|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2405 |
28.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2405
tat-28 ta’ Novembru 2024
dwar id-deċiżjoni tat-taxxa SA.38944 (2014/C) (ex 2014/NN) — il-Lussemburgu, allegata għajnuna lil Amazon
(notifikata bid-dokument C(2024) 8565)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem “il-Lussemburgu”) rigward il-prattika tiegħu ta’ deċiżjoni tat-taxxa fir-rigward tal-grupp ta’ kumpaniji Amazon (iktar ’il quddiem “Amazon” jew il-“grupp Amazon”). |
|
(2) |
F’dik l-ittra, il-Kummissjoni talbet id-deċiżjonijiet tat-taxxa kollha indirizzati lill-grupp Amazon li kienu għadhom fis-seħħ. Permezz ta’ email tat-18 ta’ Lulju 2014, il-Lussemburgu talab estensjoni tal-iskadenza sabiex iwieġeb għall-ittra tal-Kummissjoni, li ngħatat. |
|
(3) |
Fl-4 ta’ Awwissu 2014, il-Lussemburgu wieġeb għat-talba tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2014. Huwa hemeż mar-risposta tiegħu, fost l-oħrajn, ittra datata s-6 ta’ Novembru 2003 (“deċiżjoni tat-taxxa kkontestata” jew “Amazon APA”) indirizzata lil Amazon.com, Inc. mill-Administration des contributions directes (“l-Amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu”). |
|
(4) |
Fis-7 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata minħabba li kellha dubji serji dwar il-kumpatibbiltà ta’ dik il-miżura mas-suq intern (id-“Deċiżjoni tal-Ftuħ”) (2). F’dik id-deċiżjoni, il-Lussemburgu ntalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata (3). |
|
(5) |
Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2014, il-Lussemburgu bagħat il-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Dik is-sottomissjoni kienet tinkludi, fost l-oħrajn, rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti (“ir-Rapport dwar it-TP”, transfer pricing). |
|
(6) |
Fis-6 ta’ Frar 2015, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-partijiet interessati ġew mistednin iressqu l-kummenti tagħhom dwar dik id-deċiżjoni. |
|
(7) |
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba addizzjonali għall-informazzjoni lil-Lussemburgu. |
|
(8) |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2015, Amazon ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Ġew sottomessi wkoll kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ minn partijiet terzi. |
|
(9) |
Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2015, il-Lussemburgu wieġeb parzjalment għat-talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2015. |
|
(10) |
Fid-19 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tal-partijiet terzi dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ lil-Lussemburgu. |
|
(11) |
Fis-26 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni infurmat lil-Lussemburgu li, f’konformità mal-Artikolu 6(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (5), kienet identifikat li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata kienet ineffettiva. Fuq dik il-bażi, u bl-awtorizzazzjoni tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6(a)(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, bagħtet talba għall-informazzjoni lil Amazon fis-26 ta’ Marzu 2015 (it-“talba MIT”). |
|
(12) |
Fl-4 ta’ Mejju 2015, Amazon wieġbet parzjalment għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2015. |
|
(13) |
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2015, il-Lussemburgu ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kummenti tal-partijiet terzi dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. |
|
(14) |
Permezz ta’ ittri tal-24 u l-31 ta’ Lulju 2015, Amazon ipprovdiet risposta parzjali għat-talba tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2015. |
|
(15) |
Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 2015, Amazon wieġbet parzjalment għat-talba tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 2015, li biha l-Kummissjoni fakkret lil Amazon tipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba, b’mod partikolari l-informazzjoni sħiħa dwar il-ftehimiet dwar il-proprjetà intellettwali (“PI”) u deċiżjoni ġdida mogħtija lil Amazon fl-2014. |
|
(16) |
Bejn it-30 ta’ Settembru 2015 u t-12 ta’ Settembru 2017, saru aktar skambji ta’ ittri u laqgħat bejn il-Kummissjoni, il-Lussemburgu u l-Amazon (għal aktar dettalji, issir referenza għall-premessi 27 sa 89 tad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ). |
|
(17) |
Fl-4 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni għalqet l-investigazzjoni formali billi adottat deċiżjoni finali (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/859 (6)) li sabet li d-deċiżjoni dwar it-taxxa ta’ Amazon kienet tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (id-“Deċiżjoni tal-Għeluq”). Ġie ddetermnat li dik l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern u li ġiet implimentata illegalment mil-Lussemburgu bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-Lussemburgu ġie ordnat jirkupra l-ammont ta’ għajnuna inkompatibbli u illegali miksuba minn Amazon. |
|
(18) |
Fit-12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni (UE) 2018/859 (7). |
|
(19) |
Fit-22 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ressqet appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2021. |
|
(20) |
Fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni u b’hekk ikkonfermat l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Għeluq (“is-sentenza Amazon”) (8). Bħas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-12 ta’ Mejju 2021, dik is-sentenza ma affettwatx id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Għalhekk, l-investigazzjoni formali tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata deskritta fil-premessa 42 għadha miftuħa u jeħtieġ li tingħalaq. |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
2.1. Il-grupp Amazon
|
(21) |
Skont l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni formali, il-grupp Amazon jikkonsisti minn Amazon.com, Inc. u l-kumpaniji kollha li huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn Amazon.com, Inc. (li flimkien huma magħrufin bħala “Amazon” jew il-“grupp Amazon”). Il-kwartieri ta’ Amazon jinsabu f’Seattle, Washington, fl-Istati Uniti tal-Amerka. |
|
(22) |
Amazon topera negozji tal-bejgħ bl-imnut u ta’ servizzi. Amazon tiġġenera wkoll dħul permezz ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u promozzjonali oħrajn, bħar-riklamar online u ftehimiet dwar karti ta’ kreditu b’marka konġunta. Finalment, Amazon timmanifattura u tbigħ prodotti ta’ hardware, bħat-tagħmir Amazon Kindle, Amazon Fire u Amazon Echo. |
|
(23) |
Amazon topera 13-il sit web globali, li jinkludu www.amazon.com u 6 siti web Ewropej: www.amazon.de, www.amazon.co.uk, www.amazon.fr, www.amazon.it, www.amazon.es u www.amazon.nl (“is-siti web tal-UE”). L-operat ta’ Amazon huwa organizzat fi tliet segmenti: l-Amerka ta’ Fuq, Internazzjonali u Servizzi tal-Web ta’ Amazon (Amazon Web Services, “AMS”). |
|
(24) |
Fl-2016, Amazon iġġenerat bejgħ nett madwar id-dinja ta’ madwar USD 136 biljun u introjtu nett ta’ USD 2,37 biljun. Globalment, 91 % tad-dħul ta’ Amazon jiġi min-negozju tal-imnut tagħha. Fir-rigward tal-bejgħ nett, 59 % jiġi mis-segment tal-Amerika ta’ Fuq, 32 % mis-segment Internazzjonali u 9 % mis-segment AWS. Fl-2016, Amazon kellha 314 400 impjegat fuq bażi full-time u part-time. |
2.2. L-operat ta’ Amazon fl-Ewropa
