|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/841 |
6.5.2025 |
Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri
IL-KANADA
u
L-UNJONI EWROPEA,
minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,
WAQT LI JFITTXU l-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, kif ukoll kriminalità tranżnazzjonali serja oħra, bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni bil-għan li jippromwovu s-sigurtà u l-istat tad-dritt;
WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, kif ukoll kriminalità tranżnazzjonali serja oħra, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data;
WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalitajiet relatati u kriminalità tranżnazzjonali serja oħra, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) huwa strument importanti ferm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika u għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, jenħtieġ li jiġu stipulati regoli li jirregolaw it-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru lill-Kanada;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Partijiet jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u l-privatezza, li huma riflessi fil-liġi rispettiva tagħhom;
KONXJI mill-impenji tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u n-neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni ta’ data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha 181;
WARA LI KKUNSIDRAW id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta Kanadiża dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet u l-leġiżlazzjoni Kanadiża dwar il-privatezza;
WARA LI KKUNSIDRAW l-Opinjoni 1/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Lulju 2017 dwar il-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri magħmula fi Brussell fil-25 ta’ Ġunju 2014;
WAQT LI JINNUTAW l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux imwaqqfa milli jikkonformaw mal-liġi Kanadiża dwar it-trasferiment tad-data tal-PNR mill-Unjoni Ewropea lill-Kanada f’konformità ma’ dan il-Ftehim;
WAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim mhux maħsub li japplika għal informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri li tinġabar u tiġi trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru lill-Kanada għall-finijiet tal-kontroll fuq il-fruntieri;
WAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll li dan il-Ftehim ma jipprevjenix lill-Kanada milli, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fejn ikun meħtieġ, tkompli tipproċessa l-informazzjoni mit-trasportaturi tal-ajru sabiex timmitiga kwalunkwe theddida serja u immedjata għat-trasport bl-ajru jew għas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li tirrispetta l-limitazzjonijiet stretti stipulati fil-liġi Kanadiża u fi kwalunkwe każ, mingħajr ma tmur lil hinn mil-limitazzjonijiet previsti f’dan il-Ftehim;
WAQT LI JINNUTAW l-interess tal-Partijiet, kif ukoll tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-iskambju tal-informazzjoni dwar il-metodu ta’ trażmissjoni tad-data tal-PNR kif ukoll dwar id-divulgazzjoni tad-data tal-PNR ’il barra mill-Kanada kif spjegat fl-Artikoli rilevanti ta’ dan il-Ftehim, u waqt li jinnutaw ukoll l-interess tal-Unjoni Ewropea li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-kuntest tal-konsultazzjoni u tal-mekkaniżmu ta’ rieżami stabbilit f’dan il-Ftehim;
WAQT LI JINNUTAW li l-Kanada timpenja ruħha biex l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tipproċessa d-data tal-PNR għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità tranżnazzjonali serja f’konformità stretta mas-salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, kif stabbilit f’dan il-Ftehim;
WAQT LI JENFASIZZAW l-importanza tal-kondiviżjoni tad-data tal-PNR u ta’ informazzjoni analitika rilevanti u xierqa li jkun fiha data tal-PNR, miksuba mill-Kanada skont dan il-Ftehim mal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u mal-Europol u l-Eurojust, biex titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja;
WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim jirrifletti karatteristiċi speċifiċi tal-oqfsa legali u istituzzjonali tal-Partijiet, kif ukoll tal-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom fir-rigward tad-data tal-PNR, u ma jikkostitwixxix preċedent għal arranġamenti oħra;
WARA LI KKUNSIDRAW ir-Riżoluzzjonijiet 2396 (2017) u 2482 (2019) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (Standards and Recommended Practices, SARPs) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organization, ICAO) għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR (“is-SARPs tal-ICAO”) adottati bħala l-Emenda 28 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago),
FTIEHMU KIF ĠEJ:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Objettiv tal-Ftehim
Dan il-Ftehim, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) mill-Unjoni Ewropea u l-użu tagħha biex tiġi żgurata s-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jiġu preskritti l-mezzi li bihom tiġi protetta d-data.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
|
(a) |
“trasportatur tal-ajru” tfisser kumpanija ta’ trasport kummerċjali li tuża inġenji tal-ajru bħala mezzi ta’ trasport għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea; |
|
(b) |
“Awtorità Kompetenti Kanadiża” tfisser l-awtorità Kanadiża inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-data tal-PNR, skont dan il-Ftehim; |
|
(c) |
“data tat-tluq” tfisser il-perjodu ta’ soġġorn legali massimu tal-passiġġieri kkonċernat fil-Kanada, sakemm il-Kanada ma tkunx tista’ tiddetermina faċilment u b’mod affidabbli d-data attwali tat-tluq; |
|
(d) |
“data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri” (“data tal-PNR”) tfisser ir-rekords maħluqa minn trasportatur tal-ajru għal kull vjaġġ ipprenotat minn kwalunkwe passiġġier jew f’ismu, li jkunu meħtieġa għall-ipproċessar u l-kontroll tal-prenotazzjonijiet. B’mod speċifiku, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-data tal-PNR tikkonsisti mill-elementi elenkati fl-Anness ta’ dan il-Ftehim; |
|
(e) |
“ipproċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettaq fuq id-data tal-PNR, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-ħażna, l-adattament jew l-alterazzjoni, il-prelevazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, it-trasferiment, id-disseminazzjoni, id-divulgazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, l-allinjament jew it-tqabbil, l-imblukkar, l-immaskjar, it-tħassir jew il-qerda; |
|
(f) |
“data sensittiva” tfisser kwalunkwe informazzjoni li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union jew l-informazzjoni dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna. |
Artikolu 3
Finijiet tal-użu tad-data tal-PNR
1. Il-Kanada għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tiġi pproċessata strettament għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità tranżnazzjonali serja u għas-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data tal-PNR skont it-termini ta’ dan il-Ftehim, inkluż għal operazzjonijiet analitiċi.
