31999E0877



Official Journal L 331 , 23/12/1999 P. 0001 - 0010


Strateġija komuni tal-kunsill ewropew

tal-11 ta’ Diċembru 1999

dwar l-Ukrajna

(1999/877/CFSP)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi l-Ftehim dwar is-Sħubija u l-Koperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u l-Ukrajna daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998,

ADOTTA DIN L-ISTRATEĠIJA KOMUNI:

PARTI 1

IL-VIŻJONI TA’ L-UNJONI EWROPEA DWAR IS-SĦUBIJA TAGĦHA MA’ L-UKRAJNA

1. Is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Ukrajna, ibbażata fuq valuri maqsuma bejniethom u interessi komuni, hija fattur importanti li ssaħħaħ il-paċi, l-istabbilità u l-prosperità fl-Ewropa. Il-libertà, l-indipendenza, u l-istabbilità ta’ l-Ukrajna huma kklassifikati fost l-aqwa kisbiet ta’ l-Ewropa l-Ġdida mingħajr il-linji l-qodma ta’ firda. Il-ġeografija kif ukoll id-daqs, ir-riżorsi tal-popolzzjoni tagħha kif ukoll il-pożizzjoni tagħha tul l-assi tat-Tramuntana-Nofsinhar u Lvant-Punent jagħtu lill-Ukrajna pożizzjoni unika fl-Ewropa u jagħmluha attur reġjonali determinanti.

2. Llum l-Ukrajna għandha relazzjonijiet eċċellenti mal-ġirien kollha tagħha u ħadet passi importanti fil-bini tan-nazzjon u lejn il-konsolidazzjoni tad-demokrazija tagħha. Il-fatt li l-Ukrajna kienet mill-indipendenza sors ta’ stabbilità reġjonali, minkejja d-diffikoltajiet u d-differenzi domestiċi tagħha, hija kisba ta’ min ifaħħarha. L-UE tilqa’ involviment mill-viċin ma’ l-Ukrajna fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun tagħha u tinkoraġġixxi t-tisħiħ ta’ l-irwol ta’ l-Ukrajna fil-laqgħat ta’ koperazzjoni reġjonali. L-UE wkoll tilqa’ l-impenn ta’ l-Ukrajna li tneħħi l-armi nukleari kif ukoll il-koperazzjoni tagħha fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali Ewropea, jiġifieri permezz ta’ l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u n-Nazzjonijiet Uniti.

3. Is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ukrajna kienet irrafforzata kontinwament mill-indipendenza ta’ l-Ukrajna. F’dan il-kuntest, il-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Koperazzjoni huwa kisba sinifikanti. L-Ukrajna kienet l-ewwel mill-Istati Indipendenti Ġodda li ffirmat it-tali ftehim, b’hekk tat sinjal għax-xewqa ta’ l-UE u ta’ l-Ukrajna li tissaħħaħ il-koperazzjoni. Permezz ta’ assistenza makro-finanzjarja, il-programm tat-Tacis, kif ukoll permezz tal-programmi bilaterali, appoġġ ta’ valur huwa pprovdut mill-UE biex jgħin l-Ukrajna fil-proċess transitorju u tar-riforma tagħha.

4. Wara il-proċess kurrenti tat-tkabbir, xi Stati Membri futuri ta’ l-UE se jaqsmu fruntiera esterna ma’ l-Ukrajna. It-tkabbir ta’ l-Unjoni jkompli jsaħħaħ id-dinamiżmu ekonomiku u l-istabbilità politika fir-reġjun, b’hekk iżidu l-possibbiltajiet għall-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna.

5. L-Unjoni Ewropea għandha l-għanijiet strateġiċi li ġejjin dwar l-Ukrajna:

- li tikkontribwixxi għall-emerġenza għal demokrazija stabbli, miftuħa, u pluralistika fl-Ukrajna, irregolata mill-istat tad-dritt u li tissaħħaħ ekonomija ta’ suq li jiffunzjona li jkun ta’ benefiċċju għall-poplu kollu ta’ l-Ukrajna;

- li tikkopera ma’ l-Ukrajna fiż-żamma ta’ l-istabbilità u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja aktar wisgħa, u biex issib risposti effettivi għall-isfidi komuni li qed jiffaċċja l-kontinent;

- biex iżżid il-koperazzjoni ekonomika, politika, u kulturali ma’ l-Ukrajna kif ukoll il-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u ta’ l-affarijiet interni.

6. L-UE tirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropew ta’ l-Ukrajna u tilqa’ l-għażla favur l-Ewropa ta’ l-Ukrajna. L-UE tibqa’ żżomm sod l-impenn tagħha li taħdem ma’ l-Ukrajna fuq livelli nazzjonali, reġjonali, u lokali, sabiex issostni b’suċċess trasformazzjoni politika u ekonomika fl-Ukrajna, li tiffaċilita aktar ir-rapport ta’ sħubija ma’ l-UE. L-UE u l-Istati Membri joffru li jaqsmu ma’ l-Ukrajna l-esperjenzi varji tagħhom fil-bini ta’ sterutturi moderni politiċi, ekonomiċi, soċjali u amministrattivi, waqt li jirrikonoxxu kompletament li r-responsabbiltà ewlenija għall-futur ta’ l-Ukrajna taqa’ fuq l-Ukrajna nnifisha.

7. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jadotta din l-Istrateġija Komuni biex isaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ukrajna. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi li Ukrajna ta’ suċċess, stabbli u soda hija fl-aħjar interessi ta’ l-UE. Il-bażi legali tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna huwa l-Ftehim tas-Sħġubija u tal-Koperazzjoni (PCA). L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan il-ftehim hija ħtieġa ta’ qabel l-integrazzjoni b’suċċess ta’ l-Ukrajna fl-ekonomija Ewropea u wkoll tgħin lill-Ukrajna tafferma l-identità Ewropea tagħha.

8. L-UE u l-Istati Membri tagħha se jiżviluppaw il-koordinazzjoni, il-koerenza, u l-komplementarjetà ta’ l-aspetti kollha tal-politika tagħhom lejn l-Ukrajna. L-Unjoni, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha se wkoll jaħdmu flimkien ma’ u ġewwa organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali kif ukoll ma’ soċi ta’ l-istess ħsieb biex jiksbu l-għanijiet ippreżentati fil-PCA u f’din l-Istrateġija Komuni. Il-posizzjonijiet li ttieħdu mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha fil-laqgħat kollha relevanti se jkunu konformi ma’ din l-Istrateġija Komuni. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Ukrajna biex taħdem ma’ l-UE fuq il-bażi ta’ din l-Istrateġija Komuni għall-benefiċċju tat-tnejn li huma.

