Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
11 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 1516 – Xaħmijiet u żjut u l-frazzjonijiet tagħhom – Prodotti mmanifatturati miż-żejt tal-ħut grezz u li fihom bejn 60.5 u 83.7% ta’ trigliċeridi riesterifikati”
Fil-Kawża T‑701/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2025, fil-proċedura
Fischölimporteur A
vs
Hauptzollamt C,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn N. Półtorak, Presidenta, G. Hesse, G. Steinfatt, D. Petrlík (Relatur) u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: M. Brkan,
Reġistratur: T. Henze, li qiegħed jaġixxi bħala Reġistratur,
wara li rat it-trasferiment mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ottubru 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat li l-qasam inkwistjoni jaqa’ taħt il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li ma tqumx kwistjoni awtonoma ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Fischölimporteur A, minn C. Salder, avukat,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u A. Demeneix, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura 1516 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754, tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 285, p. 1), u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821, tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Fischölimporteur A (iktar ’il quddiem l-“importatur”) u Hauptzollamt C (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali C, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodotti importati miċ-Ċili, immanifatturati minn aċidi xaħmin tal-omega-3 ikkonċentrati li joriġinaw miż-żejt tal-ħut grezz (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”).
Il-kuntest ġuridiku
Is-SA
3 Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950, u li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), approvata, flimkien mal-Protokoll Emendatorju tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 Il-WCO tapprova, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ Spjega u l-Opinjonijiet ta’ Klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, stabbilit bl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni.
5 Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti għandha timpenja ruħha li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tas-sezzjonijiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tagħha u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn is-sezzjonijiet, kapitoli, intestaturi jew subintestaturi.
6 Fil-verżjonijiet tas-SA tas-sena 2012 u tas-sena 2017, applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-Taqsima III hija intitolata “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ħxejjex u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat ta’ annimali jew ħxejjex” u tinkludi l-Kapitolu 15, li għandu l-istess titolu.
7 Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 15 tas-SA jindikaw dan li ġej:
“A) Dan il-[k]apitolu għandu jinkludi:
1) Ix-xaħmijiet u żjut tal-annimali jew tal-ħxejjex, grezzi, ippurifikati, raffinati jew ittrattati b’ċertu metodu (pereżempju, mgħollija, sulfurizzati jew idroġenati).
[...]
Bl-eċċezzjoni taż-żejt tal-ispermaċeti u taż-żejt tal-jojoba, ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali jew tal-ħxejjex huma esteri tal-gliċerol u tal-aċidi xaħmin: bħall-aċidi palmitiċi, sterariċi u oleiċi.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 L-intestatura 1516 tas-SA hija intitolata “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor”.
9 In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 1516 jindikaw dan li ġej:
“[...]
Din l-intestatura tinkludi x-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali jew tal-ħxejjex li jkunu ġew suġġetti għal trasformazzjoni kimika partikolari tat-tip bħal dawk imsemmija iktar ’il quddiem iżda li ma jkunux ġew ippreparati mod ieħor.
[...]
B) Xaħmijiet u żjut interesterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati.
[...]
2) Ix-xaħmijiet u ż-żjut riesterifikati (iddenominati wkoll esterifikati) huma trigliċeridi miksuba bis-sinteżi diretta ta’ gliċerol ma’ taħlitiet ta’ aċidi xaħmin liberi jew ma’ żjut aċidużi mir-raffinar. Il-pożizzjoni tar-radikali tal-aċidi xaħmin fit-trigliċeridi hija differenti minn dik li normalment tinsab fiż-żjut naturali.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 L-intestatura 1517 tas-SA hija intitolata “Marġerina; taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitlu, minbarra xaħmijiet u żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom ta’ titlu 1516”.
11 In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 1517 jindikaw dan li ġej:
“[...]
[...] Huma esklużi wkoll minn din l-intestatura l-preparazzjonijiet li fihom iktar minn 15 % fil-piż ta’ butir jew ta’ xaħmijiet oħra provenjenti mill-ħalib (ġeneralment [k]apitolu 21).