2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu “reat terroristiku” tfisser:
|
(a) |
att jew ommissjoni li jkun twettaq għal skopijiet, objettivi jew kawżi politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi bl-intenzjoni li jintimidaw lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tiegħu, inkluża s-sigurtà ekonomika tiegħu, jew bl-intenzjoni li jisfurzaw lil persuni, gvernijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali biex iwettqu jew biex joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe att, u li jagħmlu dan intenzjonalment:
|
|
(b) |
attivitajiet li jikkostitwixxu reat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u tal-protokolli internazzjonali applikabbli li jikkonċernaw it-terroriżmu u skont kif definit fihom; jew |
|
(c) |
kwalunkwe parteċipazzjoni jew kontribut intenzjonati f’xi attività li jkollha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta’ entità terroristika fl-iffaċilitar jew fit-twettiq ta’ att jew ommissjoni mesmmija fil-punt (a) jew (b), jew kwalunkwe struzzjoni mogħtija intenzjonalment lil persuna, grupp jew organizzazzjoni f’dan ir-rigward; jew |
|
(d) |
it-twettiq ta’ reat li jwassal għal att ta’ akkuża, fejn l-att jew l-ommissjoni li jkun jikkostitwixxi r-reat inkwistjoni, ikun twettaq għall-ġid ta’ xi entità terroristika, taħt it-tmexxija tagħha jew f’assoċjazzjoni magħha; jew |
|
(e) |
il-ġbir ta’ proprjetà jew l-istedina lil persuna, grupp jew organizzazzjoni biex jipprovdu proprjetà jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħra relatati, jew il-forniment jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-propjetà jew is-servizzi imsemmija, bl-iskop li jitwettqu l-att jew l-ommissjoni msemmija fil-punti (a) jew (b), jew l-użu jew il-pussess ta’ proprjetà bl-iskop li jitwettaq att jew ommissjoni msemmija fil-punt (a) jew (b); jew |
|
(f) |
it-tentattiv jew it-theddida li jitwettaq l-att jew l-ommissjoni msemmija fil-punt (a) jew (b), il-komplotti, l-iffaċilitar jew l-għoti ta’ struzzjonijiet jew ta’ pariri b’rabta ma’ att jew ommissjoni mesmmija fil-punt (a) jew (b), jew il-kompliċità wara li jseħħ il-fatt, jew il-protezzjoni jew il-ħabi tiegħu bl-iskop li entità terroristika tkun tista’ tiffaċilita jew twettaq att jew ommissjoni msemmija fil-punt (a) jew (b). |
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, “entità terroristika” tfisser:
|
(i) |
persuna, grupp jew organizzazzjoni li, fost skopijiet jew attivitajiet oħra, jiffaċilitaw jew iwettqu att jew ommissjoni mesmmija fil-punt (a) jew (b); jew |
|
(ii) |
persuna, grupp jew organizzazzjoni li jaġixxu intenzjonalment f’isem persuna, grupp jew organizzazzjoni msemmija fil-punt (i), jew li taġixxi taħt it-tmexxija tagħhom jew f’assoċjazzjoni magħhom. |
3. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, kriminalità tranżnazzjonali serja tfisser kwalunkwe reat punibbli fil-Kanada b’ċaħda massima tal-libertà ta’ mill-anqas 4 snin jew b’piena aktar ħarxa u hekk kif definiti mil-liġi Kanadiża, jekk l-att kriminali jkun ta’ natura tranżnazzjonali.