PARTI II

GĦANIJIET EWLENIN

Il-Kunsill Ewropew identifika l-għanijiet ewlenin li ġejjin:

I. Appoġġ għall-proċess tat-transizzjoni demokratika u ekonomika fl-Ukrajna

II. Li tkun żgurata stabbilità u sigurtà u li jkunu milqugħa sfidi komuni fil-kontinent Ewropew

III. Appoġġ għal koperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Ukrajna taħt il-kuntest tat-tkabbir ta’ l-UE

I. Appoġġ għall-proċess tat-transizzjoni demokratika u ekonomika fl-Ukrajna

L-UE u l-Ukrajna għandhom interess komuni li jħaffu l-proċess tat-transizzjoni demokratika u ekonomika fl-Ukrajna. It-trasformazzjoni b’suċċess fl-Ukrajna se ġġib prosperità mhux biss fl-Ukrajna iżda fir-reġjun kollu. Sabiex dan il-proċess ta’ transizzjoni jkun ta’ suċċess, iridu jsiru riformi biex ikunu kkonsolidati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll riformi ekonomiċi u soċjali bil-ħsieb li tkun stabbilita suq ta’ ekonomija li jiffunzjona.

L-UE tipproponi li ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna fl-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

I(i) Il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u l-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Ukrajna

9. L-UE tilqa’ l-kisbiet ta’ l-Ukrajna biex tqiegħed il-bażijiet għal sistema demokratika jiġifieri li tistabbilixxi sistema ta’ ħafna partijiet u li tadotta kostituzzjoni parlamentari. L-UE tirrikonoxxi l-kisbiet ta’ l-Ukrajna li żżomm l-għaqda tagħha minkejja l-għamliet diversi tal-pajjiż.

10. L-UE tappoġġa lill-Ukrajna fl-isforzi kollha tagħha mmirati lejn il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tar-regolazzjoni tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-Unjoni tqis li l-istat tad-dritt huwa ħtieġa ta’ qabel l-iżvilupp ta’ suq ta’ ekonomija li jiffunzjona li toffri opportunitajiet u benefiċċji liċ-ċittadini kollha ta’ l-Ukrajna. L-UE tappoġġa l-isforzi ta’ l-Ukrajna biex tirriforma s-sistema legali taħt il-qafas tal-PCA. Ġudikatura indipendenti li taħdem sew, forza professjonali tal-pulizija, l-iżvilupp ta’ amministrazzjoni pubblika mħarrġa sew ibbażata fuq meritu fuq livelli nazzjonali, reġjonali, u lokali huma kollha elementi ewlenin fl-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-gvern. L-UE tinkoraġġixxi l-isforzi ta’ l-Ukrajna biex tiżviluppa d-demokrazija, it-trasparenza, u l-karattru demokratiku ta’ l-istituzzjonijiet pubbliċi tagħha, inkluż l-iżvilupp ta’ xandir liberu. Dawn huma ħtiġiet qabel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, jikkontribwixxu għall-bini ta’ soċjetà ċivili moderna.

11. L-UE tagħti importanza għall-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili u ambjent kummerċjali kompetittiv faċli għall-investitur fl-Ukrajna u tinkoraġġixxi konnessjonijiet aktar viċini bejn il-poplu u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ l-Unjoni u ta’ l-Ukrajna. L-UE tilqa’ l-ftehim ta’ l-Ukrajna tal-Memorandum tal-Fehma ma’ l-OSCE u tirrakkomanda bil-qawwa lill-Ukrajna biex taħdem f’koperazzjoni mill-viċin mal-kordinatur tal-proġett ta’ l-OSCE fl-Ukrajna. L-UE tappoġġa l-isforzi ta’ l-Ukrajna mmirati lejn il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u titlob lill-Ukrajna tkompli x-xogħol tajjeb tagħha f’dan il-qasam, inkluża l-koperazzjoni mal-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali.

12. L-UE tagħti importanza partikolari għal koperazzjoni mill-viċin ma’ l-Ukrajna taħt il-qafas tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-OSCE. F’dan il-kuntest, l-UE tinsisti li l-Ukrajna twettaq l-impenni tagħha u tadatta l-leġislazzjoni biex tilqa’ n-normi u l-istandards tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, b’mod partikolari l-obbligi li ffirmat għalihom l-Ukrajna fl-adeżjoni tagħha mal-Kunsill ta’ l-Ewropa fl-1995. L-UE tieħu nota tat-tisjib tal-missjoni ta’ sorveljanza ta’ l-elezzjoni ta’ l-OSCE/l-Uffiċċju ta’ l-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar kif saru l-elezzjonijiet presidenzali ta’ l-1999 fl-Ukrajna, bl-effett li kif saru dawn l-elezzjonijiet naqsu li jilqgħu numru ta’ impenni ta’ l-OSCE u titlob li l-Ukrajna tagħti kas tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-missjoni tas-sorveljanza ta’ l-OSCE fir-rapport tagħha b’kunsiderazzjoni għal elezzjonijiet futuri.

I(ii) Appoġġ għall-proċess tat-transizzjoni ekonomika fl-Ukrajna

13. L-UE tintrabat li tappoġġa l-isforzi ta’ l-Ukrajna biex tistabbilixxi ambjent li jwassal għal attività ekonomika u tappoġġa lill-Ukrajna fir-riformi ekonomiċi u soċjali tagħha.

14. L-UE tinkoraġġixxi l-Ukrajna biex tistabbilixxi politika makroekonomika mmirata lejn prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi sodi u pożizzjoni sostenibbli tal-kont kurrenti. Sabiex tavvanza aktar lejn prezzijiet stabbli, huwa importanti li l-bank ċentrali jitħalla jopera b’mod indipendenti mingħajr indħil politiku. Hemm bżonn li r-regolamenti eżistenti ta’ prudenza għas-sorveljanza tas-settur finanzjarju jissaħħu. Il-ġbir tat-taxxi jrid jittejjeb, u l-amnestiji ad hoc tat-taxxi u l-eżenzjonijiet mit-taxxi għal setturi speċifiċi ta’ l-ekonomija għandhom ikunu evitati.

