European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1410

16.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1410

tad-9 ta’ Lulju 2025

dwar il-format, il-mudell u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza tar-reklami politiċi f’konformità mal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/900 jistabbilixxi regoli armonizzati għar-reklamar politiku u għas-servizzi relatati u dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tar-reklamar politiku online. Kif imsemmi fil-premessa 2 tar-Regolament (UE) 2024/900, ir-reklamar politiku jista’ jiġi disseminat jew ippubblikat permezz ta’ media tradizzjonali offline bħall-gazzetti, it-televiżjoni u r-radju, iżda wkoll dejjem aktar permezz ta’ pjattaformi online, siti web, applikazzjonijiet mobbli, logħob tal-kompjuter u interfaċċi diġitali oħra.

(2)

L-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) 2024/900 jirrikjedu lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu, rispettivament, il-format u l-mudell tat-tikketti msemmija fl-Artikolu 11(3) ta’ dak ir-Regolament u l-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-avviżi ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 11(1)(e) u fl-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2024/900 jirrikjedi lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jiżguraw li kull reklam politiku jsir disponibbli flimkien mal-informazzjoni li ġejja b’mod ċar, viżibbli sew u mhux ambigwu: (a) dikjarazzjoni li tgħid li huwa reklam politiku; (b) l-identità tal-isponsor u, fejn applikabbli, tal-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor; (c) fejn applikabbli, l-elezzjoni, ir-referendum u l-proċess leġiżlattiv jew regolatorju li magħhom huwa marbut ir-reklam politiku; (d) fejn applikabbli, dikjarazzjoni li tgħid li r-reklam politiku kien suġġett għal tekniki tal-immirar jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami; u (e) avviż ta’ trasparenza li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dak ir-Regolament, jew indikazzjoni ċara ta’ fejn jista’ jiġi rkuprat faċilment u direttament. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2024/900, il-pubblikaturi tar-reklamar politiku huma meħtieġa wkoll jiżguraw il-kompletezza tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, u l-preċiżjoni tal-informazzjoni ta’ fejn jista’ jinkiseb l-avviż ta’ trasparenza.

(4)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/900, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament trid tiġi pprovduta fil-forma ta’ tikketta inkluża fir-reklam politiku u adattata għall-mezz użat mir-reklam politiku. Skont l-Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2024/900, tali tikketti jridu jkunu prominenti, għandhom jippermettu lill-individwi jidentifikaw faċilment reklam politiku bħala tali, u jridu jibqgħu fis-seħħ jekk ir-reklam politiku jkompli jiġi disseminat.

(5)

L-Artikolu 11(1)(e) tar-Regolament (UE) 2024/900 jirrikjedi li l-pubblikaturi tar-reklamar politiku jiżguraw li kull reklam politiku jsir disponibbli flimkien ma’ avviż ta’ trasparenza li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dak ir-Regolament, jew b’indikazzjoni ċara ta’ fejn tali avviż ta’ trasparenza jista’ jiġi rkuprat faċilment u direttament. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/900, l-avviżi ta’ trasparenza jridu jiġu inklużi f’kull reklam politiku jew dejjem ikunu rkuprati faċilment matul il-perjodu tal-pubblikazzjoni tar-reklam politiku. Iridu wkoll jinżammu aġġornati matul il-perjodu ta’ pubblikazzjoni kollu tar-reklam politiku, ippreżentati f’format li jkun faċilment aċċessibbli u, tal-anqas meta r-reklam politiku jsir disponibbli elettronikament, iridu jkunu disponibbli f’format li jista’ jinqara mill-magni, u jridu jinkitbu bil-lingwa tar-reklam politiku.

(6)

Kif enfasizzat fil-premessa 87 tar-Regolament (UE) 2024/900, l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami jenħtieġ li tiġi ppreżentata f’format li jkun faċilment aċċessibbli, viżibbli b’mod ċar, faċli għall-utent, inkluż permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi, u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

(7)

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2024/900 jirrikjedi li l-pubblikaturi tar-reklamar politiku jżommu l-avviżi ta’ trasparenza tagħhom flimkien ma’ kwalunkwe modifika li tkun saret f’dawk l-avviżi għal perjodu ta’ seba’ snin wara l-aħħar pubblikazzjoni tar-reklam politiku kkonċernat.

