar minn 90 %, il-proposta tal-Kummissjoni tiddefinixxi t-titolizzazzjonijiet tal-NPEs bħala titolizzazzjonijiet fejn 90 % tal-assi sottostanti huma improduttivi kif iddefinit fl-Artikolu 47a(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (minn hawn ’il quddiem is-“CRR”). Il-BĊE jappoġġa l-approċċ propost mill-Kummissjoni għar-raġunijiet li ġejjin. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Unjoni japplikaw id-definizzjoni tal-NPEs kif stabbilit fl-Artikolu 47a(3) tas-CRR għall-finijiet ta’ rapportar regolatorju u ġestjoni tar-riskju; id-definizzjoni fl-Artikolu 47a(3) tas-CRR hija aktar allinjata mill-qrib mar-riskji ekonomiċi assoċjati u l-prattika tal-banek mill-parametru W. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-NPEs fl-Artikolu 47a(3) tas-CRR tkopri skoperturi li probabbilment ma jitħallsux lura, b’kuntrast mad-definizzjoni proposta fl-istandards abbozzati tal-BCBS; ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni għandhom stokkijiet sinifikanti ta’ skoperturi li probabbilment ma jitħallsux lura u jibbenefikaw mill-proposti. |
|
4.4. |
Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi emendi għall-eliġibbiltà ta’ protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata kif stabbilit fl-Artikolu 249(3) tas-CRR. Għalkemm is-CRR attwali ma huwiex kompletament konformi mal-istandards tal-BCBS (13) fuq din il-kwistjoni, il-proposta tal-Kummissjoni wkoll ma hijiex kompletament allinjata mal-istandards tal-BCBS. Il-BĊE jipproponi l-emenda tal-Artikolu 249(3) tas-CRR biex ikun allinjat kompletament mal-istandards tal-BCBS, li jfisser li ebda rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni ma jiġi impost fuq il-parti l-kbira tal-fornituri ta’ protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata, filwaqt li rekwiżiti jkunu imposti fuq protezzjoni ta' kreditu mhux iffinanzjata provduta minn entitajiet privati mhux irregolati skont l-istandards tal-BCBS. |
|
4.5. |
Il-BĊE jirrakkomanda emenda għad-definizzjoni proposta ta’ skont mhux rimborżabbli fil-prezz tax-xiri (NRPPD). Il-proposta tal-Kummissjoni tiddefinixxi l-NRPPD bħala l-iskont tal-prezz imġarrab meta l-NPEs jiġu ttrasferiti lil entità bi skop speċjali (SPV) bi skambju għal noti ta’ titolizzazzjoni taħt l-ammont nominali pendenti tagħhom. Madankollu din id-definizzjoni ma tkoprix l-iskont addizzjonali realizzat meta l-oriġinatur ibiegħ dawn in-noti lil investituri taħt l-ammont nominali tagħhom (14). Sabiex tinkludi s-sostanza ekonomika tat-titolizzazzjonijiet tal-NPEs, id-definizzjoni għandha tkun estiża wkoll biex tkopri skontijiet li jiġu realizzati meta n-noti jinbiegħu lill-investituri fl-oriġinazzjoni. Il-BĊE jirrakkomanda wkoll li jiġu esklużi espressament l-iskontijiet rimborżabbli fil-prezz tax-xiri, li jistgħu jdgħajfu t-trasferiment tar-riskju minħabba li l-oriġinatur ikun għadu espost għall-prestazzjoni tal-NPEs. |
|
4.6. |
Il-Kummissjoni tipproponi emenda għall-kalkolu tar-rekwiżiti massimi ta’ kapital definiti fl-Artikolu 268 tas-CRR għat-titolizzazzjonijiet tal-NPEs billi tippermetti t-tnaqqis tal-NRPPD mit-telf mistenni meta jinħadmu r-rekwiżiti massimi ta’ kapital. Il-BĊE jinnota li għalkemm hemm argumenti li jsostnu l-fehma li l-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis hija konsistenti mal-istandards tal-BCBS (15) fuq din il-kwistjoni, dan ma huwiex iddikjarat b’mod espliċitu f'dawk l-istandards. |
|
4.7. |
Finalment, il-BĊE jirrakkomanda li, biex jiġi evitat kwalunkwe dubju, jiġi ċċarat li l-limitu minimu għall-ponderazzjoni tar-riskju ta’ 100 % għat-titolizzazzjonijiet tal-NPEs jegħleb l-hekk imsejjaħ “approċċ ta’ trasparenza” għall-ponderazzjoni tar-riskju massimu għall-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni superjuri skont l-Artikolu 267 tas-CRR (jekk il-limitu massimu jirriżulta f’piż tar-riskju taħt il-100 %), kif iddikjarat b’mod espliċitu fl-istandards abbozzati tal-BCBS (ara CRE 45.5).
