European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1928

8.3.2024

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(C/2024/1928)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Ventoux”

PDO-FR-A0399-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 8.12.2023

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Żoni u postijiet li fihom jitwettqu operazzjonijiet differenti

It-taqsima IV-Żoni u postijiet li fihom jitwettqu operazzjonijiet differenti – tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet emendata biex tiġi aġġornata l-lista tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata:

—

Fil-punt 1 - Żona ġeografika u fil-punt 3 - Żona fil-viċinanza immedjata, il-lista tal-muniċipalitajiet ġiet allinjata mal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2023.

Din l-emenda tagħmilha possibbli li ż-żona ġeografika tiġi identifikata skont il-verżjoni fis-seħħ fl-2023 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, ippubblikat mill-INSEE u li tiġi kkonfermata legalment id-demarkazzjoni taż-żona ġeografika.

—

Fil-punt 1 - Żona ġeografika u fil-punt 3 - Żona fil-viċinanza immedjata, wara r-reviżjoni taż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata, żewġ muniċipalitajiet fid-département ta’ Vaucluse (Isle sur la Sorgue u Velleron) ġew miżjuda maż-żona ġeografika u tneħħew miż-żona fil-viċinanza immedjata. Dawn il-muniċipalitajiet jmissu maż-żona ġeografika u għandhom l-istess kriterji ta’ produzzjoni għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Ventoux.

Id-Dokument Uniku ġie emendat fit-taqsima “Żona ġeografika” u fit-taqsima “Żona fil-viċinanza immedjata”.

2.   Żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata

Il-punt “2 - “Żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata” tat-taqsima IV - Żoni u postijiet li fihom jitwettqu operazzjonijiet differenti - tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie ssupplimentat biex jiddaħħlu d-dati tal-approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti tad-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ tad-DOP.

Dan l-aġġornament ma jaffettwax id-Dokument Uniku.

3.   Varjetajiet ta’ dwieli

Fl-ewwel punt - Varjetajiet ta’ dwieli - tat-taqsima V tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-lista tal-varjetajiet ġiet emendata kif ġej:

—

Għall-inbejjed bojod: il-varjetajiet Vermentino B u Viognier B tmexxew mil-lista tal-varjetajiet sekondarji għal-lista tal-varjetajiet ewlenin.

Dawn il-varjetajiet ta’ dwieli huma stabbiliti sew fil-vinji u jikkomplementaw it-taħlitiet. Fil-fatt, il-Vermentino B tagħti nbejjed bilanċjati u qawwija b’rikkezza aromatika u l-Viognier B tipproduċi nbejjed aktar mimlijin u aromatiċi wara t-taħlit. Dawn jippermettu li jinżamm il-bilanċ u l-freskezza tipika tal-inbejjed tad-denominazzjoni.

—

Għall-inbejjed ħomor u rożè:

—

il-varjetà Caladoc N ġiet miżjuda mal-lista tal-varjetajiet sekondarji bir-rata ta’ 5 % tal-varjetajiet ta’ dwieli u 10 % fit-taħlitiet. L-isem ta’ din il-varjetà ma jistax jidher fuq it-tikkettar tal-inbejjed tad-denominazzjoni.

L-inklużjoni ta’ din il-varjetà hija waħda mis-soluzzjonijiet stabbiliti mid-denominazzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Din il-varjetà, introdotta bħala varjetà sekondarja, tikkonforma mal-profil tal-inbejjed tad-denominazzjoni u tippermetti l-adattament għan-nixfa.

Id-Dokument Uniku ġie ssupplimentat fit-taqsima “Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli”.