|
(25) |
Żewġ entitajiet tal-grupp Lussemburgiż huma ta’ rilevanza partikolari għall-finijiet tal-investigazzjoni fir-rigward tas-snin finanzjarji li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2014 (“il-perjodu rilevanti”):
|
2.3. Il-Ftehim dwar il-Liċenzja
|
(26) |
B’effett mit-30 ta’ April 2006, LuxOpCo daħlet fi ftehim dwar il-liċenzja (il-“Ftehim dwar il-Liċenzja”) ma’ LuxSCS. Skont dan il-ftehim, LuxOpCo irrevokabbilment kisbet id-dritt esklużiv li tiżviluppa, ittejjeb u tisfrutta l-assi intanġibbli għall-finijiet tal-operat tas-siti web tal-UE u kwalunkwe għan ieħor fi ħdan it-territorju ġeografiku tal-pajjiż Ewropew għall-pagament ta’ royalties (it-“Tariffa tal-Liċenzja”). Kwalunkwe proprjetà intellettwali maħluqa minn jew żviluppata aktar minn LuxOpCo abbażi ta’ jew b’riżultat ta’ aċċess għall-assi intanġibbli kienet assenjata lil LuxSCS. LuxOpCo kienet meħtieġa taġixxi fuq l-inizjattiva u bir-riskju tagħha stess sabiex tipproteġi u żżomm l-assi intanġibbli. Il-Ftehim dwar il-Liċenzja rrefera wkoll għal servizzi korporattivi li għandhom jiġu provduti minn LuxOpCo għall-benefiċċju ta’ LuxSCS mingħajr l-ebda ħlas separat lil LuxOpCo. LuxOpCo qablet ukoll li tieħu r-riskji kollha assoċjati mal-attivitajiet kollha li kellhom jitwettqu minnha skont il-Ftehim dwar il-Liċenzja. Jekk LuxOpCo akkwistat kwalunkwe proprjetà intellettwali għall-istess finijiet bħall-assi intanġibbli mingħand partijiet terzi, LuxOpCo kienet obbligata tilliċenzja din il-proprjetà intellettwali lil LuxSCS fuq bażi ħielsa minn royalties. |
|
(27) |
Il-Ftehim dwar il-Liċenzja kellu jidħol fis-seħħ għal tul il-ħajja tal-assi intanġibbli liċenzjati kollha, u seta’ jiġi tterminat biss f’każ ta’ bidla fil-kontroll jew gravami sostanzjali jew f’każ li waħda mill-partijiet tonqos milli tagħmel tajjeb f’każ ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni skont dak il-ftehim. Għaldaqstant, LuxSCS ma kellhiex il-possibbiltà li tittermina b’mod unilaterali l-Ftehim dwar il-Liċenzja. Il-Ftehim dwar il-Liċenzja kien emendat f’Jannar 2010, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009. Dik l-emenda kkonċernat id-definizzjoni ta’ “Profitt Operatorju fl-UE” użata għall-finijiet tal-kalkolu tat-Tariffa tal-Liċenzja. |
2.4. Id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata
|
(28) |
Il-miżura li qiegħda tiġi vvalutata f’din id-deċiżjoni hija l-ittra tas-6 ta’ Novembru 2003 (9) tal-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiża lil Amazon, li tapprova l-arranġament tal-ipprezzar tat-trasferimenti deskritt fl-ittra tat-23 ta’ Ottubru 2003 minn Amazon lil dawk l-awtoritajiet u l-istruttura tal-grupp Amazon deskritt fl-ittri tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2003 u l-31 ta’ Ottubru 2003 (10). |
|
(29) |
Fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Ottubru 2003 lill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu (“l-ittra ta’ Amazon tal-31 ta’ Ottubru 2003”), Amazon fittxet konferma tat-trattament tat-taxxa ta’ LuxSCS, is-soċji tagħha bbażati fl-Istati Uniti u d-dividendi li rċeviet LuxOpCo skont l-istruttura ġdida prevista. L-ittra tispjega li LuxSCS, bħala Société en Commandite Simple, ma hijiex meqjusa li għandha personalità tat-taxxa separata minn dik tas-soċji tagħha u, konsegwentement, la hi suġġetta għat-taxxa korporattiva u lanqas għat-taxxa fuq il-ġid nett fil-Lussemburgu. Minkejja t-trasparenza tat-taxxa ta’ LuxSCS, LuxSCS jew is-soċji tagħha bbażati fl-Istati Uniti xorta setgħu jiġu ntaxxati fil-Lussemburgu jekk l-attivitajiet tagħhom kienu meqjusin li qed jitwettqu permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Lussemburgu. L-ittra għalhekk tkompli tispjega li la LuxSCS u lanqas is-soċji tagħha ma setgħu jiġu kkunsidrati li għandhom preżenza tanġibbli fil-Lussemburgu (uffiċċji, impjegati, eċċ.) u għalhekk, fin-nuqqas ta’ post fiss għan-negozju, LuxSCS ma kinitx titqies li għandha personalità separata mis-soċji tagħha jew li twettaq attività kummerċjali fil-Lussemburgu. Is-soċji tagħha lanqas setgħu jitqiesu li kellhom stabbiliment permanenti fil-Lussemburgu. |
|
(30) |
Fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2003 lill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu (“l-ittra ta’ Amazon tat-23 ta’ Ottubru 2003”), Amazon talbet deċiżjoni tat-taxxa li tikkonferma t-trattament ta’ LuxOpCo għall-finijiet tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu fil-Lussemburgu. Dik l-ittra tispjega l-istruttura tan-negozju prevista ta’ Amazon fl-Ewropa u titlob konferma li l-arranġament tal-ipprezzar tat-trasferiment għall-Ftehim dwar il-Liċenzja deskritt fih jirriżulta fi “profitt xieraq u aċċettabbli” għal LuxOpCo “fir-rigward tal-politika tal-ipprezzar tat-trasferiment u l-Artikoli 56 u 164(3) tal-LITL”. Dik l-ittra tirreferi għal “analiżi ekonomika” mehmuża magħha, li tistabbilixxi l-“funzjonijiet u r-riskji li kien previst li LuxOpCo kellha tieħu, kif ukoll in-natura u l-firxa tal-assi intanġibbli li huma antiċipati li jkunu soġġetti għal-Liċenzja tal-assi intanġibbli”. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ġie propost arranġament ta’ prezzar tat-trasferiment li permezz tiegħu ġie stabbilit il-livell ta’ royalties annwali li LuxOpCo tkun meħtieġa tħallas lil LuxSCS għall-użu tal-assi intanġibbli. |
|
(31) |
Din id-deċiżjoni tivvaluta jekk l-arranġament dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti approvat fid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata jinkludix vantaġġ selettiv li jammonta għal għajnuna mill-Istat. |
3. DESKRIZZJONI TAL-QAFAS ĠURIDIKU APPLIKABBLI
3.1. Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
|
(32) |
Ir-regoli ordinarji tat-tassazzjoni korporattiva tal-Lussemburgu jinsabu fil-Kodiċi tat-Taxxa Korporattiva tal-Lussemburgu (loi modifiée du 4.12.1967 concernant l’impôt sur le revenue, il-“LIR”). |
|
(33) |
L-Artikolu 18(1) tal-LIR jipprovdi l-metodu sabiex jiġi stabbilit il-profitt annwali ta’ kontribwent tat-taxxa korporattiv: “Il-profitt jiġi ddeterminat bħala d-differenza bejn l-assi netti fi tmiem il-perjodu tar-rappurtar u l-assi netti fil-bidu tal-perjodu tar-rappurtar, miżjud bil-ġbid ta’ flus kontanti għan-negozju jew assi oħrajn mill-kontribwent tat-taxxa għall-użu personali tiegħu jew kwalunkwe użu ieħor li ma jkunx maħsub fl-interess tal-kumpanija u mnaqqas b’kontribuzzjonijiet addizzjonali mwettqin fil-perjodu tar-rappurtar.”. |
|
(34) |
L-Artikolu 159 tal-LIR jipprevedi li l-kumpaniji kontribwenti residenti huma soġġetti għat-taxxa fuq il-qligħ kollu tagħhom. L-Artikolu 160 tal-LIR jistipula li kumpaniji mhux residenti jiġu soġġetti għat-taxxa fuq l-introjtu ta’ sors tagħhom, li huwa ddefinit fl-Artikolu 156 tal-LIR. Mill-2011, il-kumpaniji kollha soġġetti għat-taxxa fil-Lussemburgu qed jiġu intaxxati fuq il-qligħ taxxabbli bir-rata standard tat-taxxa ta’ 28,80 %. |
|
(35) |
L-Artikolu 164(3) LIR jistabbilixxi: “Id-dħul taxxabbli jinkludi distribuzzjonijiet ta’ profitt moħbi. Distribuzzjoni ta’ profitt moħbi tirriżulta b’mod partikolari meta azzjonist jew parti interessata tirċievi b’mod indirett jew dirett benefiċċji mingħand kumpanija jew assoċjazzjoni li normalment kieku ma tirċevix li kieku ma kinitx azzjonist jew parti interessata.” (11) Fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, il-Kummissjoni qieset – ara b’mod partikolari l-premessa 59 – li l-Artikolu 164 tal-LIR kien jikkostitwixxi l-bażi leġiżlattiva fil-Lussemburgu għall-prezzijiet ta’ trasferiment u b’hekk implimenta l-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD, li stabbilixxa l-prinċipju ta’ distakkament, skont liema l-prezzijiet fit-tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-prezzijiet tas-suq (ara l-premessa 40 ta’ din id-deċiżjoni). |
