DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ April 2026 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Stqarrija għall-istampa ppubblikata minn grupp politiku tal-Parlament – Ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Responsabbiltà – Danni materjali u morali” – Rikors manifestament infondat fid-dritt”
Fil-Kawża T‑374/25,
EO, irrappreżentat minn L. Levi, avukata,
rikorrent,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr u R. Schiano, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn G. De Baere, President, J. Svenningsen (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
|
– |
ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2025, |
|
– |
l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni”) imqajma mill-Parlament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Settembru 2025, |
|
– |
l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-eċċezzjoni ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ottubru 2025, |
|
– |
il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑17 ta’ Diċembru 2025 u r-risposti tal-Parlament u tar-rikorrent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Jannar 2026 u fil‑11 ta’ Frar 2026 rispettivament, |
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, EO, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2024 (iktar ’il quddiem, l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”) tal-President tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (iktar ’il quddiem il-“Grupp S&D”), grupp politiku tal-Parlament Ewropew, u tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2025 tal-Bureau tal-Grupp S&D (iktar ’il quddiem, it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), li t-tnejn jiċħdu t-talba għal kumpens tiegħu. Skont l-istess dispożizzjoni, huwa jitlob ukoll kumpens għad-dannu materjali u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-pubblikazzjoni, mill-Bureau tal-Grupp S&D, ta’ stqarrija għall-istampa intitolata “Tolleranza żero għall-korruzzjoni” (iktar ’il quddiem l-“istqarrija għall-istampa”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa ex membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), tal-Grupp S&D. Il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie konkluż mal-Parlament. |
|
3 |
Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala konsulent politiku tal-Grupp S&D, huwa kien, fost l-oħrajn, involut fit-tfassil tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal‑24 ta’ Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar (ĠU 2023 C 167, p. 99). |
|
4 |
Fil-jiem ta’ wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022, assistent parlamentari akkreditat ta’ Membru tal-Grupp S&D stieden lir-rikorrent jattendi logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol fil-Qatar. Dan ir-rigal kien jikkonsisti f’żewġ biljetti għal-logħba tal-kwarti tal-finali bejn l-Arġentina u l-Pajjiżi l-Baxxi u kien ikopri wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għal żewġ persuni. |
|
5 |
Ir-rikorrent ivvjaġġa l-Qatar mas-sieħba tiegħu mit‑8 sal‑11 ta’ Diċembru 2022. |
|
6 |
Fid‑9 ta’ Diċembru 2022, l-awtoritajiet Belġjani fetħu investigazzjoni dwar eventwali attivitajiet ta’ lobbying illegali tal-Istat tal-Qatar (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni tal-Qatar”). B’mod partikolari, huma wettqu tfittxijiet fl-uffiċċji tal-Parlament u arrestaw diversi persuni, fosthom l-assistent parlamentari akkreditat imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq. |
|
7 |
Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent informa lill-kap tad-diviżjoni tiegħu dwar is-soġġorn tiegħu fil-Qatar. Flimkien, huma informaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp S&D. |
|
8 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2022, wara li semgħet lir-rikorrent, il-Presidenta tal-Grupp S&D, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol (iktar ’il quddiem, l-“ASTK”) issospendietu mill-funzjonijiet tiegħu għal żmien indeterminat u rtirat ir-remunerazzjoni tiegħu skont l-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”). |
|
9 |
Wara diversi passi amministrattivi, fil‑15 ta’ Settembru 2023, il-Parlament xolja l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Ir-rikorrent talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll il-kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2025, EO vs Il-Parlament (T‑368/24, taħt appell, EU:T:2025:583). |
|
10 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2022, fl-istess jum li l-Presidenta tal-Grupp S&D issospendiet lir-rikorrent, il-Bureau tal-Grupp S&D ippubblika l-istqarrija għall-istampa, fejn tqiegħed fuq is-sit internet tal-Grupp S&D. |
|
11 |