Il-proporzjon tal-varjetajiet fil-varjetajiet tad-dwieli huwa speċifikat fil-punt 2 - Regoli dwar il-proporzjonijiet fl-azjenda - tat-taqsima V. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Il-proporzjon tal-varjetajiet ta’ dwieli fit-taħlitiet huwa speċifikat fil-punt 1 tat-taqsima IX tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott - Taħlit tal-varjetajiet ta’ dwieli. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

4.   Metodu ta’ tħarriġ

Fl-ittra b) tat-taqsima VI tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ir-regoli taż-żbir ġew emendati biex iż-żbir Guyot sempliċi jintuża għall-varjetajiet kollha tad-denominazzjoni. Din l-emenda tippermetti li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, b’mod partikolari biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-ġlata li qed issir dejjem aktar frekwenti u li taffettwa l-vinja.

Id-Dokument Uniku ġie emendat fit-taqsima “Prattiki tal-Inbid”.

5.   Miżura tranżizzjonali dwar il-varjetajiet ta’ dwieli

Fil-punt 1 tat-taqsima XI tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-miżura tranżizzjonali dwar ir-regoli għall-varjetajiet tad-dwieli sal-ħsad tal-2014 tħassret peress li ma għadhiex valida.

Dan l-aġġornament ma jaffettwax id-Dokument Uniku.

6.   Tikkettar

Il-punt 2 tat-taqsima XII tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie ssupplimentat kif ġej:

—

It-tikketti tal-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jistgħu jispeċifikaw l-unità ġeografika usa’ “Vignobles de la Vallée du Rhône”, skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-ftehim iffirmat bejn id-diversi korpi ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni kkonċernati. Dan il-kliem irid jidher fl-istess kamp viżiv bħall-kliem obbligatorju kollu u jrid ikun stampat b’karattri tal-istess stil u kulur bħal dawk tad-denominazzjoni, u d-daqs ta’ dan il-kliem ma għandux jaqbeż iż-żewġ terzi tad-daqs tad-denominazzjoni.

—

Il-varjetà Caladoc, varjetà ta’ interess għal skopijiet ta’ adattament, ma tistax tissemma fuq it-tikketta.

Dawn ir-regoli dwar it-tikkettar ġew inklużi fit-taqsima “Rekwiżiti addizzjonali” tad-Dokument Uniku.

7.   Referenzi għall-korp ta’ kontroll

It-taqsima II tal-Kapitolu III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li tirrigwarda l-korp ta’ kontroll ġiet issimplifikata biex jiġi speċifikat li l-ispezzjoni tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott issir skont pjan ta’ spezzjoni approvat u minn korp terz li joffri garanziji ta’ kompetenza, imparzjalità u indipendenza u li ġie ddelegat mill-INAO, l-awtorità responsabbli għat-twettiq tal-ispezzjonijiet.

Din il-kjarifika ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet

Ventoux

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

—

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

Id-denominazzjoni ta’ oriġini “Ventoux” hija riżervata għall-inbejjed bojod, ħomor u rożè bla gass.

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’:

—

11,5 % għall-inbejjed bojod u rożè;

—

12 % għall-inbejjed ħomor.

Għall-inbejjed ħomor, bl-eċċezzjoni tal-inbejjed eliġibbli għat-terminu “primeur” jew “nouveau”, il-kontenut ta’ aċidu maliku huwa inqas minn 0,4 grammi għal kull litru fl-istadju tal-imballaġġ.

KULUR TAL-INBEJJED, terminu addizzjonali

—

KONTENUT TA’ ZOKKOR FERMENTABBLI u l-istadju li għalih japplika l-valur

 

(glukożju u fruttożju)

 

(grammi għal kull litru)

KONTENUT TA’ AĊIDITÀ VOLATILI u l-istadju li għalih japplika l-valur

 

(milliekwivalenti għal kull litru)

 

Inbejjed eliġibbli għat-terminu “primeur” jew “nouveau”

 

10,2 jew inqas

(lott mhux imballat)

 

Inbejjed ħomor eliġibbli għat-terminu “primeur” jew “nouveau”

 

Inqas minn 2

(lott imballat)

 

Inbejjed bojod u rożè

 

4 jew inqas

(waqt l-imballaġġ)

 

Inbejjed ħomor (b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ mhux aktar minn 14 %)

 

3 jew inqas

(waqt l-imballaġġ)

 

Inbejjed ħomor (b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ aktar minn 14 %)

 

4 jew inqas

(waqt l-imballaġġ)

Wara l-arrikkiment, l-inbejjed bojod u rożè ma jaqbżux il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 % u ta’ 13,5 % għall-inbejjed ħomor.