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolamenti proposti jiġu emendati, abbozzi ta’ proposti speċifiċi huma stabbiliti f'dokument ta' ħidma tekniku separat akkumpanjat minn test ta’ spjegazzjoni għal dan il-għan. Id-dokument ta' ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Settembru 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2020) 282 final.
(2) COM(2020) 283 final.
(3) Ir-Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta’ ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 4).
(4) Ara t-Taqsima 1 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni (COM(2020) 310 final).
(5) Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, “Technical amendment: Capital treatment of securitisations of non-performing loans”, Ġunju 2020 (maħruġ għall-kummenti sat-23 ta’ Awwissu 2020).
(6) Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2016 dwar (a) proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u (b) proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (CON/2016/11) (ĠU C 219, 17.6.2016, p. 2).
(7) Ara l-paragrafu 3 tal-Opinjoni CON/2016/11.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013. p. 63).
(9) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(10) Rapport tal-EBA dwar qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika taħt l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2017/2402 (EBA/OP/2020/07) datat is-6 ta’ Mejju 2020.
(11) Rapport tal-EBA dwar qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika taħt l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2017/2402 (EBA/OP/2020/07) datat is-6 ta’ Mejju 2020.
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(13) Standard tal-BCBS li jiddeskrivi l-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskju ta' kreditu, Kapitolu 22, paragrafu 90 tal-Qafas ta’ Basel (CRE 22.90).
(14) It-titolizzazzjonijiet tal-NPEs spiss jiġu eżegwiti kif deskritt fl-eżempju li ġej: (1) l-oriġinatur għandu portafoll ta’ NPEs b’valur pendenti ta’ 100 u valur kontabilistiku ta’ 60; (2) l-oriġinatur imbagħad jittrasferixxi l-portafoll ta’ NPEs lil SPV b’valur ta’ 60; (3) l-SPV toħroġ noti b’valur nominali ta’ 60 (jiġifieri noti inferjuri b’valur nominali ta’ 20; noti intermedji b’valur nominali ta’ 20; noti superjuri b’valur nominali ta’ 20), li hija tittrasferixxi lill-oriġinatur bi skambju għall-portafoll ta’ NPEs; (4) l-oriġinatur ibiegħ in-noti inferjuri u intermedji lil investituri għal prezz tal-bejgħ ta’ 10 (jiġifieri noti inferjuri mibjugħin għal 2; noti intermedji mibjugħin għal 8 – fuq il-bażi tas-suppożizzjoni simplifikata li l-oriġinatur ma huwiex meħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ ritenzjoni tar-riskju) u jżomm in-noti superjuri, filwaqt li jagħtihom valur kontabilistiku ta’ 20. F'dan l-eżempju, definizzjoni limitata ta’ NRPPD twassal għal valur ta’ 40 %, filwaqt li definizzjoni usa’, li tirrifletti aħjar ir-realtà ekonomika, twassal għal valur ta’ 70 %. Definizzjoni usa’ tippermetti għalhekk li firxa usa’ ta’ titolizzazzjonijiet tal-NPEs jibbenefikaw mill-piż tar-riskju fiss ta’ 100 %.
(15) Standard tal-BCBS li jiddeskrivi l-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskju ta' kreditu, Kapitolu 40, paragrafu 54 tal-Qafas ta’ Basel (CRE 40.54).