|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2067 |
14.9.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2067
tal-11 ta’ Settembru 2026
li tapprova derogi mir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-prodotti tad-difiża għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2026/467, l-Ukrajna trid tfassal skeda għal kull attività, nefqa jew miżura relatata ma’ prodott tad-difiża jew prodott ieħor għal finijiet tad-difiża li għalih ikun beħsiebha tirċievi assistenza, biex tappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tagħha, skont l-Artikolu 8(2), il-punt (a)(iii), tar-Regolament (UE) 2026/467. |
|
(2) |
Tali skeda għandha tistabbilixxi deskrizzjoni tal-prodott tad-difiża jew ta’ prodott ieħor għall-finijiet tad-difiża u informazzjoni dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2026/467. |
|
(3) |
L-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2026/467 jistabbilixxi derogi mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-prodotti tad-difiża għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna. Il-Kummissjoni għandha tapprova tali derogi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis il-parir, l-għarfien espert u l-appoġġ tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, u sakemm il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament jagħti opinjoni pożittiva. |
|
(4) |
Fit-18 ta’ Awwissu 2026, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2026/467, l-Ukrajna ppreżentat lill-Kummissjoni skeda tal-prodotti (“it-tmien skeda tal-prodotti”), ikklassifikata f’livell ekwivalenti għal RESTREINT UE/EU RESTRICTED f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (2), relatata ma’ missili u munizzjon inklużi splussivi, u sistemi ta’ difiża kontra attakki mill-ajru u mill-missili (il-“prodotti tad-difiża kkonċernati”). |
|
(5) |
Għall-prodotti tad-difiża kkonċernati, l-Ukrajna talbet li tibbenefika mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 13(5), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2026/467, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13(4) ta’ dak ir-Regolament dwar il-manifatturi, l-infrastrutturi, u l-komponenti ta’ tali prodotti tad-difiża. |
|
(6) |
B’appoġġ għat-talba tagħha, l-Ukrajna pprovdiet informazzjoni biex turi l-urġenza tal-ħtieġa tagħha għall-akkwist tal-prodotti tad-difiża kkonċernati biex tiġi miġġielda t-theddida dejjem akbar kaġun tad-droni b’magni li jaħdmu bil-ġett, tal-missili tal-kruċiera, u tal-missili ballistiċi fost l-oħrajn. L-Ukrajna insistiet b’mod partikolari fuq l-importanza ta’ dawn il-prodotti f’kuntest ta’ attakki intensifikati mir-Russja fuq miri ċivili u infrastruttura kritika, l-intensifikazzjoni tal-kapaċità tal-manifattura tar-Russja, u l-mobilizzazzjoni ulterjuri tal-persunal militari li mistennija tagħmel ir-Russja. Ma’ din il-pressjoni jiżdied id-defiċit ta’ assistenza fil-qasam tad-difiża lill-Ukrajna, iġġenerat mit-tnaqqis ta’ appoġġ bilaterali min-naħa tal-pajjiżi sħab fl-2026. Għalhekk, il-prodotti tad-difiża kkonċernati jippermettu lill-Ukrajna tiġġieled l-attakki intensifikati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, tiggarantixxi protezzjoni aħjar tal-infrastruttura ċivili u kritika, kif ukoll tirċievi prodotti indispensabbli fil-livell operazzjonali u strateġiku. |
|
(7) |
Għal sitta mill-prodotti tad-difiża kkonċernati, l-Ukrajna talbet li tibbenefika mid-deroga skont l-Artikolu 13(5), il-punt (a) tar-Regolament. B’appoġġ għat-talba tagħha, l-Ukrajna pprovdiet informazzjoni biex turi li ma hemm l-ebda prodott ekwivalenti li jwieġeb għall-ħtieġa urġenti tagħha u li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2026/467, jew li jkun disponibbli fl-iskala meħtieġa u li ż-żmien meħtieġ għall-konsenja tiegħu jkun proporzjonat mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mal-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna. L-akkwist tas-sitt prodotti tad-difiża kkonċernati għandu l-għan li jirrikostitwixxi l-istokkijiet, li jirrikjedi li tiġi żgurata l-kompatibbiltà sħiħa tal-prodotti tad-difiża kkonċernati mas-sistemi li diġà qegħdin fis-servizz fil-forzi armati Ukreni. L-Ukrajna ssottolinjat b’mod partikolari li wettqet valutazzjoni f’diversi stadji biex tivverifika jekk il-prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti inklużi fl-Artikolu 13(4) jistgħux jiġu akkwistati minflok il-prodotti tad-difiża kkonċernati. L-Ukrajna spjegat li din il-valutazzjoni kienet tinkludi l-verifika tal-eżistenza ta’ prodotti ekwivalenti li joriġinaw mill-Unjoni, minn Stat taż-ŻEE-EFTA, jew mill-Ukrajna li kapaċi jwieġbu għall-ħtieġa urġenti tagħha. L-Ukrajna ssottolinjat li qieset bis-sħiħ l-offerti konkreti li saru mill-Istati Membri u mill-industrija tagħhom fejn kienu jeżistu tali offerti, u l-informazzjoni kondiviża mill-Kummissjoni dwar l-industrija tal-UE, flimkien ma’ informazzjoni bilaterali pprovduta lill-Ukrajna mill-Istati Membri. L-Ukrajna ddeskriviet ukoll li meta prodott eliġibbli simili ġie identifikat, hija vverifikat li tali prodott ma kienx kompatibbli mas-sistemi eżistenti fis-servizz fil-forzi armati Ukreni, jew li ma kienx disponibbli fl-iskala meħtieġa. |