Il-kontenut tal-aċidità totali, tal-aċidità volatili u tad-diossidu tal-kubrit huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-inbejjed ħomor li jiddominaw il-produzzjoni u li ġejjin mill-varjetajiet ta’ dwieli tradizzjonali tar-reġjun tar-Rhône jibbenefikaw bis-sħiħ mill-varjetà ta’ ħamrija preżenti fiż-żona ġeografika. Huma rikki, bilanċjati u adattati għat-tqaddim meta d-dwieli jitkabbru fuq ħamrija magħmula minn taħlita ta’ tafal u ġebla tal-ġir, u jsiru aktar aromatiċi u mimlijin meta jitkabbru fuq ir-ramel u l-blat ramli. L-identità tal-inbejjed tirriżulta mit-taħlita ta’ dawn il-karatteristiċi kollha.

L-inbejjed rożè jintgħarfu mill-bilanċ aromatiku u frisk tagħhom, b’persistenza aromatika qawwija notevoli.

L-inbejjed bojod, li bħalissa ma tantx issibhom fil-pajsaġġ, u li wkoll ġejjin mill-varjetajiet ta’ dwieli tradizzjonali tar-reġjun, huma kkaratterizzati mill-kumplessità aromatika tagħhom u mill-istruttura tagħhom li jfisser li huma apprezzati qabel ma jitqaddmu.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Prattika tal-kultivazzjoni

—

Densità:

—

Kull pjanta jkollha erja massima ta’ 2,50 metri kwadri. Din l-erja tinkiseb billi jiġu mmultiplikati d-distanzi bejn il-flanni u l-ispazju bejn il-pjanti fl-istess flann;

—

Il-wisa’ bejn il-flanni ma tistax taqbeż iż–2,50 metri;

—

Il-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann hija ta’ bejn 0,80 u 1,50 metru.

—

Regoli taż-żbir:

Id-dwieli jinżabru:

—

Jew b’żabra qasira (gobelet jew cordon) b’massimu ta’ sitt friegħi għal kull pjanta, b’kull fergħa jkollha massimu ta’ żewġ għejun;

—

Jew b’żabra tat-tip Guyot sempliċi b’massimu ta’ tmien għejun fuq iz-zokk it-twil u fergħa booster waħda jew tnejn b’massimu ta’ żewġ għejun;

—

Jew, għall-varjetajiet Syrah N u Viognier B, b’żabra tat-tip Guyot doppja b’massimu ta’ sitt għejun fuq kull zokk twil u fergħa waħda jew tnejn b’massimu ta’ żewġ għejun.

—

L-irrigazzjoni tista’ tkun awtorizzata.

2.   Prattika enoloġika speċifika

—

It-tekniki ta’ arrikkiment bit-tnaqqis huma permessi għall-inbejjed ħomor sa rata ta’ konċentrazzjoni ta’ 10 %;

—

Il-produttur jista’ juża l-faħam għall-użu enoloġiku għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè, iżda biss fuq most tat-tagħsir u fi proporzjon li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-volum totali tal-inbid prodott mill-operatur ikkonċernat, għall-ħsad inkwistjoni;

—

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-inbejjed iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiki enoloġiċi użati.

