7.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/65


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1859

tal-10 ta’ Ġunju 2022

li jemenda l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1248/2012 fir-rigward tal-format għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala repożitorji tat-tranżazzjonijiet u għall-applikazzjonijiet għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni bħala repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji (1) tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u b’mod partikolari l-Artikolu 56(4), ir-raba’ subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1248/2012 (2) jistipula format uniformi għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. L-użu tal-format uniformi previst f’dak ir-Regolament wera bil-provi l-effiċjenza tiegħu għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biex jipprovdu informazzjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq rigward l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Billi l-informazzjoni li trid tingħata fl-applikazzjoni għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet hija simili għall-informazzjoni ekwivalenti li trid tingħata meta ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet, l-istess format uniformi huwa adattat għaż-żewġ applikazzjonijiet.

(2)

F’konformità mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 (3), fil-każijiet li fihom repożitorju tat-tranżazzjonijiet applikant iqis li rekwiżit ta’ dak ir-Regolament mhuwiex applikabbli għalih, irid jindika b’mod ċar dak ir-rekwiżit fl-applikazzjoni tiegħu u jipprovdi spjegazzjoni għalfejn dak ir-rekwiżit ma japplikax. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti u l-ispjegazzjonijiet jiġu identifikati b’mod ċar fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni bħala repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ għalhekk li r-referenzi għall-att delegat fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1248/2012 jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 150/2013.

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1248/2012 jiġi emendat skont dan.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1248/2012 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Format tal-applikazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet u applikazzjonijiet għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandhom jitressqu fil-format stabbilit fl-Anness.

2.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħti numru ta’ referenza uniku għal kull dokument li jressaq u għandu jidentifika b’mod ċar ir-rekwiżit speċifiku stipulat fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 (*1) li għalih jirreferi d-dokument.

3.   Fil-każijiet li fihom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jressaqx informazzjoni li tirrigwarda rekwiżit speċifiku stipulat fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 150/2013, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew l-applikazzjoni għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet, kif applikabbli, għandha tindika b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex tali informazzjoni ma tressqitx.

4.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet u l-applikazzjonijiet għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandhom jitressqu permezz ta’ mezz li jservi fit-tul kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), il-punt (m), tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*1)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 25)."

(*2)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).”;"

2.

L-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1248/2012 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-format tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 352, 21.12.2012, p. 30).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 25).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ FORMATI GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI BĦALA REPOŻITORJU TAT-TRANŻAZZJONIJIET U GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-ESTENSJONI TAR-REĠISTRAZZJONI BĦALA REPOŻITORJU TAT-TRANŻAZZJONIJIET ”.

(2)

fit-tieni tabella, l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“ REFERENZI TAD-DOKUMENTI”

(3)

fit-tieni tabella, l-intestatura tal-ewwel kolonna hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Artikolu tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 ” .