European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/891

21.5.2025

It-testi oriġinali tan-NU/KEE biss għandhom effett legali skont id-dritt internazzjonali pubbliku. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ċċekkjati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istatus tan-NU/KEE TRANS/WP.29/343, disponibbli fuq: https://unece.org/status-1958-agreement-and-annexed-regulations

Regolament tan-NU Nru 125 - Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi motorizzati fir-rigward tal-kamp ta’ viżjoni ta’ quddiem tas-sewwieq ta’ vettura motorizzata [2025/891]

Jinkorpora t-test validu kollu sa:

Serje ta’ emendi 03 – Data tad-dħul fis-seħħ: is-17 ta’ Mejju 2025

Dan id-dokument sar bil-ħsieb li jintuża purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni. It-testi awtentiċi u legalment vinkolanti huma:

ECE/TRANS/WP.29/2016/15

ECE/TRANS/WP.29/2021/22

ECE/TRANS/WP.29/2021/100

ECE/TRANS/WP.29/2022/24

ECE/TRANS/WP.29/2022/122

ECE/TRANS/WP.29/2023/22 (kif emendat bil-paragrafu 92 tar-rapport ECE/TRANS/WP.29/1171)

ECE/TRANS/WP.29/2024/97

WERREJ

Regolament

1.

Kamp tal-applikazzjoni

2.

Definizzjonijiet għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament

3.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

4.

Approvazzjoni

5.

Speċifikazzjonijiet

6.

Proċedura tat-test

7.

Modifika tat-tip ta’ vettura u estensjoni tal-approvazzjoni

8.

Konformità tal-produzzjoni

9.

Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

10.

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

11.

Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

12.

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Annessi

1

Komunikazzjoni

2

Tqassim tal-marki tal-approvazzjoni

3

Proċedura sabiex jiġu ddeterminati l-punt “H” u l-angolu reali tat-torso għal pożizzjonijiet bilqiegħda fil-vetturi motorizzati

Appendiċi 1: Deskrizzjoni tal-magna tal-punt “H” tridimensjonali (magna 3-D H)

Appendiċi 2: Sistema ta’ referenza tridimensjonali

Appendiċi 3: Data ta’ referenza li tikkonċerna pożizzjonijiet bilqiegħda

4

Metodu għad-determinazzjoni tar-relazzjonijiet dimensjonali bejn il-marki ta’ referenza primarji tal-vettura u l-grilja ta’ referenza tridimensjonali

Appendiċi

1.   Kamp tal-applikazzjoni

1.1.

Dan ir-Regolament tan-NU japplika għall-kamp ta’ viżjoni ta’ quddiem ta’ 180° tas-sewwieqa tal-vetturi M1 u N1 (1).

1.2.

L-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat kamp ta’ viżjoni adegwat meta l-windscreen u superfiċji tal-ħġieġ oħra jkunu xotti u nodfa.

1.3.

Ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament huma fformulati b’tali mod li japplikaw għal vetturi tal-kategoriji M1 u N1 fejn is-sewwieq ikun fuq ix-xellug. F’vetturi tal-kategorija M1 u N1 fejn is-sewwieq ikun fuq in-naħa tal-lemin, dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw billi jiġu invertiti l-kriterji, fejn xieraq.

2.   Definizzjonijiet għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament

2.1.

“Approvazzjoni tat-tip ta’ vettura” tfisser il-proċedura kollha li permezz tagħha Parti Kontraenti għall-Ftehim tiċċertifika li tip ta’ vettura jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi ta’ dan ir-Regolament.

2.2.

“Tip ta’ vettura fir-rigward tal-kamp ta’ viżjoni” tfisser vetturi li mhumiex differenti minn xulxin f’aspetti essenzjali bħal:

2.2.1.

Il-forom u l-arranġamenti esterni u interni fl-erja speċifikata fil-paragrafu 1. ta’ hawn fuq, li jistgħu jaffettwaw il-viżibbiltà; u

2.2.2.

Il-forma u d-daqs tal-windscreen u l-muntaturi tiegħu.

2.3.

“Grilja ta’ referenza tridimensjonali” tfisser sistema ta’ referenza li tikkonsisti fi pjan lonġitudinali vertikali X-Z, pjan orizzontali X-Y u pjan trażversali vertikali Y-Z; il-grilja tintuża biex jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet dimensjonali bejn il-pożizzjoni tal-punti tad-disinn fuq it-tpinġijiet u l-pożizzjonijiet tagħhom fuq il-vettura reali. Il-proċedura għall-pożizzjonar tal-vettura fir-rigward tal-grilja hija speċifikata fl-Addendum 6 tar-Riżoluzzjoni Reċiproka Nru 1 (M.R.1) (2); il-koordinati kollha li jirreferu għall-“punt żero” għandhom ikunu bbażati fuq vettura f’kundizzjoni ta’ tħaddim2 b’passiġġier wieħed fuq quddiem, fejn il-massa tal-passiġġier hija ta’ 75 kg ±1 fil-mija.

2.3.1.

Vetturi mgħammra b’sospensjoni li tippermettilhom jaġġustaw l-għoli mill-art għandhom jiġu ttestjati fil-kundizzjonijiet ta’ użu normali speċifikati mill-manifattur tal-vettura.

2.4.

“Marki referenzjarji primarji” tfisser toqob, superfiċi, marki u sinjali ta’ identifikazzjoni fuq il-karozzerija tal-vettura. It-tip ta’ marka ta’ referenza użata u l-pożizzjoni ta’ kull marka f’relazzjoni mal-koordinati X, Y u Z tal-grilja ta’ referenza tridimensjonali u mal-pjan tal-art tad-disinn għandhom jiġu speċifikati mill-manifattur tal-vettura. Dawn il-marki jistgħu jkunu l-punti ta’ kontroll li jintużaw għall-finijiet tal-assemblaġġ tal-body.

2.5.

“Angolu tad-dahar tas-sit” tfisser l-angolu definit fl-Addendum 6 tar-Riżoluzzjoni Reċiproka Nru 1 (M.R.1) il-paragrafu 1.2.6. jew il-paragrafu 1.2.7.

2.6.

“Angolu reali tad-dahar tas-sit” tfisser l-angolu definit fl-Addendum 6 tal-M.R.1, il-paragrafu 1.2.6.

2.7.

“Angolu tad-dahar tas-sit tad-disinn” tfisser l-angolu definit fl-Addendum 6 tal-M.R.1, il-paragrafu 1.2.7.