|
(36) |
Mill-1 ta’ Jannar 2017, artikolu ġdid 56bis tal-LIR ifformalizza b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament skont il-liġi tat-taxxa tal-Lussemburgu. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Amazon: “Huwa biss mill-1 ta’ Jannar 2017, jiġifieri wara l-adozzjoni u l-estensjoni tad-deċiżjoni dwar it-taxxa inkwistjoni, li artikolu ġdid tal-Liġi dwar it-taxxa fuq l-introjtu fformalizza b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-distakkament skont il-liġi dwar it-taxxa tal-Lussemburgu”. |
3.2. Gwida dwar l-ipprezzar tat-trasferiment
|
(37) |
Din id-deċiżjoni tikkonċerna deċiżjoni tat-taxxa li tivvalida arranġament ta’ pprezzar tat-trasferiment, imsejħa wkoll arranġament ta’ pprezzar bil-quddiem (“APA”, advance pricing arrangement). L-APAs huma arranġamenti li jiddeterminaw, qabel it-tranżazzjonijiet intragrupp, sett xieraq ta’ kriterji għad-determinazzjoni tal-ipprezzar tat-trasferimenti għal dawk it-tranżazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien fiss, għal finijiet ta’ taxxa. |
|
(38) |
F’dan il-kuntest, l-ipprezzar tat-trasferimenti jirreferi għall-prezzijiet mitluba għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn diversi partijiet tal-istess grupp korporattiv, b’mod partikolari l-prezzijiet stabbiliti għal oġġetti mibjugħa jew servizzi pprovduti minn sussidjarja waħda ta’ grupp korporattiv lil sussidjarja oħra ta’ dak l-istess grupp. L-ipprezzar tat-trasferimenti għalhekk jikkonċerna l-allokazzjoni tal-profitt bejn partijiet differenti tal-istess grupp korporattiv. |
|
(39) |
Il-korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu taxxi f’ġuriżdizzjonijiet li għandhom rati tat-taxxa differenti. Il-profitt ta’ wara t-taxxa rreġistrat fil-livell tal-grupp korporattiv huwa s-somma tal-profitti ta’ wara t-taxxa f’kull pajjiż li fih huwa soġġett għat-tassazzjoni. Għalhekk, aktar milli jimmassimizzaw il-profitt iddikjarat f’kull pajjiż, il-korporazzjonijiet multinazzjonali għandhom inċentiv finanzjarju meta jallokaw il-profitt lill-kumpaniji differenti tal-grupp korporattiv biex jallokaw kemm jista’ jkun profitt lil ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa u bl-inqas profitt possibbli għal ġuriżdizzjonijiet b’taxxa għolja. |
|
(40) |
Sabiex tinkiseb tassazzjoni ġusta, ġie stabbilit standard miftiehem internazzjonalment għall-iffissar tal-prezzijiet tat-trasferiment. Għalhekk, l-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD jistabbilixxi l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ distakkament li skontu l-prezzijiet fit-tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-prezzijiet tas-suq. Il-prinċipju ta’ distakkament huwa spjegat f’aktar dettall fil-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti (12)(il-“Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP”). |
4. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(41) |
Fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata mas-suq intern. Partikolarment, rigward jekk l-arranġament tal-ipprezzar tat-trasferiment appoġġat mid-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata rriżultax f’pagament ta’ royalties b’distakkament lil LuxSCS u remunerazzjoni b’distakkament għal LuxOpCo. |
|
(42) |
Fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni nnotat li bid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi approvaw l-arranġamenti tal-ipprezzar tat-trasferimenti proposti minn Amazon fit-talba għal deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 164 LIR li – skont il-Kummissjoni – implimenta l-Artikolu 9 tal-mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD u stabbilixxa l-prinċipju ta’ distakkament fil-liġi tal-Lussemburgu. Fuq il-bażi ta’ dak il-prinċipju, sabiex tranżazzjoni ma twassalx għall-evitar tat-taxxa, il-prezz tat-trasferiment irid ikun komparabbli ma’ dak li kien jintlaħaq bejn operaturi indipendenti fuq il-bażi tal-metodu tradizzjonali, li skont dan il-profitt taxxabbli ġie kkalkolat fuq il-bażi tad-differenza bejn l-introjtu u l-imposti tal-kumpanija. Kwalunkwe riżultat li ddevja minn dak l-eżitu u naqqas il-bażi tat-taxxa kellu l-effett li jipprovdi vantaġġ lill-kontribwent ikkonċernat. |
|
(43) |
Għalhekk, fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qieset li approvazzjoni ta’ arranġament dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti li ma kinitx tirrifletti eżitu tas-suq u li ffavorixxiet impriża partikolari trid titqies bħala prima facie selettiva. Dak it-trattament selettiv ikun ġej minn devjazzjoni jew applikazzjoni ħażina tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta, kif stabbilit fil-Mudell tal-Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD u fil-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP u inkorporat fil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 164 tal-LIR. |
|
(44) |
Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni qajmet id-dubji li ġejjin fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha, li huma esklużivament relatati mal-legalità tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata fid-dawl tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta kif stabbilit fil-mudell ta’ Konvenzjoni tat-taxxa tal-OECD u fil-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP, u kif inkorporati fil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 164 tal-LIR. |
|
(45) |
L-ewwel, il-Kummissjoni nnotat li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata dehret li ngħatat fin-nuqqas ta’ rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti li jappoġġa n-natura distakkata tal-arranġament skont il-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP. Hija osservat ukoll li d-deċiżjoni kienet ingħatat fi żmien 11-il ġurnata ta’ xogħol mill-wasla tat-talba. |
|
(46) |
It-tieni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-arranġament tal-ipprezzar tat-trasferiment appoġġat fid-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata ma jidhirx li kien ibbażat fuq il-metodi tal-ipprezzar tat-trasfiment aċċettati ġeneralment u stipulati fil-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP. |
|
(47) |
It-tielet, il-Kummissjoni stabbiliet li, għall-kuntrarju għar-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-paragrafu 6.16 tal-Linji gwida tal-OECD dwar it-TP tal-1995 u l-2010, il-ħlas tar-royalties approvat mid-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata ma kienx relatat mal-output, il-bejgħ jew il-profitt. Minflok, ir-royalty kien ikkalkolat bħala l-profitt residwu mit-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ LuxOpCo, li kien iddeterminat bit-tnaqqis ta’ qligħ ta’ rutina attribwibbli għall-funzjonijiet ta’ LuxOpCo mill-qligħ li fil-fatt irreġistrat LuxOpCo. |
|
(48) |