Fl-istqarrija għall-istampa, il-Bureau tal-Grupp S&D indika li, wara d-deċiżjoni tal-ġimgħa preċedenti li jitkeċċa Viċi President tal-Parlament mill-Grupp u li jitneħħew mill-kariga tagħhom Membri tal-Parlament Ewropew oħra relatati mal-investigazzjoni tal-Qatar, huwa impenja ruħu li jieħu passi konkreti ulterjuri bil-għan tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-indħil barrani. Barra minn hekk, huwa indika li l-Bureau tal-Grupp S&D kien maħsud bl-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u kien impenjat li jappoġġja investigazzjoni fil-fond. Huwa spjega li kien stabbilixxa l-linji prinċipali ta’ investigazzjoni interna u kkonferma skeda għall-elezzjoni tal-kandidat tal-Grupp S&D għall-pożizzjoni ta’ Viċi President. |
|
12 |
Fil-ħames mis-sitt paragrafi tal-istqarrija għall-istampa, ġie rrilevat li “l-Bureau jappoġġja bis-sħiħ is-sospensjoni ta’ membru tal-persunal tal-S&D b’konsegwenza ta’ nuqqas serju marbut mal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti”. |
|
13 |
Il-profil tar-rikorrent sussegwentement tneħħa mill-organigramma li tinsab fis-sit internet tal-Grupp S&D, filwaqt li, skont il-Parlament, ismu baqa’ fir-repertorju ġenerali tal-Parlament. |
|
14 |
Wara investigazzjoni, ġurnalist wasal għall-konklużjoni li r-rikorrent kien il-membru tal-persunal tal-grupp S&D imsemmi fl-istqarrija għall-istampa u, fit‑22 ta’ Diċembru 2022, dan il-ġurnalist ippubblika artiklu tal-istampa dwar is-sospensjoni tar-rikorrent, filwaqt li semmih b’ismu, fil-kuntest tal-investigazzjoni interna tal-grupp S&D. |
|
15 |
Fl‑14 ta’ Marzu 2024, ir-rikorrent ressaq talba għal kumpens, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għad-dannu mġarrab minħabba l-istqarrija għall-istampa. |
|
16 |
Permezz tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Presidenta tal-Grupp S&D ċaħdet it-talba għal kumpens tar-rikorrent. Hija qieset li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tad-dmir ta’ premura, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba jew tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali. Fil-fehma tagħha, l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi neċessarji sabiex tintlaqa’ talba għal kumpens ibbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (il-kundizzjoni tal-aġir illegali tal-istituzzjoni) ma kinitx issodisfatta. |
|
17 |
Fl‑10 ta’ Ottubru 2024, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Huwa tenna argumenti intiżi sabiex juru l-fondatezza tat-talba għal kumpens tiegħu. |
|
18 |
It-tieni deċiżjoni kkontestata, iffirmata mill-Presidenta tal-Grupp S&D “għall-Bureau”, ċaħdet l-ilment tar-rikorrent. Din id-deċiżjoni kkonkludiet li l-atti ta’ grupp politiku jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Parlament biss meta dawn l-atti jistgħu jiġu imputati lill-Parlament. L-istqarrija għall-istampa hija att relatat biss mal-attivitajiet politiċi tal-grupp S&D u ma taqax taħt l-attività tal-grupp S&D bħala ASTK. Barra minn hekk, skont it-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent “ma setax jibbenefika” mill-proċedura prevista fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal peress li “tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu [...] tista’ tiġi persegwita skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal biss meta din toriġina mir-rabta ta’ impjieg bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni”. |
It-talbiet tal-partijiet
|
19 |
Fir-rikors u fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni mqajma mill-Parlament, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
20 |
Fl-eċċezzjoni mqajma skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
21 |
Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba tal-konvenut, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar eċċezzjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 126 tar-Regolamenti tal-Proċedura tagħha, meta rikors ikun manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, fi kwalunkwe ħin tagħżel li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
22 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha informazzjoni suffiċjenti u, abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
Fuq il-ġuriżdizzjoni
|
23 |
Il-Parlament isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors peress li d-deċiżjonijiet li tinħareġ l-istqarrija għall-istampa u li jitneħħa l-profil tar-rikorrent mill-organigramma fuq is-sit internet tal-grupp S&D huma atti politiċi tal-Bureau tal-Grupp S&D, li huwa l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet politiċi tal-Grupp S&D. |
|
24 |
Ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali għandha ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 270 TFUE. |
|
25 |
L-Artikolu 270 TFUE jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni speċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi tas-servizz pubbliku. Dan l-artikolu jiddistingwi l-kawżi tas-servizz pubbliku minn kawżi oħra li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala tilwim “bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha” u jirreferi għar-Regolamenti tal-Persunal bħala strument li jirregola l-limiti u l-kundizzjonijiet ta’ din il-ġuriżdizzjoni speċjali. |
|
26 |