2.8.

“Punti V” tfisser dawk il-punti fil-kompartiment tal-passiġġieri li l-pożizzjoni tagħhom hija determinata skont il-pjani lonġitudinali vertikali li jgħaddu miċ-ċentri tal-pożizzjonijiet bilqiegħda ddeżinjati l-aktar fuq barra fuq is-sit ta’ quddiem u f’relazzjoni mal-punt “R” u l-angolu tad-disinn tad-dahar tas-sit, liema punti jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-kamp ta’ viżjoni.

2.9.

“Punt R jew il-punt ta’ referenza għas-sits” tfisser il-punt definit fl-Addendum 6 tal-M.R.1, il-paragrafu 1.2.4.

2.10.

“Punt H” tfisser il-punt definit fl-Addendum 6 tal-M.R.1, il-paragrafu 1.2.3.

2.11.

“Punti datum tal-windscreen” tfisser il-punti li jinsabu fl-intersezzjoni mal-windscreen tal-linji li joħorġu ’l quddiem mill-punti V lejn is-superfiċje ta’ barra tal-windscreen.

2.12.

“Vettura blindata” tfisser vettura maħsuba għall-protezzjoni tal-passiġġieri u/jew tal-oġġetti li jkunu fiha u li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-banjar tal-korazzar kontra l-balal.

2.13.

“Żona trasparenti” tfisser dik iż-żona ta’ windscreen tal-vettura jew superfiċe tal-ħġieġ ieħor fejn it-trażmittanza tad-dawl tagħha mkejla f’direzzjoni perpendikolari mis-superfiċje ma tkunx inqas minn 70 fil-mija. Fil-każ ta’ vetturi korazzati, il-fattur ta’ trażmittanza tad-dawl mhux inqas minn 60 fil-mija.

2.14.

“Punti P” tfisser il-punti li ddur madwarhom ras is-sewwieq meta jkun qiegħed jara oġġetti fuq il-pjan orizzontali fil-livell tal-għajnejn.

2.15.

“Punti E” tfisser punti li jirrappreżentaw iċ-ċentri ta’ għajnejn is-sewwieq u li jintużaw biex jiġi vvalutat il-punt sa fejn il-pilastri “A” jtellfu l-kamp ta’ viżjoni.

2.16.

“Pilastru A” tfisser kull appoġġ tas-saqaf li qiegħed ’il quddiem mill-pjan trażversali vertikali li jkun 68 mm quddiem il-punti V u li jinkludi oġġetti li mhumiex trasparenti, bħall-istrutturi tal-windscreen u tal-bibien, li huma mwaħħlin jew imissu ma’ dan l-appoġġ.

2.17.

“Medda orizzontali tal-aġġustament tas-sit” tfisser il-medda ta’ pożizzjonijiet normali tas-sewqan indikati mill-manifattur tal-vettura għall-aġġustament tas-sit tas-sewwieq fid-direzzjoni tal-assi X (ara l-paragrafu 2.3 ta’ hawn fuq).

2.18.

“Medda estiża tal-aġġustament tas-sit” tfisser il-medda indikata mill-manifattur tal-vettura għall-aġġustament tas-sit fid-direzzjoni tal-assi X (ara l-paragrafu 2.3 ta’ hawn fuq) lil hinn mill-medda tal-pożizzjonijiet normali tas-sewqan speċifikati fil-paragrafu 2.17 ta’ hawn fuq u li jintużaw biex is-sits jinbidlu f’sodod jew biex jiġi ffaċilitat id-dħul fil-vettura.

2,19.

Ostakolu tfisser partijiet fiżiċi jew interferenza fil-kamp ta’ viżjoni li jnaqqsu l-perċezzjoni tat-trażmittanza tad-dawl bl-eċċezzjoni tad-dawl estranju, eż. ir-riflessjoni minn ġewwa l-vettura, il-leħħ mid-dawl tax-xemx.

2,20.

Assistent tal-Kamp ta’ Viżjoni (FVA, field of vision assistant) tfisser informazzjoni viżiva murija fuq il-windscreen tal-vettura jew fuq superfiċje tal-ħġieġ ieħor biex tappoġġa l-attenzjoni tas-sewwieq.

3.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni

3.1.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-kamp ta’ viżjoni tas-sewwieq għandha titressaq mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant akkreditat tiegħu.

3.2.

Għandu jkollha magħha d-dokumenti msemmija hawn taħt fi tliet kopji u jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

3.2.1.

Deskrizzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2.2. ta’ hawn fuq, flimkien ma’ tpinġijiet dimensjonali u, jew ritratt inkella dijagramma kompożittiva tal-kompartiment tal-passiġġieri. In-numri u/jew is-simboli li jidentifikaw it-tip ta’ vettura għandhom jiġu speċifikati; u

3.2.2.

Id-dettalji tal-marki referenzjarji primarji f’biżżejjed dettal li jippermettilhom jiġu identifikati faċilment u li jiġu vverifikati l-pożizzjonijiet ta’ kull waħda minnhom f’relazzjoni mal-oħrajn u mal-punt “R”.

3.3.

Vettura li tirrappreżenta t-tip ta’ vettura li għandha tiġi approvata għandha titressaq quddiem is-Servizz Tekniku li jkun qed iwettaq it-testijiet tal-approvazzjoni.

4.   Approvazzjoni

4.1.

Jekk it-tip tal-vettura mressaq għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 5 ta’ hawn taħt, għandha tingħata l-approvazzjoni għal dak it-tip ta’ vettura.

4.2.

Għandu jiġi assenjat numru tal-approvazzjoni għal kull tip approvat. L-ewwel żewġ diġits tiegħu (bħalissa 01 għar-Regolament fil-forma attwali tiegħu) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li tinkorpora l-emendi tekniċi importanti l-aktar reċenti li saru fir-Regolament fi żmien il-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma għandhiex tassenja l-istess numru għall-istess tip ta’ vettura b’tip ieħor ta’ kamp ta’ viżjoni, jew għal tip ieħor ta’ vettura.

4.3.

Għandha tintbagħat notifika ta’ approvazzjoni jew ta’ ċaħda jew ta’ irtirar ta’ approvazzjoni skont dan ir-Regolament lill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 u ritratti u/jew disinji mressqa mill-applikant f’format mhux ikbar minn A4 (210 × 297 mm) jew mitwi għal dak il-format u fuq skala xierqa.

4.4.

