Rapport mill-Kummissjoni Dwar l-operat tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE (l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu mal-ġarr ta' passiġġieri fuq servizzi regolari tat-trasport urban) /* KUMM/2006/0371 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 7.7.2006 KUMM(2006) 371 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Dwar l-operat tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE (l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu mal-ġarr ta' passiġġieri fuq servizzi regolari tat-trasport urban) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Dwar l-operat tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE (l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu mal-ġarr ta' passiġġieri fuq servizzi regolari tat-trasport urban) 1. DAħLA 1.1. Il-kuntest legali Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva")[1] [2], tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-sigurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema[3], u tkopri l-perjodi ta' serħan ta’ kuljum, ta' waqfien, ta' serħan ta' kull ġimgħa, il-ħin massimu tax-xogħol ta' kull ġimgħa, il- leave annwali u l-aspetti tax-xogħol matul il-lejl, ix-xogħol bix-xift u l-istili tax-xogħol. Id-Direttiva tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubbliċi kif ukoll privati[4], ħlief fil-każi fejn strumenti Komunitarji oħrajn ikun fihom rekwiżiti aktar speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għal okkupazzjonijiet partikolari jew attivitajiet okkupazzjonali partikolari[5]. Bħalissa hemm erba’ minn dawn l-istrumenti[6], li waħda minnhom, id-Direttiva 2002/15/KE [7], hija rilevanti għal dan ir-Rapport. Hija titkellem dwar " ħaddiema mobbli impjegati minn impriżi tat-trasport stabbiliti fi Stat Membru, li jipparteċipaw fl-attivitajiet tat-trasport mobbli fit-toroq li huma koperti bir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 ". Dan ir-Regolament japplika għat-trasport bit-triq, iżda jeskludi lil " vetturi użati għall-ġarr ta' passiġġieri fuq servizzi regolari meta r-rotta koperta mis-servizz inkwistjoni ma teċċedix il-50 kilometru " [8]. Għalhekk, il-ħin tax-xogħol ta’ l-impjegati li għandhom x’jaqsmu mal-ġarr tal-passiġġieri fuq is-servizzi regolari tat-trasport urban, kif ukoll ta’ l-impjegati mobbli fejn ir-rotta ma tkunx itwal minn 50 kilometru huwa regolat mid-Direttiva. Fejn ir-rotta tkun itwal minn 50 kilometru, tapplika d-Direttiva 2002/15/KE. Minħabba d-differenzi regolatorji, huwa importanti li l-ħaddiema jiġu koperti mid-dispożizzjonijiet it-tajbin, jew f’kwalunkwe każ, mid-dispożizzjonijiet l-aktar protettivi. 1.2. Għalfejn ir-rapport? L-Artikolu 26 tad-Direttiva jistabbilixxi li " mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu 2005 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta ma’ l-Istati Membri u l-amministraturi u l-ħaddiema fil-livell Ewropew, tirrevedi l-operazzjoni tad-disposizzjonijiet fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati mal-ġarr ta' passiġieri fuq servizzi tat-trasport urban regolari, bil-għan li tippreżenta, jekk meħtieġ, il-modifiki xierqa biex tassigura strateġija koerenti u adattata fis-settur" . Sabiex tħares dan l-obbligu, il-Kummissjoni ppreparat kwestjonarju li għandu jiġi kompilat mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali. Dan ir-rapport jiddeskrivi fil-qosor ir-risposti rċevuti u jippreżenta xi konklużjonjiet dwar l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għas-settur tat-trasport urban. 2. STAMPA ĠENERALI TAR-RAPPORTI NAZZJONALI 2.1. L-Awstrija It-trasport urban huwa regolat minn ftehimiet stabbiliti bejn l-awtoritajiet ta’ l-ibliet u l-kumpaniji tat-trasport komunali. Il-ħaddiema fil-kumpaniji privati tal-karozzi tal-linja u tal-ferroviji huma koperti minn ftehimiet kollettivi federali. Jista’ jkun hemm ukoll ftehimiet kollettivi fil-livell tal-kumpaniji. Barra minn hekk, japplikaw żewġ miżuri legali għat-trasport urban regolari tal-passiġġieri, waħda għall-ferroviji u t-trams u l-oħra għat-trasport fit-triq. Din ta’ l-aħħar tippermetti derogi, skond id-Direttiva kif ukoll skond id-Direttiva 2002/15/KE, fejn dan ikun provdut permezz ta’ ftehim kollettiv, dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-serħan ta’ kuljum, is-serħan ta’ kull ġimgħa u l-ħin massimu tax-xogħol ta' kull ġimgħa. L-Awstrija testendi l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja fit-trasport urban regolari tal-passiġġieri. L-awtoritajiet Awstrijaċi jinterpretaw “il-ġarr fit-triq” (l-Artikolu 1.1 tar-Regolament) bħala li jkopri s-sewwieqa kollha fit-toroq pubbliċi, u għalhekk iqisu lil dawn il-ħaddiema bħala suġġetti għad-Direttiva 2002/15/KE (l-Artikolu 2.1. tar-Regolament). 