European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3927

1.9.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2026

dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Latvja

(C/2026/3927)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(2)

Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tal-Latvja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lil-Latvja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026.

(3)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(4)

Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(5)

Fl-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għal-Latvja. Dan evalwa l-progress li għamlet il-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-RRP mil-Latvja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Latvja. Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-progress li għamlet il-Latvja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Latvja (4). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 5,9 % fl-2025, 3,6 % fl-2026, 3,4 % fl-2027, u 3,3 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 15,5 % fl-2025, 19,7 % fl-2026, 23,8 % fl-2027, u 27,9 % fl-2028.

(7)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (5) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Latvja, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Latvja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (6). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lil-Latvja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża li tkun ogħla b'mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(8)

Fit-30 ta' April 2026, il-Latvja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 (7) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u ta' investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Latvja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 2,1 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 3,8 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 1,4 % fl-2026 u ta' 1,6 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 3,6 % fl-2026 u 2,2 % fl-2027.

(10)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (8), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja żdied minn 1,8 % tal-PDG fl-2024 għal 2,5 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-impatt fiskali negattiv tar-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali u tnaqqis fl-introjtu mill-proprjetà, affettwati minn pagamenti ta' dividendi aktar baxxi minn intrapriżi tal-Istat u dħul mill-imgħax aktar baxx. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 3,3 % tal-PDG fl-2026 u ta' 4,3 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment investiment ogħla (inkluż fid-difiża), żieda fil-kostijiet tal-imgħax, u tkabbir kontinwu fit-trasferimenti soċjali, l-aktar minħabba l-indiċjar tal-pensjonijiet u tal-benefiċċji li jisboq it-tkabbir ekonomiku, u għadd dejjem akbar ta' riċevituri tal-pensjonijiet. Iż-żieda ulterjuri fid-defiċit fl-2027 tirrifletti prinċipalment l-effetti ulterjuri tar-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali u t-tnaqqis fl-introjtu mill-proprjetà, kif ukoll żieda qawwija fin-nefqa għad-difiża, flimkien ma' tkabbir għoli kontinwu tat-trasferimenti soċjali.

(11)

Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (9), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet espansjonarja, b'1,1 % tal-PDG fl-2025. Huwa pprojettat li jkun espansjonarju, b'1,5 % tal-PDG, fl-2026, u ġeneralment newtrali fl-2027.

(12)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (10), id-dejn tal-gvern estiż tal-Latvja żdied minn 46,2 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 46,9 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-baġit u aġġustament pożittiv bejn il-fondi u l-flussi. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 48,8 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 53,8 % sa tmiem l-2027. Iż-żidiet fl-2026 u fl-2027 jirriflettu prinċipalment defiċits primarji għoljin u aġġustamenti 'l fuq bejn il-fondi u l-flussi affettwati mit-tifdijiet tal-Eurobonds li ġejjin.

(13)

Abbażi tad-data tal-Eurostat (11), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fil-Latvja ammontat għal 3,2 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,7 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija pprojettata għal 4,1 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 1,7 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (12).

(14)

L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, il-Latvja adottat miżuri ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (13). Dawn jinkludu tnaqqis mhux immirat fit-taxxa tas-sisa fuq id-diżil u tnaqqis immirat fit-taxxa tas-sisa fuq id-diżil agrikolu, it-tnejn li huma mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' din il-miżura huwa pprojettat li jammonta għal 0,1 % tal-PDG fl-2026. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, jekk dawn il-miżuri kellhom jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2026, il-kost fiskali tagħhom jammonta għal 0,1 % tal-PDG fl-2026.

(15)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Latvja kibret b'5,0 % fl-2025 u b'10,2 % b'mod kumulattiv matul l-2024 u l-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata.

(16)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Latvja hija pprojettata li tikber b'6,7 % fl-2026, u bi 17,5 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,2 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiva pprojettata tan-nefqa netta hija taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata (14).