L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni Ewropea u kull persuna li għaliha japplikaw [...] ir-Regolamenti tal-Persunal” u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 90(2). Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni “[k]ull persuna li japplikaw għaliha [...] ir-Regolamenti tal-Persunal” tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jikkawżalha preġudizzju. |
|
27 |
Huwa paċifiku li, fiż-żmien tal-fatti, ir-rikorrent kien membru tal-persunal temporanju tal-Grupp S&D fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. L-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi li t-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludi l-Artikoli 90 u 91 tagħhom, japplika b’analoġija. Ir-rikorrent huwa għalhekk persuna, li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, li ressqet ilment quddiem l-ASTK kontra att li jikkawżalha preġudizzju. |
|
28 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali għandha ġuriżdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati li jiċħdu t-talbiet għal kumpens. |
|
29 |
Fl-eċċezzjoni tiegħu, il-Parlament jinvoka s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1990, Le Pen (C‑201/89, EU:C:1990:133), sabiex isostni li ma teżistix regola tad-dritt tal-Unjoni li minnha jista’ jiġi dedott li l-atti ta’ grupp politiku jistgħu jiġu imputati lill-Parlament u li d-distribuzzjoni, minn grupp politiku, ta’ pubblikazzjoni allegatament malafamanti ma tatx lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. |
|
30 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni l-Parlament, il-prinċipju legali stabbilit fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1990, Le Pen (C-201/89, EU:C:1990:133, punt 15 u punt 16(b)), ma jillimitax il-ġuriżdizzjoni speċjali tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tas-servizz pubbliku stabbilita fl-Artikolu 270 TFUE, iżda sempliċement jillimita l-possibbiltà ta’ rikors għad-danni f’sitwazzjonijiet partikolari, aspett li għandu jiġi evalwat minn din tal-aħħar. |
|
31 |
Barra minn hekk, l-invokazzjoni tal-punti 21 u 22 tas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 1990, Mommer vs Il-Parlament (T‑162/89, EU:T:1990:72), li skonthom il-kundizzjonijiet tal-impjieg li ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija irrilevanti peress li dawn il-punti jikkostitwixxu obiter dicta li ma humiex rilevanti f’dan il-każ. L-argument ibbażat fuq il-punt 20 tad-digriet tas‑16 ta’ Diċembru 2019, Kipper vs Il-Kummissjoni (T‑394/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:863), ukoll ma jreġix peress li din il-kawża kienet tikkonċerna sett ta’ fatti differenti ħafna. |
|
32 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni mqajma mill-Parlament għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il-mertu
|
33 |
F’dan ir-rikors, ir-rikorrent isostni li, bil-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa, il-Parlament aġixxa b’illegalità u b’negliġenza, billi kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dmir ta’ premura tiegħu u d-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali. Skont ir-rikorrent, is-saħħa u r-reputazzjoni tiegħu ġew affettwati direttament mill-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa. Huwa jsostni li l-kundizzjonijiet kollha sabiex tintlaqa’ t-talba tiegħu huma għalhekk issodisfatti. |
|
34 |
Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrent jitlob l-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata. |
|
35 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għal annullament intiża formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandha l-effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment, fejn dan l-ilment, bħala tali, ikun nieqes minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament,293/87, EU:C:1989:8, punt 8 u tas‑16 ta’ Lulju 2025, ET vs BEI, T‑417/24, mhux ippubblikata, EU:T:2025:728, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma tkunx ta’ natura konfermatorja fil-konfront tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni oriġinali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqisu bħala att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent u li jissostitwixxi l-miżura kkontestata (sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni,T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Lulju 2023, SE vs Il-Kummissjoni,T‑223/21, EU:T:2017:375, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fil-każ ineżami, it-tieni deċiżjoni kkontestata, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tibdel fundamentalment l-ewwel deċiżjoni kkontestata sal-punt li tissostitwixxiha (ara l-punti 16 u 18 iktar ’il fuq). |
|
38 |
Għaldaqstant, jeħtieġ l-eżaminazzjoni tibda’ bil-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata. |
|
39 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jqajjimx argumenti fuq il-mertu kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata, u jitlob l-annullament tagħha biss “jekk ikun il-każ” fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet. Fil-fatt, ir-rikorrent sempliċement jiddikjara, mingħajr ma jsostni d-dikjarazzjoni tiegħu, li, billi ddeċieda li jippubblika l-istqarrija għall-istampa, il-Grupp S&D “neċessarjament, bħala tali jew tal-inqas ukoll, aġixxa bħala ASTK”. |