|
(8) |
Abbażi ta’ dan, l-informazzjoni disponibbli tindika wkoll li m’hemm l-ebda alternattiva għal dawk il-prodotti disponibbli fl-Unjoni, fl-Istati taż-ŻEE-EFTA, u fl-Ukrajna. |
|
(9) |
L-Ukrajna pprovdiet ukoll informazzjoni biex tistabbilixxi li ż-żmien meħtieġ għall-konsenja tal-prodotti tad-difiża msemmijin hawn fuq huwa proporzjonat mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mal-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna. B’mod partikolari, il-prodotti jikkorrispondu għal ħtieġa operazzjonali immedjata li tinkludi l-użu ta’ sistemi li diġà qegħdin fis-seħħ għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili esposta għal attakki intensifikati mir-Russja u għalhekk hija partikolarment urġenti. Għalhekk, l-iskeda tal-prodotti tipprevedi żminijiet ta’ konsenja qosra ħafna jew qosra, minħabba d-disponibbiltà tal-prodotti. |
|
(10) |
L-Ukrajna pprovdiet impenn legali mill-Gvern tal-pajjiż terz li jaġixxi bħala l-fornitur tal-prodotti tad-difiża kkonċernati, inkluż żmien meħtieġ għall-konsenja li huwa maħsub li jiġi rrispettat. |
|
(11) |
Għal 24 mill-prodotti tad-difiża kkonċernati, l-Ukrajna talbet li tibbenefika mid-deroga skont l-Artikolu 13(5), il-punt (b) tar-Regolament. B’appoġġ għat-talba tagħha, l-Ukrajna pprovdiet informazzjoni biex turi li, fiż-żmien meta ħadet id-deċiżjoni tagħha, iż-żmien meħtieġ għall-konsenja ta’ dawk il-prodotti huwa ferm iqsar minn dak għal prodott tad-difiża li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2026/467. B’mod partikolari, l-Ukrajna kkonfermat li 70 % tal-ammont totali tal-prodotti se jkunu ġew ikkonsenjati sat-tielet trimestru tal-2026. Fir-rigward tal-prodotti tad-difiża kkonċernati li jifdal, huwa previst li kollha kemm huma ħlief wieħed jiġu kkonsenjati fl-ewwel trimestru tal-2027. Il-prodott li jifdal bħalissa qed jiġi kkonsenjat biċċa biċċa sa Q3 2027. L-Ukrajna kkonfermat ukoll li, fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 13(5), il-punt (b), hija wettqet tqabbil ma’ offerti konkreti magħmulin mill-Istati Membri u mill-industrija tagħhom meta kienu jeżistu tali offerti, informazzjoni preċedentement kondiviża mill-Kummissjoni dwar l-istat tal-industrija tal-UE, kif ukoll informazzjoni bilaterali pprovduta mill-Istati Membri. |
|
(12) |
Abbażi ta’ dan, l-informazzjoni disponibbli tindika wkoll li m’hemm l-ebda alternattiva għal dawk il-prodotti disponibbli fl-Unjoni, fl-Istati taż-ŻEE-EFTA, u fl-Ukrajna. |
|
(13) |
L-Ukrajna pprovdiet impenn legali mill-Gvern tal-pajjiż terz li jaġixxi bħala l-fornitur tal-prodotti tad-difiża kkonċernati, inkluż impenn dwar iż-żmien meħtieġ għall-konsenja. |
|
(14) |
Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-użu tad-deroga tul dak iż-żmien isir b’rispett sħiħ tal-objettivi tar-Regolament biex tiġi ggarantita kooperazzjoni ekonomika u industrijali ġenwina bejn l-Ukrajna u l-Unjoni dwar il-manifattura tal-prodotti tad-difiża, kif ukoll biex tiġi żgurata l-integrazzjoni progressiva tal-industrija Ukrena fil-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), huwa rilevanti li jitqies li l-Ukrajna qed takkwista, fi proċedura parallela, xi sistemi u prodotti tad-difiża simili li jikkonformaw mar-rekwiżiti inklużi fl-Artikolu 13(4). B’hekk, dan se jippermetti d-diversifikazzjoni ulterjuri tal-fornituri, u l-integrazzjoni kontinwa tal-Ukrajna fl-EDTIB. |
|
(15) |
Fis-26 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, stabbilit abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2026/467, dwar it-talba tal-Ukrajna għal deroga u rċeviet il-parir tiegħu fl-istess data. |
|
(16) |
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi msemmijin hawn fuq u filwaqt li tqis il-parir tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2026/467 huma ssodisfati. Konsegwentement, jenħtieġ li d-deroga mitluba mill-Ukrajna fit-18 ta’ Awwissu 2026 tiġi approvata. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2026/467. |
|
(18) |
Fid-dawl tal-urġenza biex l-Ukrajna takkwista l-prodotti tad-difiża kkonċernati u sabiex tkun possibbli implimentazzjoni rapida tad-deroga, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni tapprova l-użu tad-deroga f’konformità mal-Artikolu 13(5), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2026/467 kif mitlub mill-Ukrajna fit-tmien skeda tal-prodotti tagħha li waslet għand il-Kummissjoni fit-18 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2026/467, 26.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/467/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2067/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)