(17)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE (15). Dak ir-rapport evalwa s-sitwazzjoni tal-Latvja vis-à-vis tal-kriterju tad-defiċit, billi d-defiċit ippjanat tal-gvern estiż tagħha fl-2026 jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha kif xieraq, il-kriterju tad-defiċit huwa ssodisfat mil-Latvja. Fid-dawl ta' dan u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(18)

Il-finanzi pubbliċi jinsabu taħt pressjoni biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-infiq strutturali. Il-baġit annwali attwali u l-qafas baġitarju fuq terminu medju jinkludu impenji għal infiq ogħla għad-difiża ffinanzjat mid-dejn iżda ma jipprovdux finanzjament suffiċjenti għall-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali. L-infiq pubbliku baxx fuq il-kura tas-saħħa jkompli jkollu impatt negattiv fuq l-aċċessibbiltà tagħha, filwaqt li l-adegwatezza tal-pensjonijiet hija pprojettata li tibqa' baxxa ħafna fuq terminu medju sa twil. L-iżgurar ta' finanzjament xieraq għall-prijoritajiet ewlenin filwaqt li tinżamm is-sostenibbiltà fiskali jirrikjedi approċċ komprensiv li jinkludi ż-żieda ta' dħul addizzjonali mit-taxxa, it-tnaqqis tal-ekonomija sewda, u ż-żieda fl-effiċjenza tal-infiq.

(19)

Barra minn hekk, bħala Stat Membru fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, il-Latvja qed tiffaċċa pressjonijiet ta' nfiq relatati mad-difiża u r-reżiljenza kontra theddid ibridu, bħal tfixkil fl-IT fl-infrastruttura kritika u inkursjonijiet tad-droni, u sfidi speċifiċi li qed ikollhom impatt fuq id-dinamika tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mhux biss taggrava xi wħud mill-isfidi strutturali eżistenti, iżda żżid ukoll il-pressjonijiet tas-sigurtà, tfixkel l-attivitajiet ekonomiċi transfruntiera u tnaqqas l-attraenza tal-investiment. Filwaqt li l-Latvja diġà żiedet b'mod sinifikanti l-infiq fuq id-difiża, l-isfidi tas-sigurtà jeħtieġu aktar investimenti fil-protezzjoni ċivili u fil-preparatezza kif ukoll fil-mobbiltà militari. Investimenti bħal dawn jista' jkollhom il-benefiċċju doppju li jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà u jipprovdu opportunitajiet għall-ekonomiji tar-reġjuni.

(20)

Id-dħul mit-taxxa tal-Latvja kien ta' 34,9 % tal-PDG fl-2024 u baqa' taħt il-medja tal-UE ta' 39,4 %. Il-Latvja għadha tiddependi ħafna fuq it-taxxi fuq il-konsum u fuq ix-xogħol bħala s-sorsi ewlenin ta' dħul tagħha. It-taxxi fuq il-kapital (inkluża t-taxxa korporattiva fuq l-introjtu) u l-proprjetà jammontaw għal sehem iżgħar tat-taħlita tat-taxxa milli fi Stati Membri oħra tal-UE. Fl-2025 u l-2026, il-Latvja żiedet b'mod modest it-taxxi fuq il-kapital u diversi taxxi fuq il-konsum li huma inqas ta' ħsara għat-tkabbir u jaqdu għanijiet ta' politika (inklużi d-dazji tas-sisa fuq il-fjuwils, it-tabakk, l-alkoħol u s-soft drinks; it-taxxa fuq il-karozzi tal-kumpaniji; u t-taxxa fuq il-logħob tal-azzard u l-lotteriji). Madankollu, id-dħul addizzjonali minn dawn it-taxxi kien aktar milli kkumpensat mill-impatt li jnaqqas id-dħul tar-riforma tat-taxxa fuq ix-xogħol tal-2025.

(21)

Skont id-data tal-istħarriġ tal-2024, l-ekonomija sewda għadha għolja fil-livell ta' 21,4 % tal-PDG, l-aktar minħabba l-proporzjon għoli ta' salarji mhux iddikjarati (“pagi fl-idejn”). Filwaqt li l-Latvja qed timplimenta miżuri biex tidentifika aħjar in-nuqqas ta' ħlas jew l-evażjoni tat-taxxi, bħall-fatturazzjoni elettronika obbligatorja għat-tranżazzjonijiet u s-sistema ta' klassifikazzjoni tal-kontribwenti, huma meħtieġa aktar sforzi biex jissaħħu l-għodod diġitali, titħeġġeġ il-konformità volontarja u jissaħħu l-mekkaniżmi ta' infurzar.