|
40 |
It-tieni nett, ma hemm ebda regola tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti li jiġi dedott li l-atti ta’ grupp politiku jistgħu jiġu imputati lill-Parlament bħala istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1990, Le Pen, C‑201/89, EU:C:1990:133, punt 14). |
|
41 |
L-atti ta’ grupp politiku jistgħu jitqiesu li huma atti tal-Parlament stess biss jekk ikunu espressament awtorizzati jew approvati minn din l-istituzzjoni, pereżempju permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament, jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ wieħed mill-korpi rappreżentattivi tiegħu, li jaġixxi fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Le Pen, C‑201/89, EU:C:1990:63, punt 19). |
|
42 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-istqarrija għall-istampa jirriżulta li din ġiet ippubblikata mill-Bureau tal-Grupp S&D fil-kuntest tal-politika tiegħu tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-indħil barrani, bl-għan li l-pubbliku jsir jaf dwar l-impenji tiegħu f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Qatar (ara l-punti 11 u 12 iktar ’il fuq). |
|
43 |
It-tielet nett, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa u l-irtirar tal-profil tar-rikorrent mill-organigramma fuq is-sit internet tal-Grupp S&D kienu b’xi mod awtorizzati jew approvati mill-Parlament. |
|
44 |
Huwa minnu li l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(c) u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jikkostitwixxu l-bażi legali għall-attribuzzjoni tal-funzjonijiet ta’ ASTK lil gruppi politiċi. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat‑13 ta’ Jannar 2014 dwar id-delega tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-ASTK jipprovdi d-delega tas-setgħat mogħtija lill-ASTK fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju lill-awtorità maħtura minn kull grupp politiku. Madankollu, l-atti ta’ grupp politiku intiżi sabiex jippubblikaw stqarrija għall-istampa u jneħħu profil minn organigramma fuq is-sit internet tiegħu ma humiex irregolati minn dawn l-istrumenti legali. |
|
45 |
Minn dan isegwi li t-tieni deċiżjoni kkontestata indikat b’mod korrett li d-deċiżjonijiet li tinħareġ l-istqarrija għall-istampa u li jitneħħa l-profil tar-rikorrent mill-organigramma fuq is-sit internet tal-Grupp S&D ma jagħtux lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. |
|
46 |
Barra minn hekk, minkejja li t-tieni deċiżjoni kkontestata indikat b’mod żbaljat li r-rikorrent “ma setax jibbenefika” mill-proċedura prevista fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ma jistax ibiddel il-fatt li din id-deċiżjoni ċaħdet ġustament it-talba għal kumpens tar-rikorrent kontra l-Parlament. |
|
47 |
Għaldaqstant, il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. |
|
48 |
Fir-rigward tal-kap tat-talbiet intiż għall-kumpens ta’ dannu, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ċivili, tali talba għandha tiġi miċħuda meta jkollha rabta stretta ma’ talba għal annullament, li hija stess tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli jew bħala infondata (ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2023, PP et vs Il-Parlament,T‑39/21, EU:T:2023:204, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Peress li l-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata u l-kap tat-talbiet għad-danni huma marbuta mill-qrib, hemm ukoll lok li dan tal-aħħar jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. |
|
50 |
Il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata għandu wkoll jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. F’dan ir-rigward, l-argumenti insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet ma jreġux fid-dawl tas-sostituzzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata bit-tieni deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) u taċ-ċaħda tal-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, peress li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa u t-tneħħija tal-profil tar-rikorrent mill-organigramma fuq is-sit internet tal-Grupp S&D ma jistgħux jiġu imputati lill-Parlament, l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi neċessarji sabiex tintlaqa’ talba għad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta. |
|
51 |
Minn dan isegwi li r-rikors fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura bħala manifestament infondat fid-dritt. |
Fuq l-ispejjeż
|
52 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
53 |
Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Parlament, kif mitlub mill-Parlament. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) tordna: |
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, V. Di Bucci Reġistratur G. De Baere President |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.