Ma’ kull vettura li tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, għandha titwaħħal, b’mod li jidher u f’post li huwa faċilment aċċessibbli li jiġi speċifikat fuq il-formola tal-approvazzjoni, marka ta’ approvazzjoni internazzjonali li tikkonforma mal-mudell deskritt fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament u li tikkonsisti minn:

4.4.1.

Ċirku madwar l-ittra “E” segwit bin-numru li jiddistingwi l-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni; (3);

4.4.2.

In-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit mill-ittra “R”, sing u n-numru tal-approvazzjoni, fuq in-naħa tal-lemin taċ-ċirku preskritt fil-paragrafu 4.4.1. hawn fuq.

4.5.

Jekk il-vettura tkun konformi ma’ tip ta’ vettura approvat, skont Regolament wieħed ieħor jew aktar anness/i ma’ dan il-Ftehim, fil-pajjiż li jkun ħareġ l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu msemmi fil-paragrafu 4.4.1. ma għandux għalfejn jittenna; f’dan il-każ, ir-Regolament u n-numri tal-approvazzjoni u s-simboli addizzjonali għandhom jitqiegħdu f’kolonni wieqfa fuq in-naħa tal-lemin tas-simbolu li hemm preskritt fil-paragrafu 4.4.1. ta’ hawn fuq.

4.6.

Il-marka tal-approvazzjoni għandha tkun tista’ tinqara b’mod ċar u tkun ta’ tip li ma jistax jitħassar.

4.7.

Il-marka tal-approvazzjoni għandha titqiegħed qrib il-pjanċa tad-data tal-vettura jew fuqha.

5.   Speċifikazzjonijiet

5.1.

Il-kamp ta’ viżjoni tas-sewwieq.

5.1.1.

Iż-żona trasparenti tal-windscreen għandha tinkludi għall-inqas il-punti datum tal-windscreen (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 1):

5.1.1.1.

Punt datum orizzontali ’l quddiem minn V1 u 17° fuq in-naħa tax-xellug (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 1);

5.1.1.2.

Punt datum vertikali ’il quddiem minn V1 ta’ fuq u 7° fuq l-orizzontali;

5.1.1.3.

Punt datum vertikali ’il quddiem minn V2 ta’ isfel u 5° taħt l-orizzontali;

5.1.1.4.

Biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżit ta’ viżjoni ’l quddiem fuq in-nofs oppost tal-windscreen, għandhom jinkisbu tliet punti datum, simmetriċi mal-punti ddefiniti fil-paragrafi 5.1.1.1. sa 5.1.1.3. ta’ hawn fuq, f’relazzjoni mal-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura.

5.1.2.

L-angolu ta’ ostakolu għal kull pilastru “A”, kif deskritt fil-punt 5.1.2.1., ma għandux jaqbeż 6° (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 3). Fil-każ ta’ vetturi korazzati dan l-angolu ma għandux ikun ikbar minn 10°.

L-angolu tal-ostakolu tal-pilastru “A” fuq in-naħa tal-passiġġier, kif deskritt fil-punt 5.1.2.1.2. ta’ hawn taħt, m’hemmx bżonn ikun determinat jekk iż-żewġ pilastri jkunu jinsabu simmetrikament f’relazzjoni mal-pjan vertikali medjan lonġitudinali tal-vettura.

5.1.2.1.

L-angolu ta’ ostakolu ta’ kull pilastru “A” għandu jitkejjel billi jiġu superimposti fuq pjan iż-żewġ sezzjonijiet orizzontali li ġejjin:

Sezzjoni 1:

Billi tibda mill-punt Pm li qiegħed fil-post definit fil-punt 5.3.1.1., pinġi pjan li jifforma angolu ta’ 2° ’il fuq b’relazzjoni mal-pjan orizzontali li jgħaddi ’l quddiem mill-Pm. Iddetermina s-sezzjoni orizzontali tal-pilastru “A” billi tibda mill-aktar punt ’il quddiem tal-intersezzjoni tal-pilastru “A” u l-pjan inklinat (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 2).

Sezzjoni 2:

Irrepeti l-istess proċedura, billi tieħu pjan li jiddeklina f’angolu ta’ 5° ’l isfel f’relazzjoni mal-pjan orizzontali li jgħaddi ’l quddiem minn Pm (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 2).

5.1.2.1.1.

L-angolu ta’ ostakolu tal-pilastru “A” fuq in-naħa tas-sewwieq huwa l-angolu ffurmat fuq il-vista tal-pjan minn parallel, li jibda mill-E2, għat-tanġent li jgħaqqad l-E1 mat-tarf ta’ barra tas-sezzjoni S2 u t-tanġent li jgħaqqad l-E2 mat-tarf ta’ ġewwa tas-sezzjoni S1 (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 3).

5.1.2.1.2.

L-angolu ta’ ostakolu tal-pilastru “A” fuq in-naħa tal-passiġġier huwa l-angolu ffurmat fuq il-vista tal-pjan mit-tanġent li jgħaqqad E3 mat-tarf ta’ ġewwa tas-sezzjoni S1 u minn parallel, li jibda mill-E3, għat-tanġent li jgħaqqad l-E4 mat-tarf ta’ barra tas-sezzjoni S2 (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 3).

5.1.2.2.

L-ebda vettura ma għandu jkollha iżjed minn żewġ pilastri “A”.

5.1.3

Ħlief kif previst fil-paragrafi 5.1.3.3., 5.1.3.4. jew 5.1.3.5 ta’ hawn taħt, minbarra l-ostakoli maħluqa mill-pilastri “A”, il-vireg ta’ diviżjoni tal-ventilatur jew tat-tieqa tal-ġenb, fissi jew mobbli, l-antenni tar-radju fuq barra, apparati għall-viżjoni indiretta, li jkopru l-kamp ta’ viżjoni indirett mandatorju u l-wajpers tal-windscreen, ma għandu jkun hemm l-ebda ostakolu għall-kamp ta’ viżjoni diretta tas-sewwieq 180° ’il quddiem taħt il-pjan orizzontali li jgħaddi minn V1, u fuq tliet pjanijiet minn V2, wieħed perpendikolari għall-pjan X-Z u li jiddeklina ’l quddiem b’4° taħt l-orizzontali, u t-tnejn l-oħra perpendikolari għall-pjan Y-Z u li jiddeklinaw 4° taħt l-orizzontali (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 4).