Ir-raba’, skont il-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP, il-Kummissjoni staqsiet jekk kienx korrett li jiġi kkunsidrat li LuxOpCo kienet twettaq funzjonijiet inqas kumplessi meta mqabbla ma’ LuxSCS. Abbażi ta’ deskrizzjoni tal-funzjonijiet imwettqin minn LuxOpCO u r-riskji meħudin minnha, dawk il-funzjonijiet u r-riskji dehru li huma aktar kumplessi minn dawk imwettqin minn LuxSCS. Il-funzjonijiet speċifiċi relatati mal-assi intanġibbli, li għalihom LuxSCS allegatament ġiet rimunerata, ma kinux deskritti fit-talba għal deċiżjoni, u lanqas mill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu fid-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata. Barra minn hekk, għalkemm, skont it-talba għal deċiżjoni, LuxSCS kellha żżomm ir-riskji kollha assoċjati mas-sjieda ta’ dik il-PI, dawk ir-riskji li għandhom jiġu assunti minn LuxSCS filwaqt li kellha l-assi intanġibbli ma ġewx speċifikati, b’mod partikolari meta mqabbla mar-riskji intraprenditorjali assunti minn LuxOpCo. |
|
(49) |
Il-ħames, il-Kummissjoni qieset li żieda ta’ [4–6] % fuq l-ispejjeż operatorji fl-applikazzjoni tal-Metodu Tranżnazzjonali tal-Marġni Nett (“TNMM”, Transactional Net Margin Method) skont il-Linji Gwida dwar it-TP tal-OECD, li ġiet approvata mid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata għall-funzjonijiet imwettqa minn LuxOpCo, kienet relattivament baxxa. B’mod partikolari, għandu jitqies notevolment li l-funzjonijiet ta’ LuxOpCo ġew ippreżentati bħala t-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali ċentrali u strateġiċi, li jikkonċentraw ir-riskju tan-negozju tas-suq Ewropew kollu. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ livell minimu u massimu sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni b’distakkament ta’ LuxOpCo, li effettivament kienet prevalenti fuq l-arranġament tal-ipprezzar tat-trasferiment ibbażat fuq l-ispejjeż operatorji, ma ġietx spjegata. Finalment, il-Kummissjoni staqsiet jekk l-għażla ta’ metodu tal-ipprezzar tat-trasferiment indirett biex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo kinitx iġġustifikata minħabba li l-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP stabbilew preferenza għall-użu ta’ metodi diretti għall-istabbiliment ta’ livell xieraq ta’ profitti taxxabbli. |
|
(50) |
Is-sitt nett, il-Kummissjoni osservat li filwaqt li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata ngħatat fl-2003, jidher li kien għadha fis-seħħ fl-2014. Il-Kummissjoni nnotat li tali durata kienet ferm itwal mit-tul tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa konklużi fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk kienx korrett li r-remunerazzjoni li ġiet aċċettata fid-deċiżjoni titqies bħala distakkata aktar minn 10 snin wara mingħajr l-ebda rieżami jew obbligu li tiġi nnotifikata l-amministrazzjoni, jekk xi ċirkostanzi kritiċi nbidlu sadanittant. |
|
(51) |
Fid-dawl ta’ din il-kritika, fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni provviżorja li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata kkonferiet vantaġġ selettiv fuq Amazon b’riżultat ta’ ħlas ta’ royalty għal LuxSCS u remunerazzjoni għal LuxOpCO li ddevjat minn eżitu distakkat. Billi l-kondizzjonijiet l-oħrajn kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jidher li ġew issodisfati u ma kien hemm l-ebda bażi ta’ kompatibbiltà apparenti skont l-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni provviżorja li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata kkostitwiet għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. |
5. KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET LUSSEMBURGIŻI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
5.1. Dwar l-allegati żbalji legali fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ
|
(52) |
Il-Lussemburgu kkunsidra li d-Deċiżjoni ta’ Ftuħ kienet ivvizzjata minn numru ta’ żbalji legali. |
|
(53) |
L-ewwel, il-Lussemburgu kkunsidra li dik id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi interferenza mas-setgħat sovrani tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. B’mod partikolari, hu kkunsidra li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi żviluppat u imponiet l-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipju ta’ distakkament. |
|
(54) |
Il-Lussemburgu ġibed l-attenzjoni b’mod partikolari għan-natura speċifika u l-kumplessità tal-ipprezzar tat-trasferiment. Skont il-Linji gwida tal-OECD dwar it-TP, l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jeħtieġ li jkollhom ċerta diskrezzjoni sabiex ikunu jistgħu jinterpretaw ir-regoli tat-taxxa fil-kuntest ta’ każ individwali u jiddeċiedu jekk il-metodoloġija tal-ipprezzar tat-trasferiment użata tirriżultax fi prezz tat-trasferiment aċċettabbli. Il-Lussemburgu argumenta li kien irċieva konferma li l-prattika tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tiegħu kienet xierqa u tikkonforma mal-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tan-Negozju u mal-Linji gwida tal-OECD dwar it-TP. |
|
(55) |
It-tieni, il-Lussemburgu argumenta li l-preċedenti li ddependiet fuqhom il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ kienu differenti mid-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata minħabba li kienu jikkonċernaw skemi li kienu jinkludu elementi li jwasslu għal vantaġġ irrispettivament miċ-ċirkostanzi individwali tal-kontribwenti tat-taxxa. |
|
(56) |
It-tielet, il-Lussemburgu allega li d-Deċiżjoni ta’ Ftuħ hija nieqsa minn analiżi ta’ selettività u, b’mod aktar speċifiku, ma tidentifikax is-sistema tat-taxxa ta’ referenza jew il-grupp ta’ kontribwenti tat-taxxa ta’ referenza li fir-rigward tagħhom it-trattament tat-taxxa ta’ Amazon għandu jitqabbel. Konsegwentement, l-ebda deroga mis-sistema tat-taxxa ta’ referenza ma kienet tapplika għal Amazon u ma ġie identifikat l-ebda vantaġġ. |
|
(57) |
Fir-rigward tal-qafas ta’ referenza korrett, il-Lussemburgu kkunsidra li dan kien ipprovdut mil-liġi dwar it-taxxa nazzjonali, u partikolarment l-Artikolu 164(3) u 18 tal-LIR. Il-Lussemburgu insista li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-qafas regolatorju rilevanti fis-seħħ u l-kuntest ekonomiku prevalenti fiż-żmien meta tingħata l-miżura, jiġifieri fl-2003. Il-Lussemburgu nnota li, dak iż-żmien, il-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP tal-2010 ma kinux jeżistu u l-ebda referenza ma saret fil-liġi tal-Lussemburgu għal-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP tal-1995. |
|
(58) |
Ir-raba’, il-Lussemburgu kkunsidra li l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda kategorija ta’ impriżi li setgħu bbenefikaw mill-miżura. Fir-rigward tal-grupp ta’ referenza tal-kontribwenti tat-taxxa, il-Lussemburgu kkunsidra li l-kontribwenti tat-taxxa soġġetti għar-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferiment u għall-prattika tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tiegħu biss huma f’sitwazzjoni kumparabbli fattwalment u legalment. |
5.2. Dwar id-dubji espressi fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ
|
(59) |
Il-Lussemburgu indirizza wkoll b’mod speċifiku d-dubji li esprimiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ fir-rigward tal-konformità tad-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata mal-prinċipju ta’ distakkament b’mod konformi tal-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP. |
|
(60) |