2.2. Il-Belġju Hemm kumpaniji li jipprovdu kemm trasport urban kif ukoll reġjonali, u għaldaqstant xi rotot regolari jaqbżu l-limitu ta’ 50 kilometru. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma applikati fis-settur tat-trasport urban. Ma hemmx differenzi regolatorji bejn it-trasport bit-triq u bil-ferrovija. Id-derogi huma permessi, fuq il-bażi ta’ ftehim kollettiv li jsir obbligatorju b’digriet reali ("Arrêté royal"). Il-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) hija ta’ 38 siegħa. 2.3. Ċipru It-trasport urban huwa provdut u mħaddem mis-settur privat (it-trasport bil-ferroviji ma jeżistix). Id-dispożizzjonijiet minimi kollha huma applikati permezz tat-traspożizzjoni leġiżlattiva tad-Direttiva. Ma teżisti l-ebda deroga fir-rigward tal-ħaddiema fit-trasport urban. Madankollu, il-ftehimiet kollettivi jinkludu dispożizzjonijiet aktar favorevoli, u huma applikabbli fuq il-livell tal-kumpaniji (ma hemmx ftehimiet kollettivi nazzjonali jew reġjonali f’dan is-settur). Il-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) hija ta’ 48 siegħa. 2.4. Ir-Repubblika Ċeka Fir-Repubblika Ċeka, id-dispożizzjonijiet minimi kollha huma applikati fis-settur tat-trasport urban permezz tat-traspożizzjoni leġiżlattiva tad-Direttiva, irrispettivament mill-mezzi tat-trasport użati. L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija regolata mill-Kodiċi dwar ix-Xogħol u minn leġiżlazzjoni speċjali applikabbli għall-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport (perjodi tas-sewqan, perjodi tas-serħan u l-waqfien tas-sigurtà). Il-ftehimiet kollettivi huma applikabbli fuq il-livell tal-kumpaniji biss. Dwar il-ħin tas-sewqan, l-impjegati fuq it-trakkijiet jew il-karozzi tal-linja għandu jkollhom ħin ta’ sewqan ta’ kuljum ta’ mhux aktar minn 9 sigħat (darbtejn fil-ġimgħa il-ħin tas-sewqan jista’ jiġi estiż għal 10 sigħat) u l-perjodi totali tas-sewqan m’għandhomx ikunu itwal minn 90 siegħa matul ġimagħtejn konsekuttivi. 2.5. Id-Danimarka Is-settur tat-trasport urban huwa kopert minn ftehimiet kollettivi nazzjonali, ħlief għas-servizzi komunali tal-karozzi tal-linja ta’ Odense u Århus li huma urbani u li jaqgħu taħt konvenzjonijiet komunali lokali. Il-ftehimiet kollettivi ma japplikawx b’mod obbligatorju għall-kumpaniji kollha tal-karozzi tal-linja li jipprovdu s-servizzi tat-trasport pubbliku. Iżda fil-prattika, kważi l-kumpaniji kollha għandhom iħarsu ftehim kollettiv, għaliex l-awtoritajiet komunali ġeneralment jidentifikaw il-konformità mal-ftehim kollettiv nazzjonali settorjali bħala kondizzjoni għall-offerti tat-trasport pubbliku. Xi attivitajiet ta’ xi ferroviji u ta’ xi servizzi tat-trasport urban regolari jistgħu jkunu soġġetti għal xi derogi mid-dispożizzjonijiet dwar is-serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa. Il-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (li ma tinkludix is-sahra) ma tistax tkun ta’ aktar minn 42 siegħa, jew medja ta’ 37 siegħa f’perjodu mhux itwal minn 16-il ġimgħa. Is-sahra normalment tiġi kkumpensata bil-perjodi tas-serħan. 