Dawn li ġejjin mhumiex ikkunsidrati bħala ostakoli għall-kamp ta’ viżjoni:

(a)

Kondutturi tal-“antenna tar-radju” inkorporati jew stampati, li ma jkunux wesgħin iżjed minn:

(i)

Kondutturi inkorporati: 0,5 mm,

(ii)

Kondutturi stampati: 1,0 mm Dawn il-kondutturi tal-“antenna tar-radju” ma għandhomx jaqsmu ż-żona A. Madankollu dawn il-kondutturi tal-“antenna tar-radju” jistgħu jaqsmu ż-żona A jekk il-wisgħa tagħhom ma taqbiżx iż-0,5 mm.

(b)

Fiż-żona A tat-tip “tneħħija tas-silġ/tneħħija tat-titpin” normalment f’forma “żigżag” jew sinusojdali bid-daqsijiet li ġejjin:

(i)

Wisgħa massima viżibbli: 0,030 mm,

(ii)

Id-densità massima tal-konduttur:

a.

Jekk il-kondutturi jkunu vertikali: 8/cm,

b.

Jekk il-kondutturi jkunu orizzontali: 5/cm.

5.1.3.1.

Fil-każ ta’ apparati ta’ monitoraġġ bil-kamera, l-eżenzjonijiet tal-paragrafu 5.1.3. japplikaw għal kameras, flimkien mas-saqajn u l-oqfsa tagħhom li jkunu armati fuq barra tal-vettura. Is-sistema ta’ monitoraġġ bil-kamera li tissostiwixxi l-mera retroviżiva tal-Klassi I għandu jkollha l-istess eżenzjoni.

5.1.3.2.

Għal vetturi mgħammra, bħala standard, b’mirja retroviżivi approvati li jistgħu, opzjonalment, jiġu sostitwiti minn apparat ta’ monitoraġġ bil-kamera, l-eżenzjonijiet tal-paragrafu 5.1.3 japplikaw ukoll għall-monitors, bil-kundizzjoni li: (4)

(a)

L-ostakolar tagħhom tal-viżjoni diretta ma taqbiżx il-livell ta’ ostakolar tal-mera retroviżiva esterna korrispondenti flimkien mal-qafas u s-sieq tagħha, u;

(b)

Il-pożizzjoni tal-monitor tkun qrib kemm jista’ jkun tal-pożizzjoni tal-mera retroviżiva li jkun qiegħed jissostitwixxi.

5.1.3.3.

Ostakolu maħluq mix-xifer tar-rota tal-isteering u l-pannell tal-istrumenti fir-rota tal-isteering ikun tollerat jekk pjan minn V2, perpendikulari għall-pjan x – z u tanġenzjali għall-ogħla punt tax-xifer tar-rota tal-isteering, dekklinat b’mill-inqas 1° taħt l-orizzontali.

Ir-rota tal-isteering, jekk tkun aġġustabbli, għandha titqiegħed fil-pożizzjoni normali indikata mill-manifattur jew, jekk dan ma jsirx, fin-nofs ta’ bejn il-limiti tal-medda/meded tagħha tal-aġġustament.

5.1.3.4.

Ostakolu bejn il-pjan li jgħaddi minn V2, u deklinat tal-anqas 1° taħt l-orizzjontali u pjan li jgħaddi minn V2 u deklinat 4° taħt l-orizzontali jiġi tollerat jekk il-projezzjoni konika ta’ dan l-ostakolu, li jibda minn V2, fuq żona “S” kif definita fil-paragrafu 5.1.3.4.1. ta’ hawn taħt ma taqbiżx 20 fil-mija ta’ din l-erja. Fir-rigward tal-FVA, jekk applikabbli, ostakoli potenzjali f’żona “S” minn pixels opaki kif definiti fil-paragrafu 2.19 tar-Regolament tan-NU Nru 176, is-serje ta’ emendi 00, għandhom jiġu kkunsidrati.

5.1.3.4.1.

Iż-żona “S” (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 7), hija żona rettangolari vertikali li tinsab fi pjan perpendikolari mal-koordinat X, 1 500 mm ’il quddiem mill-punt V2. It-tarf ta’ fuq taż-żona “S” huwa ddefinit minn pjan li jgħaddi minn V2 deklinat ’il quddiem 1° taħt l-orizzontali. It-tarf ta’ taħt taż-żona “S” huwa ddefinit minn pjan li jgħaddi minn V2 deklinat ’il quddiem 4° taħt l-orizzontali. It-truf tax-xellug u tal-lemin taż-żona “S” huma vertikali u jiġu ġġenerati mil-linji ta’ intersezzjoni tat-tliet pjani deklinati 4° kif definit fil-paragrafu 5.1.3. ta’ hawn fuq.

5.1.3.4.2.

Fil-każ ta’ windscreen estiż aktar minn 1 500 mm ’il quddiem mill-punt V2, id-distanza bejn iż-żona “S” u l-punt V2 tista’ tiġi estiża kif meħtieġ.

5.1.3.5.

Il-kamp ta’ viżjoni trasparenti kif definit fil-paragrafu 5.1.1. jista’ jiġi sovrapost b’informazzjoni minn Assistent tal-Kamp ta’ Viżjoni, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament tan-NU Nru 176.

5.1.4.

Fil-każ fejn l-għoli ta’ V2 ’il fuq mill-art ikun aktar minn 1 650 mm, għandu jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li ġej:

Oġġett ċilindriku għoli 1 200 mm, b’dijametru ta’ 300 mm, li qiegħed ġo spazju kkonfinat bi pjan vertikali 2 000 mm quddiem il-vettura, bi pjan vertikali 2 300 mm quddiem il-vettura, bi pjan vertikali 400 mm min-naħa tas-sewwieq tal-vettura, u bi pjan vertikali 600 mm min-naħa opposta tal-vettura, għandu jkun imqar parzjalment viżibbli meta wieħed iħares lejh direttament mill-V2 (ara l-Figura 1), irrispettivament minn fejn ikun jinsab l-oġġett f’dak l-ispazju, sakemm ma jkunx inviżibbli minħabba punt(i) mhux viżibbli maħluq(a) bil-pilastri A, il-wajpers tal-windscreen jew ir-rota tal-isteering.