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, reat jitqies li huwa ta’ natura tranżnazzjonali jekk jitwettaq:
|
(a) |
f’aktar minn pajjiż wieħed; |
|
(b) |
f’pajjiż wieħed iżda parti sostanzjali tal-preparazzjoni, tal-ippjanar, id-direzzjoni jew il-kontroll tiegħu jseħħu f’pajjiż ieħor; |
|
(c) |
f’pajjiż wieħed iżda jkun jikkonċerna grupp ta’ kriminalità organizzata li jkun involut f’attivitajiet kriminali f’aktar minn pajjiż wieħed; |
|
(d) |
f’pajjiż wieħed iżda jkollu effetti sostanzjali fuq pajjiż ieħor; jew |
|
(e) |
f’pajjiż wieħed u l-awtur tar-reat ikun jinsab f’pajjiż ieħor jew ikollu l-intenzjoni li jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor. |
4. F’każijiet eċċezzjonali, l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tista’ tipproċessa d-data tal-PNR meta dan ikun neċessarju, biex tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe individwu, bħal f’każ ta’:
|
(a) |
riskju ta’ mewt jew ta’ korriment gravi; jew |
|
(b) |
riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari skont kif meħtieġ mill-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. |
5. Il-Kanada tista’ tipproċessa wkoll id-data tal-PNR fuq bażi ta’ każ b’każ fejn id-divulgazzjoni tad-data tal-PNR rilevanti tkun ordnata:
|
(a) |
minn qorti jew tribunal amministrattiv Kanadiżi fi proċediment relatat direttament ma’ skop skont l-Artikolu 3(1); jew |
|
(b) |
minn qorti kriminali Kanadiża jekk l-ordni ssir biex ikun hemm konformità mad-drittijiet ta’ imputat skont il-Karta Kanadiża tad-Drittijiet u l-Libertajiet. |
Artikolu 4
Żgurar li tiġi pprovduta d-data tal-PNR
1. L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux impediti milli jittrasferixxu d-data tal-PNR lill-Awtorità Kompetenti Kanadiża, f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
2. Il-Kanada ma għandhiex tobbliga li trasportatur tal-ajru jipprovdi elementi tad-data tal-PNR li ma jkunux diġà nġabru jew nżammu mit-trasportatur tal-ajru għall-finijiet ta’ prenotazzjoni.
3. F’konformità ma’ dan il-Ftehim, il-Kanada għandha tħassar kwalunkwe data trasferita lilha minn trasportatur tal-ajru hekk kif tirċeviha, jekk dak l-element tad-data li tkun irċeviet mhuwiex elenkat fl-Anness.
4. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jittrasferixxu d-data tal-PNR lill-Awtorità Kompetenti Kanadiża permezz ta’ aġenti awtorizzati, li jaġixxu f’isem it-trasportatur tal-ajru jew jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih.
Artikolu 5
Adegwatezza
Soġġett għall-konformità ma’ dan il-Ftehim, l-ipproċessar u l-użu tad-data tal-PNR mill-Awtorità Kompetenti Kanadiża jitqiesu li jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni, fis-sens tal-liġi tal-Unjoni Ewropea rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Trasportatur tal-ajru li jipprovdi lill-Kanada b’data tal-PNR skont dan il-Ftehim jitqies konformi mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni Ewropea għat-trasferiment tad-data tal-PNR mill-Unjoni Ewropea lill-Kanada.
Artikolu 6
Kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja
1. Hekk kif ikun prattikabbli, il-Kanada għandha tikkondividi informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha data tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, mal-Europol u mal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew mal-pulizija jew ma’ xi awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Il-Kanada għandha tiżgura li din l-informazzjoni tkun kondiviża f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat.
2. Il-Kanada għandha tikkondividi, fuq talba min-naħa tal-Europol jew tal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom jew min-naħa tal-pulizija jew ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, id-data tal-PNR jew informazzjoni analitika li jkun fiha data tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, f’każijiet speċifiċi għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta’ reat terroristiku jew kriminalità serja tranżnazzjonali. Il-Kanada għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni, f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat.
KAPITOLU 2
SALVAGWARDJI APPLIKABBLI GĦALL-IPPROĊESSAR TAD-DATA TAL-PNR
Artikolu 7
Nondiskriminazzjoni
Il-Kanada għandha tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-data tal-PNR japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali.
Artikolu 8
L-użu ta’ data sensittiva
Kwalunkwe pproċessar ta’ data sensittiva tal-PNR kif definit fl-Artikolu 2 huwa pprojbit skont dan il-Ftehim. Sa fejn id-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim mill-Awtorità Kompetenti Kanadiża tinkludi data sensittiva, l-Awtorità Kompetenti Kanadiża għandha tħassar id-data sensittiva.
Artikolu 9
Sigurtà u integrità tad-data
1. Il-Kanada għandha timplimenta miżuri regolatorji, proċedurali jew tekniċi biex tipproteġi d-data tal-PNR minn aċċess, ipproċessar jew telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat.
2. Il-Kanada għandha tiżgura l-verifika tal-konformità u l-protezzjoni, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, u l-integrità tad-data. Il-Kanada għandha:
|
(a) |
tapplika proċeduri ta’ kriptaġġ, ta’ awtorizzazzjoni, u ta’ dokumentazzjoni għad-data tal-PNR; |
|
(b) |
tillimita l-aċċess għad-data tal-PNR għall-uffiċjali awtorizzati; |
|
(c) |
iżomm id-data tal-PNR f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess; u |
|
(d) |
tistabbilixxi mekkaniżmu li jiżgura li l-mistoqsijiet marbuta mad-data tal-PNR isiru b’mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 3. |
3. Jekk id-data tal-PNR ta’ individwu tiġi aċċessata jew divulgata mingħajr awtorizzazzjoni, il-Kanada għandha tieħu miżuri biex tinnotifika lil dak l-individwu, biex tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara, u biex tieħu azzjoni ta’ rimedju.
4. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tinforma minnufih lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe inċident sinifikanti li jkun jinvolvi l-aċċess, l-ipproċessar jew it-telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat tad-data tal-PNR.
5. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-data, b’mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew għat-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni jew l-aċċess mhux awtorizzati, jew għal kwalunkwe forma illegali ta’ pproċessar, ikun soġġett għal miżuri korrettivi effettivi u dissważivi li jistgħu jinkludu sanzjonijiet.
Artikolu 10
Sorveljanza
1. Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data għall-ipproċessar tad-data tal-PNR skont dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar (l-“awtoritajiet ta’ sorveljanza”). Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jkollhom setgħat effettivi biex jinvestigaw li-konformità mar-regoli relatati mal-ġbir, l-użu, id-divulgazzjoni, iż-żamma, jew it-tħassir tad-data tal-PNR. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza jistgħu iwettqu rieżamijiet u investigazzjonijiet ta’ konformità, jistgħu jirrapportaw is-sejbiet tagħhom u jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Kompetenti Kanadiża. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom s-setgħa li, meta jkun xieraq, jirreferu ksur tal-liġi marbuta ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew għal azzjoni dixxiplinarja.
2. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jiżguraw li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq.
3. Barra minn hekk, il-Kanada għandha tapplika dan il-Ftehim soġġett għal rieżami indipendenti minn entitajiet pubbliċi maħtura oħra, li għandhom il-mandat li jiżguraw is-sorveljanza jew ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika.
Artikolu 11
Trasparenza u notifika lill-passiġġieri
1. Il-Kanada għandha tiżgura li fuq is-sit web tagħha, l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tagħmel disponibbli l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
lista tal-leġiżlazzjoni li tawtorizza l-ġbir tad-data tal-PNR; |
|
(b) |
ir-raġuni għall-ġbir tad-data tal-PNR; |
|
(c) |
il-mod li bih tiġi protetta d-data tal-PNR; |
|
(d) |
il-mod li bih tista’ tiġi divulgata d-data u sa liema punt jista’ jsir dan; |
|
(e) |
informazzjoni dwar l-aċċess, il-korrezzjoni, in-notazzjonijiet u r-rimedji; u |
|
(f) |
l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet. |
2. Il-Partijiet għandhom jaħdmu mal-partijiet interessati, bħall-industrija tal-ivvjaġġar bl-ajru, biex jippromwovu t-trasparenza, preferibbilment fil-mument tal-prenotazzjoni, billi jipprovdu lill-passiġġieri bl-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
ir-raġunijiet għall-ġbir tad-data tal-PNR; |
|
(b) |
l-użu tad-data tal-PNR; |
|
(c) |
il-proċedura biex jintalab aċċess għad-data tal-PNR; u |
|
(d) |
il-proċedura biex tintalab korrezzjoni tad-data tal-PNR. |
3. Jekk id-data tal-PNR miżmuma f’konformità mal-Artikolu 16 tkun intużat soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 jew tkun ġiet divulgata f’konformità mal-Artikolu 19 jew mal-Artikolu 20, filwaqt li tqis l-isforzi raġonevoli, il-Kanada għandha tinnotifika lill-passiġġieri kkonċernati bil-miktub, b’mod individwali u fi żmien raġonevoli malli din in-notifika ma tkunx għadha tista’ tipperikola l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet governattivi ikkonċernati, sal-punt li l-informazzjoni rilevanti ta’ kuntatt tal-passiġġieri tkun disponibbli jew tkun tista’ tinġibed. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar kif l-individwu kkonċernat jista’ jfittex rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju skont l-Artikolu 14.
Artikolu 12
Aċċess minn individwi għad-data tal-PNR tagħhom
1. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu jkun jista’ jaċċessa d-data tal-PNR tiegħu.
2. Il-Kanada għandha tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kompetenti Kanadiża:
|
(a) |
tipprovdi kopja tad-data tal-PNR lill-individwu jekk dan ikun għamel talba bil-miktub għad-data tal-PNR tiegħu; |
|
(b) |
tirrispondi bil-miktub għal kwalunkwe talba li ssirilha; |
|
(c) |
tipprovdi lill-individwu b’aċċess għal informazzjoni rreġistrata li tikkonferma li d-data tal-PNR tal-individwu tkun ġiet divulgata, jekk l-individwu jitlob din il-konferma; |
|
(d) |
tagħti r-raġunijiet legali jew fattwali għal kull meta tirrifjuta li tippermetti l-aċċess għad-data tal-PNR tal-individwu; |
|
(e) |
tinforma lill-individwu jekk id-data tal-PNR ma tkunx teżisti; u |
|
(f) |
tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jressaq ilment u dwar il-proċedura tal-ilmenti. |
3. Għall-raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku, il-Kanada tista’ tagħmel kwalunkwe aċċess għall-informazzjoni skont dan l-Artikolu, soġġett għal rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli, inklużi kwalunkwe limitazzjoni meħtieġa għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jew nazzjonali, fir-rispett dovut għall-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat.