(8)

Apparti dan, l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/900 jipprevedi li l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji maħsuba biex jikkontribwixxu għat-tikkettar xieraq tar-reklami politiċi.

(9)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-format u l-mudell tat-tikketti u tal-avviżi ta’ trasparenza, u li jiġi żgurat li dawn jiġu adattati għall-mezz użat mir-reklami politiċi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ġenerali għat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza ta’ reklami politiċi offline u online biex ikopru l-firxa wiesgħa ta’ forom fiżiċi u diġitali ta’ pubblikazzjoni, inkluż, fejn applikabbli, il-prodotti ta’ reklamar. Jenħtieġ li rekwiżiti addizzjonali jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi tal-media awdjoviżiva lineari u on-demand u tas-servizzi tar-radju lineari u mhux lineari, kif ukoll il-format distint tal-media stampata, bħal gazzetti, rivisti, brochures, kotba żgħar, flyers, posters jew fuljetti, u l-karatteristiċi partikolari tal-media diġitali, inklużi pjattaformi online, siti web, applikazzjonijiet mobbli u logħob tal-kompjuter.

(10)

Jista’ jsir l-aħjar użu mill-elementi tal-interfaċċa tal-utent li jiffaċilitaw il-viżwalizzazzjoni tan-navigazzjoni u tal-informazzjoni fil-mezz online, bħal thumbnails, ikoni, viżwalizzazzjonijiet inkorporati, twieqi pop-up, jew messaġġi ta’ sovrapożizzjoni fl-app, biex jiġu ppreżentati t-tikketti u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jirrikonoxxu faċilment ir-reklami politiċi online mingħajr ma jinteraġixxu mar-reklam politiku nnifsu.

(11)

Huwa importanti li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-avviżi ta’ trasparenza li jsiru disponibbli online. Jenħtieġ li dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jkunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tekniċi dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni lir-Repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online, li huma meħtieġa għall-pubblikaturi tar-reklamar politiku biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 13(2) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/900.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), bħal dawk stabbiliti fit-Taqsima III tiegħu, jitqiesu fil-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ trasparenza.

(13)

Dan ir-Regolament iqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(14)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta’ Ġunju 2025.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2024/900,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   It-tikketti msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/900 għandhom jikkonformaw mal-Anness I u II ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-avviżi ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/900 għandhom jikkonformaw mal-Anness I, II u III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-10 ta’ Ottubru 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/900, 20.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/900/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS I

Format tat-tikketti u avviżi ta’ trasparenza

1.   Ħtiġijiet ġenerali

1.

Din it-taqsima tistabbilixxi rekwiżiti komuni għat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza tar-reklami politiċi applikabbli għall-forom u l-mezzi kollha ta’ pubblikazzjoni, disseminazzjoni u twassil ta’ reklami politiċi.

2.

It-tikketta trid tiġi inkluża fir-reklam politiku, imwaħħla miegħu jew assoċjata miegħu b’mod ċar, viżibbli sew u mhux ambigwu, biex il-qarrej, it-telespettatur jew is-semmiegħ jingħata avviż adegwat tal-informazzjoni stabbilita fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

3.

Tikketta ma tkunx ċara, viżibbli sew u mhux ambigwa, jekk għall-persuna medja tkun diffiċli biex tinqara, tara jew tisma’, jew jekk tkun faċilment injorata, inkluż minħabba li ma tispikkax b’mod ċar mir-reklam politiku, jew minħabba l-konfigurazzjoni tal-mezz ta’ pubblikazzjoni jew disseminazzjoni.

4.

It-tikketti viżwali u l-avviżi ta’ trasparenza għandhom ikunu jistgħu jinqraw, f’tipa ta’ daqs adegwat u forma xierqa, filwaqt li jiġu adattati għall-mezz ta’ pubblikazzjoni u jiġi użat kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar adegwat bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi.

5.

It-tikketti awdjo għandhom ikunu ppronunzjati b’mod ċar u artikolat u b’ton formali. It-tikketti awdjo ma għandhomx ikunu akkumpanjati minn ħsejjes fl-isfond.