Jekk is-sit tas-sewwieq ikun jinsab fil-pożizzjoni tas-sewqan ċentrali tal-vettura, l-oġġett ċilindriku b’għoli ta’ 1 200 mm għandu jitqiegħed fl-ispazju kkonfinat minn pjan vertikali li jinsab 2 000mm quddiem il-vettura, pjan vertifikali li jinsab 2 300 mm quddiem il-vettura, pjan vertikali li jinsab 500 mm min-naħa tal-ġenb tal-vettura (ara l-Figura 2).

Figura 1

Image 1

Figura 2

Image 2

5.2.

Il-pożizzjonijiet tal-punti V

5.2.1.

Il-pożizzjonijiet tal-punti V b’relazzjoni mal-punt “R”, kif indikat mill-koordinati XYZ minn fuq il-grilja ta’ referenza tridimensjonali, huma kif murija fit-Tabelli I u IV.

5.2.2.

It-Tabella I tindika l-koordinati bażiċi għall-angolu tad-dahar tas-sit tad-disinn ta’ 25°. Id-direzzjoni pożittiva tal-koordinati hija indikata fl-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 1.

Tabella I

Punt V

X

Y

Z

V1

68  mm

-5  mm

665  mm

V2

68  mm

-5  mm

589  mm

5.3.

Il-pożizzjonijiet tal-punti P

5.3.1.

Il-pożizzjonijiet tal-punti P b’relazzjoni mal-punt “R”, kif indikat mill-koordinati XYZ minn fuq il-grilja tar-referenza tridimensjonali, huma kif murija fit-Tabelli II, III u IV.

5.3.1.1.

It-Tabella II tistipula l-koordinati bażi għall-angolu tad-dahar tas-sit tad-disinn ta’ 25°. Id-direzzjoni pożittiva tal-koordinati tingħata fl-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 1.

Il-punt Pm huwa l-punt ta’ intersezzjoni bejn il-linja dritta li tgħaqqad P1, u P2 u l-pjan vertikali lonġitudinali li jgħaddi mill-punt “R”.

Tabella II

Punt P

X

Y

Z

P1

35  mm

-20  mm

627  mm

P2

63  mm

47  mm

627  mm

Pm

43,36  mm

0  mm

627  mm

5.3.1.2.

It-Tabella III turi l-korrezzjonijiet addizzjonali li għandhom isiru għall-koordinati X ta’ P1 u P2 meta l-medda orizzontali tal-aġġustament tas-sit kif iddefinit fil-paragrafu 2.16. ta’ hawn fuq taqbeż il-108 mm. Id-direzzjoni pożittiva tal-koordinati hija indikata fl-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 1.

Tabella III

Medda orizzontali tal-aġġustament tas-sit

Δx

108 sa 120  mm

-13  mm

121 sa 132  mm

-22  mm

133 sa 145  mm

-32  mm

146 sa 158  mm

-42  mm

aktar minn 158  mm

-48  mm

5.4.

Il-korrezzjoni għall-angoli tad-dahar tas-sit tad-disinn minbarra dawk ta’ 25°

It-Tabella IV turi l-korrezzjonijiet ulterjuri li għandhom isiru fuq il-koordinati X u Z ta’ kull punt P u kull punt V meta l-angolu tad-dahar tas-sit tad-disinn tkunx ta’ 25°. Id-direzzjoni pożittiva tal-koordinati hija indikata fl-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 1.

Tabella IV

Angolu tad-dahar tas-sit (fi °)

Koordinati orizzontali Δx

Koordinati vertikali Δz

Angolu tad-dahar tas-sit (fi °)

Koordinati orizzontali Δx

Koordinati vertikali Δz

5

- 186  mm

28  mm

23

-18  mm

5  mm

6

- 177  mm

27  mm

24

-9  mm

3  mm

7

- 167  mm

27  mm

25

0  mm

0  mm

8

- 157  mm

27  mm

26

9  mm

-3  mm

9

- 147  mm

26  mm

27

17  mm

-5  mm

10

- 137  mm

25  mm

28

26  mm

-8  mm

11

- 128  mm

24  mm

29

34  mm

-11  mm

12

- 118  mm

23  mm

30

43  mm

-14  mm

13

- 109  mm

22  mm

31

51  mm

-18  mm

14

-99  mm

21  mm

32

59  mm

-21  mm

15

-90  mm

20  mm

33

67  mm

-24  mm

16

-81  mm

18  mm

34

76  mm

-28  mm

17

-72  mm

17  mm

35

84  mm

-32  mm

18

-62  mm

15  mm

36

92  mm

-35  mm

19

-53  mm

13  mm

37

100  mm

-39  mm

20

-44  mm

11  mm

38

108  mm

-43  mm

21

-35  mm

9  mm

39

115  mm

-48  mm

22

-26  mm

7  mm

40

123  mm

-52  mm

5.5.

Il-pożizzjonijiet tal-punti E

5.5.1.

Il-punti E1 u E2 huma individwalment 104 mm ’il bogħod minn P1.

E2 qiegħed 65 mm ’il bogħod minn E1 (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 4).

5.5.2.

Il-linja dritta li tgħaqqad E1 u E2 tiddawwar madwar P1 sakemm it-tanġent li jgħaqqad E1 mat-tarf ta’ barra tas-Sezzjoni 2 tal-pilastru “A” fuq in-naħa tas-sewwieq ikun normali mal-linja dritta E1 - E2 (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 3).

5.5.3.

Il-punti E3 u E4 huma individwalment 104 mm ’il bogħod minn P2. E3 qiegħed 65 mm ’il bogħod minn E4 (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 4).

5.5.4.

Il-linja dritta li tgħaqqad E3 u E4 tiddawwar madwar P2 sakemm it-tanġent li jgħaqqad E4 mat-tarf ta’ barra tas-Sezzjoni 2 tal-pilastru “A” fuq in-naħa tal-passiġġier ikun normali mal-linja dritta E3 - E4 (ara l-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 3).

6.   Proċedura tat-test

6.1.

Il-kamp ta’ viżjoni tas-sewwieq

6.1.1.

Ir-relazzjonijiet dimensjonali bejn il-marki referenzjarji primarji tal-vettura u l-grilja ta’ referenza tridimensjonali għandhom ikunu ddeterminati permezz tal-proċess preskritt fl-Anness 4.

6.1.2.

Il-pożizzjonijiet tal-punti V1 u V2 huma ddeterminati f’relazzjoni mal-punt “R” kif indikat mill-koordinati XYZ tal-grilja ta’ referenza tridimensjonali u huma indikati fit-Tabella I fil-paragrafu 5.2.2. hawn fuq u fit-Tabella IV fil-paragrafu 5.4. ta’ hawn fuq. Il-punti datum tal-windscreen imbagħad għandhom jinstabu permezz tal-punti V ikkoreġuti kif stipulat fil-paragrafu 5.1.1. ta’ hawn fuq.

