European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/323

11.2.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/323

tad-29 ta’ Ottubru 2025

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/805 fir-rigward tat-tariffi għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ amministraturi li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48 l(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2025/914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex jiġu ttrasferiti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ESMA l-kompetenzi fir-rigward tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta’ amministraturi ta’ parametri referenzjarji li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi. Skont l-Artikolu 48 l tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-ESMA għandha timponi tariffi superviżorji għall-amministraturi kollha ta’ parametri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 40(1) ta’ dak ir-Regolament. Dawk jinkludu amministraturi ta’ parametri referenzjarji li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi. Minn dan isegwi li għandhom jiġu stabbiliti tariffi għar-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni inizjali kif ukoll għas-superviżjoni li tkun għaddejja ta’ dawk l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji.

(2)

Il-livell ta’ tariffi superviżorji ma għandux ikun fattur għal amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz fid-deċiżjoni dwar jekk joffrix il-parametri referenzjarji tiegħu fl-Unjoni permezz ta’ rikonoxximent jew approvazzjoni. Minn dan isegwi li l-livell ta’ tariffi superviżorji għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi għandu jkun l-istess bħal dak għall-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti.

(3)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/805 (3) jispeċifika t-tariffi superviżorji annwali għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika. Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-ESMA fis-superviżjoni u l-presidenza ta’ kulleġġ superviżorju għall-amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, sar evidenti li dawk it-tariffi ma għadhomx biżżejjed biex ikopru n-nefqa operazzjonali għas-superviżjoni. Għalhekk, għandhom jiżdiedu t-tariffi superviżorji fissi għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika.

(4)

Biex jiġi żgurat li t-tariffi superviżorji ma jiddisswadux bla bżonn lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi milli joffru l-parametri referenzjarji tagħhom fl-Unjoni, dawk it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati mal-fatturat iġġenerat mill-attivitajiet ta’ amministratur fl-Unjoni.

(5)

L-ESMA se jkollha tissorvelja kemm lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jamministraw jew japprovaw parametri referenzjarji sinifikanti kif ukoll lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jamministraw jew japprovaw parametri referenzjarji li huma ta’ sinifikat ekonomiku limitat, iżda li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 minħabba li huma Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew parametri referenzjarji tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/1011. Biex tiġi żgurata l-proporzjonalità bejn ir-rilevanza ekonomika tal-parametri referenzjarji li mhumiex parametri referenzjarji sinifikanti u t-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas, u biex jiġi limitat il-piż tar-rapportar fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kkonċernati, it-tariffi superviżorji annwali għal dawk l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji għandhom jieħdu l-forma ta’ ammont fiss u l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jamministrawhom jew japprovawhom għandhomx ikunu obbligati jissottomettu ċifri tad-dħul lill-ESMA.

(6)

Il-fatturat li fuqu tista’ tkun ibbażata t-tariffa superviżorja għas-snin sussegwenti normalment ma jkunx disponibbli għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jkunu għadhom kif stabbilew in-negozju tagħhom fl-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, huwa xieraq li tiġi stabbilita tariffa superviżorja fissa għall-ewwel sentejn tal-operat ta’ dawk l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji.

(7)

L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u li s-superviżjoni li tkun għaddejja tagħhom tiġi ttrasferita mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 48n(1a) tar-Regolament (UE) 2016/1011 ma għandhomx għalfejn japplikaw mill-ġdid għal awtorizzazzjoni u approvazzjoni jew għal rikonoxximent u approvazzjoni. Minn dan isegwi li ma għandhomx għalfejn iħallsu tariffi għall-applikazzjoni wara t-trasferiment tar-responsabbiltà superviżorja.

(8)

Biex tiġi evitata l-inċertezza legali għal kwalunkwe applikazzjoni li waslet għand l-ESMA fil-perjodu li jwassal sa tmiem il-perjodu tranżitorju għall-użu ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni fil-31 ta’ Diċembru 2025, dan ir-Regolament għandu japplika b’urġenza.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2022/805 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2022/805

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/805 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-tariffi li l-ESMA tista’ timponi fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji fir-rigward ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, rikonoxximent, approvazzjoni u superviżjoni.”

