|
24.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1076/2010
tat-22 ta’ Novembru 2010
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod speċjali l-Artikolu 9(1)(a), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, hu neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hi bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hi stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna nru (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna nru (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna nru (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2). |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna nru (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna nru (2) ta’ dik it-tabella.
Artikolu 2
Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2010.
Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi tan-NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Artiklu (magħruf bħala “common mode choke”) bil-qisien ta’ bejn wieħed u ieħor 3 × 3 × 2 ċm (inkluż il-pjanċa tal-bażi), li jikkonsisti f’żewġ kojls ta’ wajer tar-ramm insjulat imdawwar fuq parti ċentrali tal-ferrit ċirkulari, bi proporzjon ta’ 1:1. Il-kurrent b’mod differenzjali (is-sinjal), li jkun għaddej f’direzzjonijiet opposti minn ġol-kojls, joħloq żoni manjetiċi indaqs u opposti li jeliminaw lil xulxin. Dan joħloq riżultat fejn ma jkun hemm l-ebda impedenza fl-artiklu għall-kurrent b’mod differenzjali, li jgħaddi mingħajr ma jinbidel. Il-kurrent b’mod komun (l-interferenza), li jkun għaddej fl-istess direzzjoni minn ġewwa l-kojls, joħloq żoni manjetiċi indaqs u in-phase li jammontaw flimkien. Dan joħloq riżultat fejn ikun hemm impedenza għolja fl-artiklu għall-kurrent b’mod komun, li jgħaddi b’mod attenwat. |
8504 50 95 |
Il-klassifikazzjoni hi determinata permezz tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Maqgħuda u mill-kitba fil-kodiċi NM 8504 , 8504 50 u 8504 50 95 . Il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 8504 31 bħala transformer hi eskluża, peress li għalkemm il-manifattura tal-artiklu hi dik ta’ transformer, dan ma jistax ibiddel il-kurrent li jalterna f’kurrent li jalterna differenti. Dan jitrasferixxi biss kurrenti li jalternaw bi proporzjon ta’ 1:1 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8504 ). Minħabba l-funzjoni tiegħu, l-artiklu jikkostitwixxi bħala apparat ta’ induzzjoni tas-subintestatura 8504 50 , peress li hu użat biex ikun limitat jew imwaqqaf l-andament tal-kurrent b’mod komun (l-interferenza) filwaqt li jitħalla għaddej il-kurrent b’mod differenzjat (is-sinjal) mingħajr ma jinbidel. Għalhekk l-artiklu għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM bin-numru 8504 50 95 bħala apparat ta’ induzzjoni. |