(22)

Għall-kuntrarju tal-prattika tas-snin preċedenti, fit-tħejjija tal-Baġit tal-2026, il-biċċa l-kbira tal-iffrankar identifikat fir-rieżamijiet tal-infiq kien dirett lejn il-finanzjament tal-prijoritajiet ewlenin tal-gvern. Filwaqt li l-proċess tal-2026 immarka bidla pożittiva fl-approċċ, il-Latvja tista' tibbenefika minn istituzzjonalizzazzjoni ulterjuri ta' din il-prattika fil-baġits futuri kif ukoll mill-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-ambizzjoni tar-rieżamijiet tal-infiq. Passi ulterjuri biex jiġi implimentat ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni jistgħu jgħinu wkoll biex jissaħħu l-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku.

(23)

L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(24)

Fil-Latvja, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. Il-Latvja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u lit-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu aktar tisħiħ fl-implimentazzjoni, inklużi dawk relatati ma' infrastruttura fuq skala kbira, it-trasport, kif ukoll iż-żieda fl-appoġġ għall-SMEs f'reġjuni barra mill-kapital. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mil-Latvja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (16), jintużaw malajr u b'mod effettiv.

(25)

Il-Latvja qed tiffaċċa sfidi relatati mal-aċċess għall-finanzi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport sostenibbli, il-ġestjoni tar-riżorsi, in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, il-protezzjoni soċjali, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

(26)

Għalkemm l-attività ta' self żdiedet mill-2024 minħabba politika monetarja mħaffa, ma kien hemm l-ebda bidla strutturali sinifikanti fis-self mill-banek lill-kumpaniji. Filwaqt li l-inizjattivi tal-gvern tejbu l-kundizzjonijiet tas-self għall-unitajiet domestiċi, b'mod partikolari billi ssimplifikaw il-kundizzjonijiet ta' rifinanzjament ipotekarju, it-termini tas-self tal-kumpaniji jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess. Il-Latvja implimentat xi skemi ta' appoġġ pubbliku, primarjament permezz tal-istituzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp tal-istat ALTUM, inkluż qafas ta' garanzija pubblika, programm kbir ta' investimenti, appoġġ għall-investimenti fil-qasam tat-tranżizzjoni ekoloġika (bħall-provvista ċentralizzata tat-tisħin u l-produzzjoni tal-bijometan), kif ukoll inizjattivi fl-oqsma tal-innovazzjoni, ir-reżiljenza ekonomika, u l-prodotti militari jew b'użu doppju. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu appoġġati l-investimenti tal-kumpaniji fit-tranżizzjoni diġitali, inkluż iż-żieda fl-intensità diġitali bażika. Għad hemm rekwiżiti kollaterali stretti u rati tal-imgħax għoljin, speċjalment barra minn Riga, minkejja s-saħħa finanzjarja b'saħħitha tal-banek. Is-suq kapitali tal-Latvja għadu mhux żviluppat biżżejjed. Għad hemm sfidi fl-espansjoni tal-għażliet ta' finanzjament lil hinn mis-sorsi tradizzjonali, evidenzjati minn kapitalizzazzjoni baxxa tas-suq tal-ishma u dipendenza limitata fuq ishma u bonds elenkati għall-finanzjament. L-investiment ta' kapital ta' riskju jsegwi l-medja tal-UE, imfixkel minn finanzjament privat dgħajjef filwaqt li l-fondi tal-pensjonijiet Latvjani huma kkaratterizzati minn investiment domestiku limitat u redditi baxxi. Il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-mutwatarji u l-kompetizzjoni fis-suq tas-self korporattiv, l-isforzi kontinwi biex jissaħħu l-iskemi pubbliċi ta' self u ta' garanzija kif ukoll l-attivazzjoni tas-swieq kapitali jistgħu jtejbu l-aċċess għall-finanzjament.