L-ewwel, il-Lussemburgu argumenta li t-tħassib tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata ngħatat fin-nuqqas tal-analiżi ekonomika meħtieġa huwa bla bażi, peress li rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti kien lest li jissostanzja l-arranġament dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti propost fit-talba għal deċiżjoni. |
|
(61) |
Il-Lussemburgu spjega li billi l-imnut online huwa attività b’marġnijiet baxxi soġġetti għal kompetizzjoni taħraq, l-istrateġija ta’ Amazon kienet li tiddistingwi ruħha permezz tal-innovazzjoni teknoloġika. Konsegwentement, l-assi intanġibbli kienu kkunsidrati bħala sors essenzjali ta’ valur fl-attivitajiet ta’ Amazon. |
|
(62) |
Il-Lussemburgu sostna li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata tapprova arranġament ta’ pprezzar tat-trasferiment ibbażat fuq l-MTMP sabiex jiġi ddeterminat il-livell tar-royalties distakkati mħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS, li jallinja mal-qafas regolatorju tal-Lussemburgu fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-miżura. It-TNMM huwa metodu ta’ prezzar tat-trasferiment li jikkorrespondi għar-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferiment u l-prattika amministrattiva tal-Lussemburgu. L-aċċettazzjoni tat-TNMM mill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu rriflettiet l-analiżi funzjonali inkluża fir-rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferiment. Għaldaqstant, LuxOpCo hija meqjusa bħala l-entità l-inqas kumplessa meta mqabbla ma’ LuxSCS u ntgħażlet kif xieraq bħala l-parti ttestjata. Metodi oħrajn kienu jipproduċu riżultati aktar volatili. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Lussemburgu qal li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata ma tistax titqies li taċċetta l-“aktar eżitu baxx possibbli” għal LuxOpCo. |
|
(63) |
It-tielet, b’risposta għad-dubju li l-Kummissjoni esprimiet fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ li r-royalty mħallsa minn LuxOpCo lil LuxSCS ma hijiex relatata ma’ riżultat, bejgħ jew profitt, il-Lussemburgu kkonferma li r-royalty hija kkalkolata bħala profitt residwu. Madankollu, il-Lussemburgu kkunsidra t-tali eżitu bħala inerenti fl-applikazzjoni tat-TNMM u konformi mal-analiżi funzjonali u ta’ riskju. |
|
(64) |
Ir-raba, il-Lussemburgu ddikjara li l-qligħ finanzjarju li tassew għamlet LuxOpCo kull sena tal-perjodu rilevanti jikkonforma mal-prinċipju ta’ distakkament. |
|
(65) |
Il-ħames, fir-rigward tad-dubju espress dwar ir-rilevanza tal-limitu minimu u l-limitu massimu għar-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo, il-Lussemburgu argumenta li l-limitu minimu kien jiggarantixxi remunerazzjoni pożittiva li tiżdied f’konformità mal-espansjoni tan-negozju. Barra minn hekk, il-limitu minimu u massimu nkoraġġixxa lil LuxOpCo sabiex tiġġestixxi l-attivitajiet tagħha b’mod effiċjenti. Meta wieħed iqis li l-marġni miksuba minn LuxOpCo fil-perjodu ta’ bejn l-2006 u l-2013 kien f’medja ta’ [3,5–4] (*1) % u kull sena kien fi ħdan il-limitu tal-firxa interkwartili, il-Lussemburgu kkonkluda li l-livelli ta’ limitu massimu ma kellhom l-ebda impatt reali u prattiku. |
|
(66) |
Il-Lussemburgu argumenta wkoll li l-bażi taxxabbli ma ngħatatx limitu massimu u żdiedet b’mod parallel mal-espansjoni ta’ Amazon u l-investiment fl-UE. Il-marġni ta’ remunerazzjoni kienet applikata għall-kostijiet operatorji kollha ta’ LuxOpCo, mhux biss għall-kostijiet operatorji tagħha mġarrbin fil-Lussemburgu. |
|
(67) |
Is-sitt nett, fir-rigward tat-tul tad-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata, il-Lussemburgu spjega li kien oriġinarjament previst li tkun valida għal ħames perjodi kontabilistiċi mill-bidu tal-attivitajiet ta’ Amazon fil-Lussemburgu, li fil-fatt bdew fl-2006 (13). Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata inizjalment kellha tkun applikata sal-2011. Il-Lussemburgu kompla jispjega li, skont il-prattika amministrattiva tiegħu dak iż-żmien, id-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar tat-trasferiment ġeneralment kienu jiġu emendati biss jekk il-mudell tal-attività jew il-kondizzjonijiet tas-suq kienu jinbidlu b’mod sinifikattiv. Barra minn dan, il-Lussemburgu jispjega li, wara l-kriżi ekonomika tal-2008, ir-remunerazzjoni għall-attivitajiet kumparabbli (bejgħ bl-imnut online) kienet taħt pressjoni sinifikanti u l-marġni operatorji ta’ Amazon baqgħu jonqsu. F’dan il-kuntest, il-Lussemburgu kkunsidra li r-rieżami tal-arranġament tal-ipprezzar seta’ wassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo. |
6. KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ
6.1. Kummenti minn Amazon
|
(68) |
Fil-kummenti tagħha, Amazon iffukat fuq l-allegati żbalji legali u fuq id-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ. |
|
(69) |
Rigward l-allegati żbalji legali, Amazon argumentat li l-Kummissjoni ma identifikatx b’mod korrett il-qafas ta’ referenza u ma tatx prova tas-selettività tal-miżura fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha. Skont Amazon, jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata tiġi rieżaminata fid-dawl ta’ regola speċifika tal-liġi nazzjonali u/jew prattika amministrattiva u mhux is-sistema tat-taxxa korporattiva ġenerali. Għaldaqstant, il-qafas ta’ referenza korrett sabiex tiġi vvalutata d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkontestata huwa l-prinċipju ta’ distakkament kif stipulat fl-Artikolu 164(3) u l-Artikolu 18 tal-LIR, flimkien mal-prattika amministrattiva rilevanti li tapplika d-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, skont Amazon, jista’ jkun hemm biss tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat jekk id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata ddevjat mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni normali tal-prinċipju tad-distakkament fil-Lussemburgu li, skont Amazon, ma kienx il-każ għad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata. Barra minn hekk, Amazon sostniet li l-Kummissjoni ma wrietx is-selettività tal-miżura. |
|
(70) |
Il-kummenti ta’ Amazon dwar id-dubji espressi fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ b’mod ġenerali jikkoinċidu ma’ dawk tal-Lussemburgu, minħabba li huwa argumenta wkoll li t-talba għal deċiżjoni kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferiment u li dik it-talba kienet skrutinizzata bir-reqqa. |
|
(71) |
Amazon argumentat ukoll li l-metodu tal-ipprezzar tat-trasferiment magħżul, it-tqassim tal-profitt residwu, ma huwiex biss f’konformità mal-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP, iżda anki mar-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferiment u l-prattiki amministrattivi tal-Lussemburgu (14). |
|
(72) |
Amazon iddikjarat ukoll li l-kontribuzzjonijiet ta’ LuxSCS jikkonsistu mhux biss mis-subliċenzjar ta’ assi intanġibbli, iżda wkoll mill-assunzjoni ta’ riskji assoċjati mal-operazzjonijiet ta’ LuxOpCo, |
|
(73) |
Amazon argumentat ukoll li l-applikazzjoni tal-metodu CUP ma kinitx adattata għaċ-ċirkostanzi partikolari. Amazon allegat li fi kwalunkwe każ, l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu trid tibda l-eżaminazzjoni tal-ipprezzar ta’ trasferiment fuq il-bażi tal-metodoloġija magħżula mill-kontribwent. Amazon fakkret ukoll li l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe metodu ta’ pprezzar tat-trasferiment tipikament tipproduċi firxa ta’ riżultati aktar milli prezz preċiż, peress li l-ipprezzar tat-trasferiment ma huwiex xjenza eżatta u jeħtieġ l-eżerċizzju tal-ġudizzju. |