2.6. L-Estonja It-trasport urban huwa organizzat mill-awtoritajiet muniċipali. Ma hemm ebda differenzi statutarji bejn it-trasport bit-triq u dak bil-ferrovija. Il-maġġoranza l-kbira tas-settur tat-trasport urban bit-triq hija koperta minn ftehim kollettiv nazzjonali, obbligatorju għall-kumpaniji kollha li jaħdmu fis-settur tat-trasport fit-triq. Il-ftehimiet kollettivi fis-settur tal-ferroviji huma konklużi fuq il-livell tal-kumpaniji. Il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa huwa limitat għal 40 siegħa. Il-medja tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) ma tistax taqbeż it-48 siegħa matul perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur. Fis-settur tat-trasport, l-għażla individwali ta’ l-esklużjoni tintuża l-aktar fit-trasport bit-triq. 2.7. Il-Finlandja Id-Direttiva ġiet implimentata mill-“Att dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol” li jippermetti li l-ftehimiet kollettivi (obbligatorji għall-kumpaniji kollha fis-settur) jagħmlu deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw għall-ħin tas-sewqan għas-servizzi tal-ferrovija fis-settur tat-trasport regolari urban. Skond l-awtoritajiet Finlandiżi, xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma inqas xierqa għas-settur tal-ferroviji (eż., id-dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema ta’ bil-lejl u l-garanziji tas-sigurtà). Il-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) għall-impjegati fuq il-karozzi tal-linja hija ta’ 48 siegħa matul perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar. Ma hemmx limiti formali għall-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa għall-impjegati tal-ferroviji. Madankollu, skond l-awtoritajiet nazzjonali, fil-prattika l-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) ma tkunx ta’ aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa. 2.8. Franza It-traspożizzjoni tad-Direttiva għas-settur tat-trasport urban għadha ma tlestietx. (Għandhom jiġu promulgati żewġ digrieti, li se jirregolaw il-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport pubbliku urban u fir-Régie Autonome des Transports Parisiens – RATP – karozzi tal-linja u metro). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li huma diġà trasposti jippermettu li jsiru derogi, b’mod partikolari dwar il-waqfien, is-serħan ta’ kuljum u l-perjodu tas-serħan ta’ kull ġimgħa. Dispożizzjonijiet simili japplikaw għas-servizzi fit-triq u bil-ferrovija fi ħdan dan is-settur. Il-ħin tas-sewqan mhuwiex regolat għat-trasport urban. It-trasport urban huwa kopert mill-ftehimiet kollettivi nazzjonali inter-professjonali (li japplikaw fuq livell nazzjonali għall-kumpaniji kollha fis-setturi kollha jew għal settur iddefinit minn qabel), mill-ftehim kollettiv nazzjonali tat-trasport urban (obbligatorju għall-kumpaniji kollha tas-settur tat-trasport urban), mill-ftehimiet kollettivi li jikkomplementaw il-ftehim settorjali nazzjonali (obbligatorju għall-intrapriżi li huma membri ta’ l-organizzazzjonijiet professjonali firmatarji, u volontarju għall-intrapriżi l-oħrajn) u minn ftehimiet oħrajn fuq il-livell tal-kumpaniji. Ir-RATP mhijiex suġġetta għall-ftehim kollettiv nazzjonali tat-trasport urban, u lanqas għall-ftehimiet komplementarji tiegħu, iżda hija soġġetta għal dispożizzjonijiet speċifiċi u għall-ftehimiet kollettivi interni. 2.9. Il-Ġermanja Fuq il-livell nazzjonali, il-ħaddiema fis-settur tat-trasport pubbliku urban huma soġġetti għal dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-ħin tax-xogħol. L-impjegati tan-netwerks tal-karozzi tal-linja u tat-tram huma wkoll soġġetti għar-regolamenti ta’ l-impjegati li jsuqu. Il-ftehimiet kollettivi għandhom ambitu differenti, u jistgħu japplikaw għall-operaturi kollha (dawk tal-ferrovija u dawk mhux tal-ferrovija) jew għal xi ftit biss. Il-kumpaniji privati huma soġġetti għal ftehimiet reġjonali kollettivi (fuq il-livell tal-Land). Il-kumpaniji statali huma koperti minn ftehim kollettiv nazzjonali. B’eċċezzjonijiet rari, il-ftehimiet kollettivi m’għandhom l-ebda effett ġenerali vinkolanti (japplikaw biss għal min iħaddem u għal dawk l-impjegati li huma membri ta’ l-organizzazzjonijiet firmatarji). Hemm dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa fit-trasport bit-triq. Is-sewwieqa fuq rotot li mhumiex itwal minn 50 kilometru huma wkoll suġġetti għall-perjodi tal-ħin tas-sewqan, tal-waqfien u tas-serħan meħtieġa taħt ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85. Il-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) ma tistax tkun aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar. Mill-2004, il-liġi Ġermaniża dwar il-ħin tax-xogħol tippermetti li jinqabżu l-limiti tal-ħin tax-xogħol, fejn dan ikun provdut fil-ftehimiet kollettivi, bla ħsara għall-ftehim tal-ħaddiema individwali (għażla individwali ta’ l-esklużjoni). Mhuwiex magħruf jekk il-ftehimiet kollettivi tat-trasport urban għamlux użu minn din l-għażla. 