(27)

Il-livelli baxxi ta' nefqa fir-R&Ż tal-Latvja, u b'mod partikolari dik privata, ikomplu jillimitaw l-innovazzjoni, kif muri mill-għadd ta' applikazzjonijiet għal privattivi għal kull biljun PDG, li għadu aktar baxx minn nofs il-medja tal-UE. Il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-akkademja għadha limitata, u dan inaqqas ir-ritmu tat-trasferiment tal-għarfien. Il-kumpaniji jirrapportaw proċeduri twal u kumplessi meta jinvolvu ruħhom mal-istituzzjonijiet tar-riċerka, filwaqt li r-riċerkaturi ma għandhomx inċentivi biex jinvolvu ruħhom fi proġetti applikati. Dawn l-isfidi wasslu għal tkabbir dgħajjef fil-produttività, b'mod partikolari barra mir-reġjun kapitali, li huwa aggravat minn intensità baxxa ta' kapital u riallokazzjoni settorjali limitata. L-attività tan-negozji ġodda għadha lura wkoll meta mqabbla mal-Estonja u l-Litwanja b'inqas reġistrazzjonijiet ġodda fis-sena. Minkejja l-ambjent regolatorju favorevoli, l-ekosistemi tal-istart-ups u tal-iscale-ups għadhom sottożviluppati, minħabba appoġġ finanzjarju frammentat u baxx. Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, appoġġ finanzjarju mfassal b'mod strateġiku, bħal dawk li jeħtieġu kofinanzjament privat jew li jagħtu mandat għall-impjieg tar-riċerkaturi, u l-progress f'riforma tal-edukazzjoni għolja biex titħeġġeġ il-kollaborazzjoni tal-industrija, jistgħu jgħinu fil-bini tal-kapaċità u jrawmu l-innovazzjoni, u b'hekk iwessgħu l-involviment tar-R&I u jtejbu l-livelli ta' produttività. Politiki fit-tul biex jgħinu lin-negozji ġodda jikbru fil-Latvja u jinċentivaw l-investiment tan-negozju fir-R&Ż, inkluż l-appoġġ għall-impjiegi tar-R&Ż fis-settur privat, isaħħu wkoll it-tkabbir tat-TFP fit-tul maż-żmien.

(28)

Fl-2025, il-Latvja ġġenerat 73 % tal-elettriku nett tagħha minn sorsi rinnovabbli – wieħed mill-ogħla ishma fl-UE – bl-enerġija idroelettrika tammonta għall-biċċa l-kbira ta' dan l-output. Filwaqt li l-kapaċità solari installata kibret f'dawn l-aħħar snin, il-kapaċità eolika żdiedet biss marġinalment. B'ambitu limitat biex tkompli tiġi estiża l-enerġija idroelettrika, iż-żieda fl-enerġija mir-riħ u mix-xemx hija kritika biex jitnaqqas l-esponiment għall-volatilità tal-prezzijiet u d-dipendenzi tal-fjuwils fossili. Filwaqt li l-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji reċenti taffew xi konġestjoni tal-grilja, il-ġestjoni tal-kju tal-grilja tista' tittejjeb, pereżempju billi nitbiegħdu mill-approċċ ta' “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” lejn wieħed li jagħti prijorità lil proġetti lesti għall-isparar u finanzjarjament vijabbli. Barra minn hekk, hija meħtieġa azzjoni biex jitnaqqsu l-ħinijiet għall-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Fl-aħħar nett, minkejja l-isforzi li għaddejjin, il-proċess tad-deżinjazzjoni taż-żoni għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli jista' jitħaffef.

