SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Miżuri dwar id-dritt tas-suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 13 – Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni magħmula minn werriet quddiem il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu – Reġistrazzjoni ulterjuri, fuq talba ta’ werriet ieħor, ta’ din id-dikjarazzjoni fir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑651/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura mibdija minn:

M. Ya. M.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Wils u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140)).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn M. Ya. M., fil-kwalità tiegħu ta’ werriet, fir-rigward ta’ talba għar-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni, magħmula minn werriet ieħor quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, fir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 7, 23, 32 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedu:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[…]

(23)

Minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qed tiżdied u sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni [Ewropea] u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għall-finijiet li jiġu determinati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għandu jkun ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt. […]

[…]

(32)

Sabiex titħaffef il-ħajja tal-eredi u l-legatarji li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru apparti minn dak li fih is-suċċessjoni qed tiġi jew ser tiġi ttrattata, dan ir-Regolament għandu jħalli lil kwalunkwe persuna intitolata skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħmel id-dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja għas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha għad-djun skont is-suċċessjoni tagħmel tali dikjarazzjonijiet fil-forma prevista mil-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. Dan ma għandux jipprekludi tali dikjarazzjonijiet milli jsiru quddiem awtoritajiet oħrajn f’dak l-Istat Membru li huma kompetenti li huma kompetenti biex jirċievu dikjarazzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali. Persuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

[…]

(67)

Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. […]”

4

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar il-“Ġuriżdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 13 tiegħu.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.”

6

L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat”, jipprevedi:

“Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirċievi dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti”.

7

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Il-Liġi applikabbli”, jinkludi fih b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 22 tiegħu.

8

L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regola ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.”

9

L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.”

Id‑dritt Bulgaru

10

Iz-zakon za nasledstvo (il-Liġi dwar is-Suċċessjoni, DV Nru 22, tad‑29 ta’ Jannar 1949), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Suċċessjoni”), tipprevedi, fl-Artikolu 48 tagħha, li s-suċċessjoni tiġi akkwistata bl-aċċettazzjoni tagħha u li din is-suċċessjoni tipproduċi l-effetti tagħha sa mill-ftuħ tas-suċċessjoni.

11

Skont l-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi, l-aċċettazzjoni tista’ ssir b’dikjarazzjoni bil-miktub indirizzata lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija) tal-ġurisdizzjoni fejn infetħet is-suċċessjoni. F’dan il-każ, l-aċċettazzjoni għandha tiġi rreġistrata f’reġistru previst għal dan l-għan.

12

Konformement mal-Artikolu 51(1) tal-imsemmija liġi, fuq talba ta’ kull persuna ikkonċernata, ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) tistabbilixxi għall-persuna intitolata għas-suċċessjoni, wara li tkun sejħitilha, terminu sabiex tiddikjara taċċettax jew tirrinunzjax għas-suċċessjoni. Dan l-Artikolu 51(2) jipprevedi li, jekk il-werriet ma jweġibx fit-terminu mogħti, huwa jitlef id-dritt tiegħu li jaċċetta s-suċċessjoni. Skont l-imsemmi Artikolu 51(3), id-dikjarazzjoni tal-werriet tiġi rreġistrata fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi.

13

Skont l-Artikolu 52 tal-Liġi dwar is-Suċċessjoni, ir-rinunzja tas-suċċessjoni ssir skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi u hija tiġi rreġistrata skont dawn l-istess modalitajiet.

14

L-Artikolu 26(1) tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, DV Nru 59, tal‑20 ta’ Lulju 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi li l-partijiet fil-kawża ċivili huma l-persuni li għan-nom tagħhom u kontra tagħhom issir il-kawża. Dan l-Artikolu 26(2) jistabbilixxi li, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi, l-ebda persuna ma tista’ tinvoka f’isimha proprja quddiem qorti d-drittijiet ta’ ħaddieħor.

15

Skont l-Artikolu 531(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-proċedura mhux kontenzjuża titnissel minn talba tal-persuna kkonċernata.

16

Skont l-Artikolu 533 ta’ dan il-kodiċi, il-qorti għandha tistħarreġ ex officio jekk il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti sabiex id-deċiżjoni mitluba tiġi adottata. Hija tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tiġbor il-provi u tieħu inkunsiderazzjoni fatti mhux imsemmija mir-rikorrent.