5.2.   Rendimenti massimi

66 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Vaucluse abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali 2023:

Apt, Aubignan, Le Barroux, Le Beaucet, Beaumettes, Beaumont-du-Ventoux, Bédoin, Blauvac, Bonnieux, Cabrières-d'Avignon, Caromb, Carpentras, Caseneuve, Crestet, Crillon-le-Brave, Entrechaux, Flassan, Fontaine-de-Vaucluse, Gargas, Gignac, Gordes, Goult, L’Isle-sur-la-Sorgue, Joucas, Lagnes, Lioux, Loriol-du-Comtat, Malaucène, Malemort-du-Comtat, Maubec, Mazan, Méthamis, Modène, Mormoiron, Murs, Pernes-Les-Fontaines, Robion, La Roque-sur-Pernes, Roussillon, Rustrel, Saignon, Saumane, Saint-Didier, Saint-Hippolyte-le-Graveyron, Saint-Martin-de-Castillon, Saint-Pantaléon, Saint-Pierre-de-Vassols, Saint-Saturnin-lès-Apt, Velleron, Venasque, Viens, Villars u Villes-sur-Auzon.

7.   Varjetà(jiet) ta’ għeneb tal-inbid

 

Bourboulenc B - Doucillon blanc

 

Caladoc N

 

Carignan N

 

Cinsaut N - Cinsault

 

Clairette B

 

Counoise N

 

Grenache N

 

Grenache blanc B

 

Marsanne B

 

Marselan N

 

Mourvèdre N - Monastrell

 

Piquepoul noir N

 

Roussanne B

 

Syrah N - Shiraz

 

Vermentino B - Rolle

 

Viognier B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta

Iż-żona ġeografika, li tinsab fil-vinji kollha tal-Wied ta’ Rhône, testendi fil-Lvant tar-Rhône, mis-subborgi ta’ Vaison-la-Romaine fit-Tramuntana, sa Apt, fin-Nofsinhar, mix-xmara Ouvèze sal-wied ta’ Coulon.

B’hekk hija tgħaddi mid-Dentelles de Montmirail lejn l-għoljiet tat-Tramuntana ta’ Luberon, taqsam il-Monts du Vaucluse u tifrex taħt il-“Ġgant ta’ Provence”, il-Mont Ventoux, li, mill-quċċata tal-1 912-il metru tagħha, tiddomina l-pajsaġġ kollu. Iż-żona tkopri t-territorju ta’ 51 muniċipalità fid-département ta’ Vaucluse.

Il-ġeomorfoloġija taż-żona ġeografika, li żviluppat mill-oroġenesi tal-Pirinej, iġġenerat diversi għoljiet fuq is-substrat tal-ġebla tal-ġir. Il-formazzjoni ħoxna tal-ġebla tal-ġir iebsa tal-Urgonjan (il-Kretaċju t’isfel) tipprovdi s-sinsla ta’ dawn l-għoljiet, li l-istruttura attwali tagħhom ġiet iffurmata meta bdew jogħlew l-Alpi matul il-perjodu Mijoċene Medju.

Minnhom tirriżulta ħamrija ħamra Mediterranja, ħamrija tal-ġebla tal-ġir kannella ftit li xejn żviluppata, niexfa, ħamrija mill-erożjoni kolluvjali, eluvjali u skeletali. Kollha huma relattivament ġeblija, u l-materjal tagħhom jiġi pprovdut mill-ġebel tal-franka li jitgerbeb mill-muntanji.

Il-ħamrija b’konsistenza ramlija ħafifa, mimlija żrar mis- “safres”, kelma tal-Comtat li tirreferi għall-formazzjoni tat-taħlita ta’ ġebla tar-ramel u lom tal-Mijoċene hija, bla dubju ta’ xejn, l-aktar waħda komuni. Huma sinifikanti r-ramel u l-ġebel ramli tal-Kretaċju li jikkaratterizzaw il-pajsaġġ tan-naħa tan-Nofsinhar taż-żona ġeografika (okra ta’ Roussillon).

Madankollu, iż-żona ġeografika, ikkaratterizzata mill-klima Mediterranja, tikkostitwixxi t-tranżizzjoni lejn iż-żoni tal-Alpi aktar kesħin. Hija wkoll waħda miż-żoni tad-département li l-aktar jaraw xemx (2 800 siegħa fis-sena f’Carpentras). Il-medja annwali ta’ xita hija ta’ 700 mm ikkonċentrata l-aktar fil-ħarifa; l-inqas li tinżel huwa fis-sajf, meta l-għeneb ikun qed jimmatura. Barra minn hekk, fl-aħħar tas-sajf, il-firxa tas-sħana ta’ kuljum hija akbar milli fil-bqija tad-département b’iljieli aktar friski.

