|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2111 |
24.9.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2111
tat-23 ta’ Settembru 2026
li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2143 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1), il-punt (c), u l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 (2) jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati maċ-ċertifikati u l-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2143 (3) li jemenda r-Regolament (UE) 2015/340 fir-rigward tal-introduzzjoni tat-taħriġ u l-valutazzjoni bbażati fuq il-kompetenza u tat-taħriġ virtwali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. B’mod partikolari, huwa emenda l-punt ATCO.C.005 tal-Anness I (il-PARTI ATCO) tar-Regolament (UE) 2015/340 billi introduċa l-possibbiltà li l-persuni li jkollhom jew li kellhom liċenzja militari nazzjonali ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru jiġu awtorizzati jagħtu struzzjoni dwar apparati ta’ taħriġ sintetiċi, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 3, it-tielet paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2143, il-punt emendat ATCO.C.005 tal-Anness I (il-PARTI ATCO) tar-Regolament (UE) 2015/340 beda japplika fit-13 ta’ Mejju 2026. Madankollu, il-punti ATCO.AR.A.010(ca) u ATCO.AR.D.001(a)(1a), imdaħħla fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/340, se jkunu applikabbli biss mill-1 ta’ Jannar 2029. Dawk il-punti jagħtu kompiti ġodda lill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2015/340 u jirreferu għall-punti ATCO.C.005(b) u (c) tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/340. Il-punti ATCO.AR.A.010(ca) u ATCO.AR.D.001(a)(1a) tal-Anness II jenħtieġ li jibdew japplikaw malajr kemm jista’ jkun peress li l-punti ATCO.C.005(b) u (c) tal-Anness I li jirreferu għalihom diġà huma applikabbli. Mingħajr l-applikazzjoni fil-pront ta’ dawk id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali, l-emendi introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2143 tal-punt ATCO.C.005 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/340 ma jistgħux jiġu implimentati, minħabba l-fatt li trid tingħata awtorizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali lill-persuna li jkollha l-ħsieb li teżerċita l-privileġġi tagħha introdotti fil-punt ATCO.C.005 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/340. Għalhekk, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tiġi kkoreġuta sabiex dawn japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2143 jiġi kkoreġut kif xieraq. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament (UE) 2015/340, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3, it-tielet paragrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2143, jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:
“(ca) il-punti (1) u (2) tal-Anness II”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 tal-20 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati maċ-ċertifikati u l-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 805/2011 (ĠU L 63, 6.3.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/340/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2143 tat-23 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/340 fir-rigward tal-introduzzjoni tat-taħriġ u l-valutazzjoni bbażati fuq il-kompetenza u tat-taħriġ virtwali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (ĠU L, 2025/2143, 24.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2111/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)