|
(74) |
Amazon iddefendiet ukoll il-validità tad-durata tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata billi ssottomettiet rapport ex post dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti li kienet ikkummissjonat fl-2012 (“ir-Rapport ex post tat-TP tal-2012”). Dan ir-rapport ippreżenta żewġ settijiet ta’ data aġġornati tal-kumpaniji: wieħed ibbażat fuq id-data mill-2004 sal-2006 u ieħor mill-2008 sal-2010, li, skont Amazon, ikkonferma li r-remunerazzjoni ta’ LuxOpCo baqgħet fil-medda ta’ distakkament matul il-perjodu rilevanti kollu. |
6.2. Kummenti minn partijiet interessati oħra
|
(75) |
EPICENTER (15), Kompjuter & Communications Industry Association (“CCIA”, Kompjuter & Communications Industry Association), ATOZ u Fedil ippreżentaw il-kummenti tagħhom li jqajmu għadd ta’ tħassib. EPICENTER ikkunsidrat li d-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ma kinitx konxja mill-grad xieraq ta’ diskrezzjoni inerenti għall-prattika tal-ipprezzar tat-trasferimenti, u qieset li l-Kummissjoni taqbeż is-setgħat legali tagħha fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni diretta meta tuża r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tindirizza l-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa. Kemm ATOZ kif ukoll Fedil argumentaw li ma kienx korrett li jiġu kkunsidrati r-regoli tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, peress li ma kinux inkorporati fil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża f’dak iż-żmien. |
|
(76) |
Oxfam, the Booksellers Association of the United Kingdom & Ireland Ltd., the European and International Bookseller Federation, le syndicat de la librairie française, the Federation of European Publishers, le Syndicat des Distributeurs de Loisirs Culturels u Bundesarbeitskammer appoġġaw l-argumenti tal-Kummissjoni jew laqgħu l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
7. INFORMAZZJONI MRESSQA MILL-KUMPANIJA X
|
(77) |
Il-Kumpanija X, li hija kompetitriċi ta’ Amazon attiva fin-negozju tal-imnut online fis-suq tal-UE u li ma tixtieqx li l-identità tagħha tiġi żvelata, ressqet informazzjoni tas-suq lill-Kummissjoni b’rabta mal-investigazzjoni. Hija spjegat li l-fatturi ewlenin għal negozju bl-imnut online li jirnexxi u li jservi għal żmien twil kienu l-klijenti u l-kummerċjalizzazzjoni, u b’hekk l-assi ewlenin biex jiġi żgurat it-tkabbir f’dan is-suq kienu bażi tad-data solida tal-klijenti u l-kapaċità finanzjarja biex isiru investimenti sinifikanti fil-kummerċjalizzazzjoni. Il-Kumpanija X enfasizzat ukoll li Amazon kienet pjuttost aggressiva fl-investiment fit-teknoloġija u fil-kummerċjalizzazzjoni, u b’hekk kisbet vantaġġi diffiċli biex tikkompeti magħhom. |
8. KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAL-LUSSEMBURGU DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI U DWAR INFORMAZZJONI MRESSQA MILL-KUMPANIJA X
|
(78) |
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2015, il-Lussemburgu esprima l-qbil tiegħu mal-kummenti mressqin minn Amazon, FEDIL, CCIA, ATOZ u EPICENTER, filwaqt li kkunsidra li l-kummenti l-oħrajn li tressqu għad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ma kinux rilevanti għall-każ. |
|
(79) |
Fit-2 ta’ Mejju 2016, il-Lussemburgu ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar is-sottomissjoni tal-Kumpanija X. Il-Lussemburgu ddikjara li Amazon, billi hi operatur tas-suq, hija f’pożizzjoni aħjar li tagħti kummenti għas-sottomissjoni tal-Kumpanija X. |
9. SOTTOMISSJONIJIET OĦRAJN MINN AMAZON
|
(80) |
Fis-sottomissjonijiet ulterjuri tagħha, Amazon ipprovdiet informazzjoni supplimentari sabiex tiġġustifika li r-remunerazzjoni għal LuxSCS u LuxOpCo approvata mid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata kienet konformi mas-sistema tat-taxxa tal-Lussemburgu. |
|
(81) |
Barra minn hekk, Amazon tistaqsi jekk il-Kumpanija X hijiex fil-fatt komparabbli ma’ LuxOpCo u argumentat li l-informazzjoni li pprovdiet ma kellhiex titqies minħabba li ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-għoti tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata. |
|
(82) |
Fir-rigward tan-negozju ta’ bejgħ bl-imnut elettroniku ta’ Amazon li huwa ċċentrat madwar it-teknoloġija, Amazon targumenta li l-innovazzjoni teknoloġika hija fil-qalba tal-mudell tan-negozju tagħha tal-bejgħ elettroniku orjentat lejn is-servizzi u hija ta’ importanza assoluta għan-negozju. |
|
(83) |
Fir-rigward tat-theddid kritiku għall-operazzjonijiet Ewropej ta’ Amazon, Amazon semmiet dawn li ġejjin: (i) il-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, (ii) (in-nuqqas ta’) adozzjoni mill-klijenti ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji ġodda, u (iii) il-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi lokali u l-bidliet fil-qafas legali. |
|
(84) |
Fis-sottomissjonijiet ulterjuri tagħha Amazon ressqet dikjarazzjoni għall-proċedura tal-Qorti tat-Taxxa tal-Istati Uniti u rapport dwar l-ipprezzar tat-trasferiment ikkummissjonat mill-ġdid. L-ewwel waħda ġiet ipprovduta sabiex tappoġġa r-rata tar-royalties li LuxSCS irċeviet matul il-perjodu rilevanti, filwaqt li r-rapport ex post sussegwenti kien biex jappoġġa l-argument li r-remunerazzjoni ta’ LuxSCS kienet fuq bażi distakkata. |
10. VALUTAZZJONI
|
(85) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-forniment ta’ ċerti oġġetti għandha, sa fejn taffettwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(86) |
B’mod konformi mal-Qrati tal-Unjoni (16), il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għalhekk teħtieġ li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura għandha toħloq distorsjoni jew thedded l toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(87) |
Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, huwa partikolarment meħtieġ li tiġi eżaminata aktar il-preżenza ta’ vantaġġ selettiv. |
|
(88) |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni relatata ma’ vantaġġ selettiv “teżiġi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil ‘ċerti impriżi jew ċerti produtturi’ meta mqabbla ma’ oħrajn li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju” (17). |
|
(89) |
B’mod aktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja fasslet analiżi fi tliet passi sabiex tiddetermina jekk miżura tat-taxxa partikolari hijiex selettiva (18). L-ewwel, jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru. Dan jikkostitwixxi s-“sistema ta’ referenza”. It-tieni, jiġi stabbilit jekk il-miżura tat-taxxa inkwistjoni tikkostitwix deroga minn dik is-sistema billi tiddistingwi bejn atturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, allura mbagħad jiġi stabbilit, fit-tielet stadju tal-analiżi, jekk il-miżura hijiex iġġustifikata mill-għamla jew l-iskema ġenerali tas-sistema ta’ referenza. Miżura tat-taxxa li tidderoga mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ referenza tista’ tiġi ġġustifikata jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida ta’ din is-sistema tat-taxxa (19). Jekk dak ikun l-każ, il-miżura tat-taxxa ma tkunx selettiva. F’dak li jirrigwarda dan it-tielet stadju, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-Istat Membru. |
|
(90) |