(29)

Il-konsumaturi tal-elettriku tal-Latvja jibqgħu esposti għal żidiet qawwija volatili fil-prezzijiet, b'mod partikolari matul perjodi ta' output rinnovabbli baxx meta s-sistema tiddependi aktar fuq il-ġenerazzjoni u l-importazzjonijiet għaljin tal-fjuwils fossili, li jenfasizza l-importanza kontinwa tal-promozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' flessibbiltà mhux fossili, bħall-ħżin tal-enerġija u r-rispons għad-domanda. Fl-2025, ġew ikkummissjonati żewġ sistemi ta' ħżin tal-enerġija tal-batteriji appoġġati mill-finanzjament tal-UE u bdew jipprovdu servizzi ewlenin ta' flessibbiltà. Aġġornamenti regolatorji reċenti ssimplifikaw l-għoti ta' permessi għal proġetti rinnovabbli tal-ħżin kolokalizzati. Jista' jsir aktar biex il-konsumaturi u l-operaturi jkunu jistgħu jipprovdu flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku tal-Latvja, pereżempju billi jiġu promossi aggregaturi indipendenti tad-domanda fuq skala żgħira, bidla għal kuntratti tal-elettriku bi prezz dinamiku, u billi jiġu ttestjati proġetti pilota ta' flessibbiltà ma' atturi akbar.

(30)

Għalkemm il-konsum finali tal-enerġija attribwibbli għas-settur tal-bini ilu jonqos f'dawn l-aħħar snin, dan is-settur għadu konsumatur ewlieni tal-enerġija fil-pajjiż u hija meħtieġa aktar azzjoni biex jintlaħqu l-miri tar-rinnovazzjoni u tal-effiċjenza enerġetika tal-2030. Fl-2025, ġew implimentati inizjattivi regolatorji u leġiżlattivi biex jiġu aċċellerati r-rati ta' rinnovazzjoni, inklużi reviżjonijiet għar-regoli tal-votazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'bini b'aktar minn appartament wieħed. Dan huwa partikolarment rilevanti minħabba l-istokk kbir ta' bini b'aktar minn appartament wieħed mibni qabel l-1990. L-iskemi ta' appoġġ għall-effiċjenza enerġetika għadhom jiddependu fuq il-finanzjament pubbliku, primarjament mill-UE. Il-Latvja tista' tibbenefika milli tattira finanzjament privat addizzjonali, pereżempju billi toffri aktar strumenti finanzjarji u għażliet ta' tneħħija tar-riskji, filwaqt li timmira l-appoġġ ibbażat fuq l-għotjiet lejn unitajiet domestiċi aktar vulnerabbli. Huma meħtieġa sforzi partikolari biex jiġu promossi l-elettrifikazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għat-tisħin u t-tkessiħ, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-konsum finali tal-enerġija residenzjali.

(31)

Filwaqt li l-Latvja ħadet passi biex tiddekarbonizza s-settur tat-trasport tagħha, hija tibqa' waħda mill-akbar sorsi ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) fil-pajjiż. It-trasport bit-triq jiddependi 92 % fuq il-fjuwils fossili u huwa responsabbli għal 83 % tal-emissjonijiet tat-trasport. Il-Liġi dwar l-Enerġija tat-Trasport, adottata lejn l-aħħar tal-2025 u effettiva mill-1 ta' Jannar 2026, tipprovdi l-qafas biex jintlaħqu l-miri tar-REDIII fis-settur tat-trasport. L-adozzjoni ta' vetturi elettriċi privati żdiedet bi ftit minn 0,8 % fl-2024 għal 1,05 % fl-2025, filwaqt li l-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi ħfief irduppjat fl-2025, għalkemm bdiet minn bażi baxxa u baqgħet limitata għall-vetturi tqal. Għalhekk, il-Latvja tista' tibbenefika mill-promozzjoni ulterjuri tal-użu ta' vetturi b'emissjonijiet baxxi u żero, inkluż għall-flotta kummerċjali tagħha, u mill-espansjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar tagħha, b'mod partikolari għall-vetturi tqal. Fir-rigward tat-trasport ferrovjarju, filwaqt li 90 % tal-ferroviji tal-passiġġieri huma elettrifikati, is-servizzi tal-merkanzija għadhom jiddependu fuq id-diżil, bl-elettrifikazzjoni ferrovjarja ġenerali tal-Latvja ta' 14 % biss meta mqabbla mal-kopertura medja tal-UE ta' 57 %. It-tlestija ta' Rail Baltica hija mistennija li tintegra b'mod strateġiku lil-Latvja fin-network ferrovjarju tal-UE, ittejjeb b'mod sinifikanti l-kopertura ferrovjarja, filwaqt li tiffaċilita l-bidla mit-triq għall-ferrovija u għalhekk tappoġġa t-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport.

