Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0420 - 0420
Id-Deċiżjoni tal-Grupp Ċentrali tat-22 ta' Marzu 1999 dwar prinċipji ġenerali li jirregolaw il-ħlas ta' informaturi (SCH/C (99)25) L-informaturi għandhom parti siewja fil-ġlieda kontra l-kriminalità 'l hinn mill-fruntieri, u partikolarment il-kriminalità relatata mad-droga, billi huma normalment igawdu l-fiduċja ta' dawk li jiksru l-liġi u għaldaqstant l-użu ta' persuni bħal dawn jipprovdi opportunità sabiex tinkiseb stampa ġenerali ta' l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet u strutturi kriminali klandestini. Il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Droga indirizza din il-materja taħt il-Presidenza Ġermaniża u eżamina l-liġijiet u l-prattiċi li jirrigwardaw il-pagament ta' informaturi f'kull Stat ta' Schengen. Fuq il-bażi tar-riżultat ta' din l-analiżi, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Droga fassal prinċipji gwida ġenerali bbażati fuq ir-riżultat ta' din l-analiżi għall-ħlas ta' informaturi fi flus jew benefiċċji mhux materjali. Dawn il-prinċipji ġenerali għandhom jitqiesu bħala linji gwida li ma jorbtux fl-isfera ta' Schengen u huma maħsuba biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ ulterjuri tal-koperazzjoni bejn pulizija u dwana f'dan il-qasam sensittiv. Huma għandhom ukoll iservu ta' gwida potenzali għal dawk l-Istati ta' Schengen li bħalissa jinsabu jabbozzaw jew iwessgħu regolamenti simili. Il-Grupp Ċentrali jirrikonoxxi u japprova l-"Prinċipji ġenerali li jirregolaw il-ħlas lill-informaturi" li m'għandhomx saħħa vinkolanti (Doc. SCH/Stup (98)72 Rev 2), bla ħsara għall-approvazzjoni mill-Kumitat Eżekuttiv. --------------------------------------------------