6.1.3.

Ir-relazzjoni bejn il-punti P u l-punt “R” u l-linja ċentrali tal-pożizzjoni bilqiegħda tas-sewwieq, kif indikata mill-koordinati XYZ tal-grilja ta’ referenza tridimensjonali, għandha tiġi ddeterminata mit-Tabelli II u III fil-paragrafu 5.3 ta’ hawn fuq. Il-korrezzjoni għall-angoli tad-dahar tas-sit tad-disinn li mhumiex 25° tidher fit-Tabella IV fil-paragrafu 5.4. ta’ hawn fuq.

6.1.4.

L-angolu ta’ ostakolu (ara l-paragrafu 5.1.2. ta’ hawn fuq) għandu jitkejjel fil-pjanijiet inklinati kif indikat fl-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 2. Ir-relazzjoni bejn P1 u P2, li huma konnessi ma’ E1 u E2, u E3 u E4, rispettivament, tidher fl-Anness 4, l-Appendiċi, il-Figura 5.

6.1.4.1.

Il-linja dritta E1 - E2 għandha tiġi orjentata kif deskritt fil-paragrafu 5.5.2. ta’ hawn fuq. L-angolu ta’ ostakolu tal-pilastru “A” fuq in-naħa tas-sewwieq jitkejjel kif speċifikat fil-paragrafu 5.1.2.1.1. ta’ hawn fuq.

6.1.4.2.

Il-linja dritta E3 - E4 għandha tiġi orjentata kif deskritt fil-paragrafu 5.5.4. ta’ hawn fuq. L-angolu ta’ ostakolu tal-pilastru “A” fuq in-naħa tal-passiġġier għandu imbagħad jitkejjel kif speċifikat fil-paragrafu 5.1.2.1.2. ta’ hawn fuq.

6.1.5.

Il-manifattur jista’ jkejjel l-angolu ta’ ostakolu jew fuq il-vettura jew fit-tpinġijiet. F’każ ta’ dubju is-Servizzi Tekniċi jistgħu jeħtieġu li t-testijiet isiru fuq il-vettura.

6.2.1

Ir-rota tal-isteering, jekk tkun aġġustabbli, għandha titqiegħed fil-pożizzjoni normali indikata mill-manifattur jew, jekk dan ma jsirx, fin-nofs ta’ bejn il-limiti tal-medda/meded tagħha ta’ aġġustament

6.2.2.

F’każ li l-pożizzjoni tal-FVA tkun aġġustabbli, l-FVA għandu jitqiegħed fil-pożizzjoni normali indikata mill-manifattur jew, jekk dan ma jsirx, fin-nofs ta’ bejn il-limiti tal-medda tal-aġġustament.

7.   Modifika tat-tip ta’ vettura u estensjoni tal-approvazzjoni

7.1.

Kull modifika tat-tip ta’ vettura kif iddefinit fil-paragrafu 2.2. ta’ hawn fuq, għandha tkun innotifikata lill-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li approvat it-tip ta’ vettura. L-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip tista’ mbagħad jew:

7.1.1.

Tikkunsidra li l-modifiki li saru ma għandhomx effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-approvazzjoni u tagħti estensjoni tal-approvazzjoni;

7.1.2.

Tikkunsidra li l-modifiki li saru jaffettwaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-approvazzjoni u titlob li jsiru iżjed testijiet jew kontrolli qabel ma tingħata l-estensjoni tal-approvazzjoni.

7.2.

Il-konferma jew ir-rifjut tal-approvazzjoni, fejn jiġu speċifikati t-tibdiliet, għandhom jiġu kkomunikati lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz tal-proċedura indikata fil-paragrafu 4.3. ta’ hawn fuq.

7.3.

L-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip għandha tinforma lill-Partijiet Kontraenti oħrajn bl-estensjoni permezz tal-formola ta’ komunikazzjoni li tidher fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament. Għandha tassenja numru tas-serje lil kull estensjoni, li jkun magħruf bħala n-numru tal-estensjoni.

8.   Konformità tal-produzzjoni

8.1.

Il-proċeduri li jikkonċernaw il-konformità tal-produzzjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali definiti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim (E/ECE/324-E/ECE/TRANS/505/Rev.2) u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

8.2.

Kull vettura approvata skont dan ir-Regolament għandha tkun immanifatturata b’mod li tikkonforma mat-tip approvat billi tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 5. ta’ hawn fuq;

8.3.

L-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li tkun ħarġet l-approvazzjoni tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-konformità tal-mezzi ta’ kontroll li huma applikabbli għal kull unità tal-produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ dawn l-ispezzjonijiet għandha tkun ta’ darba kull sentejn.

9.   Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

9.1.

L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward tat-tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 8 ta’ hawn fuq ma jkunux rispettati.

9.2.

Jekk Parti Kontraenti tirtira l-approvazzjoni li kienet tat qabel, għandha minnufih tavża b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħra li qed japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni konformi mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

10.   Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jieqaf b’mod permanenti mill-manifattura ta’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, għandu jinforma b’dan lill-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li tat l-approvazzjoni, li min-naħa tagħha għandha tinforma minnufih lill-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim li qegħdin japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

11.   L-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim, li japplikaw dan ir-Regolament, għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi risponsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip u fejn għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew ir-rifjut jew l-irtirar tal-approvazzjoni.

12.   Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

12.1.

Mid-data uffiċjali tad-dħul fis-seħħ tas-serje ta’ emendi 01, l-ebda Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament ma għandha tirrifjuta li tagħti approvazzjonijiet skont dan ir-Regolament kif ġie emendat bis-serje ta’ emendi 01.

12.2.

Minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-serje ta’ emendi 01 ta’ dan ir-Regolament, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jagħtu approvazzjonijiet biss jekk it-tip ta’ vettura li jrid jiġi approvat jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament kif emendat mis-serje ta’ emendi 01.

12.3.

Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament m’għandhomx jirrifjutaw li jagħtu estensjonijiet għall-approvazzjonijiet għal tipi eżistenti li ngħataw skont il-verżjoni oriġinali ta’ dan ir-Regolament.

12.4.

