Brussell, 8.10.2024

COM(2024) 442 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ir-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ir-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma)

1. INTRODUZZJONI

Ir-Regolament 2020/741 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma 1 (ir-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma) jistabbilixxi rekwiżiti minimi armonizzati tal-kwalità tal-ilma għall-użu mill-ġdid sikur tal-ilma urban mormi ttrattat għat-tisqija agrikola. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti minimi ta’ monitoraġġ, dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju, rekwiżiti għall-għoti ta’ permessi u dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza, li jiddikjaraw li l-informazzjoni ewlenija dwar il-proġetti tal-użu mill-ġdid tal-ilma trid tkun disponibbli għall-pubbliku.

Skont ir-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, il-produzzjoni u l-provvista tal-ilma reklamat huma soġġetti għal permess. Il-permessi jridu jkunu bbażati fuq pjan ta’ ġestjoni tar-riskju bir-reqqa li jkopri l-elementi ewlenin kollha stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament. Wara analiżi bbażata fuq l-elementi ewlenin tal-Anness II, pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għandu jidentifika kwalunkwe rekwiżit addizzjonali tal-kwalità tal-ilma meħtieġ biex tiġi żgurata l-protezzjoni suffiċjenti tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent.

Filwaqt li jirrikonoxxi li l-ġestjoni tar-riskju hija ċentrali biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-użu mill-ġdid tal-ilma, ir-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda r-Regolament u tadatta l-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II għall-progress tekniku u xjentifiku. Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament bi speċifikazzjonijiet tekniċi għal dawn l-istess elementi ewlenin.

Ir-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma jeħtieġ li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar kif użat din id-delega tas-setgħa. Dan ir-rapport jiffoka fuq ir-Regolament Delegat (UE) 2024/1765 li jissupplimenta r-Regolament 2020/741 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju 2 .

2. BAŻI ĠURIDIKA

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, id-delega tas-setgħat tingħata lill-Kummissjoni għal 5 snin li jibdew mill-25 ta’ Ġunju 2020. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport dwar kif użat din id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin, jiġifieri mhux aktar tard mill-24 ta’ Settembru 2024.

Id-delega tas-setgħa tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni f’konformità mal-Artikolu 13(2).

3. EŻERĊITAR TAD-DELEGA

Skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jemendaw ir-Regolament sabiex tadatta l-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament għall-progress tekniku u xjentifiku. Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, ma feġġewx żviluppi xjentifiċi jew tekniċi li jirrikjedu l-aġġornament tal-Anness II. Għalhekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa delegata tagħha li temenda r-Regolament matul il-perjodu ta’ 5 snin mill-25 ta’ Ġunju 2020.

Skont l-istess Artikolu, fit-tieni subparagrafu tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati li jissupplimentaw ir-Regolament sabiex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II. Il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2024/1765 tal-11 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju 3 . Il-Kummissjoni eżerċitat din is-setgħa minħabba l-ħtieġa li tiżgura li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jkunu robusti, ta’ kwalità għolja, u bbażati fuq approċċ sistematiku, b’mod partikolari fi żminijiet li jitolbu reżiljenza akbar tal-ilma.

3.1 Ir-Regolament Delegat 2024/1765 li jissupplimenta r-Regolament 2020/741

Il-ġestjoni tar-riskju hija ċentrali għas-sikurezza tal-użu mill-ġdid tal-ilma, u tirrikjedi l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji b’mod proattiv. Dan il-proċess jista’ jkun kumpless u jeħtieġ approċċ multidixxiplinari li jinvolvi diversi korpi. Għal din ir-raġuni, tfasslu speċifikazzjonijiet tekniċi biex jiġi żgurat li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jkunu ta’ kwalità xierqa u konformi mal-linji gwida u l-istandards internazzjonali, bħal dawk prodotti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

Ir-Regolament Delegat tfassal abbażi ta’ studji tekniċi robusti, u bl-involviment ta’ esperti tekniċi li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-kumpaniji tat-trattament tal-ilma u lil partijiet ikkonċernati oħra, li jaħdmu flimkien fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma 4 .

Ir-Regolament Delegat bena fuq il-ħidma mwettqa biex jitfasslu linji gwida tal-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/741 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma 5 .

Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ilma u l-Għargħar 6 kien involut ukoll mill-qrib fid-diskussjonijiet u ngħata l-opportunità li jikkummenta dwar l-abbozz ta’ Regolament Delegat. Saru laqgħat preparatorji bejn is-17 u t-18 ta’ Novembru 2022, bejn it-13 u l-14 ta’ Marzu 2023 (Grupp ta’ Ħidma dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma) u fis-16 ta’ Ottubru 2023 (Grupp ta’ Esperti). L-att delegat ġie adottat fil-11 ta’ Marzu 2024 u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn kif previst fl-Artikolu 13(6) tar-Regolament tal-UE dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma.

Ebda waħda miż-żewġ istituzzjonijiet ma tat bidu għal estensjoni tax-xahrejn b’xahrejn addizzjonali skont l-istess dispożizzjoni.

Għalhekk, ir-Regolament Delegat ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2024.

4. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni eżerċitat kif xieraq is-setgħat delegati tagħha.

Għalkemm għadha ma eżerċitatx is-setgħat delegati tagħha li temenda l-Anness II tar-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, jista’ jkun li jkollha bżonn tagħmel dan fil-futur biex tqis il-progress teknoloġiku u xjentifiku ulterjuri f’dan il-qasam.

Għalhekk, il-Kummissjoni għadha tqis li s-setgħat delegati mogħtija lilha skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma huma meħtieġa.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/741/oj ).

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1765 tal-11 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, (ĠU L, 2024/1765, 20.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1765/oj ).

(3)

 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1765 tal-11 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, (ĠU L, 2024/1765, 20.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1765/oj ).

(4)

Grupp ta’ ħidma stabbilit fil-qafas tal-istrateġija ta’ implimentazzjoni komuni għall-politika tal-UE dwar l-ilma: https://circabc.europa.eu/ui/group/9ab5926d-bed4-4322-9aa7-9964bbe8312d/library/dd9b4484-2935-4ee8-b3ce-72f844f3644c .

(5)

Avviż tal-Kummissjoni - Linji gwida għall-appoġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament 2020/741 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma 2022/C 298/01, C/2022/5489, (ĠU C 298, 5.8.2022, p. 1-55).

(6)

Ippubblikat fir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u ta’ Entitajiet Simili Oħrajn, in-numru tal-kodiċi E03687.