Għalkemm il-Mistral huwa komuni, ir-riħ qawwi u l-kesħa eċċessivi tiegħu huma mnaqqsa b’mod sinifikanti bl-ilqugħ ipprovdut mill-muntanji tad-Dentelles de Montmirail u mill-għoljiet ta’ Mont Ventoux (Muntanja tal-irjieħ kollha). Jibqgħu iżda l-benefiċċji tal-effett tar-riħ, jiġifieri n-nixfa li tikkaratterizzah.

F’dan it-territorju ta’ tranżizzjoni, fuq dawn il-“muntanji tal-bdiewa” tant għal qalb Jean Giono, id-dwieli dejjem kienu assoċjati mal-arborikultura tan-Nofsinhar, u joħolqu intarsjar ta’ għelejjel mas-siġar taċ-ċirasa, tal-berquq u mas-siġar taż-żebbuġ.

Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta

Ħanut ta’ fuħħari u ġarar tal-inbid tal-fuħħar, li jmorru lura għas-sena 30 qabel l-era tagħna, huma l-ewwel traċċi rreġistrati tal-attività tal-vitikultura, li, bħal fil-bqija ta’ din il-parti tat-territorju, kienet marbuta mal-preżenza tal-Griegi u mbagħad tar-Rumani.

Id-dwieli ilhom jitkabbru fuq l-għoljiet ta’ Mont Ventoux minn żminijiet antiki. Din il-quċċata, l-ogħla u l-aktar spettakolari fost il-muntanji kollha tal-ġebla tal-ġir ta’ Vaucluse (xi drabi magħrufa bħala l-“Ġgant ta’ Provence”), tiddomina u tinfluwenza din il-vinja, li ilha msemmija għal din il-muntanja minn żminijiet remoti ħafna. Prova bil-miktub ta’ dan tmur lura għas-seklu 9.

Naturalment, l-inbejjed tal-“Ventoux” ibbenefikaw mill-preżenza tal-papiet f’Avignon u dejjem kienu jinstabu fuq il-mejda tagħhom bejn l-1309 u l-1414. Il-katasti tal-muniċipalitajiet tal-Comtat-Venaissin imfassla bejn l-1414 u l-1417 jinkludu ż-żoni mħawla f’dak iż-żmien.

Mis-seklu 16 sas-seklu 18, il-konsli ta’ Pernes ippubblikaw “bandi tal-ħsad”, xhieda li l-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità diġà kienet ta’ tħassib għall-awtoritajiet lokali.

Ir-reġistri notarili, permezz tal-“kuntratti à complant” tagħhom, jikkonfermaw il-preżenza ta’ wħud mill-varjetajiet attwali mis-seklu 15 ’il quddiem, bħall-varjetà Piquepoul noir N, il-Bourboulenc B jew il-Clairette B. Fl-1876, J.A.BARRAL, fir-rapport tiegħu dwar l-irrigazzjoni, isemmi b’mod partikolari l-varjetajiet li ġejjin: il-Piquepoul noir N, il-Grenache N u s-Syrah N għall-inbejjed ħomor, u l-Clairette B u l-Bourboulenc B għall-inbejjed bojod.

Il-proċess lejn rikonoxximent uffiċjali tal-kwalità tal-inbejjed beda fid-29 ta’ Lulju 1939 bil-ħolqien tas-Syndicat des Viticulteurs tal-“Côtes du Ventoux et des Monts de Vaucluse”. Dan wassal għar-rikonoxximent fl-1951 bħala nbid ta’ denominazzjoni ta’ oriġini demarkata ta’ kwalità superjuri, u mbagħad għar-rikonoxximent fl-1973 bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata “Côtes du Ventoux” permezz tad-Digriet tas-27 ta’ Lulju 1973. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u sabiex jiġi promoss l-isem ġeografiku, l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata sar “Ventoux” permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Ottubru 2009.