17

Il-pravilnik za administratsiata v sadilishtata (ir-Regolament dwar l-Amministrazzjoni Ġewwa l-Qrati, DV Nru 68, tat‑22 ta’ Awwissu 2017), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-punt 11 tal-Artikolu 39(1) tiegħu:

“Il-lista ta’ reġistri miżmuma fir-reġistru li ġejjin għandhom jinżammu fir-reġistru fuq mezz elettroniku u/jew fuq karta:

[…]

11.   reġistru tal-aċċettazzjonijiet tas-suċċessjonijiet u ta’ rinunzji tas-suċċessjonijiet”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, M. Ya. M, ċittadin Bulgaru, jiddikjara li huwa l-werriet tan-nanna tiegħu, M. T. G., ċittadina Bulgara li mietet il-Greċja fid‑29 ta’ Marzu 2019.

19

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali mar quddiem is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, b’talba intiża għar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni mwettqa minn werriet ieħor, jiġifieri l-konjuġi tad-deċeduta. Dan tal-aħħar ipprovda, f’dan ir-rigward, ċertifikat tas-suċċessjoni stabbilit mill-awtoritajiet Bulgari, li jgħid li d-deċeduta ħalliet bħala werrieta lill-konjuġi tagħha, ċittadin Grieg, lit-tifla tagħha I.M., u lir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

20

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dan ir-rikorrent ipproduċa proċess verbal miktub mill-Eirinodikeio Athinon (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Ateni, il-Greċja) li jindika li l-konjuġi tad-deċeduta deher quddiem din il-qorti fit‑28 ta’ Ġunju 2019 u ddikjara li rrinunzja għall-wirt tagħha. Barra minn hekk, il-konjuġi tad-deċeduta allegatament iddikjara li din kienet għexet l-aħħar fil-Greċja.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li ma ġiex speċifikat quddiemha fejn kienet tinsab l-aħħar residenza abitwali tad-deċeduta u li hija tista’ tiġbor informazzjoni dwar dan is-suġġett biss wara li tkun stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirreġistra dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni mwettqa qabel quddiem il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja.

22

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jaġixxix bħala mandatarju tal-konjuġi tad-deċeduta, iżda jiddikjara li huwa fil-kwalità tiegħu ta’ werriet ieħor tal-istess grad li għandu interess fir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rinunzja għas-suċċessjoni, sa fejn din ir-reġistrazzjoni żżid is-sehem tiegħu tal-wirt.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tiġi rreġistrata dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula quddiem il-qorti li ġeneralment għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha tas-suċċessjoni inkwistjoni, ladarba din id-dikjarazzjoni kienet irreġistrata mill-qorti kompetenti, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012. Barra minn hekk, hija għandha dubji dwar il-possibbiltà li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ wieħed mill-werrieta għas-suċċessjoni tiġi rreġistrata fuq talba ta’ werriet ieħor.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jikkawża kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet peress li, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni hija ddeterminata permezz tal-post ta’ residenza abitwali tad-deċedut, u mhux dak tal-werriet. Minkejja li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni hija bħala prinċipju dik tal-Istat Membru tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, madankollu huwa possibbli li din l-aħħar qorti ma tkunx taf bir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja jew ta’ aċċettazzjoni għal din is-suċċessjoni magħmula mill-werrieta quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom.

25

B’hekk, ir-Regolament Nru 650/2012 joħloq lakuna ġuridika billi jipprevedi ġurisdizzjoni konkorrenti ta’ qrati ta’ Stati Membri differenti, jiġifieri dik tal-qorti tal-Istat Membru tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut u dik tal-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werrieta, mingħajr madankollu ma jimponi fuq din tal-aħħar l-obbligu li tinforma lill-ewwel qorti bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet.

26

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-assenza ta’ tali obbligu ta’ informazzjoni ma jikkorrispondix għall-kunċett tal-leġiżlatur u tal-ġurisprudenza Bulgari, li jgħidu li d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ aċċettazzjoni ta’ jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni jinżammu fl-istess post u f’reġistru ġudizzjarju wieħed, li fih jistgħu jsiru r-riċerki korrispondenti. Dan il-kunċett iservi sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali, li, f’dan il-każ, tirriżulta mill-possibbiltà li l-informazzjoni kollha relatata mal-aċċettazzjonijiet ta’ jew mar-rinunzji tas-suċċessjoni tinżamm fl-istess post.