Fis-sentenza FIAT (20), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat aktar kif għandha tiġi identifikata s-sistema ta’ referenza rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Kummissjoni ma għandhiex tikkunsidra parametri u regoli li huma esterni għas-sistema tat-taxxa nazzjonali meta tiddetermina s-sistema ta’ referenza. B’mod aktar speċifiku, fil-punt 96 tas-sentenza FIAT, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “ [g]ħaldaqstant, fl-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sabiex jiġi stabbilit l-piż fiskali li normalment għandha ġġorr impriża, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri u regoli esterni għas-sistema nazzjonali inkwistjoni, sakemm din tal-aħħar ma tagħmilx riferiment espliċitu għalihom”. |
|
(91) |
Fid-dawl ta’ dawk il-prinċipji, li huma mfakkra fil-punt 44 tas-sentenza Amazon, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fil-punt 58 tagħha (21), is-sejba tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet, fid-Deċiżjoni tal-Għeluq, l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-benefiċċju tal-grupp Amazon, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Għeluq. |
|
(92) |
Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat, għalhekk hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza Amazon. |
|
(93) |
Is-sejbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Amazon huma tabilħaqq direttament rilevanti għall-valutazzjoni tad-dubji mqajma fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ fir-rigward tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata. Dawk id-dubji kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq analiżi tal-preżenza ta’ vantaġġ selettiv ibbażat fuq sistema ta’ referenza li assumiet l-inkorporazzjoni tal-prinċipju tad-distakkament tal-OECD, kif deskritt fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD, fil-liġi tat-taxxa tal-Lussemburgu. Dak l-istess approċċ kien ibbażat fuq l-applikabbiltà tal-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP fi ħdan is-sistema tat-taxxa tal-Lussemburgu. |
|
(94) |
B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni nnotat, fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, li l-Artikolu 164 tal-LIR tqies li jinkorpora l-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD fil-liġi nazzjonali dwar it-taxxa. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kwalunkwe riżultat li ddevja mill-prinċipju ta’ distakkament, kif espress f’dik il-Konvenzjoni u l-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP, u li naqqas il-bażi tat-taxxa kellu l-effett li jipprovdi vantaġġ lill-kontribwent ikkonċernat (22). |
|
(95) |
Fi kliem ieħor, il-karatterizzazzjoni preliminari tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, kienet ġejja minn devjazzjoni jew applikazzjoni ħażina tal-prinċipju ta’ distakkament kif stabbilit fil-Mudell tal-Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD u fil-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP. |
|
(96) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li s-sitt dubji dettaljati espressi fil-premessi 63 sa 76 tad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, u msemmija fit-taqsima 4 ta’ din id-deċiżjoni, kienu bbażati fuq il-premessa tal-prinċipju ta’ distakkament derivat mill-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD kif interpretat mil-Linji Gwida tal-OECD dwar it-TP. |
|
(97) |
Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fil-punt 54 tas-sentenza Amazon, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipji inkorporati fil-liġi nazzjonali biss jistgħu jiġu applikati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza fil-kuntest tat-test fi tliet stadji sabiex tintwera l-preżenza ta’ vantaġġ selettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk stabbiliet li “…hija biss inkorporazzjoni ta’ dan il-prinċipju [ta’ distakkament] bħala tali fid-dritt nazzjonali, li teżiġi a minima li dan tal-aħħar jirreferi espliċitament għall-imsemmi prinċipju, li tkun tippermetti lill-Kummissjoni tapplikah fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE” . |
|
(98) |
Barra minn hekk, fil-punt 55 tas-sentenza Amazon, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Kummissjoni żbaljat, fid-Deċiżjoni tal-Għeluq, meta stabbiliet il-qafas ta’ referenza, peress li l-prinċipju ta’ distakkament ma kienx ankrat fil-liġi nazzjonali. Hija kkonkludiet, fil-fatt, li “[k]if irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess […] huwa biss mill-1 ta’ Jannar 2017, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fiskali antiċipata inkwistjoni u wara l-estensjoni tagħha, li artikolu ġdid tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ‘jifformalizza espliċitament l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt fiskali Lussemburgiż’. Għalhekk, huwa stabbilit li r-rekwiżit imfakkar mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ma kienx issodisfatt waqt l-adozzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-miżura li l-Kummissjoni qieset li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma setgħetx tapplika dan il-prinċipju retroattivament fid-deċiżjoni kontenzjuża.” |
|
(99) |
Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li d-dubji mqajma fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ iridu jiġu miċħuda. Tabilħaqq, peress li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata tmur lura għas-6 ta’ Novembru 2003, ġiet adottata f’mument fejn il-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta kien għadu ma ġiex inkorporat fil-liġi tat-taxxa tal-Lussemburgu, kif jirriżulta mis-sentenza Amazon. |
|
(100) |
Kif imfakkar fis-sentenza Amazon, l-iżbalji fid-determinazzjoni tar-regoli effettivament applikabbli skont id-dritt nazzjonali rilevanti u, għaldaqstant, fl-identifikazzjoni tat-tassazzjoni msejħa “normali” li fir-rigward tagħha kellha tiġi evalwata d-deċiżjoni fiskali antiċipata inkwistjoni jivvizzjaw neċessarjament ir-raġunament kollu marbut mal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv (23). |
|
(101) |
B’riżultat ta’ dan, la d-dubji speċifiċi mqajma fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, u lanqas ir-raġunament sottostanti stabbilit fiha, ma jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi li, bid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, il-Lussemburgu ta vantaġġ selettiv lil Amazon. F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma vvalutatx il-preżenza ta’ vantaġġ selettiv fid-dawl ta’ kwalunkwe sistema ta’ referenza oħra, u lanqas ma qajmet dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna għal raġunijiet oħra relatati mal-preżenza ta’ vantaġġ selettiv. |
|
(102) |
Għalhekk, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tneħħi d-dubji espressi fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Billi l-kriterji għas-sejba tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-kriterji l-oħra stipulati f’dik id-dispożizzjoni. |
11. KONKLUŻJONI
|
(103) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata maħruġa mil-Lussemburgu favur Amazon ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata maħruġa mill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fis-6 ta’ Novembru 2003 favur Amazon, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(2) Saru diversi skambji dwar il-kunfidenzjalitajiet li, madankollu, ma humiex imsemmijin b’mod separat f’din it-Taqsima.