(32)

Il-Latvja qed tiffaċċa sfidi fit-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija ċirkolari, u l-produttività tar-riżorsi tagħha bħalissa hija madwar nofs il-medja tal-UE. Il-Latvja naqqset b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra fis-settur tal-manifattura iżda l-intensità enerġetika tal-industrija tal-manifattura Latvjana għadha fost l-ogħla fl-UE. Għalkemm il-Latvja tejbet is-sistema tagħha tal-immaniġġjar tal-iskart, introduċiet il-ġbir separat tal-prodotti tat-tessuti fl-2025 u nediet sistema ta' depożitu tas-sigaretti elettroniċi fl-2026, u għandha rata tajba ta' riċiklaġġ għal flussi speċifiċi ta' skart (imballaġġ tal-plastik, skart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni), ir-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari tagħha fl-2024 kienet biss nofs il-medja tal-UE (6,8 % meta mqabbla ma' 12,2 % għall-UE) u għalhekk tista' tibbenefika minn titjib ulterjuri. Kważi nofs l-iskart muniċipali tal-Latvja għadu jintbagħat fil-miżbliet. Il-Latvja mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-assorbiment tal-karbonju. Fl-2020-2023, iż-żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-settur tal-LULUCF hija riżultat kumulattiv ta' rati ogħla ta' ħsad u rata ogħla ta' mortalità f'foresti maturi.

(33)

Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fl-oqsma tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Latvja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni.

(34)

In-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, inkluż fis-setturi STEM, it-tagħlim, ir-riċerka u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll fis-setturi soċjali u tal-kura tas-saħħa, ikompli jfixkel il-kompetittività. In-nuqqas ta' ħaddiema f'setturi bħall-produzzjoni u l-manifattura tal-enerġija għadu għoli u huwa mistenni li jintensifika fid-deċennji li ġejjin. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jista' jgħin biex jattira u jżomm ħaddiema tas-sengħa, inkluż f'setturi bħat-tagħlim, il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali. Barra minn hekk, l-għadd baxx ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics) u n-nuqqas ta' ħaddiema fir-riċerka jimminaw il-kapaċità tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-Latvja. Il-Latvja għandha prestazzjoni baxxa fil-ħiliet diġitali, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali bażiċi, fejn tikklassifika bħala r-raba' l-agħar fl-UE, u dan għandu impatt ukoll fuq id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs. Minkejja l-isforzi reċenti, is-sistema tat-tagħlim għall-adulti tal-Latvja għadha frammentata u mhux adattata bis-sħiħ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Latvja tista' tibbenefika mit-tisħiħ tal-ippjanar fit-tul tagħha fl-edukazzjoni għall-adulti billi tadotta strateġija nazzjonali fl-iżvilupp tal-kapital uman. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMPs, Active labour market policies) u fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET, vocational education training) jistgħu jkunu marbuta aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u mat-trade unions.

(35)

Il-Latvja għadha qed tiffaċċa livelli għoljin ta' inugwaljanza, bil-proporzjon tad-distribuzzjoni kwintili tal-introjtu jiżdied minn 6,28 fl-2024 għal 6,68 fl-2025, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta' 4,62. Barra minn hekk, filwaqt li r-rata ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali naqset fl-2024 għal 24,3 %, din għadha ogħla mill-medja tal-UE ta' 21 %. Ir-rata tar-riskju tal-faqar hija partikolarment għolja għall-gruppi vulnerabbli, bħall-anzjani, il-persuni b'diżabilità u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed. Dan jirrifletti l-kopertura relattivament baxxa u l-adegwatezza baxxa tal-protezzjoni soċjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji mhux kontributorji. L-impatt tat-trasferimenti soċjali minbarra l-pensjonijiet, li diġà kien wieħed mill-aktar baxxi fl-UE, naqas għat-tieni sena konsekuttiva. Għall-persuni b'diżabilità, il-kopertura tal-allowances għall-kura speċjali hija baxxa u l-allowances eżistenti ma żdidux biex ilaħħqu mal-inflazzjoni. Minkejja xi miżuri reċenti, l-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija għadha fost l-aktar baxxi fl-UE, bil-proporzjon aggregat ta' sostituzzjoni mistenni li jkompli jiddeterjora fis-snin li ġejjin mingħajr rispons ta' politika. Is-servizzi soċjali u l-kura fit-tul, b'mod partikolari l-kura fid-djar, għadhom sottożviluppati. Barra minn hekk, għad hemm differenzi territorjali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Ir-reġjuni li jmissu mar-Russja u l-Belarussja, speċjalment Latgale, u ż-żoni rurali huma partikolarment affettwati mid-depopolazzjoni, livell edukattiv milħuq aktar baxx, aċċess limitat għall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, li jaggrava l-esklużjoni soċjali u r-riskji tal-faqar. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tal-pajjiż tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (17).