Anke wara d-dħul fis-seħħ tas-serje ta’ emendi 01 ta’ dan ir-Regolament, l-approvazzjonijiet tat-tip għall-vetturi skont il-verżjoni oriġinali ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu validi. Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jaċċettawhom.

12.5.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali ta’ hawn fuq, il-Partijiet Kontraenti li l-applikazzjoni tagħhom ta’ dan ir-Regolament tidħol fis-seħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tas-serje ta’ emendi 01, mhumiex obbligati jaċċettaw approvazzjonijiet li ngħataw f’konformità mal-verżjoni oriġinali ta’ dan ir-Regolament.

12.6.

Mid-data uffiċjali tad-dħul fis-seħħ tas-serje ta’ emendi 02, l-ebda Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament ma għandha tirrifjuta li tagħti jew tirrifjuta li taċċetta approvazzjonijiet tat-tip skont dan ir-Regolament kif emendat bis-serje ta’ emendi 02.

12.7.

Mill-1 ta’ Settembru 2023, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip għas-serje ta’ emendi preċedenti, li jkunu nħarġu għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Settembru 2023.

12.8.

Sal-1 ta’ Settembru 2024, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip għas-serje ta’ emendi preċedenti, maħruġa għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Settembru 2023.

12.9.

Mill-1 ta’ Settembru 2024, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip maħruġa għas-serje ta’ emendi preċedenti ta’ dan ir-Regolament.

12.10.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali ta’ hawn fuq, il-Partijiet Kontraenti li jibdew japplikaw dan ir-Regolament wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-aktar serje ta’ emendi reċenti, mhumiex obbligati jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip li ngħataw f’konformità ma’ kwalunkwe serje ta’ emendi preċedenti ta’ dan ir-Regolament.

12.11.

Minkejja l-paragrafu 12.4, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jaċċettaw l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa skont is-serje ta’ emendi preċendenti għal dan ir-Regolament, għal sistemi tal-vetturi/vettura li mhumiex affettwati mill-bidliet imdaħħla permezz tas-serje ta’ emendi 02.

12.12.

Mid-data uffiċjali tad-dħul fis-seħħ tas-serje ta’ emendi 03, l-ebda Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament ma għandha tirrifjuta li tagħti jew tirrifjuta li taċċetta approvazzjonijiet tat-tip skont dan ir-Regolament kif emendat bis-serje ta’ emendi 03.

12.13.

Mill-1 ta’ Settembru 2026, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip għas-serje ta’ emendi preċedenti, li jkunu nħarġu għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Settembru 2026.

12.14.

Sal-1 ta’ Settembru 2030, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip għas-serje ta’ emendi preċedenti, maħruġa għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Settembru 2026.

12.15.

Mill-1 ta’ Settembru 2030, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw approvazzjonijiet tat-tip maħruġa għas-serje ta’ emendi preċedenti ta’ dan ir-Regolament.

12.16.

Minkejja l-paragrafi 12.13. u 12.15., il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jaċċettaw l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa skont is-serje ta’ emendi preċendenti għal dan ir-Regolament, għal tipi ta’ vetturi li mhumiex affettwati mill-bidliet imdaħħla permezz tas-serje ta’ emendi 03 (i.e. vetturi mhux mgħammra b’FVA).

12.17.

Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament jistgħu jagħtu approvazzjonijiet tat-tip skont kwalunkwe serje ta’ emendi preċedenti għal dan ir-Regolament.

12.18.

Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom ikomplu jagħtu estensjonijiet għall-approvazzjonijiet eżistenti għal kwalunkwe serje ta’ emendi preċedenti għal dan ir-Regolament.

(1)  Kif definit fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3.), dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6, il-paragrafu 2. - https://unece.org/transport/vehicle-regulations/wp29/resolutions.

(2)  Addendum 6 tar-Riżoluzzjoni Reċiproka Nru 1 (M.R.1) (id-dokument ECE/TRANS/WP.29/1101/Amend.5); ara https://unece.org/transport/vehicle-regulations/wp29/resolutions.

(3)  In-numri distintivi tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-1958 huma riprodotti fl-Anness 3 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6/Amend.3 - https://unece.org/transport/standards/transport/vehicle-regulations-wp29/resolutions.

(4)  Ara r-rapport ECE/TRANS/WP.29/GRSG/88, il-paragrafu 46 dwar il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.


ANNESS 1

Komunikazzjoni

(format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image 3

 (1)

maħruġa minn:

Isem tal-amministrazzjoni:

…

…

…


dwar (2):

Approvazzjoni mogħtija

 

Approvazzjoni estiża

 

Approvazzjoni rrifjutata

 

Approvazzjoni rtirata

 

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-kamp ta’ viżjoni ta’ quddiem tas-sewwieq skont ir-Regolament Nru 125

Nru tal-approvazzjoni… Nru tal-estensjoni…

1.

Marka kummerċjali:…

2.

Tip u isem/ismijiet kummerċjali:…

3.

Isem u indirizz tal-manifattur:…

4.

Jekk applikabbli, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur:…

…

5.

Deskrizzjoni qasira tal-vettura:…

6.

Data li tippermetti l-identifikazzjoni tal-punt ta’ referenza “R” tal-pożizzjoni bilqiegħda ppjanata għas-sewwieq f’relazzjoni għall-marki referenzjarji primarji:…

7.

Identifikazzjoni, il-post u l-pożizzjonijiet relattivi tal-marki referenzjarji primarji…

8.

Data li fiha l-vettura tressqet għall-approvazzjoni:…

9.

Servizz Tekniku li jwettaq it-testijiet tal-approvazzjoni:…

10.

Data tar-rapport maħruġ minn dak is-Servizz:…

11.

Numru tar-rapport maħruġ minn dak is-Servizz:…

12.

Approvazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ viżjoni tas-sewwieq hija mogħtija/rifjutata:2:

13.

Post:…

14.

Data:…

15.

Firma:…

16.

Id-dokumenti li ġejjin bin-numru tal-approvazzjoni indikat hawn fuq huma mehmuża ma’ din il-komunikazzjoni:

… tpinġijiet dimensjonali

… dijagramma kompożittiva jew ritratt tal-kompartiment tal-passiġġieri

17.

Rimarki:…


(1)  In-numru li jiddistingwi l-pajjiż li jkun ta/irrifjuta/irtira approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet ta’ approvazzjoni fir-Regolament).

(2)  Ħassar dak li ma japplikax.


