|
5.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 77/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/397
tal-5 ta’ Marzu 2021
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1352/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014. |
|
(2) |
Fil-25 ta’ Frar 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2564 (2021) li, inter alia, tiddeżinja individwu wieħed sabiex ikun soġġett għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
ANNESS
L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 (Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2):
|
"6. |
Sultan Saleh Aida Aida Zabin
Informazzjoni oħra: Direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) f'Sanaa. Involva ruħu f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, u l-istabbiltà tal-Jemen. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 25.2.2021. Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar provduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Sultan Saleh Aida Aida Zabin kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Jemen, inkluż ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen. Sultan Saleh Aida Aida Zabin huwa d-direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) f'Sanaa. Huwa qeda rwol prominenti f'politika ta' intimidazzjoni u l-użu ta' arrest, detenzjoni, tortura, vjolenza sesswali u stupru sistematċi kontra nisa politikament attivi. Zabin bħala direttur tas-CID huwa direttament responsabbli għal, jew bis-saħħa tal-awtorità tiegħu responsabbli għal, u kompliċi fl-użu ta' diversi postijiet ta' detenzjoni inkluż l-arrest domiċiljari, l-għases tal-pulizija, il-ħabsijiet formali u ċ-ċentri ta' detenzjoni u ċentri ta' detenzjoni mhux żvelati. F'dawn il-postijiet, in-nisa, inkluż mill-inqas minorenni waħda, għebu bil-forza, ġew kemm-il darba interrogati, stuprati, ittorturati, miċħuda trattament mediku f'waqtu u ġew soġġetti għal xogħol furzat. Zabin stess wettaq tortura direttament f'xi każijiet." |