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 L-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 1516.10/10, adottata mill-Kumitat tas-SA waqt il-61 sessjoni li nżammet fix-xahar ta’ Marzu 2018, tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ prodott taħt is-subintestatura 1516 10 tas-SA. Din l-opinjoni hija fformulata kif ġej:
“Prodott kompost minn 90% ta’ trigliċeridi riesterifikati ta’ aċidi xaħmin tal-omega‑3 EPA kkonċentrati ħafna (aċidu ejkosapentaenojku) u DHA (aċidu dokosaeżaenojku), miksub minn żejt tal-inċova grezz. Il-kumplament tal-10% tal-prodott huwa essenzjalment kompost minn monogliċeridi u digliċeridi. Il-prodott jinkludi l-EPA (400 mg/g) u d-DHA (300 mg/g). Mal-prodott ġiet miżjuda l-vitamina E (tokoferol) bħala antiossidant. Waqt il-manifattura tal-prodott, iż-żejt tal-inċova grezz ġie suġġett għal proċessi ta’ deżaċidifikazzjoni, ta’ esterifikazzjoni etanolika, ta’ distillazzjoni, ta’ filtrazzjoni, ta’ bbliċjar, ta’ reesterifikazzjoni u ta’ deżodorizzazzjoni. Il-prodott huwa ppreżentat f’bittiji u jintuża għall-manifattura ta’ supplimenti tal-ikel.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
In-NM
13 Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, din in-nomenklatura tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifra jikkostitwixxu subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha.
14 Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2015/1754 u 2016/1821.
15 Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fis-Sezzjoni A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2015/1754 u 2016/1821, huwa previst kif ġej:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[...]”
16 It-tieni parti tan-[NM], intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi t-Taqsima III li tinkorpora l-Kapitolu 15, intitolat “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ħxejjex u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat ta’ annimali jew ħxejjex”.
17 In-Nota 1 tal-Kapitolu 15 tan-NM tipprovdi kif ġej:
“1. Dan il-kapitlu ma jkoprix:
[...]
ċ) preparazzjonijiet li jittieklu li fihom aktar minn 15 % bil-piż tal-prodotti ta’ titlu 0405 (ġeneralment, Kapitlu 21);
[...]”
18 Il-Kapitolu 15 tan-NM jinkludi l-intestaturi u s-subintestaturi segwenti:
“[...]
|
Kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
Rata konvenzjonali ta’ dazju (%) |
Unità Supplimentari |
|
[...] |
[...] |
[...] |
[...] |
|
1516 |
Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ta’ veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, ri-esterifikati jew elajdinizzati, raffinati jew le, iżda mhux preparati aktar |
|
|
|
1516 10 |
– “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali u l-frazzjonijiet tagħhom: |
|
|
|
1516 10 10 |
– F’pakki diretti ta’ kontenut nett mhux aktar minn 1 kg |
12,8 |
– |
|
1516 10 90 |
– – Oħrajn |
10,9 |
– |
|
[...] |
[...] |
[...] |
[...] |
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19 Fl‑2016 u fl‑2017, l-importatur iddikjara l-prodotti inkwistjoni taħt il-kodiċi NM 1516 10 90 10 1, għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera. Dawn il-prodotti kienu mmanifatturati minn aċidi xaħmin tal-omega-3 ikkonċentrati provenjenti miż-żejt tal-ħuta grezz u li kienu jinkludu bejn 60.5 u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati. Il-komponenti l-oħra kienu essenzjalment monogliċeridi u digliċeridi (iktar ’il quddiem il-“gliċeridi parzjali”) bħala prodotti sekondarji tar-riesterifikazzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija prodotti kien fihom madwar 0.28 % ta’ vitamina E (tokoferol) bħala antiossidant.
20 L-Uffiċċju Doganali ħareġ avviżi ta’ ffissar ta’ dazji fuq l-importazzjoni li fihom ikklassifika l-prodotti inkwistjoni taħt il-kodiċi 2106 90 92 60 9, billi qies li l-prodotti b’kontenut ta’ trigliċeridi ta’ inqas minn 85 % ma kinux jaqgħu taħt il-Kapitolu 15 tan-NM.
21 L-importatur ippreżenta rikors kontra dawn l-avviżi quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), li adottat l-istess approċċ bħall-Uffiċċju Doganali.
22 L-importatur ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.
23 Dik il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-intestatura 1516 tan-NM. Hija tistaqsi jekk il-prodotti inkwistjoni, li jinkludu bejn 60.5 u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati u, għall-kumplament, essenzjalment gliċeridi parzjali li jirriżultaw mir-riesterifikazzjoni, jistgħux jitqiesu bħala “xaħmijiet u żjut” fis-sens tal-imsemmija intestatura.