Meqjusa t-tieni Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata tal-Wied ta’ Rhône f’termini ta’ volum, fl-2009 ntużaw 6 374 ettaru għall-produzzjoni ta’ 271 000 ettolitru ta’ nbid, essenzjalment aħmar (66 % tal-produzzjoni) u rożè (30 % tal-produzzjoni).

Din il-produzzjoni ssir minn 142 kantina individwali u 14-il kantina tal-kooperattivi. L-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata “Ventoux” huma nbejjed bla gass u xotti. Għandhom tliet kuluri, aħmar, rożè u abjad.

L-inbejjed ħomor għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 12 %; din tkun mill-inqas 11,5 % għall-inbejjed bojod u rożè. Dawn jistgħu jiġu ttikkettati bħala “primeur” jew “ġodda”.

L-inbejjed ħomor li jiddominaw il-produzzjoni u li ġejjin mill-varjetajiet ta’ dwieli tradizzjonali tar-reġjun tar-Rhône jibbenefikaw bis-sħiħ mill-varjetà ta’ ħamrija preżenti fiż-żona ġeografika. Huma rikki, bilanċjati u adattati għat-tqaddim meta d-dwieli jitkabbru fuq ħamrija magħmula minn taħlita ta’ tafal u ġebla tal-ġir, u jsiru aktar aromatiċi u mimlijin meta jitkabbru fuq ir-ramel u l-blat ramli. L-identità tal-inbejjed tirriżulta mit-taħlita ta’ dawn il-karatteristiċi kollha.

L-inbejjed rożè jintgħarfu mill-bilanċ aromatiku u frisk tagħhom, b’persistenza aromatika qawwija notevoli.

L-inbejjed bojod, li bħalissa ma tantx issibhom fil-pajsaġġ, u li wkoll ġejjin mill-varjetajiet ta’ dwieli tradizzjonali tar-reġjun, huma kkaratterizzati mill-kumplessità aromatika tagħhom u mill-istruttura tagħhom li jfisser li huma apprezzati qabel ma jitqaddmu.

L-influwenza tal-muntanji (id-Dentelles de Montmirail, il-Mont Ventoux u l-Mont du Vaucluse), li hija akbar milli fil-bqija tad-département, hija determinanti għall-identità taż-żona ġeografika u għall-impatt li jista’ jkollha fuq il-karatteristiċi tal-kultivazzjoni u, naturalment, fuq l-inbejjed prodotti.

Billi jtaffu r-riħ prevalenti tal-Mistral, mingħajr ma jiddevjawh għalkollox, dawn il-muntanji jnaqqsu l-qawwa eċċessiva tiegħu filwaqt li jippermettu lid-dwieli jibbenefikaw mill-effett ta’ “tnixxif”, li huwa tant prezzjuż biex jipproteġihom b’mod naturali mill-attakki tal-moffa.

Il-preżenza ta’ dawn il-muntanji u b’mod partikolari l-għoli ta’ Mont Ventoux, jipprovdu wkoll fluss ta’ arja aktar kiesħa, b’mod partikolari billejl. Din il-freskezza relattiva, li matul is-sajf, tinħass b’kuntrast mat-temperaturi xi drabi jaħarqu ta’ binhar, tistimola s-sinteżi tal-antoċjanini u l-preservazzjoni tal-aċidità tal-għeneb. B’hekk tikkontribwixxi għall-finezza tal-aromi u għall-kulur tal-inbejjed ħomor.

Naturalment, il-klima Mediterranja u x-xemx abbondanti tagħha jikkompletaw il-proċess billi jippermettu l-produzzjoni ta’ għeneb li jimmatura faċilment u jikseb konċentrazzjoni intensa fuq din il-ħamrija karbonizzata u ġeblija.