2.10. Il-Greċja Is-settur tat-trasport urban huwa għal kollox kopert minn ftehimiet kollettivi jew minn regolamenti dwar ix-xogħol. Il-kumpaniji huma koperti minn ftehim kollettiv nazzjonali, jew fejn applikabbli, minn ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji. Skond il-ftehim kollettiv nazzjonali, il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa huwa ta’ 40 siegħa u 3 sigħat sahra, kemm-il darba xi ftehim kollettiv fuq il-livell tal-kumpaniji ma jkunx jipprovdi speċifikament mod ieħor . Il-perjodu ta’ referenza huwa normalment ta’ ġimgħa. 2.11. L-Ungerija Il-kumpaniji li jipprovdu s-servizzi tat-trasport urban huma koperti minn ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji, u f’xi każijiet fuq il-livell tal-fergħat. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża titlob serħan kuljum fit-trasport regolari urban tal-passiġġiera sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85. Il-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) hija ta’ bejn 42 u 48 siegħa, u t-tul tal-perjodu ta’ referenza jvarja (xahar, xahrejn jew kull tliet xhur). Il-ħin massimu tas-sewqan huwa limitat għal 11-il siegħa. Hija applikata wkoll l-għażla ta’ esklużjoni individwali skond l-Artikolu 22. 2.12. L-Irlanda Hemm regolamenti, li japplikaw l-aktar fuq il-livell nazzjonali, li huma komplementati minn ċerti ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji. Ir-regolamenti stabbiliti taħt l-Atti tat-Traffiku fit-Toroq huma obbligatorji. Il-ftehimiet kollettivi mhumiex. Meta mqabbla mal-ferroviji, għat-trasport regolari tal-passiġġiera bit-triq hemm dispożizzjonijiet differenti minħabba d-differenzi fl-oqfsa leġiżlattivi eżistenti. Japplikaw ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ħin tas-sewqan fis-settur tat-trasport regolari urban, fuq bażi tal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu. Il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa jiddependi mill-operatur tat-trasport, iżda huwa soġġett għal limitu ta’ 48 siegħa. Finalment, huma applikati eżenzjonijiet ġenerali għat-tul tax-xogħol ta’ bil-lejl, għall-evalwazzjoni tas-saħħa u għat-trasferiment tal-ħaddiema ta’ bil-lejl għax-xogħol ta’ bi nhar, kif ukoll garanziji għax-xogħol ta’ bil-lejl. 2.13. L-Italja Il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva jippermettu derogi fis-settur tat-trasport urban, fejn dan ikun provdut mill-ftehimiet kollettivi. Il-ftehimiet kollettivi japplikaw fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali. Il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa huwa ta’ 40 siegħa. Huma permessi derogi fir-rigward tat-trasport regolari tal-passiġġieri fit-triq, bil-kondizzjoni li l-medja fil-ġimgħa ma taqbiżx it-48 siegħa inkluża s-sahra. Il-ftehimiet kollettivi jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiiet aktar favorevoli. Il-perjodu ta’ referenza ma jistax ikun itwal minn 4 xhur (6 jew 12-il xahar meta dan ikun provdut mill-ftehimiet kollettivi, minħabba raġunijiet tekniċi jew l-organizzazzjoni tax-xogħol). 2.14. Il-Latvja It-trasport pubbliku huwa bil-karozza tal-linja, bit-tram jew bit- trolleybus (it-trasport urban bil-ferrovija ma jeżistix). Il-ftehimiet kollettivi japplikaw fil-livell tal-kumpaniji. Il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa huwa ta’ 56 siegħa fil-ġimgħa (is-sahra hija limitata għal 144 siegħa matul perjodu ta’ 4 xhur). F’xi ċirkostanzi, is-sistema ma tħarisx id-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ. Skond l-awtoritajiet tal-Latvja, dan iseħħ minħabba nuqqas ta’ sewwieqa u kondutturi. Dawn l-awtoritajiet jargumentaw illi d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol applikabbli għat-trasport pubbliku għandhom ikunu adattati għas-sitwazzjoni reali tas-suq, u li jkun meħtieġ perjodu tranżitorju ta’ mhux inqas minn 3 snin biex tinkiseb il-konformità. 