24 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li hija inklinata tqis, bħall-Uffiċċju Doganali u l-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) li, sabiex jaqgħu taħt l-intestatura 1516 tan-NM, ix-xaħmijiet u ż-żjut riesterifikati għandhom jinkludu mill-inqas 85 % ta’ trigliċeridi.
25 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-gliċeridi parzjali la huma xaħmijiet u lanqas żjut, iżda komposti simili għal-lipidi jew għall-emulsifikanti. Huwa minnu li l-gliċeridi parzjali huma komponenti naturali tax-xaħmijiet tal-annimali, iżda l-komponenti prinċipali ta’ dawn tal-aħħar huma t-trigliċeridi. Il-kontenut naturali ta’ trigliċeridi tax-xaħmijiet u taż-żjut tal-annimali huwa ġeneralment ferm iktar minn 90 %.
26 Fir-rigward tax-xaħmijiet u taż-żjut fis-sens tal-intestatura 1516 tan-NM, għandu jiġi ddeterminat il-kontenut minimu ta’ trigliċeridi f’ordni ta’ kobor abitwali għax-xaħmijiet u għaż-żjut naturali. L-approċċ li jikkonsisti fl-iffissar ta’ dan il-kontenut minimu għal 85 % huwa għalhekk interpretazzjoni plawżibbli. Dan l-approċċ jikkorrispondi wkoll, b’analoġija, għall-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punt (ċ) tan-nota 1 tal-Kapitolu 15 tan-NM u fin-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 1517 tas-SA, li jirreferu għal limitu ta’ 15 %. Madankollu, ir-rilevanza ta’ dawn l-indikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tal-intestatura 1516 tan-NM ma hijiex ċara.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“X’għandu jkun il-kontenut minimu ta’ trigliċeridi meħtieġ sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “xaħmijiet u żjut” fis-sens tal-intestatura 1516 tan-Nomenklatura Magħquda, meta dan il-prodott ikun prinċipalment kompost minn [gliċeridi parzjali] li jirriżultaw, bħala prodotti sekondarji, minn riesterifikazzjoni?”
Fuq id-domanda preliminari
28 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, il-kompitu tagħha huwa pjuttost li tagħti informazzjoni lill-qorti tar-rinviju dwar il-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom tippermetti lill-qorti tar-rinviju tikklassifika korrettament il-prodotti kkonċernati fin-NM iktar milli twettaq il-klassifikazzjoni hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma għandhiex titwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2026, Heineken România, T‑691/24, EU:T:2026:166, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti Ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali għandha, skont il-każ, tirriformula d-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, NOVA TARGOVSKA KOMPANIA 2004, C‑292/22, EU:C:2023:492, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni kienu mmanifatturati minn aċidi xaħmin tal-omega-3 ikkonċentrati li jirriżultaw miż-żejt tal-ħuta grezz u li kien fihom bejn 60.5 u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati. Il-komponenti l-oħra kienu essenzjalment gliċeridi parzjali bħala prodotti sekondarji tar-riesterifikazzjoni.
31 Minn dan isegwi li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura 1516 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri prodotti mmanifatturati minn aċidi xaħmin tal-omega-3 ikkonċentrati provenjenti minn żejt tal-ħuta grezz, li jinkludu bejn 60.5 u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati u, għall-kumplament, essenzjalment gliċeridi parzjali bħala prodotti sekondarji tar-riesterifikazzjoni.
32 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-NM għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli titqies li għandha biss valur indikattiv. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jinsab fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, BIOR, C‑344/23, EU:C:2024:696, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-Noti ta’ Spjega tas-SA u tan-NM jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u, bħala tali, jipprovdu elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha. In-Noti ta’ Spjega tan-NM, li ma jissostitwixxux dawk tas-SA, għandhom jitqiesu li huma komplementari għal dawn tal-aħħar u għandhom jiġu kkonsultati flimkien magħhom (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls, C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Bl-istess mod, għalkemm l-opinjonijiet tal-WCO li jikklassifikaw merkanzija fis-SA ma għandhomx saħħa vinkolanti fid-dritt, dawn jikkostitwixxu, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fin-NM, elementi importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tan-NM (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Fir-rigward tal-intestatura 1516 tan-NM, li hija s-suġġett tad-domanda preliminari, din tinkludi, skont il-formulazzjoni tagħha, ix-“[x]aħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati”. Tali formulazzjoni timplika li, sabiex jaqgħu taħt din l-intestatura, il-prodotti kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jitqiesu li huma xaħmijiet jew żjut jew frazzjonijiet ta’ dawn ix-xaħmijiet jew ta’ dawn iż-żjut (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 32).