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 kien irrevokat u sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj) b’effett mill-14 ta’ Ottubru 2015.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/859 tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon (notifikata bid-dokument C(2017) 6740) (ĠU L 153, 15.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/859/oj).
(7) Il-Kawżi Magħquda T-816/17 u T-318/18 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Amazon EU Sàrl u Amazon.com, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2021:252.
(8) Il-Kawża C-457/21 P Il-Kummissjoni Ewropea vs Amazon.com et, ECLI:EU:C:2023:985. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet iddeterminat b’mod żbaljat is-sistema ta’ referenza rilevanti u, b’riżultat ta’ dan, kienet ukoll żbaljat fl-analiżi tal-kriterju ta’ vantaġġ selettiv, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (is-sentenza Amazon, il-punti 46 sa 50). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-Qorti Ġenerali kienet intitolata ssib li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-benefiċċju tal-grupp Amazon, u li tannulla, fuq dik il-bażi, id-Deċiżjoni tal-Għeluq (is-sentenza Amazon, il-punti 53 sa 58). F’dak id-dawl, u permezz ta’ sostituzzjoni tar-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell fit-totalità kollha tiegħu (is-sentenza Amazon, il-punt 59).
(9) Ara l-Premessa (2).
(10) Wara li l-implimentazzjoni tar-ristrutturar tal-operat ta’ Amazon fl-Ewropa ttardjat, Amazon talbet konferma mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu li d-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2004 kienet għadha valida, u din tal-aħħar ikkonfermat permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2004. Id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, li inizjalment ġiet konkluża għal 5 snin, ittawlet fl-2010 u kienet effettiva sa Ġunju 2014. L-istruttura Ewropea ta’ Amazon, kif imsemmija fit-talba għal deċiżjoni u kif approvata mid-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata, ġiet stabbilita minn Mejju 2006 u baqgħet applikabbli sa Ġunju 2014, meta dik l-istruttura nbidlet.
(11) L-applikazzjoni tal-Artikolu 164(3) tal-LIR għal kumpaniji ta’ finanzjament ġiet iċċarata mill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu fiċ-Ċirkulari Nru 164/2 tat-28 ta’ Jannar 2011 u Nru 164/2bis tat-8 ta’ April 2011, li ġew sostitwiti mis-Circulaire du directeur des contributions LIR n° 56/1 – 56bis/1 du 27 décembre 2016, traitement fiscal des sociétés exerçant des transactions de financement intra-groupe.
(12) Transfer Pricing Guidelines for Multinational Enterprises and Tax Administrations, OECD, 2010.
(*1) Informazzjoni kunfidenzjali.
(13) Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2004, Amazon informat lil-Lussemburgu li r-ristrutturar kien se jitlesta biss fl-2006 u talbet li d-deċiżjoni dwar it-taxxa kkuntestata tiġi applikata għall-ewwel 5 snin minn dakinhar. Fit-23 ta’ Diċembru 2004, il-Lussemburgu kkonferma li d-dewmien deskritt ma jaffettwax il-ftehim tas-6 ta’ Novembru 2003, sakemm l-affarijiet l-oħrajn stipulati fit-talba tat-23 ta’ Ottubru 2003 jinżammu.
(14) Amazon tispjega dan l-argument b’referenza għad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa maħruġin mil-Lussemburgu u ppubblikati mill-ICIJ. Fosthom Amazon identifikat 97 deċiżjoni, li skont Amazon, huma bbażati fuq il-metodu tat-tqassim tal-profitt residwu u fi ħdan arranġamenti ta’ finanzjament jallokaw qligħ mhux uniku, jiġifieri marġni finanzjarja fissa għal entità tal-Lussemburgu, filwaqt li l-profitt residwu jiġi allokat lid-detentur tal-istrument finanzjarju.
(15) EPICENTER tiddeskrivi lilha nnifisha bħala inizjattiva indipendenti ta’ sitt gruppi ta’ riflessjoni prinċipali fl-Unjoni Ewropea. L-għan tagħha huwa li tipprovdi informazzjoni għad-dibattitu politiku tal-UE u tippromwovi l-prinċipji ta’ soċjetà ħielsa billi tiġbor flimkien l-għarfien espert ekonomiku tal-membri tagħha.
(16) Il-Kawża C-399/08 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, ECLI:EU:C:2010:481, il-punt 39.
(17) Ara l-Kawża C-457/21 P Il-Kummissjoni vs Amazon.com et, ECLI:EU:C:2023:985, il-punt 33. Ara wkoll il-Kawżi Magħquda C-451/21 P u C-454/21 P Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2023:948, il-punt 106. Ara, ukoll, C-172/03 Heiser, ECLI:EU:C:2005:130, il-punt 40.
(18) Il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos, ECLI:EU:C:2009:417, il-punti 49 u 64-65. Dak il-metodu fi tliet stadji tal-analiżi tas-selettività tal-għajnuna tfassal sabiex tiġi żvelata s-selettività moħbija ta’ miżuri tat-taxxa vantaġġuża li jidher li huma disponibbli għal kwalunkwe impriża: ara l-Kawżi Magħquda C-649/20 P, C-658/20 P, C-662/20 P Spanja et vs Il-Kummissjon, ECLI:EU:C:2023:60, il-punt 48.
(19) Il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos, ECLI:EU:C:2009:417, il-punt 65.
(20) Il-Kawżi Magħquda C-885/19 P u C-898/19 P Il-Kummissjoni vs Fiat Chrysler Finance Europe, ECLI:EU:C:2022:859.
(21) Il-Kawża C-457/21 P Il-Kummissjoni vs Amazon.com et, ECLI:EU:C:2023:985: ara wkoll ir-raġunament stabbilit fil-punti 41 sa 50 u 53 sa 58.
(22) Il-Kummissjoni rreferiet għall-Kawża dwar l-għajnuna mill-Istat C 49/2001, Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tal-Lussemburgu, ĠU L 170, 9.7.2003, p. 20.
(23) Ara l-Kawża C-457/21 P Il-Kummissjoni vs Amazon.com et, ECLI:EU:C:2023:985, il-punt 37.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2405/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)