2.15. Il-Litwanja L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija rregolata mill-Kodiċi dwar ix-Xogħol, u minn riżoluzzjoni tal-gvern li tippermetti d-derogi għat-trasport urban bit-triq (it-trasport urban bil-ferrovija ma jeżistix). Il-leġiżlazzjoni Litwana tipprevedi, għas-setturi kollha, il-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet kollettivi tal-kumpaniji, settorjali, territorjali u nazzjonali. Bħalissa hemm biss fis-seħħ ftehimiet kollettivi tal-kumpaniji fis-settur tat-trasport urban. Ma hemm ebda lista eżawrjenti disponibbli ta’ dawn il-ftehimiet għaliex l-ebda istituzzjoni pubblika m’hi intitolata li tirreġistra l-ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji. Skond il-Kodiċi dwar ix-Xogħol, il-ftehimiet kollettivi huma mingħajr effett jekk jippermettu kondizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli minn dawk mitluba mill-Kodiċi jew minn strumenti legali oħrajn. Fis-settur tat-trasport urban il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa huwa ta’ 60 siegħa, f’medja massima tal-ħin tax-xogħol ta’ 48 siegħa u b’perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur (6 xhur jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u jekk dan isir wara konsultazzjonijiet ma’ imsieħba soċjali interessati). 2.16. Il-Lussemburgu Is-settur tat-trasport urban huwa rregolat minn ftehim kollettiv applikabbli għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u ħaddiema awżiljarji (obbligatorju fuq il-livell nazzjonali għall-kumpaniji privati kollha). Il-Lussemburgu jestendi r-rekwiżiti tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għas-sewwieqa kollha tal-karozzi tal-linja urbani. Għalhekk, il-ħin massimu tas-sewqan ma jistax jaqbeż id-90 siegħa matul perjodu ta’ ġimgħatejn. 2.17. Malta Fit-trasport urban 80% tal-ħaddiema huma impjegati għal rashom (it-trasport bil-ferrovija ma jeżistix). Ma hemmx ftehimiet kollettivi. L-awtoritajiet Maltin jidentifikaw xi karatteristiċi bħala li huma speċifiċi għall-kuntest Malti: id-dewmien limitat tal-vjaġġi (massimu ta’ 60 minuta), il-limitu baxx tal-veloċità fit-toroq, perjodi twal ta’ waqfien bejn il-vjaġġi individwali, u stili tax-xiftijiet ta’ jum iva, jum le. Huma permessi d-derogi dwar is-serħan ta’ kuljum u l-waqfien. L-għażla individwali ta’ l-esklużjoni ġiet implimentata. 2.18. L-Olanda Is-settur tat-trasport urban huwa rregolat minn ftehim kollettiv nazzjonali. Madankollu xi kumpaniji mhumiex soġġetti għalih u għandhom il-ftehimiet kollettivi tagħhom. Barra minn hekk, xi kumpaniji jista’ jkollhom regolamenti addizzjonali, li jiżviluppaw jew jikkumplimentaw dawn il-ftehimiet. Għalhekk, is-settur kollu huwa kopert minn ftehimiet kollettivi. It-trasport regolari tal-passiġġiera bit-triq (bil-karozzi tal-linja) huwa rregolat minn digriet dwar il-ħin tax-xogħol, ibbażat fuq ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85, ħlief għall-waqfiet li huma, flimkien mat-trasport regolari tal-passiġġiera bil-metro, bit- tramway , bil-ferroviji ħfief u bil-ferroviji, soġġetti għat-traspożizzjoni leġislattiva tad-Direttiva (“L-Att dwar il-Ħin tax-Xogħol "). Il-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa fis-settur tal-karozzi tal-linja hija ta’ 48 siegħa matul perjodu ta’ referenza ta’ 13-il ġimgħa (26 ġimgħa fejn dan ikun provdut fil-ftehim kollettiv). Dwar il-metro, it- tramway , il-ferroviji ħfief u l-ferroviji, il-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa hija ta’ 45 siegħa (inkluża s-sahra) matul perjodu ta’ referenza ta’ 13-il ġimgħa (48 siegħa matul perjodu ta’ referenza ta’ 13-il ġimgħa fejn dan ikun provdut fil-ftehim kollettiv). 2.19. Il-Polonja Ma hemm ebda ftehim kollettiv nazzjonali jew reġjonali li jirregola s-settur tat-trasport urban, iżda l-parti l-kbira ħafna tal-kumpaniji għandhom ftehimiet kollettivi. F’dawn il-ftehimiet mhux permess li jkun hemm dispożizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli skond il-Kodiċi dwar ix-Xogħol. Ir-regoli dwar is-sewwieqa tat-trasport urban ma jvarjawx bejn il-Kodiċi dwar ix-Xogħol u l-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa. Madankollu, artikolu tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol jippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, reġim ta’ ħin tax-xogħol mhux kontinwu għas-sewwieqa fit-trasport regolari fuq rotot urbani, skond skeda tal-ħin definita minn qabel. Il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) huwa ta’ 48 siegħa. 