36 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la n-NM u lanqas in-Noti ta’ Spjega tagħha ma jiddefinixxu t-termini “xaħmijiet u żjut”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li karatteristika speċifika għax-xaħmijiet u għaż-żjut tinsab fil-fatt li dawn huma komposti prinċipalment minn esteri tal-gliċerol u tal-aċidi xaħmin, li jieħdu l-forma ta’ trigliċeridi (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 38).
37 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, il-kontenut minimu ta’ trigliċeridi li għandu jkun fih xaħam jew żejt riesterifikat sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 1516 tan-NM, la n-NM u lanqas in-Noti ta’ Spjega tagħha ma jinkludu indikazzjonijiet espliċiti li jippermettu li jiġi ddeterminat tali kontenut.
38 F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li b’mod partikolari tali indikazzjonijiet ma jistgħux jiġu dedotti min-nota 1(ċ) tal-Kapitolu 15 tan-NM. Fil-fatt, din għandha portata limitata sa fejn tikkonċerna biss il-preparazzjonijiet tal-ikel li fihom piż ta’ iktar minn 15 % ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 0405, intitolata “Butir u xaħmijiet u żjut oħrajn magħmulin mill-ħalib; dlik (pejst) ta’ prodotti tal-ħalib”. Bl-istess mod, in-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 1517 tas-SA jikkonċernaw speċifikament il-merkanzija li taqa’ taħt din l-aħħar intestatura u li tinkludi butir jew xaħmijiet oħra provenjenti mill-ħalib.
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, hemm lok li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tax-xaħmijiet u taż-żjut riesterifikati fl-intestatura 1516 tan-NM, jittieħdu bħala bażi l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija inkwistjoni, kif iddefiniti mill-formulazzjoni ta’ din l-intestatura u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli relatati magħha.
40 F’dan ir-rigward, għandha tittieħed bħala bażi b’mod partikolari l-karatteristika tax-“xaħmijiet u żjut” ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega (C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 38), li skontha karetteristika speċifika għax-xaħmijiet u għaż-żjut tinsab fil-fatt li dawn huma komposti “prinċipalment” minn esteri tal-gliċerol u minn aċidi xaħmin, li jieħdu l-forma ta’ trigliċeridi.
41 Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet din il-preċiżazzjoni abbażi tas-sens abitwali tal-kliem “xaħmijiet u żjut” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, billi rreferiet għall-kompożizzjoni kimika li tikkaratterizza dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 35). Madankollu, din it-tifsira abitwali tirrigwarda x-xaħmijiet u ż-żjut kif jinkisbu minn materjal tal-annimali jew tal-ħxejjex u għalhekk ma tiħux inkunsiderazzjoni l-proċessi ta’ trasformazzjoni kimika li jistgħu possibbilment jiġu suġġetti għalihom.
42 Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li huwa biss wara li pprovdiet id-definizzjoni msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 39 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega (C‑388/23, EU:C:2024:1022), li x-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali kif ukoll il-frazzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għall-proċessi kimiċi elenkati fil-formulazzjoni tal-intestatura 1516 tan-NM.
43 Fir-rigward tal-proċess ta’ riesterifikazzjoni, li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-Noti ta’ Spjega dwar l-intestatura 1516 tas-SA jippreċiżaw li x-xaħmijiet u ż-żjut riesterifikati “huma trigliċeridi miksuba bis-sinteżi diretta ta’ gliċerol ma’ taħlitiet ta’ aċidi xaħmin liberi jew ma’ żjut aċidużi mir-raffinar”. Għalhekk, billi jistabbilixxu ekwivalenza bejn ix-“xaħmijiet u żjut riesterifikati” u t-“trigliċeridi”, dawn in-noti jiddefinixxu r-riesterifikazzjoni bħala produzzjoni ta’ trigliċeridi, mingħajr ma jirreferu għall-produzzjoni ta’ sustanzi oħra, bħall-gliċeridi parzjali. Bl-istess mod, dawn in-noti jiddeskrivu r-riżultat tar-riesterifikazzjoni billi jippreċiżaw li l-“pożizzjoni tar-radikali tal-aċidi xaħmin fit-trigliċeridi hija differenti minn dik li normalment tinsab fiż-żjut naturali”. Għaldaqstant, għalkemm dawn in-noti jsemmu li ż-żjut riesterifikati huma differenti miż-żjut naturali fir-rigward tal-pożizzjoni tar-radikali tal-aċidi xaħmin fit-trigliċeridi, imkien ma jindikaw li dawn iż-żjut huma kunsiderevolment differenti miż-żjut naturali wkoll fir-rigward tal-kontenut tagħhom ta’ trigliċeridi u ta’ gliċeridi parzjali.