6.

Meta tintuża link għall-paġna web, kodiċi QR jew miżuri tekniċi ekwivalenti li huma faċli għall-utent biex tiġi pprovduta referenza għal fejn jista’ jinkiseb l-avviż ta’ trasparenza, dawn għandhom iwasslu direttament għall-avviż ta’ trasparenza.

7.

Il-kodiċijiet QR għandhom ikunu f’kuntrast qawwi mal-kulur tal-isfond tat-tikketti u ta’ daqs li jista’ jinqara faċilment minn qarrejja tal-kodiċi QR li jkun disponibbli b’mod komuni, bħal dawk integrati fl-apparati ta’ komunikazzjoni li jinżammu fl-idejn.

2.   Rekwiżiti speċifiċi għat-televiżjoni u r-radju

1.

Din it-taqsima tapplika għat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza tar-reklami politiċi magħmula disponibbli permezz ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), kif ukoll permezz ta’ servizzi tar-radju lineari u mhux lineari.

2.

It-tikketti viżwali għandhom jintwerew għad-durata kollha tar-reklam politiku. Inkella, it-tikketti viżwali jistgħu jintwerew bħala skrin sħiħ fil-bidu jew fi tmiem ir-reklam politiku jekk:

(a)

jidhru għal mill-inqas 3 sekondi u

(b)

id-dikjarazzjoni li tindika li r-reklam huwa reklam politiku, l-isem tal-isponsor u l-link għall-paġna web għall-avviż ta’ trasparenza jkunu viżibbli b’mod ċar, viżibbli sew u mhux ambigwu għad-durata kollha tar-reklam politiku.

3.

It-tikketta tista’ tiġi pprovduta bħala taħlita ta’ formati viżwali u awdjo, billi jintużaw, kif rilevanti, il-mudelli stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, dment li jkun hemm konformità mal-punt 2(b).

4.

It-tikketti awdjo għandhom jitħabbru fil-bidu jew fit-tmiem tar-reklam politiku.

3.   Rekwiżiti speċifiċi għall-media stampata

1.

Din it-taqsima tapplika għat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza tar-reklami politiċi disponibbli permezz tal-media stampata.

2.

Bħala regola, it-tikketta għandha titqiegħed f’kaxxa stampata waħda.

3.

Meta jkun inkluż fl-istess materjal stampat bħar-reklam politiku, l-avviż ta’ trasparenza għandu, bħala regola, ikun f’kaxxa stampata waħda.

4.

It-tikketta u l-avviż ta’ trasparenza għandhom jintwerew b’kuntrast qawwi mal-isfond.

4.   Rekwiżiti speċifiċi għall-mezz diġitali

1.

Din it-taqsima tapplika għat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza tar-reklami politiċi li jsiru disponibbli b’mod diġitali, bl-eċċezzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13/UE u tas-servizzi tar-radju lineari u mhux lineari.

2.

Meta r-reklami politiċi jsiru disponibbli f’format ta’ vidjo, it-tikketti viżwali għandhom jintwerew għad-durata kollha tar-reklam politiku. Inkella, it-tikketti viżwali jistgħu jintwerew bħala skrin sħiħ fil-bidu jew fi tmiem ir-reklam politiku jekk:

(a)

jidhru għal mill-inqas 3 sekondi, u

(b)

id-dikjarazzjoni li tindika li r-reklam huwa reklam politiku, l-isem tal-isponsor u l-link għall-paġna web għall-avviż ta’ trasparenza jkunu viżibbli b’mod ċar, viżibbli sew u mhux ambigwu għad-durata kollha tar-reklam politiku.

3.

L-elementi tal-interfaċċa tal-utent li jiffaċilitaw in-navigazzjoni online u l-wiri tal-informazzjoni jistgħu jintużaw biex tiġi ppreżentata t-tikketta dment li jkun hemm konformità mal-punt 2(b) mingħajr ma tittieħed ebda azzjoni addizzjonali.

4.

It-tikketti viżwali murija jew ippreżentati f’konformità mal-punt 3 għandhom jintwerew bħala test skur fuq sfond ċar.

5.

