IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.5.2020
COM(2020) 214 final
2020/0088(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b'rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-politika għall-promozzjoni u t-twessigħ tal-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi eżistenti fil-livell internazzjonali hija waħda mill-istrateġiji ta’ prijorità għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-kummerċ internazzjonali għall-prodotti agrikoli. B’hekk isir possibbli li tissaħħaħ il-politika ta’ kwalità tal-Unjoni Ewropea, jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u jiġi evitat l-użu ħażin tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Huwa possibbli wkoll li jogħla l-valur miżjud tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE u b’hekk l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva.
Iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali taċ-Ċina. Il-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Ewropa huwa f’medja ta’ aktar minn EUR 1 biljun kuljum. Il-kummerċ agroalimentari huwa komponent importanti f’din ir-relazzjoni u l-bilanċ tagħha bejn l-UE u ċ-Ċina huwa b’mod ċar pożittiv għall-UE. Fl-2018, l-UE rreġistrat surplus kummerċjali ta’ EUR 5,4 biljun maċ-Ċina f’dan is-settur. Iċ-Ċina kienet it-tieni l-akbar destinazzjoni ta’ esportazzjoni tal-UE (EUR 11-il biljun) u kienet fit-tielet post f’termini ta’ importazzjonijiet tal-UE (EUR 5,6 biljun). Dawn iċ-ċifri jmorru kontra d-defiċit kummerċjali globali tal-UE għall-merkanzija maċ-Ċina ta’ EUR 184,9 biljun fl-2018 (EUR 209,9 biljun f’esportazzjonijiet u EUR 394,8 biljun f’importazzjonijiet).
L-iżvilupp tal-klassi medja taċ-Ċina, li għandu jilħaq il-500 miljun ruħ fit-tliet snin li ġejjin, qed jagħti spinta lid-domanda għall-prodotti ta’ kwalità u għalhekk, għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Ewropej. Skont studju kkummissjonat mid-DĠ AGRI fl-2013, prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika jinbiegħ, bħala medja, għal aktar mid-doppju tal-prezz ta’ prodott simili li ma jkunx b’Indikazzjoni Ġeografika. Għalhekk, dan il-ftehim se jkun ta’ benefiċċju għall-produtturi Ewropej u għandu jagħti spinta liż-żoni rurali fejn isiru dawn il-prodotti.
Dan il-ftehim huwa wkoll pass ’il quddiem lejn ir-rikonoxximent ġenerali tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-importanza li jiġu protetti, proċess immexxi mill-UE permezz ta’ diversi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles li ġew iffirmati mill-UE f’dawn l-aħħar snin.
Minbarra l-benefiċċji ekonomiċi, il-ftehim se jkun ukoll pass importanti fir-relazzjoni tagħna maċ-Ċina peress li se jkun l-ewwel ftehim kummerċjali bilaterali sinifikanti ffirmat bejn l-UE u ċ-Ċina. Huwa wkoll sinjal lejn id-dinja tal-impenn taż-żewġ partijiet għal relazzjonijiet kummerċjali aktar profondi u simbolu tal-ftuħ u l-aderenza tagħna mar-regoli internazzjonali bħala bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali.
Fl-10 ta’ Settembru 2010 il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim maċ-Ċina biex jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u biex jiġu pprovduti strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u l-użu inġust tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Fuq il-bażi ta’ dawn id-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim ambizzjuż u komprensiv mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Il-Kummissjoni qed tressaq il-proposti li ġejjin għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill:
–Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom;
–Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.
Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-konklużjoni tal-Ftehim tidħol fl-istrateġija ġenerali tal-UE li tippromwovi l-politika dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE. L-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni, tal-anqas fil-livell tal-Artikolu 23 tat-TRIPS+, għal-lista tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Ċiniżi fl-UE. L-inizjattiva se tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi ta’ prodotti li jkollhom Indikazzjoni Ġeografika.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija konformi mal-azzjonijiet esterni tal-UE u b’mod partikolari mal-objettivi tal-Unjoni rigward l-istrateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-politika tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jrid jiġi ffirmat skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) tat-TFUE u jrid jiġi konkluż mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), kif ukoll 218(6) tat-TFUE, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif ippreżentat lill-Kunsill ma jkoprix kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kompetenza esklużiva tal-UE.
•Proporzjonalità
Din il-proposta hija konformi mal-viżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u tikkontribwixxi għall-objettivi kummerċjali u ta’ żvilupp tal-Unjoni.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218 tat-TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill jadotta deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Mhux applikabbli.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux applikabbli.
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux applikabbli.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-Ftehim mhu se jkollu l-ebda impatt dirett fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom jinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali li jipprevedu Kumitat Konġunt bl-iskop li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u li jintensifika l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Il-Kumitat Konġunt għandu wkoll jieħu ħsieb il-funzjonament xieraq ta' dan il-Ftehim u jista' jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni u mat-tħaddim tiegħu.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni fis-suq Ċiniż għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi proposti.
F’konformità mal-objettivi stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjati, il-Kummissjoni żgurat, fost affarijiet oħra:
–Livell ta’ protezzjoni TRIPs-plus għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li jipprovdi protezzjoni kontra t-traduzzjoni, it-traskrizzjoni jew it-transliterazzjoni, u kontra l-użu tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi msemmija akkumpanjati minn espressjonijiet bħal “kwalità”, “tip”, “stil”, “imitazzjoni” jew espressjonijiet simili fir-rigward ta’ prodott mhux oriġinarju;
–Il-protezzjoni ta’ 175 Indikazzjoni Ġeografika addizzjonali fi żmien erba’ snin mid-dħul fis-seħħ u mekkaniżmu li jżid aktar Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn hemm ’il quddiem;
–L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi se jeżistu flimkien mat-trademarks preċedenti leġittimi li l-maġġoranza vasta tagħhom tappartjeni għas-sidien leġittimi tal-Ewropa.
2020/0088 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b'rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fl-10 ta’ Settembru 2010 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal Ftehim dwar il-kooperazzjoni dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim.
(2)Il-Ftehim propost għandu l-għan li jikseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u li jipprovdi strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u użi inġusti tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
(3)Għalhekk, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim.
It-test tal-Ftehim li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim, għall-persuna(i) indikata(i) min-negozjatur tal-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President