15. L-UE tinkoraġġixxi bil-qawwa li l-Ukrajna tintensifika l-isforzi tagħha biex tibni suq ta’ ekonomija li jiffunzjona permezz ta’ riformi aktar strutturali, aktar ekonomiċi u aktar amministrattivi fil-kuntest ta’ programm komprensiv ta’ riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali. Dawn għandhom jinkludi l-istabbiliment u l-infurzar ta’ drittijiet ċari tal-proprjetà, aktar privatizzazzjoni, aktar liberalizzazzjoni tal-prezzijiet, l-għoli tat-tariffi komunali għall-enerġija, l-ilma, u l-kirjiet għal-livelli li jkopru l-ispejjeż kompletament, l-istrutturar mill-ġdid tal-kummerċ, u l-inkoraġġiment ta’ tkabbir ta’ l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-passi kollha ta’ dawn ir-riformi jridu jitħaffu. Sa fejn ir-riforma settorali hija kkonċernata, is-setturi ta’ l-agrikoltura, ta’ l-enerġija, u tat-trasport ħaqqhom attenzjoni partikolari.

16. L-introduzzjoni tal-proċess tar-riforma ta’ l-artijiet huwa meħtieġ biex jiffaċilita, inter alia, il-kera fit-tul ta’ l-artijiet bħala garanziji għas-self, biex iwitti t-triq għal aktar investiment fis-settur agrikolu.

17. Li jinġieb u jitħares l-investiment domestiku u barrani wkoll huma rwoli ewlenin fl-iżvilupp ta’ l-Ukrajna. F’dan il-kuntest, l-UE tinnota li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u governanza fqira huma ta’ ħsara għar-reputazzjoni ekonomika ta’ l-Ukrajna. L-Unjoni se tappoġġa l-Ukrajna biex tiżviluppa u tadotta l-politika ekonomika meħtieġa biex iżżid l-investiment domestiku u barrani u biex tilqa’ l-ħtiġiet ta’ dawn internazzjonali li jsellfu.

18. Minħabba l-obbligi għad-dejn kbir li għandha l-Ukrajna, l-irkupru ekonomiku ta’ l-Ukrajna jkun jeħtieġ l-involviment kontinwu tal-kredituri privati. Soluzzjonijiet ta’ kollaborazzjoni għall-problemi biex jitħallsu d-djun ta’ l-Ukrajna jridu jinstabu.

19. L-UE hija kompletament konxja mill-fatt li r-riformi ekonomiċi ta’ l-Ukrajna kultant ikollhom isiru f’ambjent barrani diffiċli. L-assistenza makrofinanzjarja ta’ l-UE ssir kif xieraq, skond il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti, immirati lejn appoġġ għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika u għal riforma strutturali komprensiva, konsistenti mal-programmi tal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji. L-UE tkompli tkun lesta li tappoġġa r-riformi ekonomiċi fl-Ukrajna f’dawn iċ-ċirkostanzi. L-assistenza makrofinanzjarja ta’ l-UE tgħin l-Ukrajna biex tiftaħ l-ekonomija tagħha, ittejjeb l-aġġustament ekonomiku, issaħħaħ l-kompetizzjoni, u tintegra aktar l-ekonomija ta’ l-Ukrajna fl-ekonomija Ewropea u globali.

20. L-UE se tappoġġa l-Ukrajna fil-promozzjoni ta’ l-approssimazzjoni progressiva tal-leġislazzjoni lejn dik ta’ l-UE, speċjalment f’dawk l-oqsma bħall-politika tal-kompetizzjoni, l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni, id-drittijiet tal-proporjetà intellettwali, il-ħarsien ta’ informazzjoni, il-proċeduri tad-dwana, u l-ambjent.

21. Biex ikun implimentat programm li jistabbilixxi suq ta’ ekonomija li jiffunzjona, sistema ta’ sigurà soċjali ppjanata sewwa jeħtieġ tkun stabbilita, sabiex l-aspetti soċjali tat-transizzjoni għal suq ta’ ekonomija jkunu kkunsidrati.

II. Li tkun żgurata stabbilità u sigurtà u li jkunu milqugħa sfidi komuni fil-kontinent Ewropew

L-UE u l-Ukrajna għandhom interess komuni fiż-żamma ta’ stabbilità u sigurtà f’Ewropa libera u demokratika. Is-sitwazzjoni ġeopolitika ta’ l-Ukrajna, li tinsab tul l-assi tat-Tramuntana-Nofsinhar u tal-Lvant-Punent tagħti pożizzjoni unika lill-Ukrajna. L-UE tirrikonoxxi l-importanza reġjonali ta’ l-Ukrajna. F’dan il-kuntest, l-UE tipproponi li ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna b’attenzjoni partikolari għas-sigurtà nukleari u li ssaħħaħ id-djalogu politiku, kif ipprovdut taħt il-qafas tal-PCA, bil-għan li jkun aktar koerenti u operazzjonali.

L-UE tixtieq tkabbar il-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna sabiex issib risposti effettivi għall-isfidi komuni li l-kontinent qed jiffaċċja dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

II(i) Koperazzjoni biex tissaħħaħ l-istabbilità u s-sigurtà fl-Ewropa

22. L-UE tappoġġa l-isforzi ta’ l-Ukrajna biex tippromwovi l-koperazzjoni u l-istabbilità fir-reġjun tagħha, inklużi fil-kuntest ta’ l-Organizzazzjoni tal-Koperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed, il-Kunsill ta’ l-Istati tal-Baħar Baltiku u Ġeorgja, l-Ukrajna, Użbekistan, Ażerbajġan u l-Moldova. L-UE tilqa’ l-iżvilupp pożittiv tar-relazzjoni ta’ l-Ukrajna mal-ġirien kollha tagħha u temmen li għandha interess li dawk ir-relazzjonijiet jibqgħu b’saħħithom u stabbli. L-UE wkoll tieħu nota tal-kontribuzzjoni ta’ l-Ukrajna lejn l-istabbilità Ewropea permezz ta’ l-irwol tagħha bħala osservatur tal-Patt ta’ Stabbilità għall-Ewropa tax-Xlokk.

23. L-UE u l-Ukrajna jaqsmu interess komuni fiż-żamma ta’ stabbilità u sigurtà f’Ewropa libera u demokratika. Mekkaniżmi msaħħa għall-konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna taħt il-qafas tal-PCA, tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, u tan-Nazzjonijiet Uniti u koperazzjoni qawwija bejn l-OSCE u l-Ukrajna, huma meħtieġa bħala risposta konġunta u effettiva għall-isfidi tas-sigurtà Ewropea u globali.

24. L-UE tikkongratula l-Ukrajna għall-elezzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (2000-2002). Dan il-fatt jirrafforza l-ħtieġa li l-UE tkompli tkabbar u twessa’ d-djalogu politiku tagħha ma’ l-Ukrajna fuq livell uffiċjali u ministerjali, b’mod bilaterali u permezz ta’ mekkaniżmi ta’ l-UE. L-adozzjoni tal-Karta Ewropea tas-Sigurtà se ssaħħaħ il-koperazzjoni fost l-Istati Membri ta’ l-OSCE.

