31.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/24


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1143 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Lulju 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/36)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Wara li kkunsidra ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali assoċjati mal-firxa tal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19), il-Kunsill Governattiv stabbilixxa programm temporanju ġdid ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP) taħt id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/17) (1). Il-PEPP jinkludi l-kategoriji kollha ta’ assi eliġibbli taħt il-programm estiż ta’ xiri ta’ assi (APP) tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jħaddan il-programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji, it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds koperti, il-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti b’assi u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv.

(2)

Fl-4 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b’mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, li jirrevedi ċerti karatteristiċi tad-disinn tal-PEPP. Dawn ir-reviżjonijiet huma mmirati biex jiżguraw il-grad meħtieġ ta’ akkomodazzjoni monetarja kif ukoll trasmissjoni mingħajr xkiel tal-politika monetarja maż-żmien, bejn klassijiet ta’ assi u fost ġurisdizzjonijiet, sabiex b’hekk jikkontribwixxu għat-tpaċija tad-deterjorament eċċezzjonalment qawwi u rapidu tat-trajettorja tal-inflazzjoni mistenni b’rabta mal-pandemija.

(3)

Speċifikament, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid l-envelopp separat ġenerali għall-PEPP b’EUR 600 biljun għal total ta’ EUR 1 350 biljun. B’risposta għar-reviżjoni ’l isfel tal-inflazzjoni b’rabta mal-pandemija fuq l-orizzont ta’ projezzjoni, l-espansjoni tal-PEPP ser tkompli tħaffef il-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja, u b’hekk tappoġġja l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fl-ekonomija reali, b’mod speċjali għan-negozji u l-unitajiet domestiċi. Ix-xirjiet ser ikomplu jsiru b’mod flessibbli fuq medda ta’ żmien, bejn il-klassijiet ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet. Dan ser jippermetti li jiġu evitati b’mod effettiv ir-riskji għat-trasmissjoni mingħajr xkiel tal-politika monetarja.

(4)

Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-orizzont maħsub ta’ xirjiet netti taħt il-PEPP tal-anqas sat-tmiem ta’ Ġunju 2021, jew lil hinn, jekk meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li l-fażi ta’ kriżi tal-COVID-19 għaddiet. L-estensjoni tal-orizzont ta’ xiri minimu tallinja l-fażi ta’ xiri nett mad-durata mistennija tal-aktar restrizzjonijiet severi marbuta mal-COVID-19 fuq l-attività ekonomika normali u tal-pressjonijiet korrispondenti ta’ inflazzjoni dgħajfa.

(5)

Sabiex jiġi evitat ir-riskju tal-issikkar mhux iġġustifikat tal-kundizzjonijiet finanzjarji fi żmien meta l-irkupru mix-xokk pandemiku aktarx li ser jibqa’ mhux komplut, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-pagamenti prinċipali li jimmaturaw minn titoli mixtrija taħt il-PEPP ser jiġu investiti mill-ġdid bis-sħiħ ta’ mill-inqas sa tmiem l-2022 u, barra minn hekk, li fi kwalunkwe każ, ir-roll-off futur tal-portafoll PEPP jiġi mmaniġġjat b’tali mod li tiġi evitata interferenza mal-pożizzjoni monetarja xierqa.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17)

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:

“1.   L-Eurosistema bil-preżenti tistabbilixxi l-programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (‘PEPP’) bħala programm ta’ xiri separat. L-envelopp ġenerali tal-PEPP huwa ta’ EUR 1 350 biljun. Il-pagamenti prinċipali li jimmaturaw minn titoli mixtrija taħt il-PEPP għandhom jiġu investiti mill-ġdid fix-xiri ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli ta’ mill-inqas sat-tmiem tal-2022. Fi kwalunkwe każ, ir-roll-off futur tal-portafoll tal-PEPP għandu jiġi mmaniġġjat b’tali mod li tiġi evitata interferenza mal-pożizzjoni monetarja xierqa..”;

2.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

“3.   Il-Kunsill Governattiv jiddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jiffissa r-ritmu xieraq u l-kompożizzjoni tax-xirjiet mensili tal-PEPP fi ħdan l-envelopp ġenerali u totali ta’ EUR 1 350 biljun. B’mod partikolari, l-allokazzjoni tax-xiri tista’ tiġi aġġustata taħt il-PEPP biex tippermetti varjazzjonijiet fid-distribuzzjonijiet tal-flussi tax-xiri, maż-żmien, bejn klassijiet ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fir-raba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Maghmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1).