27

Sa fejn tali obbligu ta’ informazzjoni ma huwiex espressament previst mir-Regolament Nru 650/2012, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura tal-proċedura li biha hija adita, li fil-kuntest tagħha r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jirrikjedix ir-reġistrazzjoni tar-rinunzja tiegħu stess għas-suċċessjoni tad-deċedut, iżda ta’ dik ta’ wieħed mill-werrieta l-oħra. Issa, tali proċedura ma hijiex prevista mid-dritt Bulgaru. Il-prinċipju li kull persuna għandha tiddefendi hija stess id-drittijiet tagħha quddiem il-qorti ma jippermettix li jiġu rreġistrati d-dikjarazzjonijiet ta’ ħaddieħor fir-reġistru ta’ aċċettazzjonijiet ta’ jew ta’ rinunzji għas-suċċessjoni.

28

Għalhekk, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprojbixxix b’mod impliċitu li dikjarazzjoni ta’ rinunzja għas-suċċessjoni rreġistrata fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ werriet tiġi rreġistrata ukoll minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri dak fejn allegatament id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-mewt tiegħu.

29

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tesprimi preferenza favur is-soluzzjoni li tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ diversi dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja għas-suċċessjoni f’diversi Stati Membri. Hija ssostni li tali soluzzjoni ma taffettwax b’mod sinjifikattiv iċ-ċertezza legali ladarba, minn naħa, l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri jipprevedu regoli fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet konsekuttivi ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni u li, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ kawżi dwar is-suċċessjoni, il-qorti adita b’talba tista’ tevalwa l-effett ġuridiku ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, skont id-dati li fihom ikunu saru.

30

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar liema persuna tista’ titlob, wara li dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni tkun ġiet irreġistrata fi Stat Membru, reġistrazzjoni ulterjuri ta’ din id-dikjarazzjoni fi Stat Membru ieħor. Dan il-punt huwa importanti għaliex id-dritt proċedurali Bulgaru ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġu rreġistrati quddiem qorti Bulgara tali dikjarazzjoni diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor. Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir biss mill-werriet ikkonċernat personalment. B’hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk werriet jistax jitlob, fl-Istat tar-residenza abitwali preżunta tad-deċedut ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għas-suċċessjoni inkwistjoni magħmula minn werriet ieħor u rreġistrata fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, ladarba dan ma huwiex espressament previst mid-dritt tal-ewwel Stat Membru.

31

Skont il-qorti tar-rinviju, applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 effettiva u konformi mal-għan ta’ dan il-artikolu, kif stabbilit fil-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li werriet ma għadux ikun rikjest jivvjaġġa lejn l-Istat ta’ residenza abitwali tad-deċedut jew iqabbad rappreżentant ad litem f’dan l-Istat sabiex tiddikjara aċċettata jew irrinunzjata suċċessjoni, timponi li kull werriet jista’ jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni magħmula preċedentement fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, dan ikun jippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali Bulgaru, fid-dawl tan-neċessità ta’ deroga mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tal-imsemmi Artikolu 13.

32

Mill-banda l-oħra, kieku r-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja għas-suċċessjoni tkun possibbli kemm fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werriet ikkonċernat kif ukoll f’dak fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-mewt tiegħu, iżda dan biss jekk dan il-werriet huwa personalment jagħmel it-talba, din il-kundizzjoni jkollha l-effett li tneħħi s-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju żżid li r-Regolament Nru 650/2012 fih lakuna, sa fejn ma jimponix fuq il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tirċievi dikjarazzjoni ta’ rinunzja għas-suċċessjoni l-obbligu li tinforma bl-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha. Għalhekk, u sabiex tipprevjeni kunflitti bejn werrieta, iżda wkoll sabiex il-volontà tal-werriet li jirrinunzja tkun osservata, kull werriet għandu jkun awtorizzat jirreġistra din il-volontà fir-reġistri tal-Istat Membru post tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13 tar-[Regolament (UE) Nru 650/2012], ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-werriet ikun għamel, quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni ta’ deċedut li fid-data tal-mewt tiegħu kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor, jipprekludi li tintalab ir-reġistrazzjoni ulterjuri, f’dan l-aħħar Stat Membru, tal-imsemmija dikjarazzjoni ta’ rinunzja jew ta’ aċċettazzjoni?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li hija possibbli reġistrazzjoni ulterjuri, l-Artikolu 13 tar-Regolament [UE] Nru 650/2012, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipji ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali u ta’ applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri previst fl-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn werriet ikun irrinunzja, fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, għas-suċċessjoni ta’ deċedut komuni, jippermetti li werriet ieħor, li jirrisjedi fl-Istat Membru fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu d-deċedut fid-data tal-mewt tiegħu, jitlob ir-rikonoxximent ta’ din ir-rinunzja, minkejja l-fatt li d-dritt proċedurali ta’ dan l-aħħar Stat Membru ma jipprevedix il-possibbiltà li rinunzja għas-suċċessjoni tiġi rreġistrata f’isem ħaddieħor?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