25. L-UE tippromwovi u tappoġġa d-djalogu dwar kwistjonijiet ġenerali u speċifiċi dwar l-amministrazzjoni ta’ kriżi u l-bini ta’ sigurtà kif żviluppat f’dawn l-aħħar snin bejn l-Unjoni Ewropea tal-Punent u l-Ukrajna, kif ukoll l-intensifikazzjoni ta’ koperazzjoni prattika f’dan il-qasam, b’mod partikolari permezz tal-pjan ta’ azzjoni mħejji riċentement bejn l-Unjoni Ewropea tal-Punent u l-Ukrajna.

26. L-UE hija wkoll interessata biex issaħħaħ il-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna fil-qasam tal-kontrolli fuq l-esporti u l-kontroll ta’ l-arma tal-qerda bil-massa u l-vetturi tal-kunsinna tagħhom, u tinkoraġġixxi l-Ukrajna li twettaq l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni ta’ l-Armi Kimiċi.

27. Barra minn hekk, l-UE tinkoraġġixxi l-Ukrajna biex tikseb l-għanijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Użu, ta’ l-Akkumulazzjoni, tal-Produzzjoni, u tat-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar il-Qerda tagħhom. L-UE wkoll tinkoraġġixxi lill-Ukrajna biex tiżviluppa strateġija biex tiġġieled l-akkumulazzjoni li mhux qed tkun stabbilita u l-firxa ta’ armi żgħar u armi ħfief.

II(ii) Koperazzjoni fil-qasam ta’ l-ambjent, ta’ l-enerġija, u tas-sigurtà nukleari

28. L-UE se tfittex li ssaħħaħ l-istabbilità Ewropea u taħdem ma’ l-Ukrajna fl-oqsma ta’ l-enerġija u s-sigurtà nukleari, billi tappoġġa riforma komprensiva fis-settur ta’ l-enerġija, inter alia, b’aktar koperazzjoni ma’ l-Ukrajna fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan finanzjarju ta’ Rkupru għas-settur ta’ l-enerġija, inklużi l-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet, il-ġbir imtejjeb tal-flus, u l-privatizzazzjoni ta’ kumpaniji tad-distribuzzjoni. F’dan il-kuntest, l-UE se tippromwovi l-użu effiċjenti u responsabbli b’mod ambjentali ta’ l-enerġija fl-Ukrajna u t-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet il-ġodda ta’ l-enerġija u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu l-politika.

29. Is-sigurtà nukleari u l-għeluq ta’ l-Impjant tal-Qawwa Nukleari ta’ Chernobyl huma prijorità fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna. L-UE tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ awtorità indipendenti li tirregola n-nukleari fl-Ukrajna u tinsisti li l-Ukrajna żżomm l-impenn tagħha li timplimenta il-G7/il-Memorandum tal-Fehma ta’ l-Ukrajna ta’ l-1995 dwar l-għeluq ta’ Chernobyl. Min-naħa l-oħra, l-UE se tappoġġa l-Ukrajna biex tiffinanzja l-kapaċità ta’ flokha li se tiġġenera l-enerġija fl-Ukrajna.

30. L-UE ukoll interessata li ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna fuq dawk il-kwistjonijiet bħall-ħarsien mir-radjazzjoni, l-amministrazzjoni ta’ skart, id-dekontaminazzjoni u ż-żarmar ta’ l-istallazzjonijiet nukleari, u studji fil-qasam tat-teknoloġija tal-fużjoni. Il-ftehim ta’ koperazzjoni ffirmati riċentement fl-oqsma tas-sigurtà nukleari u l-fużjoni termonukleari bejn l-Euratom u l-Ukrajna se jiffaċilitaw din il-koperazzjoni.

31. Barra minn hekk, l-UE tinkoraġġixxi lill-Ukrajna biex tieħu miżuri deċiżi fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-ambjent. Il-ħarsien tas-saħħa pubblika kontra t-tniġġiż ta’ l-ilma tax-xorb, l-arja, u l-ħamrija, u l-użu sostenibbli u responsabbli tar-riżorsi naturali kif ukoll il-limitazzjoni tat-tniġġiż transkonfina ta’ l-arja u ta’ l-ilma hija prijorità f’dan il-qasam.

III. Appoġġ għal koperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Ukrajna taħt il-kuntest tat-tkabbir ta’ l-UE

Wara il-proċess kurrenti tat-tkabbir, xi Stati Membri futuri ta’ l-UE se jaqsmu fruntiera esterna ma’ l-Ukrajna. L-UE tixtieq tikkontribwixxi lejn il-benefiċċju reċiproku ta’ l-Unjoni u l-Ukrajna f’dan il-proċess. F’dan il-kuntest, l-UE tipproponi koperazzjoni msaħħa ma’ l-Ukrajna, b’konsiderazzjoni partikolati lejn il-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u ta’ l-affarijiet interni. L-UE wkoll tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ l-Ukrajna fl-istrutturi reġjonali, Ewropew u dinjija.

L-UE tista’ ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna fl-oqsma li ġejjin:

III(i) Appoġġ għall-integrazzjoni ta’ l-Ukrajna fl-ekonomija Ewropea u dinjija

32. L-Unjoni tappoġġa l-Ukrajna u tinsistilha li tirdoppja l-isforzi tagħha biex tħares il-ħtiġiet tas-sħubija fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-Unjoni tinkoraġġixxi l-Ukrajna biex tieħu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-PCA biex tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ naħat. L-Unjoni se teżamina wkoll iċ-ċirkostanzi li jistgħu, minbarra l-adeżjoni ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ(WTO), jippermettu għall-istabbiliment futur taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ukrajna, kif ippjanat fil-PCA.

33. Sabiex klima favorevoli ta’ investiment tkun iffaċilitata fl-Ukrajna, l-UE tinkoraġġixxi l-Ukrajna biex tinnegozja u tirratifika aktar ftehim bilaterali ta’ ħarsien ta’ l-investiment ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE sabiex tistimula investiment barrani dirett. L-UE wkoll tinkoraġġixxi l-awtoritajiet lokali, reġjonali, u nazzjonali ta’ l-Ukrajna biex jużaw l-opportunitajiet tl-liġi l-ġdida tal-konċessjoni pubblika biex jiġbdu investiment fl-infrastruttura u fis-servizzi pubbliċi.

III(ii) Koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni

34. L-UE u l-Ukrajna għandhom interess komuni fl-iżvilupp ta’ koperazzjoni bex jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin. L-UE u l-Ukrajna wkoll għandhom interess komuni fl-iżvilupp tal-koperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà fuq il-fruntiera u l-ġlieda kontra l-problemi komuni tal-kriminalità organizzata, inklużi l-ħasil tal-flus u t-traffikar illegali ta’ l-armi u tad-drogi.