2.20. Il-Portugall Is-settur tat-trasport urban huwa rregolat mir-regoli ġenerali tal-Kodiċi dwar ix-Xogħol. Id-derogi fis-settur tat-trasport urban huma permessi, permezz ta’ ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji, f’dak li għandu x’jaqsam mas-serħan ta’ kuljum, il-waqfien, is-serħan ta’ kull ġimgħa, il-ħin massimu tax-xogħol kull ġimgħa u t-tul tax-xogħol ta’ bil-lejl. Il-medja massima tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa (inkluża s-sahra) ma tistax tkun ta’ aktar minn 48 siegħa, matul perjodu ta’ referenza li għandu jkun irregolat minn ftehim kollettiv u li ma jistax ikun itwal minn 12-il xahar (4 jew 6 xhur għat-trasport urban, fejn ma hemmx ftehim kollettiv). 2.21. Is-Slovakkja Il-ftehimiet kollettivi, konklużi fuq il-livell tal-kumpaniji, ikopru għal kollox l-impjegati tat-trasport pubbliku urban u jinkludu dispożizzjonijiet aktar protettivi. Barra minn dan, ftehim kollettiv fuq livell ogħla, li jkopri s-settur ekonomiku kollu u li huwa obbligatorju għal kull min jimpjega u għat-trejdjunjins koperti minnu, ikabbar u jimmodifika ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji. Taħt il-Kodiċi dwar ix-Xogħol, il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa inkluża s-sahra ma jistax ikun itwal minn 48 siegħa, imqassma b’mod indaqs bejn il-ġimgħat individwali. Min jimpjega jista’ madankollu, bi ftehim mar-rappreżentant ta’ l-impjegati jew ma’ l-impjegat, jirranġa ħin tax-xogħol b’mod mhux indaqs għal ġimgħat individwali, matul perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur. 2.22. Is-Slovenja Is-servizzi regolari tat-trasport pubbliku bit-triq huma mqassma f’servizzi urbani u servizzi suburbani. Is-Slovenija titqies bħala reġjun wieħed, fir-rigward tat-trasport bit-triq. Ladarba t-trasport urban mhuwiex provdut fil-muniċipalitajiet kollha, it-trasport interurban ikopri s-servizzi tad-distanza nofsanija (minn 5 għal 50 Km) kif ukoll is-servizzi ta’ distanza twila (aktar minn 50 Km). Is-servizzi regolari tat-trasport urban huma regolati minn 2 ftehimiet kollettivi nazzjonali (għall-passiġġiera bit-triq u għat-trasport bil-ferroviji) u minn ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji li jipprovdu aktar drittijiet għall-ħaddiema. Id-dispożizzjonijiet ivarjaw bejn is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, tat-trasport bit-triq u tat-trasport bil-ferroviji. Il-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa hija ta’ 40 siegħa, u l-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa ma jistax ikun itwal minn 48 siegħa. 2.23. Spanja Is-settur tat-trasport urban huwa regolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol u minn ftehimiet kollettivi fuq il-livell tal-kumpaniji u fuq il-livell nazzjonali. L-organizzazzjoni tat-trasport regolari bit-triq għall-vjaġġi iqsar minn 50 kilometru hija r-responsabbiltà ta’ l-"Autoridades Autonómicas", filwaqt li l-forniment tas-servizzi tat-trasport urban tal-passiġġieri huwa r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet lokali. Il-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa hija ta’ 40 siegħa matul perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar, b’massimu ta’ 80 siegħa sahra fis-sena. Ma hemm ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħin tas-sewqan fit-trasport regolari urban. 2.24. L-Iżvezja Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, ma hemm ebda leġiżlazzjoni speċjali għas-settur tat-trasport urban. L-Att Svediż dwar il-Ħin tax-Xogħol japplika b’mod sħiħ għal dan is-settur, bħalma jagħmel għall-parti l-kbira tas-setturi l-oħrajn. Madankollu huwa possibbli li l-imsieħba soċjali jidderogaw mill-Att permezz ta’ ftehimiet kollettivi, bil-kondizzjoni li dawn ma jkunux jinvolvu regoli anqas favorevoli minn dawk preskritti mid-Direttiva. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-ħin tas-sewqan fit-trasport regolari urban, iżda tali dispożizzjonijiet jistgħu jidhru fil-ftehimiet kollettivi. Il-ftehimiet kollettivi huma ffirmati fuq il-livell nazzjonali u fuq il-livell tal-kumpaniji. Dwar it-trasport urban bil-ferrovija, il-ftehimiet huma ffirmati wkoll fuq il-livell lokali. Il-ftehimiet kollettivi huma obbligatorji għal dawk il-kumpaniji li huma membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, jew li ffirmaw ftehimiet kollettivi tagħhom stess. Il-ħin massimu totali tax-xogħol kull ġimgħa (li jinkludi l-ħin tax-xogħol normali, is-sahra u l-ħin fejn jista’ jissejjaħ għax-xogħol) huwa ta’ 48 siegħa għal kull perjodu ta’ 7 ijiem, li għandu jiġi kkalkolat tul perjodu ta’ 4 xhur. Dan il-perjodu tal-kalkolu jista’ jiġi estiż sa 12-il xahar permezz ta’ ftehim kollettiv. 2.25. Ir-Renju Unit Dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli, is-settur tat-trasport urban huwa regolat minn regolamenti nazzjonali u minn ftehimiet kollettivi. Il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa, li huwa ta’ 48 siegħa (inkluża s-sahra), japplika bla ħsara għall-għażla individwali ta’ l-esklużjoni, li ġiet implimentata fir-Renju Unit. Skond l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ħafna ftehimiet kollettivi tal-kumpaniji jinvolvu ġimgħa ta’ xogħol ta’ bejn il-35 u l-45 siegħa, flimkien ma’ sahra volontarja. 3. L-IMSIEħBA SOċJALI Skond il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema fit-Trasport (ETF), problema ewlenija hija n-nuqqas ta’ mekkaniżmi għal sanzjonijiet effettivi u ta’ deterrent, li hija tqis bħala meħtieġa sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol jiġu infurzati. Barra minn dan, l-ETF tagħmel sejħa biex il-ftehimiet kollettivi jingħataw applikazzjoni obbligatorja għall-kumpaniji u l-ħaddiema kollha attivi fis-settur tat-trasport urban. Bl-introduzzjoni tas-sejħa kompetittiva għall-offerti, is-sotto-kuntrattar u l-privatizzazzjoni, żdied l-għadd tal-ħaddiema li mhumiex koperti mill-ftehimiet kollettivi fil-pajjiżi fejn ma hemmx ftehimiet kollettivi obbligatorji fuq il-livell nazzjonali. Finalment, l-ETF indikat li sa fejn taf hi, l-implimentazzjoni tad-Direttiva ma ħolqot l-ebda problema għas-settur. Dan jidher li seħħ minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, peress li l-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 17 jippermetti derogi li jipprovdu flessibbiltà kbira fis-settur. Madankollu, l-ETF enfasizzat żewġ elementi bħala dawk li joħolqu problemi konsiderevoli ta’ saħħa u sigurtà: in-nuqqas ta’ definizzjoni kwantitattiva ta’ l-istandard minimu “serħan xieraq” u l-użu komuni ta’ l-għażla individwali ta’ l-esklużjoni minn sewwieqa tal-karozzi tal-linja fit-trasport regolari tal-passiġġieri fir-Renju Unit. Fir-rigward ta’ l-Għaqda Internazzjonali għat-Trasport Pubbliku (UITP), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma xierqa għas-settur tat-trasport urban. L-UITP tenfasizza b’mod partikolari l-bżonn li jinżammu d-derogi permessi mill-inċiż (viii) tal-punt (c) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 17, li jiżguraw “il-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni”. 4. IL-KONKLUżJONIJIET Is-settur tat-trasport regolari urban huwa rregolat fuq il-livell nazzjonali u/jew reġjonali, minn regoli u strutturi li huma differenti fl-Istati Membri. F’ħafna pajjiżi, japplikaw leġiżlazzjonijiet/ftehimiet kollettivi differenti, skond jekk it-trasport ikunx bit-triq jew bil-ferrovija. B’mod ġenerali, il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fit-trasport urban huwa ogħla mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva. Fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, il-ħaddiema regolari fit-trasport urban huma koperti minn ftehimiet kollettivi, li l-ambitu tagħhom huwa differenti bejn pajjiż u ieħor. Dawn il-ftehimiet ġeneralment ikopru l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-impjegati u min jimpjega. Il-ftehimiet kollettivi japplikaw fuq il-livell nazzjonali, dak reġjonali u dak tal-kumpaniji, skond