35

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-indikazzjonijiet tal-konjuġi tad-deċeduta, l-aħħar residenza abitwali tagħha kienet tinsab fil-Greċja. Dan jimplika ġurisdizzjoni għal qrati Griegi sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha, peress li l-liġi applikabbli kienet, bħala prinċipju, il-liġi Griega, sakemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012, id-deċeduta ma għażlitx il-liġi tal-Istat Membru li tiegħu kellha ċ-ċittadinanza bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħha, jiġifieri l-liġi Bulgara.

36

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma għandhiex informazzjoni preċiża dwar l-aħħar residenza abitwali tad-deċeduta u li, sabiex tkun tista’ tiġbor tali informazzjoni, hija għandha qabel kollox tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinkludi dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni magħmula quddiem il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja.

37

L-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni ġenerali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jidhirx għalhekk, f’dan il-każ, li jista’ jiġi ddeterminat b’mod evidenti. Issa, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jirriżulta li l-aħħar residenza abitwali tal-persuna mejta kienet tinsab fil-Greċja, huma l-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom, skont din id-dispożizzjoni, jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-suċċessjoni kkonċernata, peress li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tirċievi dikjarazzjonijiet eventwali skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament bħala qorti tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali ta’ werriet.

38

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika qabel kollox il-post fejn id-deċeduta kellha r-residenza abitwali tagħha, qabel ma tevalwa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, fuq talba ta’ werriet, għal dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni mwettqa minn werriet ieħor fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu.

39

F’dan ir-rigward, fl-ipoteżi fejn jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru jipprekludu l-eżami, mill-qorti tar-rinviju, tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni inkwistjoni, din il-qorti jkollha twarrabhom. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson,C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il‑mertu

40

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprekludix li, meta werriet ikun irreġistra ma’ qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni ta’ deċedut li r-residenza abitwali tiegħu kienet tinsab, fid-data tal-mewt tiegħu, fi Stat Membru ieħor, werriet ieħor jitlob reġistrazzjoni ulterjuri ta’ din id-dikjarazzjoni mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, minbarra l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont l-imsemmi regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kull persuna li, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni ta’ jew rinunzja għas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew ta’ dikjarazzjoni intiża li tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun tas-suċċessjoni, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jirċievu dawn id-dikjarazzjonijiet.

43

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jagħmel parti mill-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-kapijiet kollha ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni. Dan l-Artikolu 13 jipprevedi b’hekk forum alternattiv ta’ ġurisdizzjoni li huwa intiż li jippermetti lill-werrieta, li ma għandhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni, skont ir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 11 tar-Regolament Nru 650/2012, li jagħmlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar l-aċċettazzjoni ta’ jew ir-rinunzja għas-suċċessjoni quddiem qorti tal-Istat Membru li fih għandhom ir-residenza abitwali tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 37)

44

Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ għanjiet segwiti mir-Regolament Nru 650/2012, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 7 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż li jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jridu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn suċċessjoni transkonfinali. B’mod partikolari, fiż-żona Ewropea ta’ ġustizzja, id-drittijiet tal-werrieta u tal-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom jiġu ggarantiti b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiffaċilita l-ħajja ta’ werrieta u ta’ legatarji li jirrisjedu abitwalment fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-suċċessjoni hija jew ser tiġi rregolata, huwa intiż li jissemplifika l-passi tal-werrieta u tal-legatarji billi jidderoga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 11 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni), C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ jew ir-rinunzja għas-suċċessjoni lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni, għandu jiġi osservat li, skont l-aħħar sentenza tal-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012 “[p]ersuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni”.