Meta r-reklami politiċi jsiru disponibbli f’format awdjo, it-tikketta għandha tiġi pprovduta f’format awdjo jekk tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tinstema’ mingħajr ma tittieħed ebda azzjoni addizzjonali;

(b)

titħabbar fil-bidu jew fit-tmiem tar-reklam politiku.

6.

It-tikketta tista’ tiġi pprovduta bħala taħlita ta’ formati viżwali u awdjo billi jintużaw, kif rilevanti, il-mudelli stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, dment li jkun hemm konformità mal-punt 2(b).

(1)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/13/oj).


ANNESS II

Mudelli għat-tikketti u l-avviżi ta’ trasparenza tar-reklami politiċi

1.   Mudell għat-tikketti viżwali 1

REKLAM POLITIKU 2

(bl-użu tal-immirar u/jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami abbażi tad-DATA PERSONALI)3

•

• L-isponsor huwa [jew a) L-ISEM TAN-NEGOZJU tal-entità ġuridika, jew inkella b) L-ISEM U L-KUNJOM tal-persuna fiżika].4

•

• (L-isponsor huwa kkontrollat minn [jew a) l-isem tan-negozju tal-entità ġuridika jew inkella b) l-isem u l-kunjom tal-persuna fiżika]).5

•

• (Ir-reklam huwa marbut ma’ [titolu u data tal-elezzjoni(jiet)] jew [isem l-inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja]).6

Aktar informazzjoni fuq [link għall-paġna web].7

Noti

1.

L-użu ta’ kaxxa sewda rettangolari għall-bordura tal-informazzjoni fit-tikketta huwa fakultattiv. Il-punti inċiżi jistgħu jiġu sostitwiti b’indikaturi tal-lista oħrajn. L-użu ta’ test b’tipa grassa u/jew ittri kapitali huwa mħeġġeġ, b’mod partikolari fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tindika li r-reklam huwa reklam politiku, l-informazzjoni dwar l-użu tal-immirar u/jew it-twassil tal-messaġġ tar-reklami abbażi ta’ data personali, l-isem tal-isponsor u r-referenza għal-link għall-paġna web.

2.

Id-dikjarazzjoni li tindika li r-reklam huwa reklam politiku hija obbligatorja. Jista’ jintuża kliem simili.

3.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-immirar u/jew it-twassil tal-messaġġ tar-reklami abbażi ta’ data personali huwa obbligatorju fejn applikabbli. Jista’ jintuża kliem simili.

4.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-isem tal-isponsor huwa obbligatorju. Minflok “l-isponsor huwa”, jista’ jintuża kliem simili biex jindika l-persuna li fuq talba tagħha jew f’isimha jiġi ppubblikat, ikkonsenjat jew disseminat ir-reklam politiku. L-ordni tal-isem u l-kunjom tal-persuna fiżika hija diskrezzjonali. L-informazzjoni dwar l-isem tal-isponsor tista’ tkun akkumpanjata mil-logo politiku tal-isponsor, bħal logo ta’ partit politiku jew simbolu elettorali.

5.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-isem tal-entità li tikkontrolla huwa obbligatorju meta entità oħra teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi tal-isponsor.

6.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rabta tar-reklam politiku ma’ elezzjoni jew inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja huwa obbligatorju meta jkun hemm rabta ċara u sostanzjali ma’ elezzjoni jew inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja. It-titolu tal-elezzjoni jista’ jiġi indikat b’referenza għall-kategorija ta’ awtoritajiet li jkunu qed jiġu eletti (eż. “elezzjonijiet parlamentari”) jew għal tip speċifiku (eż. “referendum kostituzzjonali”). It-titolu tal-inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja jista’ jitqassar.

7.

Il-link għall-paġna web għandha tiġi pprovduta meta l-avviż ta’ trasparenza ma jkunx parti mit-tikketta. Alternattivament, jistgħu jintużaw kodiċijiet QR jew miżuri tekniċi ekwivalenti faċli għall-utent biex jinkiseb direttament l-avviż ta’ trasparenza. Meta link għall-paġna web tiġi pprovduta fuq tikketta online, it-test tal-link għandu jkun b’ittri grassi jew b’kulur differenti minn dak tat-test l-ieħor u jiġi deskritt bħala “Avviż ta’ trasparenza”.