Artikolu 13
Korrezzjoni jew annotazzjoni għall-individwi
1. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu jkun jista’ jitlob li ssir korrezzjoni tad-data tal-PNR tiegħu.
2. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tikkunsidra t-talbiet kollha għal korrezzjoni li jsirulha bil-miktub, u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli:
|
(a) |
tikkoreġi d-data tal-PNR u tinnotifika lill-individwu kkonċernat li l-korrezzjoni tkun saret; jew |
|
(b) |
tirrifjuta l-korrezzjoni kollha jew parti minnha, u:
|
|
(c) |
tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jressaq ilment u dwar il-proċedura tal-ilmenti. |
Artikolu 14
Rimedju amministrattiv u ġudizzjarju
1. Il-Kanada għandha tiżgura li awtorità pubblika indipendenti tirċievi, tinvestiga u twieġeb għall-ilmenti mressqa minn individwu dwar it-talba tiegħu għal aċċess, korrezzjoni jew annotazzjoni tad-data tal-PNR tiegħu. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità rilevanti tinnotifika lill-ilmentatur dwar il-mezzi biex jikseb rimedju ġudizzjarju, hekk kif previst fil-paragrafu 2.
2. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu li jkun tal-opinjoni li d-drittijiet tiegħu ma jkunux irrispettati minħabba xi deċiżjoni jew azzjoni marbuta mad-data tal-PNR tiegħu, jista’ jfittex li jikseb rimedju ġudizzjarju f’konformità mal-liġi Kanadiża, permezz ta’ rieżami ġudizzjarju jew kwalunkwe rimedju ieħor li jista’ jinkludi kumpens.
Artikolu 15
Proċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR
1. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe proċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR ikun ibbażat fuq mudelli u kriterji mhux diskriminatorji, speċifiċi u affidabbli stabbiliti minn qabel biex l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tkun tista’:
|
(a) |
tasal għal riżultati li jkollhom fil-mira individwi li jistgħu jkunu taħt suspett raġonevoli ta’ involviment jew parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew kriminalità tranżnazzjonali serja; jew |
|
(b) |
f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe individwu kif stabbilit fl-Artikolu 3(4). |
2. Il-Kanada għandha tiżgura li l-bażijiet tad-data li magħhom titqabbel id-data tal-PNR ikunu affidabbli, aġġornati u limitati għal dawk il-bażijiet tad-data li hija tuża fir-rigward tal-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
3. Il-Kanada ma għandhiex tieħu deċiżjonijiet li jkunu jolqtu individwu b’mod sinifikattivament negattiv abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR.
Artikolu 16
Żamma tad-data tal-PNR
1. Il-Kanada ma għandhiex iżżomm data tal-PNR għal aktar minn 5 snin mid-data li fiha tirċievi d-data tal-PNR.
2. Il-Kanada għandha tirrevedi l-perjodu taż-żamma tad-data tal-PNR kull sentejn u tiddetermina jekk dan jibqax proporzjonat mal-livell ta’ riskju ta’ terroriżmu u kriminalità tranżnazzjonali serja li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea u jgħaddu minnha. Il-Kanada għandha tipprovdi rapport klassifikat lill-Unjoni Ewropea li jiddeskrivi l-eżitu tar-rieżami, inkluż il-livell ta’ riskju identifikat, il-fatturi kkunsidrati fit-tnaqqis tal-perjodu taż-żamma tad-data, u d-deċiżjoni ta’ żamma relatata.
3. Id-data tal-PNR tista’ tinżamm skont dan il-Ftehim lil hinn mid-data tat-tluq tal-passiġġier, fejn il-Kanada tqis li hemm konnessjoni mal-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, abbażi ta’ elementi oġġettivi li minnhom jista’ jiġi inferit li d-data tal-PNR tista’ tagħti kontribut effettiv biex jiġu indirizzati dawk il-finijiet.
4. Il-Kanada għandha tirrestrinġi l-aċċess għad-data tal-PNR għal għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati minnha.
5. L-użu tad-data tal-PNR miżmuma skont dan l-Artikolu huwa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17.
6. Il-Kanada għandha tagħmel anonima d-data tal-PNR billi taħbi l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-passiġġieri kollha sa mhux aktar tard minn 30 jum wara li tirċeviha.
7. Il-Kanada tista’ tikxef d-data tal-PNR biss jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3, kif ġej:
|
(a) |
minn 30 jum sa sentejn wara l-wasla inizjali, minn għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward biss; u |
|
(b) |
minn sentejn sa ħames snin wara l-wasla inizzjali, bil-permess minn qabel tal-Kap tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti, jew ta’ uffiċjal anzjan li jkollu mandat speċifiku mill-Kap, biss. |
8. Minkejja l-paragrafu 1:
|
(a) |
Il-Kanada tista’ żżomm id-data tal-PNR li tkun tenħtieġ għal xi azzjoni speċifika, rieżami, investigazzjoni, azzjoni ta’ infurzar, proċediment ġudizzjarju, prosekuzzjoni, jew infurzar ta’ penali, sakemm tintemm l-azzjoni inkwistjoni; |
|
(b) |
Il-Kanada għandha żżomm id-data tal-PNR imsemmija fil-punt (a) għal perjodu addizzjonali ta’ sentejn biss biex tiżgura r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika jew biex tissorveljaha, sabiex id-data tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-passiġġieri jekk dawn jagħmlu talba għaliha. |