47

L-aħħar sentenza ta’ din il-premessa 32 tagħti x’tifhem, qabel kollox, li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa neċessarju li d-dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni magħmula quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja tiġi mgħarrfa lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jipprevedix mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija premessa 32 tippreżumi li l-persuni li użaw il-possibbiltà li jagħmlu tali dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom jassumu r-responsabbiltà li jikkomunikaw l-eżistenza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet lill-awtoritajiet inkarigati mis-suċċessjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N.(Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għas-suċċessjoni),C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 47)

48

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-werriet li jirrinunzja għandu kull interess li jinforma lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjoni, sabiex jiġi evitat li din il-qorti tieħu deċiżjoni materjalment żbaljata li tmur kontra r-rieda ddikjarata tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 ma jimponux fuqu obbligu vinkolanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li werriet li jirrinunzja għandu dejjem, huwa stess, jinforma lill-imsemmija qorti bl-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. Fil-fatt, l-għan ta’ din it-trażmissjoni huwa li jippermetti lil din il-qorti tieħu konjizzjoni tal-eżistenza ta’ tali dikjarazzjoni u li teħodha inkunsiderazzjoni meta tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-mod li bih din id-dikjarazzjoni hija mgħarrfa lill-imsemmija qorti.

50

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jipprekludix li, meta werriet jirreġistra ma’ qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu dikjarazzjoni ta’ rinunzja għas-suċċessjoni ta’ deċedut li r-residenza abitwali tiegħu kienet tinsab, fid-data tal-mewt tiegħu, fi Stat Membru ieħor, reġistrazzjoni ulterjuri ta’ din id-dikjarazzjoni f’dan l-aħħar Stat Membru tintalab minn werriet ieħor. Għandu jitqies li werriet li jista’ jibbenefika minn tali dikjarazzjoni għandu jkun jista’ jinforma lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar suċċessjoni bl-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni, meta l-werriet li jirrinunzja għalih ma jkunx għamel dan huwa stess, sabiex jiffaċilita l-likwidazzjoni ta’ tali suċċessjoni.

51

Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 650/2012, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, intiżi, b’mod partikolari, li jneħħu l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jixtiequ jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali.

52

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar suċċessjoni tiġi informata bl-eżistenza ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja għal din is-suċċessjoni, magħmula minn werriet quddiem il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, ma jikkostitwixxix dikjarazzjoni f’isem ħaddieħor, iżda biss notifika ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja lil din l-ewwel qorti.

53

Barra minn hekk, il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi reġistrazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni ta’ rinunzja f’reġistru ġudizzjarju, sabiex id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ aċċettazzjoni ta’ jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni jkunu kkonċentrati fl-istess post u f’reġistru ġudizzjarju wieħed li minnu jkunu jistgħu jsiru t-tfittxijiet korrispondenti, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

54

Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt Bulgaru ma jippermettix li d-dikjarazzjonijiet ta’ ħaddieħor jiġu rreġistrati fir-reġistru ta’ aċċettazzjonijiet ta’ jew ta’ rinunzji għas-suċċessjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li hija din il-qorti li għandha tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 billi taċċetta li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għas-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi trażmessa lilha minn werriet differenti minn dak li jkun għamel din id-dikjarazzjoni fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu u billi, jekk ikun il-każ, ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, meta werriet ikun irreġistra ma’ qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni ta’ deċedut li r-residenza abitwali tiegħu kienet tinsab, fid-data tal-mewt tiegħu, fi Stat Membru ieħor, werriet ieħor jitlob reġistrazzjoni ulterjuri ta’ din id-dikjarazzjoni mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix li, meta werriet ikun irreġistra ma’ qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni ta’ deċedut li r-residenza abitwali tiegħu kienet tinsab, fid-data tal-mewt tiegħu, fi Stat Membru ieħor, werriet ieħor jitlob reġistrazzjoni ulterjuri ta’ din id-dikjarazzjoni mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni f’dan l-aħħar Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.