;

(2)

Fl-Artikolu 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:”;

(3)

Fl-Artikolu 2a, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-kostijiet diretti u indiretti kollha relatati mas-superviżjoni tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji mill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, inklużi l-kostijiet li jirriżultaw mir-rikonoxximent, l-approvazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni;”;

(4)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Tariffi għall-applikazzjoni ”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju stabbilit f’pajjiż terz li japplika għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa ta’ applikazzjoni ta’ EUR 40 000.”

;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju li japplika għal awtorizzazzjoni u approvazzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, jew għal reġistrazzjoni u approvazzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikoli 34 u 33 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa għall-applikazzjoni ta’ EUR 40 000. Amministratur ta’ parametru referenzjarju diġà reġistrat jew awtorizzat minn awtorità nazzjonali kompetenti li japplika għal approvazzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa għall-applikazzjoni ta’ EUR 20 000.

1b.   B’deroga mis-subparagrafi 1 u 1a, meta l-ebda wieħed mill-parametri referenzjarji li dan jipprovdi jew japprova ma jikkwalifika bħala parametri referenzjarji sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011, amministratur ta’ parametru referenzjarju li japplika għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 ta’ dak ir-regolament jew għal awtorizzazzjoni u approvazzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jew għal reġistrazzjoni u approvazzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikoli 34 u 33 ta’ dak ir-regolament għandu jħallas tariffa għall-applikazzjoni ta’ EUR 20 000.”

;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-tariffi għall-applikazzjoni għandhom ikunu dovuti fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, u għandhom jitħallsu bis-sħiħ fi żmien 30 jum mill-ħruġ tan-nota ta’ debitu tal-ESMA.”

;

(e)

jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jaslu għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara l-1 ta’ Ottubru 2025 u ttrasferiti lill-ESMA, it-tariffi għall-applikazzjoni rilevanti għandhom jitħallsu fil-bidu tal-2026.”

;

(f)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   It-tariffi għall-applikazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati.”

;

(5)

L-Artikoli 4, 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Tariffi superviżorji annwali

1.   L-amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika wieħed jew aktar għandu jħallas tariffa superviżorja annwali:

(a)

ta’ EUR 300 000, f’każijiet fejn l-ESMA tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(b)

ta’ EUR 250 000, f’każijiet fejn l-ESMA ma tippresjedix kulleġġ ta’ superviżuri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

2.   Amministratur ta’ parametri referenzjarji stabbilit f’pajjiż terz rikonoxxut mill-ESMA jew amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi taħt superviżjoni mill-ESMA li jipprovdi jew japprova, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas it-tariffa superviżorja annwali li ġejja:

(a)

għas-sena ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni jew rikonoxximent u s-sentejn ta’ wara dan, EUR 150 000.

(b)

mit-tielet sena wara s-sena ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni jew rikonoxximent, it-tariffa superviżorja annwali għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa annwali totali għall-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti u l-amministraturi li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu jew japprovaw, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011, aġġustat bil-koeffiċjent tal-fatturat;

(c)

għall-fini tal-punt (b), it-tariffa annwali totali għall-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti u l-amministraturi li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu jew japprovaw, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għal sena partikolari (n) għandha tkun ugwali għall-baġit superviżorju tal-ESMA allokat għat-twettiq tal-kompiti mogħtija skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 għal dik is-sena (n) bit-tnaqqis tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jitħallsu lill-ESMA mill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika għas-sena (n) u t-tariffi annwali għas-sena (n) li għandhom jitħallsu lill-ESMA mill-amministraturi li jħallsu tariffa fissa f’konformità mal-paragrafu 3;

(d)

għall-fini tal-punt (b), għal kull amministratur ta’ pajjiż terz rikonoxxut u kull amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi li jipprovdi jew japprova, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-koeffiċjent tal-fatturat għandu jkun is-sehem tal-fatturat applikabbli tiegħu fil-fatturat applikabbli aggregat iġġenerat mill-amministraturi kollha ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti u l-amministraturi kollha li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu jew japprovaw, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(e)

it-tariffa superviżorja annwali minima għall-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti u għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, meta tali amministraturi jipprovdu jew japprovaw, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandha tkun ta’ EUR 40 000, inkluż meta l-fatturat applikabbli tal-amministratur ta’ pajjiż terz rikonoxxut jew tal-amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jkun ta’ żero.