(36)

Ir-riżultati tas-saħħa fil-Latvja ftit li xejn juru titjib, bil-pajjiż jirreġistra waħda mill-aktar rati baxxi ta' stennija tal-għomor fl-UE, u rati għoljin ta' mortalità li tista' tiġi evitata. Minkejja xi finanzjament addizzjonali, l-infiq pubbliku baxx fuq il-kura tas-saħħa għandu impatt fuq ir-reżiljenza tas-sistema u jkompli jfixkel l-aċċess għal kura ta' kwalità, kif muri minn ħinijiet twal ta' stennija u pagamenti għoljin mill-but (OOP) minħabba pakkett ta' benefiċċji statutorji limitat. Filwaqt li l-gvern ħa xi miżuri biex jindirizza l-infiq għoli fuq l-OOP, inkluża espansjoni tal-lista ta' mediċini rimborżabbli u żieda fir-rata ta' rimborż, il-pagamenti għoljin tal-OOP ikomplu jpoġġu piż finanzjarju sproporzjonat fuq l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx, u b'hekk jaggravaw l-inugwaljanzi fl-eżiti tas-saħħa u jirriżultaw f'livelli għoljin ta' ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati fil-popolazzjoni kollha. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet mediċi jiffaċċjaw nuqqas serju ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa, fejn ir-reklutaġġ u ż-żamma huma skoraġġuti minn kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena. L-indirizzar ta' ammonti kbar ta' xogħol, iż-żieda strutturali fir-remunerazzjoni fis-settur tal-kura tas-saħħa pubblika, u t-titjib tal-eżiti tal-karriera jistgħu jgħinu biex jattiraw persunal lejn is-settur. Il-fatturi ta' riskju tal-imġiba - bħall-konsum eċċessiv tal-alkoħol, it-tipjip, u l-attività fiżika baxxa - jibqgħu xprunaturi ewlenin ta' eżiti ħżiena tas-saħħa. Dan jista' jittaffa billi jissaħħu l-politiki preventivi tas-saħħa, inklużi l-kampanji ta' skrinjar u tas-saħħa pubblika.

(37)

L-istokk tad-djar tal-Latvja għadu skadut u inadegwat, b'mod partikolari f'termini ta' effiċjenza enerġetika, minħabba snin ta' nuqqas ta' investiment u stokk għoli ta' bini b'aktar minn appartament wieħed mibni qabel l-1990. Dan ipoġġi pressjoni finanzjarja fuq l-unitajiet domestiċi, speċjalment fid-dawl tal-kostijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu. Disparitajiet reġjonali u soċjoekonomiċi b'saħħithom jillimitaw l-iżvilupp u r-rinnovazzjonijiet tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari barra minn Riga. Barra minn hekk, is-suq tal-kiri u s-suq tal-akkomodazzjoni soċjali għadhom sottożviluppati. L-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali huwa primarjament ipprovdut abbażi tal-livell tal-introjtu u mhuwiex adattat sew għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità. L-approċċ “l-akkomodazzjoni l-ewwel” mhuwiex żviluppat biżżejjed u huwa limitat għar-reġjun kapitali ta' Riga. B'mod ġenerali, il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar għadha sfida soċjali persistenti u mhijiex qed tiġi indirizzata biżżejjed mill-politiki nazzjonali. In-nuqqas ta' akkomodazzjoni ta' kwalità u affordabbli jimmina l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-benesseri soċjali. Il-Latvja implimentat xi skemi biex tappoġġa l-kostruzzjoni ta' akkomodazzjoni affordabbli fir-reġjuni, primarjament permezz tal-istituzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp tal-istat ALTUM, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi estiż l-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali u jittejbu l-kwalità u l-adegwatezza tal-akkomodazzjoni inkluż permezz ta' rinnovazzjonijiet u titjib fl-enerġija, b'mod partikolari barra mir-reġjun kapitali.

