|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/915 |
15.5.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/915
tat-12 ta’ Mejju 2025
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ rigward l-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku fil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu X(9) tal-Ftehim tad-WTO flimkien mal-Artikolu IV(2) tiegħu, il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jista’ jadotta deċiżjoni b’kunsens biex iżid ftehim mal-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO. |
|
(3) |
In-negozjati għal Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku tnedew formalment f’Jannar 2019. Il-Kummissjoni mexxiet dawn in-negozjati f’isem l-Unjoni u l-Membri parteċipanti tad-WTO laħqu qbil dwar it-test tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku fis-26 ta’ Lulju 2024. |
|
(4) |
Il-Membri tad-WTO li jipparteċipaw fin-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku għandhom l-intenzjoni li jippreżentaw talba formali lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO li tfittex li tinkorpora l-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO f’konformità mal-Artikolu X(9) ta’ dak il-Ftehim. L-Unjoni jenħtieġ li tipparteċipa f’dik it-talba bħala pass preparatorju lejn deċiżjoni possibbli tal-Kunsill Ġenerali f’wieħed mil-laqgħat susstegwenti tiegħu. |
|
(5) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ta opinjoni fit-2 ta’ April 2025. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħa futura rilevanti tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO, peress li d-deċiżjoni ser tkun vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(7) |
L-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO huwa ġġustifikat fid-dawl tal-bżonn li r-regoli tad-WTO jiġu allinjati mar-realtajiet ekonomiċi u kummerċjali tas-seklu 21 u hija konsistenti mal-politiki tal-Unjoni. |
|
(8) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li tingħaqad mal-konsensus milħuq fost il-Membri tad-WTO biex jinkorporaw il-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għandha tkun li tingħaqad mal-kunsens, fil-każ li jiġi milħuq fost il-Membri tad-WTO, li il-Ftehim dwar il-Kummerċ Elettroniku jiġi inkorporat mal-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO.
Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
B. NOWACKA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (tat-22 ta’ Diċembru 1994) dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1994/800/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/915/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)