2.   Mudell għat-tikketti awdjo

Dan huwa reklam politiku1 (li juża tekniki tal-immirar u/jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami bbażati fuq data personali2). L-isponsor huwa [jew a) l-isem tan-negozju tal-entità ġuridika jew inkella b) l-isem u l-kunjom tal-persuna fiżika]3 (L-isponsor huwa kkontrollat minn [jew a) l-isem tan-negozju tal-entità ġuridika jew inkella b) l-isem u l-kunjom tal-persuna fiżika])4. (Ir-reklam huwa marbut ma’ [l-isem u d-data tal-elezzjoni(jiet)] jew [isem l-inizjattiva])5. Aktar informazzjoni fuq [link għall-paġna web]6.

Noti

1.

Id-dikjarazzjoni li tindika li r-reklam huwa reklam politiku hija obbligatorja.

2.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-immirar u/jew it-twassil tal-messaġġ tar-reklami abbażi ta’ data personali huwa obbligatorju fejn applikabbli. Jista’ jintuża kliem simili.

3.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-isem tal-isponsor huwa obbligatorju. Minflok “l-isponsor huwa”, jista’ jintuża kliem simili biex jindika l-persuna li fuq talba tagħha jew f’isimha jiġi ppubblikat, ikkonsenjat jew disseminat ir-reklam politiku. L-ordni tal-isem u l-kunjom tal-persuna fiżika hija diskrezzjonali.

4.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-isem tal-entità li tikkontrolla huwa obbligatorju meta entità oħra teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi tal-isponsor.

5.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rabta tar-reklam politiku ma’ elezzjoni jew inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja huwa obbligatorju meta jkun hemm rabta ċara u sostanzjali ma’ elezzjoni jew inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja. It-titolu tal-elezzjoni jista’ jiġi indikat b’referenza għall-kategorija ta’ awtoritajiet li jkunu qed jiġu eletti (eż. “elezzjonijiet parlamentari”) jew għal tip speċifiku (eż. “referendum kostituzzjonali”). It-titolu tal-inizjattiva legiżlattiva jew regolatorja jista’ jitqassar.

6.

Jenħtieġ li l-link għall-paġna web tkun qasira.

3.   Mudell għall-avviżi ta’ trasparenza

AVVIŻ TA’ TRASPARENZA

1.

L-isponsor: [jew a) L-ISEM tan-Negozju u, fejn differenti, l-ISEM legali, l-indirizz elettroniku, l-indirizz postali, u, fejn differenti, il-post tal-istabbiliment, u, fejn applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni rilevanti tal-entità ġuridika jew tal-organizzazzjoni tal-kampanja politika mingħajr personalità ġuridika jew inkella b) L-ISEM u l-KUNJOM, l-indirizz elettroniku, u l-indirizz postali, meta dawn ikunu pubbliċi, tal-persuna fiżika.]1

2.

L-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor: [jew a) l-ISEM tan-Negozju u, fejn differenti, l-ISEM legali, l-indirizz elettroniku, l-indirizz postali, u, fejn differenti, il-post tal-istabbiliment tal-entità ġuridika jew inkella b) L-ISEM u l-KUNJOM, l-indirizz elettroniku, u l-indirizz postali, meta dawn ikunu pubbliċi, tal-persuna fiżika.]2

3.

L-entità li tħallas għar-reklam politiku: [jew a) l-ISEM tan-Negozju u, fejn differenti, l-ISEM legali, l-indirizz elettroniku, l-indirizz postali, u, fejn differenti, il-post tal-istabbiliment tal-entità ġuridika jew inkella b) L-ISEM u l-KUNJOM, l-indirizz elettroniku, u l-indirizz postali, meta dawn ikunu pubbliċi, tal-persuna fiżika.]3

4.

Il-perjodu li matulu r-reklam politiku huwa maħsub li jiġi ppubblikat, imwassal jew disseminat: [Mid-data tal-bidu sad-data tat-tmiem.]4

5.

L-ammonti aggregati u l-valur aggregat ta’ benefiċċji oħra riċevuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għar-reklam politiku: [Ċifra totali u munita.]5

6.