(38)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Latvja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba', id-disa' u l-għaxar rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:

1.

Tkompli taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ il-prontezza tad-difiża filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll tadatta gradwalment il-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tagħmel il-finanzi pubbliċi adatti biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet ta' nefqa strutturali inkluż għad-difiża u r-reżiljenza kontra t-theddid ibridu, il-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali, pereżempju billi twessa' t-tassazzjoni għal sorsi inqas detrimentali għat-tkabbir, tippromwovi miżuri biex l-attivitajiet informali jew mhux iddikjarati jiġu trasferiti fl-ekonomija formali, u tinkorpora l-prattika li n-nefqa tiġi diretta mill-ġdid lejn oqsma prijoritarji bbażati fuq rieżamijiet tal-infiq pubbliku, filwaqt li tespandi l-kamp ta' applikazzjoni u l-ambizzjoni tagħhom.

2.

Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni. Tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi, tas-sigurtà u tal-preparatezza ċivili uniċi li jaffettwaw b'mod partikolari lir-reġjuni fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, inkluż il-ħtieġa li jsir investiment f'infrastruttura b'użu doppju.

3.

Ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, anke barra mir-reġjun kapitali, inkluż billi tistimula l-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju u billi tiżviluppa s-suq kapitali. Tiffaċilita d-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Tħeġġeġ l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-akkademja, tnaqqas il-piż amministrattiv fis-sħubijiet pubbliċi-privati, u tappoġġa l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka u żżid l-innovazzjoni.

4.

Tkompli l-użu tal-enerġija rinnovabbli, inkluż billi ttejjeb l-għoti ta' permessi, tiddeżinja żoni ta' aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u tippromwovi soluzzjonijiet ta' flessibbiltà mhux fossili. Iżżid l-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini. Taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, inkluż billi taċċellera t-tlestija ta' Rail Baltica. Iżżid l-effiċjenza fir-riżorsi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz tal-ekoinnovazzjoni u tal-prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi.

5.

Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, inkluż permezz ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid immirati tal-adulti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba. Issaħħaħ il-protezzjoni soċjali biex tnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza, inkluż billi ttejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija u l-aċċess għal servizzi soċjali ta' kwalità. Issaħħaħ l-adegwatezza u l-aċċessibbiltà tas-sistema tas-saħħa biex ittejjeb l-eżiti tas-saħħa, inkluż billi tipprovdi riżorsi umani u finanzjarji adegwati, twessa' l-pakkett tal-benefiċċji statutorji, tnaqqas il-pagamenti mill-but, u ssaħħaħ il-miżuri preventivi tas-saħħa. Iżżid id-disponibbiltà u l-kwalità ta' akkomodazzjoni affordabbli u soċjali, b'mod partikolari barra mir-reġjun kapitali.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)   ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Latvja (ĠU C, C/2025/652, 10.02.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/652/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lil-Latvja tiddevja mir-rata massima ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbilita mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3970, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3970/oj).

(7)  Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(8)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2026.

(9)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(10)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2026.

(11)  Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).

(12)  Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.

(13)  Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).

(14)  Peress li l-Latvja tibbenefika minn flessibbiltà skont il-Klawżola Liberatorja Nazzjonali, il-valutazzjoni tal-konformità tiffoka fuq dan it-tqabbil tal-aħħar.

(15)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 3.6.2026, COM(2026) 302 final.

(16)  Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.

(17)  SWD (2026) 122 – Analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi dwar il-konverġenza soċjali f'konformità mal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (SCF), 2026.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3927/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)