35. Minħabba l-proċess kurrenti tat-tkabbir ta’ l-UE, l-UE se tfittex li tintesifika d-djalogu ma’ l-Ukrajna dwar l-aġġustament tal-politika tal-viża ta’ l-Ukrajna ma’ l-UE permezz ta’ l-introduzzjoni tal-ħtiġiet ta’ viża skond id-disposizzjonijiet tal-KE u l-introduzzjoni ta’ dokumenti ta’ l-ivvjaġġar li ma jistgħux ikunu ffalsifikati malajr.

III(iii) Koperazzjoni reġjonali u fuq il-fruntieri ma’ pajjiżi ġirien

36. L-UE tinkoraġġixxi l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ inizjattivi ta’ koperazzjoni reġjonali u fuq il-fruntieri li jinvolvu l-Ukrajna u l-pajjiżi ġirien tagħha. F’dan il-kuntest, l-UE se tagħmel enfażi akbar fuq kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni fuq il-fruntieri.

37. Dwar l-iżvilupp tan-networks ta’ l-infrastruttura, speċjalment fl-oqsma tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet, ta’ l-elettriku, u ta’ l-istrutturi tal-pajpijiet għall-enerġija, l-UE, permezz tat-Tacis, tagħti attenzjoni partikolari għall-inizjattivi, bħal Inogate (Trasport ta’ Żejt u Gass ġewwa l-Istati ta’ l-Ewropa) u Traceca (Kurridur tat-Trasport fl-Ewropa, Caucasus l-Asja Ċentrali), bil-għan li tittejjeb il-koperazzjoni ekonomika fir-reġjun. L-UE se teżamina l-iskop li taħdem biex tagħmel konnessjoni mas-sistemi tat-trasportazzjoni ta’ l-Ukrajna (tat-triq u tal-linjai tal-ferroviji) man-networks trans-Ewropew. U se tfittex mezzi sodisfaċenti għal xulxin biex tindirizza l-kwistjonijiet tat-trasport. B’hekk, tittieħed attenzjoni speċjali biex tkun irrafforzata l-kordinazzjoni ma’ donaturi oħra u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, kif ukoll biex tkun stimulata l-involviment tas-settur privat, li tkun kruċjali għas-suċċess ta’ din il-prova.

STRUMENTI U MEZZI

Disposizzjonijiet ġenerali

38. Din l-Istrateġija Komuni għandha tkun implimentata skond il-proċeduri applikabbli tat-Trattati. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom skond l-Artikoli 3 u 13 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea jiżguraw l-għaqda, il-konsistenza, u li l-azzjonijiet ta’ l-Unjoni jkunu effettivi fl-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija Komuni.

39. L-UE se tinkontribwixxi lejn l-għanijiet ikkwotati ta’ din l-Istrateġija Komuni billi tagħmel użu xieraq mill-istrumenti u l-mezzi kollha relevanti għad-disposizzjoni ta’ l-Unjoni, tal-Komunità, u ta’ l-Istati Membri.

40. Skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, l-Għola Rappreżentant għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (CFSP), taħt il-qafas ta’ l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati, għandu jassisti lill-Kunsill u lill-Presidenza fl-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija Komuni dwar dawk l-għanijiet u l-inizjattivi li jaqgħu taħt is-CFSP. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata kompletament skond l-Artikoli 18 u 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Istati Membri

41. Il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Istati Membri għandhom:

- jirrevedu, skond i-setgħat u l-kapaċitajiet tagħhom, azzjonijiet, programmi, strumenti u politika eżistenti biex jiżguraw il-konsistenza tagħhom ma’ din l-Istrateġija Komuni, ibbażata fuq l-għanijiet ewlenin tat-Tieni Parti u jagħtu l-konsiderazzjoni dovuta għall-inizjattivi speċifiċi tat-Tielet Parti;

- jagħmlu użu sħiħ u xieraq mill-istrumenti u l-mezzi eżistenti, b’mod partikolari l-PCA, kif ukoll il-programmi kollha relevanti ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri, u li jiżviluppaw u jżommu għal dan il-għan inventarji indikattiv tar-riżorsi ta’ l-Unjoni, tal-Komunità, u ta’ l-Istati Membri li permezz tagħhom tkun implimentata l-Istrateġija Komuni.

Kordinazzjoni

42. L-Istati Membri għandhom jagħmlu forzi addizzjonali biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom rigward l-Ukrajna, inklużi fl-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħall-Kunsill ta’ l-Ewropa, in-NU, l-OSCE, id-DECD u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), u inkluża l-koordinazzjoni mal-Komunità fejn għandha l-kompetenzi.

43. Il-kordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tkun ikkonsolidata wkoll, inkluża permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari bejn ir-rappreżentattivi rispettivi tagħhom fl-Ukrajna.

44. Il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Istati Membri għandhom jaħdmu lejn koperazzjoni aktar effettiva ma’ l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, u se jfittxu li jiksbu l-għanijiet ta’ l-Istrateġija ma’ pajjiżi oħra ta’ l-istess ħsieb.

45. L-Unjoni Ewropea se tistieden lill-pajjiżi kandidati tal-proċess ta’ adeżjoni li tnieda fil-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu f’Diċembru 1997 biex jassoċjaw irwieħhom taħt il-qafas ta’ din l-Istrateġija Komuni.

Implimentazzjoni u reviżjoni

46. Il-Kunsill għandu:

- jiżgura li kull Presidenza li ġejja tippreżenta lill-Kunsill, taħt il-qafas tal-programm ġenerali tiegħu, pjan tax-xogħol għall-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija Komuni, ibbażata fuq l-għanijiet ewlenin tat-Tieni Parti u jagħti l-konsiderazzjoni dovuta għall-inizjattivi speċifiċi tat-Tielet Parti,

- jirrevedi u jivvaluta l-azzjoni ta’ l-UE taħt din l-Istrateġija u jirrapporta lill-Kunsill Ewropew dwar il-progress lejn dawn l-għanijiet mhux anqas minn darba f’sena,

- jirrevedi s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-istat tal-koperazzjoni ta’ l-Ukrajna fl-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija, inkluż permezz ta’ rapporti perjodiċi mill-Kapijiet tal-Missjoni, u jagħmel stima fir-rapport tiegħu lill-Kunsill Ewropew,

- fejn meħtieġ, jippreżenta rakkomandazzjonijiet għal emendi għat-Tieni u t-Tielet Parti ta’ din l-Istrateġija lill-Kunsill Ewropew.

47. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi lejn dawn ta’ hawn fuq sa fejn jagħtuha s-setgħat tagħha.

Koperazzjoni ma’ l-Ukrajna

48. L-UE u l-Istati Membri se jaħdmu mill-viċin flimkien ma’ l-Ukrajna biex jimplimentaw din l-Istrateġija Komuni, b’mod partikolari permezz tal-PCA u ta’ l-istituzzjonijiet tagħha.

Inizjattivi speċifiċi

49. L-UE għandha tfittex l-inizjattivi speċifiċi ppreżentati fit-Tielet Parti ta’ din l-Istrateġija Komuni li hija bbażata fuq l-għanijiet prinċipali identifikati fit-Tieni Parti. Dawn l-inizjattivi għandhom ikunu adatti fejn meħtieġ u ma jeskludux inizjattivi ġodda possibbli sakemm iddum din l-Istrateġija Komuni. Il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Istati Membri għandhom skond is-setgħat u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, jappoġġaw u jaħdmu lejn il-ksib ta’ dawn l-inizjattivi speċifiċi.

PARTI III

INIZJATTIVI SPEĊIFIĊI

L-inizjattivi speċifiċi li ġejjin għandhom ikunu segwiti u ma jeskludux inizjattivi possibbilment ġodda:

Il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u l-istituzzjonijiet pubbliċi fl-Ukrajna

50. L-UE tintrabat li tisforza biex tkattar id-demokrazija, governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt fl-Ukrajna, permezz ta’:

- appoġġ għall-isforzi ta’ l-Ukrajna li tħares l-obbligi tagħha tad-drittijiet demokratiċi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem skond il-konklużjonijiet ta’ Dublin, b’mod partikolari dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt, il-promozzjoni ta’ governanza tajba, u sistema legali effettivi u trasparenti, kif ukoll gvern demokratiku lokali tagħha stess, inter alia, bil-koperazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u ta’ l-OSCE,

- l-istabbiliment ta’ djalogu regolari bejn l-ombudsman u l-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u l-Ukrajna sabiex jissaħħaħ l-irwol ta’ din l-istituzzjoni fl-Ukrajna,

- l-inkoraġġiment biex l-Ukrajna tiffirma, tirratifika, u timplimenta l-istrumenti internazzjonali relevanti fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem, speċjalment it-tieni Protokoll Opzjonali tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u s-sitt Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali kif ukoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istat tar-Refuġjati,

- koperazzjoni akbar fost il-ġurnalisti u l-awtoritajiet relevanti biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ xandir liberu. Il-Kummissjoni bil-koperazzjoni ta’ l-Istati Membri se tinvestiga l-possibbiltà li tassisti fit-trasmissjoni ta’ program, bħal Euronews, fuq it-televiżjoni ta’ Ukrajna. Ix-xogħol se jibda f’Ġunju 2000.

Appoġġ għall-proċess tat-transizzjoni ekonomika fl-Ukrajna

51. L-UE se tgħin lill-Ukrajna biex tavvanza l-proċess tar-riforma ekonomika billi ssaħħaħ l-impatt tal-pariri dwar il-politika ekonomika, inkluż permezz ta’ djalogu xierqa fuq livelli għolja, taħt il-qafas tal-PCA, sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ekonomija ta’ suq modern u liberu.

52. L-UE lesta li tipprovdi assistenza teknika bħala appoġġ lejn il-proċess tar-riforma ekonomika u soċjali sakemm l-Ukrajna tieħu l-pasi ddisinjati ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet meħtieġa biex ir-riforma tkun possibbli. L-UE se teżamina l-possibbiltà li tipprovdi assitenza teknika lill-Ukrajna bil-għan li:

- tappoġġa l-iżvilupp ta’ qafas legali, regolatorju, istituzzjonali, trasparenti u stabbli fl-Ukrajna ddisinjat biex jippromwovi aktar attività ekonomika u investiment domestiku u barrani. Il-Kummissjoni bil-koperazzjoni ta’ Stati Membri u korpi oħra kompetenti se tħejji rapport dwar din l-inizjattiva sa Diċembru 2000,

- u tippromwovi l-approssimazzjoni progressiva tal-leġislazzjoni ta’ l-Ukrajna ma’ dik ta’ l-UE u l-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politika tal-kompetizzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-i standards u ċ-ċertifikazzjoni, il-politika fiskali, kif ukoll ix-xogħol u d-drittijiet għall-proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni hija mistiedna biex tagħmel proposti adegwati sa l-aħħar ta’ Ġunju 2000,

- u tappoġġa l-iżvilupp tas-sistema tas-saħħa, b’mod partikolari l-għarfien u l-edukazzjoni dwar is-saħħa pubblika bil-għan li tkun ristretta l-firxa ta’ mard li jittieħed. Il-Kummissjoni bil-koperazzjoni ta’ l-Istati Membri u korpi oħra kompetenti se tħejji rapport dwar din l-inizjattiva sa Ġunju 2001.

53. L-Istati Membri se jikkunsidraw mezzi biex jassistu lill-Ukrajna f’-:

- l-appoġġ fl-iżvilupp ta’ sistema tas-sigurtà soċjali ppjanata sew, b’mod partikolari li tindirizza s-sistemi ta’ l-assistenza soċjali u tal-pensjoni,

- l-appoġġ ta’ djalogu soċjali u l-konformità ma’ u l-implimentazzjoni ta’ l-i standards tax-Xogħol ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b’mod partikolari s-seba’ Standards ewlenin tax-Xogħol. Sa fejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni fil-qasam tax-xogħol huma kkonċernati, attenzjoni partikolari tingħata lejn l-ugwaljanza tas-sessi.