L-ammonti aggregati u l-valur aggregat ta’ benefiċċji oħra riċevuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għall-kampanja ta’ reklamar politiku: [Ċifra totali u munita.]6

7.

Informazzjoni dwar l-oriġini tal-ammonti u benefiċċji oħra riċevuti mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku: [Pubbliċi u/jew privati u tal-UE u/jew mhux tal-UE.]7

8.

Il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-ammonti aggregati u l-valur aggregat ta’ benefiċċji oħra riċevuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għar-reklam politiku, u fejn applikabbli, il-kampanja ta’ reklamar politiku: [Kif ġew identifikati u aggregati l-ammonti u l-benefiċċji in natura riċevuti minn kull fornitur ta’ servizz rilevanti.]8

9.

Ir-reklam politiku huwa marbut ma’: [titolu, livell u data tal-elezzjoni] jew [titolu tal-inizjattiva u livell tal-proċess leġiżlattiv jew regolatorju.]9

10.

[Il-link(s) għall-paġna web dwar informazzjoni uffiċjali rigward il-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fl-elezzjoni jew fir-referendum b’rabta mar-reklam politiku.]10

11.

[Links għar-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online.]11

12.

Kif għandhom jiġu nnotifikati r-reklami politiċi possibbilment mhux konformi: [Informazzjoni dwar il-mekkaniżmu għan-notifika ta’ reklami politiċi possibbilment mhux konformi stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/900.]12

13.

[Pubblikazzjoni preċedenti tar-reklam politiku jew ta’ verżjoni preċedenti tiegħu ġiet sospiża jew imwaqqfa minħabba ksur tar-Regolament (UE) 2024/900.]13

Użu ta’ TEKNIKI TAL-IMMIRAR u/jew tat-TWASSIL TAL-MESSAĠĠ TAR-REKLAMI

abbażi tal-ipproċessar ta’ data personali

14.

[Ir-reklam politiku kien soġġett għal tekniki tal-immirar u/jew tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami bbażati fuq l-użu ta’ data personali.] 14

15.

Informazzjoni dwar it-tekniki tal-immirar u/jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami użati 15:

(a)

Tekniki analitiċi użati: [deskrizzjoni qasira]

(b)

Il-grupp(i) speċifiku/speċifiċi ta’ riċevituri fil-mira, inklużi l-parametri użati biex jiġu ddeterminati r-riċevituri li lilhom jiġi disseminat ir-reklam politiku: [lista]

(c)

Il-kategoriji ta’ data personali użata għat-tekniki tal-immirar u għat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami: [lista]

(d)

L-għanijiet, il-mekkaniżmi u l-loġika tal-immirar, inklużi l-parametri ta’ inklużjoni u esklużjoni, u r-raġunijiet tal-għażla ta’ dawk il-parametri: [deskrizzjoni qasira]

(e)

Informazzjoni dwar l-użu ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali fl-immirar jew fit-twassil tal-messaġġ tar-reklamar politiku: [deskrizzjoni qasira]

(f)

Perjodu ta’ disseminazzjoni tar-reklam politiku: [data tal-bidu u data tat-tmiem]

(g)

L-għadd ta’ viżwalizzazzjonijiet tar-reklam politiku: [għadd totali]

(h)

L-għadd ta’ interazzjonijiet mar-reklam politiku f’termini ta’ klikks, likes u kummenti: [għadd totali]

(i)

Politika interna li tiddeskrivi kif jintużaw it-tekniki tal-immirar u tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami: [link jew URL]

(j)

Informazzjoni rilevanti oħra: [deskrizzjoni qasira]

16.

Mezzi effettivi ta’ appoġġ lill-individwi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), inkluż id-dritt li jemendaw id-data personali tagħhom u jirtiraw il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom għal finijiet ta’ reklamar politiku 16:

(a)

L-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur(i): [jew a) l-ISEM tan-negozju u, fejn differenti, l-ISEM legali, l-indirizz elettroniku, l-indirizz postali, u, fejn differenti, il-post tal-istabbiliment tal-entità ġuridika jew inkella b) l-ISEM u l-KUNJOM, l-indirizz elettroniku, u, meta dan ikun pubbliku, l-indirizz postali tal-persuna fiżika.]