l-Istat Membru. F’bosta Stati Membri, id-Direttiva hija implimentata minn bosta miżuri leġislattivi nazzjonali. Fejn dan ikun il-każ, normalment ikun hemm leġiżlazzjoni nazzjonali separata għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja. Barra minn hekk, xi Stati Membri jestendu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja fit-trasport urban tal-passiġġiera. Madankollu, f’dan l-istadju mhuwiex ċar jekk id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2002/15/KE humiex applikati. Fil-każijiet fejn it-trasport urban u dak reġjonali huma provduti mill-istess kumpanija, mhuwiex dejjem ċar jekk ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva 2002/15/KE japplikawx għall-ħaddiema li r-rotta tagħhom hija itwal minn 50 kilometru. In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn it-testi legali għall-ħaddiema koperti mill-ambitu tagħhom huwa ksur tal-liġi Komunitarja, peress li dawn l-istrumenti legali speċifiċi huma aktar protettivi mid-Direttiva. F’xi każijiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva 2002/15/KE jidhru kkombinati mal-possibbiltajiet usa’ tad-derogi permessi mid-Direttiva. Barra minn hekk, kuntrarju għad-Direttiva, il-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri tippermetti perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar għall-kalkolu tal-medja tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa. Ħames Stati Membri rrapportaw li kienu implimentaw l-għażla individwali ta’ l-esklużjoni (l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, Malta u r-Renju Unit). Madankollu, kollha applikawha b’mod wiesa’ minflok speċifikament għas-settur tat-trasport urban. La t-trejdjunjins u lanqas ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem ma talbu reviżjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli bħalissa għal dan is-settur. It-trejdjunjins jenfasizzaw id-diffikultajiet fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet, għaliex iqisu s-sanzjonijiet applikabbli bħala ineffettivi. Fil-fehma tagħhom, f’din il-kwistjoni għandu jsir progress sabiex jiġu evitati r-riskji għall-iżvilupp ta’ dan is-settur. B’konklużjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jidhru xierqa għas-settur tat-trasport urban u ma ġiet identifikata l-ebda problema kbira. Stat Membru wieħed biss (il-Latvja) indika xi diffikultajiet fil-ħarsien tar-regoli tad-Direttiva, b’mod speċifiku fir-rigward tal-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa. Il-Kummissjoni tqis li ma hu meħtieġ l-ebda tibdil fir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ l-impjegati li għandhom x’jaqsmu mal-ġarr tal-passiġġieri fuq is-servizzi regolari tat-trasport urban. Il-Kummissjoni se tinvestiga s-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq fir-rigward ta’ fejn hemm indikazzjonijiet ta’ diffikultajiet ta’ konformità mal-liġi Komunitarja, u b’mod partikolari mad-Direttiva u se tieħu r-responsabbiltajiet tagħha skond it-Trattat. [1] ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9 [2] Id-Direttiva 2003/88/KE tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 18) u d-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 195, 1.8.2000, p. 41) [3] Għall-ħaddiema koperti mid-Direttiva 2003/88/KE, tista’ tiġi stabbilita distinzjoni bejn “ħaddiema mobbli” u ħaddiema oħrajn. Il-ħaddiema mobbli huma definiti bħala ħaddiema li jkunu impjegati bħala membri ta' persunal ta' l-ivvjaġġar jew tat-titjir minn impriża li topera servizzi tat-trasport għall-passiġġieri jew għall-merkanzija bit-triq, bl-ajru jew b'kanali ta' l-ilma interni. Skond l-Artikolu 20.1 tad-Direttiva, l-Artikoli 3, 4, 5 u 8 ma japplikawx għalihom. [4] L-Artikolu 1 il-paragrafu 3 [5] L-Artikolu 14 [6] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33);Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 302, 1.12.2000, p. 57);Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35);Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 (ĠU L 195, 27.7.2005, p. 15). [7] ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35 [8] L-Artikolu 4, ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85