Koperazzjoni biex tissaħħaħ l-istabbilità u s-sigurtà fl-Ewropa

54. L-UE se tikkunsidra mezzi biex tagħti aktar kontinwità, flessibiltà, u sostanza lill-koperazzjoni ma’ l-Ukrajna dwar l-istabbilità u s-sigurtà fl-Ewropa biex tagħmilha aktar operazzjonali u effettiva, taħt il-qafas tad-djalogu politiku eżistenti, kif stabbilit taħt il-PCA, bi:

- l-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet li jkunu stabbiliti laqgħat regolari ta’ djalogu fuq livelli esperti ta’ trojka ma’ l-Ukrajna taħt il-marġini tal-gruppi ta’ ħidma tas-CFSP dwar it-tneħħija ta’ l-armi, il-kontroll ta’ l-armi, l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali bil-għan li jkunu organizzati l-ewwel laqgħat matul is-sena 2000/l-ewwel semester ta’ l-2000. Id-djalogu fost dawn il-gruppi se jkollu l-mira li jistabbilixxi koperazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna fl-oqsma li ġejjin: Il-kontroll ta’ armi tal-qerda tal-massa, inklużi l-armi kimiċi u armi żgħar u armi ħfief fuq il-bażi ta’ l-azzjoni konġunta dwar l-armi ż-żgħar (1999/34/CFSP),

- konsiderazzjoni tal-possibbiltà li jkun intensifikat id-djalogu bejn l-UE u l-Ukrajna biex jippromwovu r-responsabbiltà u t-trasparenza fit-trasferimenti ta’ armi konvenzjonali, billi jagħmlu użu sħiħ tal-Kodiċi tal-Kondotta ta’ l-UE fejn ikun il-każ,

- l-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet għal koperazzjoni aktar viċina fil-prevenzjoni ta’ konflitti u amministrazzjoni ta’ kriżi, inter alia, taħt il-qafas ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-OSCE, u fit-tfittxija għal soluzzjonijiet politiċi għall-konflitti fir-reġjun. Laqgħat perjodiċi bejn l-Ukrajna u t-Trojka tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ l-OSCE jistgħu jgħinu biex dan jinkiseb. Waħda mill-għanijiet tkun li taħdem ma’ l-Ukrajna biex ikunu żviluppati inizjattivi konġunti ta’ politika barranija fil-qasam ta’ prevenzjoni ta’ konflitti u amministrazzjoni ta’ kriżi dwar pajjiżi terzi u reġjuni speċifiċi, speċjalment f’żoni li jmissu ma’ l-Ukrajna.

55. L-UE, sas-sena 2000, se tieħu l-inizjattivi speċifiċi li ġejjin dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbilità fl-Ewropa:

- tikkunsidra li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ l-Ukrajna meta l-UE tuża l-Unjoni Ewropea tal-Punent għall-missjonijiet ġewwa l-medda tal-kompiti ta’ Petersberg,

- tikkunsidra mezzi biex tassisti lill-Ukrajna biex twettaq l-obbligi tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Użu, ta’ l-Akkumulazzjoni, tal-Produzzjoni, u tat-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar il-Qerda tagħhom,

- tikkunsidra mezzi biex tibda l-koperazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna dwar il-prevenzjoni tat-traffikar ta’ armi żgħar, li huma s-sors ta’ l-instabbilità fl-Ukrajna u fl-Istati l-oħra tar-reġjun. L-UE tista’ wara li tidentifika u tanalizza s-sitwazzjoni u l-ħtiġiet fir-reġjun, tħejji Azzjoni Konġunta dwar dan is-suġġett bil-għan li:

1. tirrafforza l-kapaċitajiet ta’ kontroll tal-pulizija u/jew tas-servizzi doganali lokali;

2. titratta dan it-tip speċifiku ta’ kriminalità f’korsijiet ta’ taħriġ;

3. tiżviluppa skambju ta’ informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri ta’ l-Europol sabiex ittejjeb l-analiżi dwar l-attività kriminali dwar l-armi żgħar.

Koperazzjoni fil-qasam ta’ l-ambjent, ta’ l-enerġija, u tas-sigurtà nukleari

56. Il-Komunità lesta tappoġġa l-isforzi tal-Forza tax-Xogħol speċjali stabbilita biex tappoġġa l-awtoritajiet ta’ l-Ukrajna fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw is-settur ta’ l-enerġija.

57. L-appoġġ tal-Komunità lejn il-Pjan ta’ Azzjoni tal-G7 jinkludi kontribuzzjoni lejn l-iffinanzjar tat-titjib fis-sigurtà fuq perjodu viċin taċ-Chernobyl permezz tal-Kont tas-Sigurtà Nukleari amministrat mill-Bank Ewropew għall-Iżvilupp tar-Rikostruzzjoni qabel l-għeluq, it-tneħħija, l-indirizzar tal-konsegwenzi ta’ l-għeluq, il-kontribuzzjoni lejn il-Pjan ta’ Implimentazzjoni tax-Xelter u l-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar ta’ faċilitajiet ta’ sostituzzjoni skond l-impenni ta’ qabel li jagħmlu tajjeb għat-telfien ta’ enerġija ta’ l-Ukrajna, sakemm il-proċeduri kollha meħtieġa bid-dovuta attenzjoni jistgħu jkunu konklużi b’mod sodisfaċenti, inkluż l-istabbiliment ta’ pożizzjoni miftehma dwar il-kondizzjonijiet tas-self u kitba tal-kliem tas-self u l-ftehim tal-garanzija, u sakemm l-Ukrajna ssegwi l-impenn tagħha li timplimenta l-Memorandum tal-Fehma ta’ l-1995.

58. L-UE se tfittex li tappoġġa lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha li tnaqqas l-impatt negattiv dwar is-saħħa pubblika tas-sitwazzjoni ambjentali fl-Ukrajna – l-aktar dwar il-kwalità ta’ l-ilma tax-xorb, it-trattament ta’ l-iskart ta’ l-ilma, il-ġbir u t-tneħħija ta’ l-iskart kif ukoll it-tniġġiż ta’ l-arja. L-UE se tappoġġa r-riforma istituzzjonali fl-utilitajiet pubbliċi responsabbli mis-servizzi ambjentali, proġetti oħra ta’ assistenza teknika, u investimenti ambjentali.

59. Il-konferenza "Ambjent għall-Ewropa" li jmiss se ssir f’Settembru 2002 f’Kyiv u se tipprovdi l-opportunità li jiżdied l-għarfien fl-Ukrajna dwar kwistjonijiet ambjentali. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jikkunsidraw il-possibbiltà li joffru assistenza/appoġġ tekniku lill-Ministeru għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent u s-Sigurtà Nukleari mat-tħejjija u l-ippjanar tal-konferenza.

Appoġġ għall-integrazzjoni ta’ l-Ukrajna fl-ekonomija Ewropea u dinjija

60. L-UE tibqa’ lesta li żżomm u, jekk ikun il-każ, issaħħaħ l-appoġġ tagħha lejn l-isforzi ta’ l-Ukrajna biex twettaq il-ħtiġiet ta’ l-adeżjoni mal-WTO. Se tingħata attenzjoni speċjali biex jitneħħew l-ostakli tal-kummerċ u ta’ l-investiment fl-Ukrajna, li tibda bit-tneħħija tal-miżuri tal-kummerċ li m’humiex kompatibbli mal-PCA u mal-WTO.