Dawn il-fatturi naturali, flimkien mal-għarfien espert li l-komunità tal-produtturi żviluppat maż-żmien, jagħmluha faċli li wieħed jiddistingwi l-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Ventoux mill-imbejjed fil-viċinat tagħhom qrib il-Wied tar-Rhône.

Minbarra r-rikonoxximent tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Muscat du Ventoux”, l-għarfien espert tal-vitikultura huwa rifless ukoll fil-preżenza f’din iż-żona ta’ bosta kultivaturi tal-mixtliet, saħansitra ta’ suq għall-pjanti mlaqqma stabbilit f’Carpentras.

Il-prattiki tal-bniedem, b’mod partikolari l-kultivazzjoni, huma assoċjati mill-qrib ma’ dan l-ambjent partikolari u ppermettew lill-UNESCO fl-1990 tikklassifika lil Mont Ventoux bħala Riżerva tal-Bijosfera. Din it-tikketta internazzjonali tirrikonoxxi bijodiversità eċċezzjonali, ġid kulturali u storiku, kif ukoll prattiki tal-bniedem li jirrispettaw dan il-patrimonju. L-għan ta’ din ir-riżerva huwa li tirrikonċilja l-protezzjoni tar-riżorsi naturali, tal-pajsaġġi u tal-ekosistemi u li tiżgura l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-bniedem.

Ir-reputazzjoni tal-inbejjed tal-“Ventoux” hija waħda antika. L-inbejjed bdew jiġu esportati lil hinn mit-territorju nazzjonali sa mit-tieni nofs tas-seklu 19. Pereżempju, fl-4 ta’ Lulju 1860, f’Londra, negozjant minn Mazan, Nicolas SAUTEL, ingħata midalja tad-deheb u “crown of genius” għall-inbid eċċellenti tiegħu mill-“British Institute of Universal Genius”.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita b’deroga għall-produzzjoni u l-iżvilupp tal-inbejjed, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali 2023:

—

Id-département ta’ Alpes-de-Haute-Provence: Aubenas-les-Alpes, Banon, Céreste, L'Hospitalet, Montjustin, Montsalier, Oppedette, Redortiers, Reillanne, Revest-des-Brousses, Revest-du-Bion, La Rochegiron, Sainte-Croix-à-Lauze, Saumane, Simiane-la-Rotonde, Vachères, Villemus ;

—

Id-département ta’ Bouches-du-Rhône: Alleins, Aureille, Barbentane, Cabannes, Châteaurenard, Eygalières, Eyguières, Eyragues, Graveson, Lamanon, Mallemort, Mollégès, Mouriès, Noves, Orgon, Plan-d'Orgon, Rognonas, Saint-Andiol, Sénas, Vernègues, Verquières ;

—

Id-département ta’ Drôme: Arpavon, Aubres, Aulan, Ballons, Barret-de-Lioure, La Baume-de-Transit, Beauvoisin, Bellecombe-Tarendol, Bénivay-Ollon, Bésignan, Bouchet, Buis-les-Baronnies, Châteauneuf-de-Bordette, Chaudebonne, Clansayes, Condorcet, Curnier, Eygalayes, Eygaliers, Eyroles, Ferrassières, Izon-la-Bruisse, Laborel, Lachau, Mérindol-les-Oliviers, Mévouillon, Mirabel-aux-Baronnies, Mollans-sur-Ouvèze, Montauban-sur-l'Ouvèze, Montaulieu, Montbrun-les-Bains, Montfroc, Montguers, Montségur-sur-Lauzon, Nyons, La Penne-sur-l'Ouvèze, Piégon, Pierrelongue, Les Pilles, Plaisians, Le Poët-en-Percip, Propiac, Reilhanette, Rioms, Rochebrune, Rochegude, La Roche-sur-le-Buis, La Rochette-du-Buis, Saint-Auban-sur-l'Ouvèze, Sainte-Euphémie-sur-Ouvèze, Sainte-Jalle, Saint-Ferréol-Trente-Pas, Saint-Maurice-sur-Eygues, Saint-Paul-Trois-Châteaux, Saint-Restitut, Saint-Sauveur-Gouvernet, Sèderon, Solérieux, Suze-la-Rousse, Tulette, Valouse, Venterol, Vercoiran, Vers-sur-Méouge, Villebois-les-Pins, Villefranche-le-Château, Vinsobres ;