3.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju stabbilit f’pajjiż terz rikonoxxut mill-ESMA jew amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi taħt superviżjoni mill-ESMA li jipprovdi jew japprova, fit-30 ta’ Settembru tas-sena (n-1), l-ebda parametru referenzjarju li huwa sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandu jħallas tariffa superviżorja annwali ta’ EUR 20 000.

4.   L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji għandhom iħallsu t-tariffi superviżorji annwali rilevanti tagħhom lill-ESMA sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja li fiha jkunu dovuti. Meta l-informazzjoni għas-snin kalendarji preċedenti ma tkunx disponibbli, it-tariffi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għat-tariffi annwali. L-ESMA għandha tibgħat in-nota ta’ debitu lill-amministratur tal-parametru referenzjarju mill-inqas 30 jum qabel ma jkun dovut il-ħlas. It-tariffi annwali mħallsa ma għandhomx jiġu rimborżati.

Artikolu 5

Tariffi superviżorji annwali fis-sena ta’ rikonoxximent, approvazzjoni jew awtorizzazzjoni

B’deroga mill-Artikolu 4, it-tariffa superviżorja annwali fl-ewwel sena għall-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti, l-amministraturi li japprovaw il-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, u għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji awtorizzati ta’ importanza kritika, b’referenza għas-sena li fiha jkunu ġew rikonoxxuti jew awtorizzati, jew meta ġew approvati għall-ewwel darba l-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, għandha tiġi kkalkolata billi jiġi applikat għat-tariffa speċifikata fl-Artikolu 4 l-koeffiċjent li ġej:

Image 1

It-tariffa superviżorja tal-ewwel sena għandha titħallas wara li l-ESMA tkun innotifikat lill-amministratur tal-parametru li l-applikazzjoni tiegħu tkun irnexxiet u fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu tal-ESMA.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta amministratur ta’ parametru referenzjarju jkun rikonoxxut, awtorizzat, jew jibda japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi matul ix-xahar ta’ Diċembru, ma għandux iħallas tariffa superviżorja tal-ewwel sena.

Artikolu 6

Fatturat applikabbli

1.   Il-fatturat applikabbli ta’ amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti għal sena partikolari (n) għandu jkun id-dħul tiegħu ġġenerat fis-sena (n-2) fir-rigward tal-użu minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni tal-parametri referenzjarji sinifikanti tiegħu, il-Parametri Referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika, jew il-parametri referenzjarji tal-komoditajiet li jkunu soġġetti għall-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/1011, irrispettivament minn jekk dak id-dħul huwiex dovut lil dak l-amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti jew lil kwalunkwe entità oħra li tappartjeni għall-istess grupp bħal dak l-amministratur.

2.   Il-fatturat applikabbli ta’ amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi għal sena partikolari (n) għandu jkun id-dħul tiegħu ġġenerat fis-sena (n-2) fir-rigward tal-użu minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, il-parametri referenzjarji sinifikanti, il-Parametri Referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika, jew il-parametri referenzjarji tal-komoditajiet li huma soġġetti għall-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/1011 li jipprovdi jew japprova, irrispettivament minn jekk dak id-dħul ikunx dovut lil amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jew lil kwalunkwe entità oħra li tappartjeni għall-istess grupp bħal dak l-amministratur.