61. L-UE se teżamina ċ-ċirkostanzi li jistgħu, minbarra l-adeżjoni mal-WTO, jippermettu għall-istabbiliment futur taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ukrajna, kif previst fl-Artikolu 4 tal-PCA. Studju ekonomiku konġunt ta’ vijabilità li għaddej bħalissa taż-Żona Libera ta’ Kummerċ se jipprovdi informazzjoni importanti biex tkun ivvalutata s-sitwazzjoni.

62. Il-Kummissjoni se teżamina mezzi biex issaħħaħ id-djalogu ta’ investiment ma’ l-Ukrajna taħt il-qafas tas-SottoKumitat tal-PCA dwar il-kummerċ u l-investiment u se tirrapporta lill-Kunsill sa Ġunju 2000.

Koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni

63. Minħabba l-proċess kurrenti tat-tkabbir ta’ l-UE, wara li tkun ikkunidrata wkoll il-pożizzjoni ta’ l-Ukrajna bħala pajjiż importanti ta’ transitu li li jipprovdi passaġġ għat-traferiment mill-fruntieri għall-oħra ta’ medda wiesa’ ta’ attivitajiet mhux legali, l-UE u l-Ukrajna għandhom interess partikolari biex iħaffu l-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u ta’ l-affarijiet interni. L-UE tipproponi li tikkonċentra l-isforzi tagħha bil-għan li:

- tagħmel stima tal-livell ta’ immigrazzjoni illegali permezz ta’ l-Ukrajna. L-Istati Membri bl-assoċjazzjoni tal-Kummissjoni se tipproduċi analiżi tal-qawwiet/nuqqasijiet/opportunitajiet/theddid ("SWOT") tal-mekkaniżmi eżistenti biex jiġġieldu kontra dawn il-problemi sa l-aħħar tas-sena 2000; fejn in-nuqqasijiet huma identifikati, l-UE se tikkunsidra azzjoni ta’ rimedju,

- li ttejjeb il-koperazzjoni dwar l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tagħha stess, il-persuni mingħajr ċittadinanza, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid,

- li tappoġġa applikazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, inkluż id-dritt li jitfittex kenn u rispett għall-prinċipji tan-nuqqas ta’ tniġġiż,

- li tistabbilixxi djalogu regolari bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri u l-Ukrajna fi kwistjonijiet ċivili u kriminali, inkluż billi tinkoraġġixxi l-Ukrajna li tiffirma, tirratifika, u timplimenta l-konvenzjonijiet ewlenin, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Krimini Organizzata Transnazzjonali,

- li toffri li tipprovdi għajnuna prattika lill-Ukrajna biex timplimenta l-leġislazzjoni tagħha dwar il-ħasil tal-flus hekk kif tidħol fis-seħħ,

- li tistabbilixxi koperazzjoni bejn l-aġenziji li jinforzaw il-liġi ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE, l-Europol, u l-awtoritajiet li jinforzaw il-liġi ta’ l-Ukrajna.

64 . Network informali se jkun stabbilit f’Kyiv li jikkonsisti mill-Ambaxxati ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE, il-Kummissjoni, u r-rappreżentanti relevanti ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jittejbu l-iskambju u l-analiżi ta’ l-informazzjoni f’affarijiet tal-ġustizzja u ta’ l-intern. Djalogu, taħt il-qafas tal-PCA, bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, inklużi l-uffiċjali ta’ koperazzjoni f’Kyiv u l-korpi kompetenti ta’ l-Ukrajna se jagħmlu possibbli li l-ħtiġiet ta’ l-Ukrajna f’din iż-żona jkunu analizzati b’mod aktar preċiż. Rapport se jintbagħat lill-Kunsill sa l-aħħar tas-sena 2000.

Koperazzjoni reġjonali u fuq il-fruntieri ma’ pajjiżi ġirien

65. L-UE se tfittex li tinkoraġġixxi l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ inizjattivi ta’ koperazzjoni reġjonali u fuq il-fruntieri li jinvolvu l-Ukrajna u l-pajjiżi ġirien tagħha, billi:

- jsir użu mmirat lejn programmi eżistenti ta’ koperazzjoni bejn il-fruntieri, programmi reġjonali u bejn l-Istati. F’dan il-kuntest, attenzjoni speċjali se tingħata lil kwistjonijiet ta’amministrazzjoni tal-fruntieri, inkluża l-immodernizzazzjoni teknika tal-punti tal-qsim tal-fruntiera fuq il-fruntieri ta’ l-Ukrajna ma’ l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, u l-Islovakkja,

- aktar żvilupp tal-programmi tat-Tacis immirati lejn it-titjib ta’ l-iżvilupp tan-networks ta’ l-infrastruttura, bħal Inogate u Traceca sabiex tittejjeb il-koperazzjoni ekonomika fir-reġjun.

Koperazzjoni fl-oqsma tal-programmi tal-kultura, tal-ġemellaġġ u ta’ l-iskambju

66. L-UE se tappoġġa t-tkabbir ta’ konnessjonijiet aktar mill-viċin bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ l-Unjoni u ta’ l-Ukrajna, billi:

- tippromwovi programmi edukazzjonali u xjentifiċi ta’ skambju bejn l-iskejjel, l-universitajiet, u l-istituti tar-riċerka, wara li tingħata attenzjoni dovuta lejn iċ-Ċentru tax-Xjenza u tat-Teknoloġija fl-Ukrajna,

- tippromwovi programmi ta’ ġemellaġġ bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali, u lokali, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet professjonali, unjonijiet tal-kummerċ, organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-media.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkordinaw il-programmi tagħhom. Il-Kummissjoni se tistudja l-possibbiltà li ddaħħal l-programmi tal-Komunità għal dan l-iskop (Tacis, Tempus u d-Demokrazija). L-istrumenti bilaterali ta’ l-Istati Membri wkoll se jintużaw.

Fuq il-bażi ta’ l-inventarju ta’ l-istrumenti eżistenti (li għandu jitħejja mill-Kummissjoni bil-koperazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill) u missjoni ta’ identifikazzjoni għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandu jirrapporta lill-Kunsill sa Ġunju 2000 u minn hemm jippreżenta proposti għall-azzjoni kif xieraq.

PARTI IV

Kemm idum fis-seħħ

67. Din l-Istrateġija Komuni għandha tgħodd mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha għal perjodu inizjali ta’ erba’ snin. Tista’ tittawwal, tkun riveduta, u jekk hemm bżonn, adattata mill-Kunsill Ewropew fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Il-pubblikazzjoni

68. Din l-Istrateġija Komuni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula f’Ħelsinki, fil-11 ta’ Diċembru 1999.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

P. Lipponen

--------------------------------------------------