(b)

Referenza għad-dritt tal-irtirar tal-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ reklamar politiku: [link għall-paġna web għall-interfaċċa tal-kontrollur li jipprevedi l-possibbiltà mħaffa u faċli għall-utent li jiġi rtirat il-kunsens għar-reklamar politiku]

(c)

Link għall-interfaċċa li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet skont ir-Regolament (UE) 2016/679: [link għall-paġna web]

(d)

Link għall-informazzjoni pprovduta skont ir-Regolament (UE) 2016/679: [link għall-paġna web].

Noti

1.

L-informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-indirizz postali għandha tinkludi t-triq, in-numru, il-belt, il-kodiċi postali, u l-pajjiż. In-numru ta’ reġistrazzjoni rilevanti jirreferi għan-numri ta’ reġistrazzjoni assenjati lill-isponsor f’kuntest elettorali jew ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, bħal fil-każ ta’ partit politiku rreġistrat biex jipparteċipa f’elezzjonijiet jew entità rreġistrata bħala rappreżentant ta’ grupp ta’ interess jew fornitur ta’ attivitajiet ta’ rappreżentanza ta’ gruppi ta’ interess.

2.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta biss meta entità oħra teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi tal-isponsor.

3.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta biss meta l-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi ħlas bi skambju għar-reklam politiku tkun differenti mill-isponsor jew mill-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor.

4.

Id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem għandhom jiġu espressi bħala jiem kalendarji.

5.

Iċ-ċifra totali għandha tinkludi l-ammonti fatturati, bbaġitjati jew imposti mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku, inkluż il-pubblikatur, bi skambju għas-servizzi ta’ reklamar politiku li jkunu pprovdew għar-reklam politiku kkonċernat. Fejn applikabbli, din għandha tinkludi wkoll il-valur monetarju tal-benefiċċji in natura kollha riċevuti u/jew li għandhom jiġu riċevuti mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku, inkluż il-pubblikatur, bi skambju għas-servizzi ta’ reklamar politiku li jkunu pprovdew għar-reklam politiku kkonċernat.

6.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn applikabbli. Iċ-ċifra totali għandha tinkludi l-ammonti kollha fatturati, bbaġitjati jew imposti mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku, inkluż il-pubblikatur, għas-serje ta’ reklami politiċi relatati, li jinkludu r-reklam politiku kkonċernat. Fejn applikabbli, għandha tinkludi wkoll il-valur monetarju tal-benefiċċji in natura kollha riċevuti u/jew li għandhom jiġu riċevuti mill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku, inkluż il-pubblikatur, għall-kampanja ta’ reklamar politiku li tinkludi r-reklam politiku kkonċernat.

7.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta kif rilevanti.

8.

Informazzjoni li tiċċara jekk iċ-ċifra totali fil-punt 5 u, fejn applikabbli, il-punt 6 tirriflettix l-ammonti fatturati, ibbaġitjati u/jew imposti u jekk tinkludix it-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-każ ta’ benefiċċji in natura, għandha tindika l-metodu/i ta’ valwazzjoni użat(i). Fil-każ tal-aħħar, tista’ tipprovdi link(s) għall-paġni web għall-istandards eżistenti.

9.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta biss meta jkun hemm rabta ċara u sostanzjali ma’ elezzjoni jew inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja. It-titolu tal-elezzjoni jista’ jiġi indikat b’referenza għall-kategorija ta’ awtoritajiet li jkunu qed jiġu eletti (eż. “elezzjonijiet parlamentari”) jew għal tip speċifiku (eż. “referendum kostituzzjonali”). It-titolu tal-inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja jista’ jitqassar. Il-livell għandu jiġi indikat kif applikabbli b’referenza għal-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluż billi jissemma/jissemmew l-Istat(i) Membru/i u/jew it-territorji rilevanti.

10.

Meta l-avviż ta’ trasparenza jiġi pprovdut online, il-link(s) għall-paġna web għandha/għandhom jiġu deskritti bħala “Informazzjoni uffiċjali dwar il-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fl-elezzjoni marbuta mar-reklam politiku”.

11.