ANNESS 2

Tqassim tal-marki tal-approvazzjoni

(ara l-paragrafi 4.4. sa 4.4.2. ta’ dan ir-Regolament)

Image 4

a = 8 mm, minimu

Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq imwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ta’ vettura kkonċernata ġiet approvata fil-Belġju (E 6) fir-rigward tal-kamp ta’ viżjoni ta’ quddiem tas-sewwieq tal-vettura motorizzata skont ir-Regolament tan-NU Nru 125. L-ewwel żewġ diġits tan-numru tal-approvazzjoni jindikaw li l-approvazzjoni ngħatat f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tan-NU Nru 125 kif emendat bis-serje ta’ emendi 03.”


ANNESS 3

Proċedura sabiex jiġu ddeterminati l-punt “H” u l-angolu reali tat-torso għal pożizzjonijiet bilqiegħda fil-vetturi motorizzati  (1)

Appendiċi 1 - Deskrizzjoni tal-punt “H” tridimensjonali magna (magna 3-D H)1

Appendiċi 2 - Sistema ta’ referenza tridimensjonali1

Appendiċi 3 - Data ta’ referenza li tikkonċerna pożizzjonijiet bilqiegħda1


(1)  Din il-proċedura hija spjegata fl-Addendum 6 tar-Riżoluzzjoni Reċiproka Nru 1 (M.R.1) (id-dokument ECE/TRANS/WP.29/1101/Amend.5); ara https://unece.org/transport/vehicle-regulations/wp29/resolutions.


ANNESS 4

Metodu għad-determinazzjoni tar-relazzjonijiet dimensjonali bejn il-marki referenzjarji primarji tal-vettura u l-grilja ta’ referenza tridimensjonali

1.   Ir-relazzjoni bejn il-grilja ta’ referenza u l-marki referenzjarji primarji tal-vettura

Sabiex jiġu vverifikati d-dimensjonijiet speċifiċi fuq jew ġewwa vettura mressqa għall-approvazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-relazzjoni bejn il-koordinati tal-grilja ta’ referenza tridimensjonali, iddefinita fil-paragrafu 2.3. ta’ dan ir-Regolament, li kienet stabbilita fl-istadju inizjali tad-disinn tal-vettura, u l-pożizzjonijiet tal-marki referenzjarji primarji, iddefiniti fil-paragrafu 2.4. ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti akkuratament sabiex il-punti speċifiċi fuq it-tpinġijiet tal-manifattur tal-vettura jkunu jistgħu jiġu identifikati fuq vettura reali prodotta minn dawk it-tpinġijiet.

2.   Il-metodu għall-istabbiliment tar-relazzjoni tal-grilja ta’ referenza mal-marki referenzjarji

Għal dan il-għan, għandu jinbena pjan ta’ referenza mal-art li jkun immarkat bil-kejl X-X u bil-kejl Y-Y. Il-metodu biex jinkiseb dan huwa stabbilit fil-Figura 6 tal-Appendiċi ta’ dan l-Anness, bil-pjan ta’ referenza ikun superfiċe iebsa, ċatta u livell li fuqha tinsab il-vettura, b’żewġ skali ta’ kejl ankrati tajjeb mas-superfiċje tiegħu; dawn għandhom ikunu ggradwati f’millimetri, bl-iskala X-X twila mhux inqas minn tmien metri u l-iskala Y-Y twila mhux inqas minn erba’ metri. Iż-żewġ skali ta’ kejl għandhom jitqiegħdu f’angolu rett ma’ xulxin kif jintwera fil-Figura 6 tal-Appendiċi ta’ dan l-Anness. L-intersezzjoni ta’ dawn l-iskali ta’ kejl hija l-punt żero.

3.   L-eżami tal-pjan ta’ referenza

Sabiex jitħalla lok għal varjazzjonijiet minuri fil-livell tal-pjan ta’ referenza jew fiż-żona tat-test, ikun meħtieġ li jitkejlu d-devjazzjonijiet mill-punt żero tul kemm l-iskala X kif ukoll l-iskala Y f’intervalli ta’ 250 mm u li jiġu rreġistrati l-valuri miksuba sabiex ikunu jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet waqt l-iċċekkjar tal-vettura.

4.   L-attitudni tat-test effettiva

Sabiex jitħalla lok għal bidliet minuri fl-għoli tas-sospensjoni, eċċ., ikun meħtieġ mezz sabiex il-marki referenzjarji jinġiebu għall-pożizzjonijiet korretti tal-koordinati b’mod relattiv għall-orjentazzjoni tad-disinn qabel ma jittieħdu aktar qisien. Barra minn hekk, irid ikun possibbli li jsiru aġġustamenti minuri laterali u/jew lonġitudinali tal-pożizzjoni tal-vettura sabiex titqiegħed akkuratament f’relazzjoni mal-grilja ta’ referenza.

5.   Riżultati

Wara li l-vettura tkun tqiegħdet korrettement f’relazzjoni mal-grilja ta’ referenza u fl-orjentazzjoni tad-disinn tagħha, jista’ jiġi ddeterminat aktar malajr fejn jinsabu l-punti meħtieġa sabiex jiġu studjati r-rekwiżiti ta’ viżibilità ’l quddiem.

Il-metodi tat-test sabiex jiġu ddeteriminati dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu l-użu ta’ teodoliti, sorsi tad-dawl u apparati għad-dellijiet, jew kwalunkwe metodu ieħor, li jista’ jintwera li jagħti riżultati ekwivalenti.


Anness 4 – Appendiċi

Figura 1

Determinazzjoni tal-punti V

Image 5

(1)

Linja mal-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura.

(2)

Linja mal-pjan vertikali li jgħaddi minn R.

(3)

Linja mal-pjan vertikali li jgħaddi minn V1 u V2.

Figura 2

Punti ta’ osservazzjoni tal-pilastri “A”

Image 6

Figura 3

Angoli ta’ ostakolu

Image 7

Figura 4

Evalwazzjoni tal-ostakoli fil-kamp ta’ viżjoni diretta tas-sewwieq 180° ’il quddiem tas-sewwieq

Image 8

Figura 5

Dijagramma dimensjonali li turi l-pożizzjonijiet relattivi tal-punti E u tal-punti P

Image 9

Figura 6

Post ta’ ħidma livell

Image 10

Figura 7

Definizzjoni taż-żona “S”

(paragrafu 5.1.3.2. ta’ dan ir-Regolament)

Image 11

Image 12


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/891/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)