44 Minn dan isegwi li x-xaħmijiet u ż-żjut riesterifikati, fis-sens tal-intestatura 1516 tan-NM, għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu trigliċeridi b’kontenut paragunabbli għal dak li jikkaratterizza x-xaħmijiet u ż-żjut fl-istat naturali, jiġifieri qabel kull trasformazzjoni kimika tat-tip ta’ dawk previsti fl-imsemmija intestatura.
45 Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li, għalkemm ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali fl-istat naturali fis-sens tal-punt 44 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem ix-“xaħmijiet u żjut tal-annimali naturali”) jinkludu wkoll ċerta kwantità ta’ gliċeridi parzjali, il-kontenut tagħhom ta’ trigliċeridi huwa ġeneralment ferm iktar minn 90 %.
46 F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li x-xaħmijiet u ż-żjut riesterifikati, fis-sens tal-intestatura 1516 tan-NM, għandu jkollhom kontenut ta’ trigliċeridi paragunabbli ma’ dak ġeneralment ikkonstatat fix-xaħmijiet u fiż-żjut tal-annimali naturali ma jwassalx sabiex tixxejjen is-sustanza tal-inklużjoni tax-xaħmijiet u taż-żjut riesterifikati fil-formulazzjoni tal-intestatura 1516 tan-NM. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Opinjoni ta’ Klassifikazzjoni 1516.10/1 adottata mill-Kumitat tas-SA matul l-61 sessjoni li nżammet fix-xahar ta’ Marzu 2018, li hija mehmuża mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, jeżistu prodotti li l-kontenut ta’ trigliċeridi riesterifikati tagħhom huwa ta’ 90 %. Tali kontenut jista’ wkoll jitqies, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, bħala paragunabbli ma’ dak ġeneralment ikkonstatat fix-xaħmijiet u fiż-żjut tal-annimali naturali. Bl-istess mod, minn informazzjoni tariffarja vinkolanti adottata minn awtorità doganali Ġermaniża, mehmuża wkoll mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, jirriżulta li jeżistu prodotti li l-kontenut tagħhom ta’ trigliċeridi riesterifikati jista’ jilħaq 96.5 %. Barra minn hekk, l-importatur ma jikkontestax il-fatt li x-xaħmijiet u ż-żjut riesterifikati jistgħu jilħqu tali kontenut ta’ trigliċeridi, filwaqt li jippreċiża li proċessi ta’ separazzjoni addizzjonali, kumplessi u għaljin, huma neċessarji għal dan l-għan.
47 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fihom bejn 60.5 % u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati. Madankollu, teżisti differenza kunsiderevoli bejn tali kontenut ta’ trigliċeridi u dak ġeneralment ikkonstatat fix-xaħmijiet u fiż-żjut tal-annimali naturali, kif dan ġie ddefinit fil-punt 45 iktar ’il fuq.
48 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-intestatura 1516 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix prodotti mmanifatturati minn aċidi xaħmin tal-omega-3 ikkonċentrati provenjenti minn żejt tal-ħuta grezz, li jinkludu bejn 60.5 % u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati u, għall-kumplament, essenzjalment gliċeridi parzjali bħala prodotti sekondarji tar-riesterifikazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
L-intestatura 1516 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754, tas‑6 ta’ Ottubru 2015, u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821, tas‑6 ta’ Ottubru 2016
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
ma tkoprix il-prodotti mmanifatturati minn aċidi xaħmin tal-omega-3 ikkonċentrati provenjenti minn żejt tal-ħuta grezz, li jinkludu bejn 60.5 % u 83.7 % ta’ trigliċeridi riesterifikati u, għall-kumplament, essenzjalment monogliċeridi u digliċeridi bħala prodotti sekondarji tar-riesterifikazzjoni.
|
Półtorak |
Hesse |
Steinfatt |
|
Petrlík |
Dimitrakopoulos |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Novembru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.