9. Il-Kanada għandha teqred id-data tal-PNR hekk kif jintemm il-perjodu ta’ żamma tad-data tal-PNR.
Artikolu 17
Kundizzjonijiet għall-użu tad-data tal-PNR
L-Awtorità Kompetenti Kanadiża tista’ tuża biss data tal-PNR miżmuma f’konformità mal-Artikolu 16 għal skopijiet oħra minbarra s-sigurtà u l-verifiki ta’ kontroll fuq il-fruntieri, meta ċirkustanzi ġodda bbażati fuq raġunijiet oġġettivi jindikaw li d-data tal-PNR ta’ passiġġier wieħed jew aktar tista’ tagħti kontribut effettiv għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 3. Kwalunkwe użu bħal dan, inkluż id-divulgazzjoni, għandu jkun soġġett għal rieżami minn qabel minn qorti jew minn korp amministrattiv indipendenti abbażi ta’ talba motivata mill-awtoritajiet kompetenti fil-qafas tal-proċeduri għall-prevenzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ kriminalità, ħlief:
|
(a) |
f’każijiet ta’ urġenza stabbilita b’mod validu; jew, |
|
(b) |
għall-fini tal-verifika tal-affidabbiltà u tal-munita tal-mudelli u tal-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat il-proċessar awtomatizzat ta’data tal-PNR, jew tad-definizzjoni ta’ mudelli u ta’ kriterji ġodda għal tali proċessar awtomatizzat.. |
Artikolu 18
Illoggjar u dokumentazzjoni tal-ipproċessar tad-data tal-PNR
Il-Kanada għandha tilloggja u tiddokumenta l-ipproċessar kollu ta’ data tal-PNR. Il-Kanada għandha tuża reġistru jew dokument biss biex:
|
(a) |
tagħmel awtomonitoraġġ u tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data; |
|
(b) |
tiżgura l-integrità tad-data jew il-funzjonalità tas-sistema xierqa; |
|
(c) |
tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data; u |
|
(d) |
tiżgura s-sorveljanza u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika. |
Artikolu 19
Id-divulgazzjoni fil-Kanada
1. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża ma tiddivulgax data tal-PNR lil awtoritajiet governattivi oħra fil-Kanada sakemm ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
id-data tal-PNR tiġi ddivulgata lill-awtoritajiet governattivi li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3; |
|
(b) |
id-data tal-PNR tiġi ddivulgata biss fuq bażi ta’ każ b’każ; |
|
(c) |
iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ irendu d-divulgazzjoni neċessarja għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3; |
|
(d) |
jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ data tal-PNR meħtieġ; |
|
(e) |
l-awtorità governattiva riċeventi toffri protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji previsti f’dan il-Ftehim; u |
|
(f) |
l-awtorità governattiva riċeventi ma tiddivulgax id-data tal-PNR lil entità oħra sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx ġiet awtorizzata mill-Awtorità Kompetenti Kanadiża, b’rispett lejn il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu. |
2. Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-data tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-data tal-PNR imsemmija f’dan l-Artikolu.
Artikolu 20
Divulgazzjoni ’l barra mill-Kanada
1. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża ma tiddivulgax data tal-PNR lill-awtoritajiet governattivi f’pajjiżi oħra li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
id-data tal-PNR tiġi ddivulgata lill-awtoritajiet governattivi li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3; |
|
(b) |
id-data tal-PNR tiġi ddivulgata biss fuq bażi ta’ każ b’każ; |
|
(c) |
id-data tal-PNR tiġi ddivulgata biss jekk dan ikun meħtieġ għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3; |
|
(d) |
tiġi ddivulgata biss id-data tal-PNR minima meħtieġa; |
|
(e) |
il-pajjiż li lilu tiġi ddivulgata d-data ikun jew ikkonkluda Ftehim mal-Unjoni Ewropea li jipprovdi għall-protezzjoni ta’ data personali komparabbli ma’ dan il-Ftehim jew ikun soġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li ssib li l-imsemmi pajjiż jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. |
2. Bħala eċċezzjoni għall-paragrafu 1,il-punt (e), l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tista’ tikkondividi data tal-PNR ma’ pajjiż ieħor jekk il-Kap tal-Awtorità Kompetenti Kanadiża, jew uffiċjal għoli b’mandat speċifiku mill-Kap, iqis li d-divulgazzjoni hija meħtieġa għall-prevenzjoni jew l-investigazzjoni ta’ theddida serja u imminenti għas-sigurtà pubblika u jekk dak il-pajjiż jipprovdi assigurazzjoni bil-miktub, skont arranġament, ftehim jew mod ieħor li l-informazzjoni se tkun protetta f’konformità mal-protezzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.
3. Jekk, f’konformità mal-paragrafu 1, l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tiddivulga d-data tal-PNR ta’ individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bid-divulgazzjoni malajr kemm jista’ jkun. Il-Kanada għandha toħroġ din in-notifika f’konformità ma’ ftehimiet jew arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat.
4. Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-data tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-data tal-PNR imsemmija f’dan l-Artikolu.
Artikolu 21
Metodu tat-trasferiment
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu data tal-PNR lill-Awtorità Kompetenti Kanadiża biss fuq il-bażi tal-metodu “push” u f’konformità mal-proċeduri li ġejjin li għandhom jiġu osservati mit-trasportaturi tal-ajru:
|
(a) |
jittrasferixxu data tal-PNR b’mezzi elettroniċi f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tal-Awtorità Kompetenti Kanadiża jew, f’każ ta’ ħsara teknika, bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà tad-data; |
|
(b) |
jittrasferixxu data tal-PNR b’format ta’ messaġġi li jkun aċċettat b’mod reċiproku; |
|
(c) |
jittrasferixxu data tal-PNR b’mod sigur billi jużaw il-protokolli komuni meħtieġa mill-Awtorità Kompetenti Kanadiża. |
Artikolu 22
Frekwenza tat-trasferiment
1. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża titlob lit-trasportatur tal-ajru biex jittrasferixxi d-data tal-PNR:
|
(a) |
fuq bażi ta’ skeda fejn l-aktar kmieni jkun sa 72 siegħa qabel it-tluq skedat; u |
|
(b) |
għal massimu ta’ ħames darbiet, għal titjira partikolari. |
2. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tinforma lit-trasportaturi tal-ajru bil-ħinijiet speċifiċi għat-trasferimenti.
3. F’każijiet speċifiċi, fejn ikun hemm indikazzjoni li jkun meħtieġ aċċess addizzjonali b’reazzjoni għal xi theddida speċifika relatata mal-kamp ta’ applikazzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 3, l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tista’ titlob lit-trasportatur tal-ajru jipprovdi data tal-PNR qabel jew wara t-trasferimenti skedati jew bejniethom. Fl-eżerċitar ta’ din id-diskrezzjoni, il-Kanada għandha taġixxi b’mod ġudizzjuż u proporzjonali u teħtieġ l-użu tal-metodu ta’ trasferiment imsemmi fl-Artikolu 21.
KAPITOLU 3
DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI
Artikolu 23
Data tal-PNR riċevuta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim
Il-Kanada għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun qed iżżomm fiż-żmien meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ.
Artikolu 24
Kooperazzjoni
L-awtoritajiet tal-Kanada u tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkooperaw bejniethom biex ifittxu l-koerenza tar-reġimi tagħhom tal-ipproċessar tad-data tal-PNR b’tali mod li tissaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Kanada, tal-Unjoni Ewropea u ta’ bnadi oħra.
Artikolu 25
Nonderoga
Dan il-Ftehim m’għandux jiġi interpretat bħala li jidderoga minn kwalunkwe obbligu bejn il-Kanada u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi terzi biex issir u biex tiġi mwieġba talba għall-assistenza taħt strument ta’ assistenza reċiproka.
Artikolu 26
Is-soluzzjoni tat-tilwim u s-sospensjoni
1. Il-Partijiet għandhom isolvu kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’mezzi diplomatiċi, bil-ħsieb li jaslu għal soluzzjoni aċċettata b’mod reċiproku, li tipprevedi l-possibbiltà li waħda mill-Partijiet tikkonforma fi żmien raġonevoli.
2. Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima, kull Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’mezzi diplomatiċi. Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ 120 jum mid-data li fiha tkun saret tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux b’mod konġunt li jsir mod ieħor.
3. Il-Parti li tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha twaqqaf is-sospensjoni hekk kif it-tilwima tiġi solvuta b’mod li jissodisfa liż-żewġ Partijiet. Il-Parti li tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bid-data li fiha jerġa’ jibda japplika dan il-Ftehim.
4. Il-Kanada għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 27
Konsultazzjoni, rieżami, evalwazzjoni u emendi
1. Il-Partijiet għandhom jagħtu pariri lil xulxin dwar kwalunkwe miżura li għandha tiġi ppromulgata li tista’ taffettwa lil dan il-Ftehim.
2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu rieżami konġunt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, minn hemm ’il quddiem b’intervalli regolari, u addizzjonalment jekk jintalab minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u jiġi deċiż konġuntament. Fit-twettiq ta’ dawn ir-rieżamijiet, il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-neċessità u l-proporzjonalità tal-ipproċessar u taż-żamma tad-data tal-PNR għal kull wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-Partijiet jaqblu li r-rieżami konġunt għandu b’mod partikolari jeżamina ż-żamma eċċezzjonali tad-data tal-PNR skont l-Artikolu 16(3). Ir-rieżamijiet konġunti għandhom ukoll jinkludu eżamita’ kif l-Awtorità Kompetenti Kanadiża tkun żgurat li l-mudelli, kriterji u bażijiet ta’ data prestabbiliti msemmija fl-Artikolu 15 ikunu affidabbli, rilevanti u aġġornati, b’kont meħud tad-data statistika.
