European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5870

27.9.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Settembru 2024

li taħtar membru tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

(C/2024/5870)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 65(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-lista ta' kandidati ppreżentata lill-Kunsill mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta' Jannar 2022,

Wara li kkunsidra l-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew b'ittra datata l-24 ta' Mejju 2022,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“Bord Amministrattiv”) jinkludi żewġ rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tal-pazjenti, rappreżentant ta' organizzazzjonijiet tat-tobba u rappreżentant ta' organizzazzjonijiet tal-veterinarji.

(2)

Dawk il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom jinħatru mill-Kunsill f'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew abbażi ta' lista mfassla mill-Kummissjoni li b'mod sensibbli għandha tinkludi aktar ismijiet minn kemm hemm karigi li għandhom jimtlew. Il-mandat tal-membri tal-Bord Amministrattiv għandu jkun ta' tliet snin u jista' jiġġedded.

(3)

Il-Kummissjoni fasslet lista ta' kandidati u ppreżentatha lill-Kunsill fis-27 ta' Jannar 2022. Il-kandidati inklużi fil-lista ppreżentata mill-Kummissjoni jkunu ntgħażlu wara sejħa għal espressjoni ta' interess u abbażi tal-kwalifiki speċjalizzati tagħhom, il-firxa wiesgħa ta' għarfien espert rilevanti tagħhom kif ukoll l-għarfien espert rilevanti tagħhom fit-tmexxija u l-esperjenza fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju.

(4)

Bid-Deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2022 (2), il-Kunsill ħatar żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tat-tobba u rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-veterinarji bħala membri tal-Bord Amministrattiv għall-perjodu mill-15 ta' Ġunju 2022 sal-14 ta' Ġunju 2025.

(5)

Permezz ta' ittra datata t-18 ta' Ġunju 2024, il-Kunsill ġie infurmat mill-Kummissjoni Ewropea li s-Sa Despoina IATRIDOU, li kienet inħatret membru tal-Bord Amministrattiv bħala rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-veterinarji, irriżenjat fl-4 ta' April 2024.

(6)

Għalhekk rappreżentant ġdid tal-organizzazzjonijiet tal-veterinarji jenħtieġ li jinħatar membru tal-Bord Amministrattiv biex iservi għall-bqija tal-mandat tas-Sinjura Despoina IATRIDOU, jiġifieri, sal-14 ta' Ġunju 2025.

(7)

It-tieni kandidat li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-veterinarji fuq il-lista ta' kandidati ppreżentata mill-Kummissjoni fis-27 ta' Jannar 2022, is-Sur Christophe BUHOT, ġie eżaminat bil-ħsieb li jinħatar bħala membru tal-Bord Amministrattiv li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-veterinarji abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u fid-dawl tal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew. Il-ħatra tas-Sur Christoph BUHOT bħala membru tal-Bord Amministrattiv tkompli tiżgura li fil-Bord Amministrattiv ikunu disponibbli l-ogħla livelli ta' kwalifiki speċjalizzati, firxa wiesgħa ta' għarfien espert rilevanti u l-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli fl-Unjoni, kif ukoll għarfien espert rilevanti fit-tmexxija u l-esperjenza fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuna li ġejja hija b'dan maħtura membru tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini bħala rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tal-veterinarji sal-14 ta' Ġunju 2025:

—

Is-Sur Christophe BUHOT

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

FELDMAN Z.


(1)   ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2022 li taħtar erba’ membri tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU C 233, 16.6.2022, p. 26).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5870/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)