24.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 146/2010

tat-23 ta’ Frar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1122/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikoli 85x u 103za, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2) u b'mod partikolai l-Artikolu 142(c), (k) u (n) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-preżentazzjoni tal-proposti għas-simplifikazzjoni lill-Kunsill f'April 2009, ġie identifikat għadd ta’ titjib possibbli f'dak li jiirigwarda l-effiċjenza u s-simplifikazzjoni ta’ regoli li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità. Huwa xieraq li dak it-titjib jiġi inkorporat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (3).

(2)

Is-sistema ta’ identifikazzjoni tal-art agrikola hija element ewlieni fil-proċess tal-assigurazzjoni ta’ pagamenti korretti lill-bidwi u tas-salvagwardjar tal-fondi tal-Unjoni. Sabiex titjieb il-kwalità ta' dik is-sistema, għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet li jeżiġu il-valutazzjoni annwali tas-sistema. Il-kwalità tas-sistema għandha tiġi vvalutata mill-Istat Membu skont metodu armonizzat, li mbagħad għandu jirrapporta kmieni biżżejjed biex jippermetti l-użu effettiv tar-riżultati tal-valutazzjoni.

(3)

L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprovdi għal deroga meta bidwi affettwat mill-integrazzjoni ta' appoġġ assoċjat ma jkollu ebda dritt għal pagament iżda jiddikjara għal ħlas għadd ta' drittijiet mikrija fl-ewwel sena ta' integrazzjoni ta' dak l-appoġġ. Bidwi bħal dan għandu jiġi allokat drittijiet li għalihom tapplika deroga f'dak li jirrigwadja attivazzjoni. Sabiex ikun żgurat kontroll effiċjenti, it-traċċabbiltà ta' dawn id-drittijiet għandha tkun assigurata.

(4)

Waqt it-twettiq tal-kontrolli tal-kundizzjonalità pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1122/2009, Stat Membru jista' juża biss ir-riżultati ta' kontrolli fuq il-post imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta' kontroll. Għal raġunijiet ta' effiċjenza, Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li juża wkoll ir-riżultati ta' kontrolli fuq il-post imwettqa skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards sabiex tintlaħaq ir-rata minima ta' kontroll. Madankollu, għandha tiġi żgurata ż-żamma ta' sistema effettiva ta' kontroll.

(5)

Għall-kampjuni ta' kontrolli fuq il-post għall-kundizzjonalità, fl-analiżi tar-riskju Stat Membu jista' jqis il-parteċipazzjoni tal-bidwi f'sistemi rilevanti ta' ċertifikazzjoni. L-użu ta' dik il-possibbiltà għandu jiġi ċċarat.

(6)

Ir-rapporti tal-kontrolli għandhom jintbagħtu lill-aġenzija tal-ħlas jew lill-awtorità li tikkoordina sa data tal-għeluq stabbilita. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, meta r-rapport tal-kontrolli ma jkun fih ebda sejba, għandu jkun ikkunsidrat bħala suffiċjenti jekk ir-rapporti tal-kontrolli jsiru direttament aċċessibbli lill-aġenzija tal-ħlas jew lill-awtorità li tikkoordina.

(7)

Fil-waqt ta' din l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 huwa xieraq li jiġu kkoreġuti żewġ referenzi żbaljati għar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 (4) rispettivament.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

L-emendi li hemm provvediment għalihom f’dan ir-Regolament jirrigwardaw applikazzjonijiet għall-għajnuna marbuta mas-snin tal-kummerċjalizzazzjoni jew mal-perjodi tal-primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2010. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jibda japplika skont dan.

(10)

Il-Kumitat tat-Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli u l-Kumitat tat-Tmexxija għall-Pagamenti Diretti ma tawx l-opinjoni tagħhom fiż-żmien stipulat mill-President.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6(2) għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom ta' kull sena jivvalutaw il-kwalità tas-sistema ta' identifikazzjoni tal-art agrikola. Dik il-valutazzjoni għandha tkopri l-elementi ta' kwalità li ġejjin:

(a)

il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli;

(b)

il-proporzjon u d-distribuzzjoni ta' art agrikola ta' referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqies erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx l-erja agrikola;

(c)

il-kategorizzazzjoni ta' art agrikola ta' referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqies erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx l-erja agrikola;

(d)

l-okkorrenza ta' art agrikola ta' referenza b'difetti kritiċi;

(e)

il-proporzjon ta' erja ddikjarata relattiva mal-erja massima eliġibbli fl-art agrikola ta' referenza;

(f)

il-persentaġġ ta' art agrikola ta' referenza li kienet suġġetta għal bidla, akkumulat matul is-snin;

(g)

ir-rata ta' irregolaritajiet determinati matul il-kontrolli fuq il-post.

Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jużaw dejta li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali fuq l-art;

(b)

jagħżlu kampjun aleatorju adekwat tal-art agrikola ta' referenza kollha.

Rapport ta' valutazzjoni u, fejn xieraq, l-azzjonijiet remedjali u l-iskeda tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jinbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta' Jannar ta' wara is-sena kalendarja relatata. Madankollu, fir-rigward tas-sena kalendarja 2010, dan it-tagħrif irid jintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-28 ta' Frar 2011.”

(2)

Fl-Artikolu 7(1), il-punt (f) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

tip ta' dritt, b'mod partikolari drittijiet speċjali provduti fl-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, drittijiet allokati skont l-Artikolu 68(1)(c) tar-Regolament (KE) Nu 73/2009 u drittijiet għal pagamenti suġġetti għal deroga skont kif provdut fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.”

(3)

Fl-Artikolu 28(1)(a), il-kliem “Annessi I u IV” jinbidlu b’ “Annessi I u VI”.

(4)

Fl-Artikolu 50 għandu jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru, sabiex jilħaq ir-rata minima ta' kontroll imsemmija f'dak il-paragrafu fil-livell ta' kull att jew standard jew grupp ta' attijiet jew standards, jista':

(a)

juża r-riżultati tal-kontrolli fuq il-post imwettqa skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawk l-attijiet u l-istandards għal bdiewa magħżula; jew

(b)

jissostitwixxi l-bdiewa magħżula bi bdiewa suġġetti għal kontroll fuq il-post imwettaq skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawk l-attijiet u l-istandards sakemm dawk il-bdiewa qed jissottomettu applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt skemi ta' appoġġ għal pagamenti diretti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew taħt skemi ta' aġġoġġ li huma suġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85t u 103z tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

F’każijiet bħal dawn, il-kontrolli fuq il-post għandhom ikopru kull aspett tal-atti jew l-istandards rilevanti kif definit skont il-kundizzjonalità. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effettività ta' dawk li jagħmlu l-kontrolli fuq il-post tal-anqas hija ugwali għal dik miksuba meta l-kontrolli fuq il-post jitwettqu minn awtoritajiet kompetenti ta' kontroll.”

(5)

Fl-Artikolu 51(1), għandhom jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin wara t-tieni subparagrafu:

“Stat Membru jista' jiddeċiedi abbażi ta' analiżi tar-riskju li jeskludi bdiewa li jipparteċipaw f'sistema ta' ċertifikazzjoni kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu mill-kampjun ta' kontroll ibbażat fuq ir-riskju. Madankollu, meta s-sistema ta' ċertifikazzjoni tkopri biss parti mir-rekwiżiti u l-istandards li jridu jiġu osservati skont il-kundizzjonalità mill-bidwi, fatturi xierqa ta' riskju għandhom japplikaw għar-rekwiżiti jew l-istandards li mhumiex koperti mis-sistema ta' ċertifikazzjoni.

Meta l-analiżi tar-riżultati tal-kontroll turi li spiss hemm nuqqas sinifikanti ta' konformità mar-rekwiżiti jew l-istandards inklużi f'sistema ta' ċertifikazzjoni kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu, il-fatturi ta' riskju relatati mar-rekwiżiti jew l-istandards konċernati għandhom jerġgħu jiġu vvalutati u, fejn xieraq, miżjuda.”

(6)

L-Artikolu 54 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Kull kontroll fuq il-post skont dan il-Kapitolu, indipendentament jekk il-bidwi konċernat kienx magħżul għall-kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 51, kienx ikkontrollat fuq il-post skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti jew l-istandards skont l-Artikolu 50(1a) jew bħala segwitu ta' nuqqas ta' konformità li tkun twasslet għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti tal-kontroll bi kwalunkwe mod ieħor, għandu jkun is-suġġett ta' rapport ta' kontroll li jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti ta' kontroll jew taħt ir-responsabbiltà tagħha.”

(b)

Fil-paragrafu 3 jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, meta r-rapport ma jkun fih ebda sejba, l-Istat Membu jista' jiddeċiedi li dan ir-rapport ma jintbagħatx, sakemm ikun direttament aċċessibbli għall-aġenzija tal-ħlas jew għall-awtorità li tikkoordina xahar wara li ntemm.”

(7)

Fl-Artikolu 62, il-kliem “L-Artikolu 30(1) u (2)” għandhom jinbidlu b’ “L-Artikolu 29(1) u (2)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna marbutin mas-snin tal-kummerċjalizzazzjoni jew mal-perjodi tal-primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2010 ’l quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(3)   ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(4)   ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27.