3.   Amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti li jipprovdi mill-inqas parametru referenzjarju sinifikanti wieħed għandu jipprovdi lill-ESMA, fuq bażi annwali, ċifri li jikkonfermaw il-fatturat applikabbli tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 1. Meta l-fatturat applikabbli ma jkunx iddikjarat fil-kontijiet annwali awditjati, iċ-ċifri ppreżentati għandhom jiġu awditjati b’mod separat. Dawk iċ-ċifri għandhom jiġu ppreżentati lill-ESMA b’mezzi elettroniċi sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena (n-1), li jibdew fit-tieni sena wara s-sena ta’ rikonoxximent. Amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti għandu jipprovdi d-dokumenti li jkun fihom ċifri tad-dħul f’lingwa abitwali għas-servizzi finanzjarji.

4.   Amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u li jipprovdi jew japprova mill-inqas parametru referenzjarju sinifikanti wieħed għandu jipprovdi lill-ESMA, fuq bażi annwali, ċifri li jikkonfermaw il-fatturat applikabbli tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 2. Meta l-fatturat applikabbli ma jkunx iddikjarat fil-kontijiet annwali awditjati, iċ-ċifri ppreżentati għandhom jiġu awditjati b’mod separat. Dawk iċ-ċifri għandhom jiġu ppreżentati lill-ESMA b’mezzi elettroniċi sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena (n-1), li jibdew fit-tieni sena wara s-sena tal-approvazzjoni. Amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi għandu jipprovdi d-dokumenti li jkun fihom ċifri tad-dħul bl-lingwa abitwali għas-servizzi finanzjarji.

5.   Meta l-amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti ma operax matul is-sena sħiħa (n-2), l-ESMA għandha tistma l-fatturat applikabbli billi testrapola, għall-amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti, il-valur ikkalkolat għan-numru ta’ xhur li matulhom l-amministratur ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti opera fis-sena (n-2) għas-sena kollha (n-2).

6.   Meta l-amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi ma operax matul is-sena sħiħa (n-2), l-ESMA għandha tistma l-fatturat applikabbli billi testrapola, għal dak l-amministratur li japprova l-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, il-valur ikkalkolat għan-numru ta’ xhur li matulhom dak l-amministratur li japprova l-parametri referenzjarji ta’ pajjiż terz opera fis-sena (n-2) għas-sena sħiħa (n-2).

7.   Meta ma tkun disponibbli l-ebda ċifra awditjat għas-sena (n-2), l-ESMA għandha tuża ċ-ċifri awditjati tas-sena (n-1).

8.   L-ESMA għandha tikkonverti id-dħul irrapportat f’munita li ma tkunx l-ewro f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju medja tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu ġie rreġistrat dak id-dħul. Għal dak il-għan, l-ESMA għandha tuża’ r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.”

;

(6)

Jitħassru l-Artikoli 8 u 9;

(7)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-każ ta’ delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-ESMA biss għandha timponi t-tariffa ta’ rikonoxximent u t-tariffi superviżorji annwali fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u dawk ta’ importanza kritika.”

;

(8)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   L-Artikolu 3 ma għandux japplika għal amministraturi ta’ parametri referenzjarji li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi awtorizzati jew reġistrati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-31 ta’ Diċembru 2025 jew qabel.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   B’deroga mill-Artikolu 4, amministratur ta’ parametri referenzjarji stabbilit f’pajjiż terz rikonoxxut mill-ESMA fl-1 ta’ Jannar 2026 jew amministratur li japprova parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi taħt superviżjoni mill-ESMA fl-1 ta’ Jannar 2026 li jipprovdi jew japprova mill-inqas parametru referenzjarju wieħed li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa annwali fissa għas-superviżjoni ta’ EUR 150 000 għas-snin 2026 u 2027. Mill-2028, japplika l-kalkolu fl-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, il-punt (b).

B’deroga mill-Artikolu 6, tali amministratur ma għandux ikun meħtieġ jissottometti ċifri tad-dħul fl-2025 u fl-2026.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1011/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2025/914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-ambitu tar-regoli għall-parametri referenzjarji, l-użu fl-Unjoni ta’ parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz, u ċerti rekwiżiti ta’ rapportar (ĠU L, 2025/914, 19.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/914/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/805 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji (ĠU L 145, 24.5.2022, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/805/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/323/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)