3. Il-Partijiet għandhom jevalwaw dan il-Ftehim b’mod konġunt 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
4. Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar il-modalitajiet tar-rieżami konġunt u għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet ta’ tali rieżami, l-Unjoni Ewropea għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea. It-timijiet għandhom jinkludu esperti rilevanti fl-oqsma tal-protezzjoni tad-data u tal-infurzar tal-liġi. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, il-Partijiet għandhom jeżiġu li kwalunkwe parteċipant f’rieżami jirrispetta l-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u li jkollu awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà xierqa. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe rieżami, il-Kanada għandha tipprovdi fuq talba, l-aċċess għad-dokumentazzjoni, l-istatistika, is-sistemi, u l-persunal rilevanti.
5. Wara kull rieżami konġunt, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kanada għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi l-kummenti bil-miktub li huma mehmuża mar-rapport.
6. Jekk Parti tipproponi li jiġi emendat dan il-Ftehim, għandha tagħmel dan bil-miktub.
Artikolu 28
Terminazzjoni
1. Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin billi tavża lill-Parti l-oħra b’mezzi diplomatiċi dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat 120 jum wara li n-notifika tasal għand il-Parti l-oħra.
2. Il-Kanada għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 29
Durata
1. Soġġett għall-paragrafu 2, dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ 7 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
2. Fi tmiem kull perjodu ta’ 7 snin, dan il-Ftehim għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodu addizzjonali ta’ 7 snin, sakemm Parti waħda ma tavżax lill-Parti l-oħra, bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi, mill-inqas 6 xhur qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ 7 snin, li mhijiex biħsiebha ġġedded dan il-Ftehim.
3. Il-Kanada għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 30
Applikazzjoni territorjali
1. Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Kanada, u għat-territorju tal-Unjoni Ewropea f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. Sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-Kanada dwar l-Istati Membri li dan il-Ftehim japplika għat-territorji tagħhom. Sussegwentement, hija tista’, fi kwalunkwe ħin, tinnotifika kwalunkwe bidla fiha.
Artikolu 31
Dispożizzjonijiet Finali
1. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub meta tkun lestiet il-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tat-tieni notifika.
2. Il-Kanada għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Ftehim b’mezzi diplomatiċi dwar l-identità tal-awtoritajiet li ġejjin:
|
(a) |
l-Awtorità Kompetenti Kanadiża msemmija fl-Artikolu 2(b) |
|
(b) |
l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti kif imsemmija fl-Artikolu 10 l-Artikolu 14(1); u |
|
(c) |
il-korp amministrattiv indipendenti kif imsemmi fl-Artikolu 17. Il-Kanada għandha tinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe tibdil fl-identità ta’ dawk l-awtoritajiet. |
3. L-Unjoni Ewropea għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. Dan il-Ftehim jissostitwixxi kwalunkwe dispożizzjoni preċedenti dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri u data tal-PNR inkluż il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Komunità Ewropea dwar l-ipproċessar tal-Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri u tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, magħmul fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Ottubru 2005
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b’kull test ikollu l-istess awtentiċità.
ANNESS
Elementi tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri msemmija fl-Artikolu 2(d)
|
1. |
Il-kodiċi lokalizzatur tal-PNR |
|
2. |
Id-data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett |
|
3. |
Data(i) tal-ivvjaġġar ippjanat |
|
4. |
Isem/ismijiet |
|
5. |
Informazzjoni dwar vjaġġaturi frekwenti (id-deżinjatur tal-linja tal-ajru jew tal-bejjiegħ li jamministra l-programm, in-numru ta’ vjaġġaturi frequent flyer, il-livell ta’ sħubija, id-deskrizzjoni tal-livell u l-kodiċi tal-alleanza) |
|
6. |
Ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR |
|
7. |
L-indirizz, in-numru tat-telefon u l-informazzjoni ta’ kuntatt elettroniku tal-passiġġier, il-persuni li għamlu l-prenotazzjoni tat-titjira għall-passiġġier, persuni li permezz tagħhom jista’ jiġi kkuntattjat passiġġier tal-ajru u persuni li għandhom jiġu infurmati f’każ ta' emerġenza |
|
8. |
L-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew ma’ kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar) |
|
9. |
L-itinerarju kollu tal-vjaġġ għal PNR speċifiku |
|
10. |
L-aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar |
|
11. |
Informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi |
|
12. |
L-informazzjoni maqsuma/diviża |
|
13. |
L-istatus tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (inklużi l-konfermi u l-istatus tar-reġistrazzjoni) |
|
14. |
L-informazzjoni dwar il-qtugħ ta’ biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, il-biljetti mingħajr ritorn u d-dettalji tal-Automated Ticket Fare Quote |
|
15. |
L-informazzjoni kollha dwar il-bagalji |
|
16. |
L-informazzjoni dwar is-sit, inkluż in-numru tas-sit |
|
17. |
Informazzjoni Supplimentari Oħra (Other Supplementary Information, OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (Special Service Information, SSI) u Informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (Special Service Request, SSR) |
|
18. |
Kwalunkwe data dwar informazzjoni bil-quddiem dwar il-Passiġġieri (advance passenger information, API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni |
|
19. |
Il-bidliet storiċi kollha għad-data tal-PNR elenkati fil-punti (1) sa (18) |
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/841/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)