Informazzjoni li għandha tiġu pprovduta għal avviżi ta’ trasparenza li jakkumpanjaw reklami politiċi online ppubblikati, ikkonsenjati jew disseminati li jibdew mid-data tal-istabbiliment tar-Repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online. Meta l-avviż ta’ trasparenza jiġi pprovdut online, din il-link għall-paġna web għandha tiġi deskritta bħala “Link għar-Repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online”.

12.

L-informazzjoni dwar il-mekkaniżmu għan-notifika ta’ reklami politiċi possibbilment mhux konformi tista’ tiġi pprovduta wkoll bħala link għall-paġna web. Meta l-avviż ta’ trasparenza jiġi pprovdut online, il-link għall-paġna web għandha tiġi deskritta bħala “Notifika ta’ reklami politiċi possibbilment mhux konformi” biex jiġi żgurat aċċess faċli.

13.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta kif rilevanti u fejn applikabbli.

14.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta biss fil-każ ta’ reklami politiċi online bl-użu ta’ tekniki tal-immirar u/jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami bbażati fuq l-ipproċessar ta’ data personali.

15.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta biss fil-każ ta’ reklami politiċi online bl-użu ta’ tekniki tal-immirar u/jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami bbażati fuq l-ipproċessar ta’ data personali. Il-firxa tar-reklam politiku f’termini ta’ viżwalizzazzjonijiet, klikks, likes u kummenti għandha tiġi pprovduta fejn ikun teknikament fattibbli.

16.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta biss fil-każ ta’ reklami politiċi online bl-użu ta’ tekniki tal-immirar u/jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami bbażati fuq l-ipproċessar ta’ data personali. Fejn applikabbli, ir-referenzi għar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament (UE) 2018/1725.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).


ANNESS III

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-avviżi ta’ trasparenza

1.   

Meta l-avviż ta’ trasparenza ma jkunx inkluż fit-tikketta jew ipprovdut f’konformità mal-punt 3.3 tal-Anness I, dan għandu jsir disponibbli online.

2.   

Meta applikabbli skont l-Artikolu 12(3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2024/900, l-avviżi ta’ trasparenza għandhom ikunu disponibbli f’format li jinqara mill-magni. Avviż ta’ trasparenza jista’ jinqara mill-magni jekk jiġi pprovdut f’format li l-applikazzjonijiet tas-software jistgħu jipproċessaw awtomatikament, mingħajr intervent mill-bniedem, bħal JSON jew XML.

3.   

Fejn applikabbli, l-avviż ta’ trasparenza għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882.

4.   

Fejn ikun teknikament fattibbli, it-tipi li jidhru fl-avviż ta’ trasparenza għandhom ikunu tat-tipa sans-serif u mill-inqas f’daqs ta’ 12-il punt. L-ispazju bejn il-linji għandu jkun mill-inqas ta’ spazju u nofs fil-paragrafi, u l-ispazju bejn il-paragrafi għandu jkun mill-inqas 1,5 darbiet akbar mill-ispazju bejn il-linji.

5.   

Fejn ikun teknikament fattibbli, il-proporzjon ta’ kuntrast bejn l-elementi tal-avviż ta’ trasparenza u l-isfond tiegħu għandu jkun mill-inqas 4,5:1.

6.   

Fejn ikun teknikament fattibbli, l-avviżi ta’ trasparenza għandhom jużaw tqassim flessibbli, li jippermettilhom jaġġustaw awtomatikament għad-daqsijiet tal-iskrin u l-interfaċċi li jkunu qed jintużaw.

7.   

Fejn ikun teknikament fattibbli, l-avviżi ta’ trasparenza għandhom jiġu pprovduti f’format li jista’ jitkabbar mingħajr teknoloġija assistiva sa 200 fil-mija b’mod li ma jirrikjedix li l-utent jiskrollja orizzontalment biex jaqra linja ta’ test fuq tieqa ta’ skrin sħiħ.

8.   

L-effetti jew l-animazzjonijiet jistgħu jintużaw biex jenfasizzaw u jagħmlu l-avviż ta’ trasparenza aktar faċli għall-utent.

9.   

Il-punti 4 sa 7 ma għandhomx japplikaw għall-impriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju li jikkwalifikaw taħt l-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).


(1)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1410/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)