—

Id-département ta’ Vaucluse: Althen-des-Paluds, Ansouis, Aurel, Auribeau, Avignon, La Bastide-des-Jourdans, La Bastidonne, Beaumes-de-Venise, Beaumont-de-Pertuis, Bédarrides, Bollène, Brantes, Buisson, Buoux, Cabrières-d'Aigues, Cadenet, Cairanne, Camaret-sur-Aigues, Castellet-en-Luberon, Caumont-sur-Durance, Cavaillon, Châteauneuf-de-Gadagne, Châteauneuf-du-Pape, Cheval-Blanc, Courthézon, Cucuron, Entraigues-sur-la-Sorgue, Faucon, Gigondas, Grambois, Jonquerettes, Jonquières, Lacoste, Lafare, Lagarde-d'Apt, Lagarde-Paréol, Lamotte-du-Rhône, Lapalud, Lauris, Lourmarin, Ménerbes, Mérindol, Mirabeau, Mondragon, Monieux, Monteux, Morières-les-Avignon, Mornas, La Motte-d'Aigues, Oppède, Orange, Pertuis, Peypin-d'Aigues, Puget, Puyméras, Puyvert, Rasteau, Roaix, La Roque-Alric, Sablet, Saint-Christol, Sainte-Cécile-les-Vignes, Saint-Léger-du-Ventoux, Saint-Marcellin-lès-Vaison, Saint-Martin-de-la-Brasque, Saint-Romain-en-Viennois, Saint-Roman-de-Malegarde, Saint-Saturnin-lès-Avignon, Saint-Trinit, Sannes, Sarrians, Sault, Savoillan, Séguret, Sérignan-du-Comtat, Sivergues, Sorgues, Suzette, Taillades, Le Thor, La Tour-d'Aigues, Travaillan, Uchaux, Vacqueyras, Vaison-la-Romaine, Vaugines, Vedène, Villedieu, Villelaure, Violès, Vitrolles-en-Luberon.

Tikkettar

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Id-dettalji fakultattivi kollha, li l-użu tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, jista’ jiġi rregolat mill-Istati Membri, għandhom jiġu indikati fuq it-tikketti b’ittri li d-dimensjonijiet tagħhom, f’termini ta’ għoli, wisa’ u ħxuna, ma jkunux aktar mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jista’ jiġi ssupplimentat bil-kliem “primeur” jew “nouveau”. L-inbejjed eliġibbli għall-indikazzjoni “primeur” jew “nouveau” jrid ikollhom indikazzjoni tal-annata.

It-tikkettar tal-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar bil-kundizzjoni li:

—

ikun isem ta’ post irreġistrat;

—

li dik l-unità ġeografika tidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad.

It-tikketti tal-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jistgħu jispeċifikaw l-unità ġeografika usa’ “Vignobles de la Vallée du Rhône”, skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-ftehim iffirmat bejn l-entitajiet differenti tal-protezzjoni u tal-ġestjoni kkonċernati. Dan il-kliem irid jidher fl-istess kamp viżiv bħall-kliem obbligatorju kollu u jrid ikun stampat b’karattri tal-istess stil u kulur bħal dawk tad-denominazzjoni, u d-daqs ta’ dan il-kliem ma għandux jaqbeż iż-żewġ terzi tad-daqs tad-denominazzjoni.

—

Il-varjetà Caladoc N, varjetà ta’ interess għal skopijiet ta’ adattament, ma tistax tissemma fuq it-tikketta.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-388160e1-3c7f-41a8-987b-04c846cd7601


(1)   ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1928/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)